IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.6.2017
COM(2017) 298 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Eżenzjonijiet għal banek ċentrali ta' pajjiżi terzi u entitajiet oħra taħt ir-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR)
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (minn issa ‘l quddiem il-MiFIR) u d-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID 2) ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta’ Ġunju 2014, daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Lulju 2014 u se jkunu applikabbli mit-3 ta’ Jannar 2018.
MiFID 2/MiFIR jintroduċu struttura tas-suq li għandha l-għan li tiżgura li n-negozjar, fejn xieraq, iseħħ f’pjattaformi regolati u li n-negozju jsir trasparenti biex jiġu żgurati sistemi effiċjenti u ġusti tal-formazzjoni tal-prezzijiet.
F’dan il-kuntest, il-MiFIR jagħti eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u wara n-negozjar fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji mhux ta’ ekwità li huma ta’ benefiċċju għal swieq regolati, operaturi tas-suq u ditti tal-investiment fir-rigward ta’ tranżazzjoni fejn il-kontroparti tkun membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u fejn dik it-tranżazzjoni tkun imdaħħla fit-twettiq ta’ politika monetarja, tal-kambju u ta’ stabilità finanzjarja li dak il-membru tas-SEBĊ għandu s-setgħa legali li jsegwi u fejn dak il-membru jkun ta notifika minn qabel lill-kontroparti tiegħu li t-tranżazzjoni hija eżentata. Barra minn hekk, il-MiFIR jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex testendi l-ambitu ta’ din l-eżenzjoni għal banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa.
Għal dan l-għan il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat studju estern miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) u l-Università ta’ Bolonja dwar “Eżenzjonijiet għal banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi u entitajiet oħra skont ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR) u s-suq fir-Regolament dwar l-Istrument Finanzjarju (MiFIR)” (“l-istudju”). L-istudju hu bbażat fuq stħarriġ u riċerka u fih analiżi tar-regoli tat-trasparenza ta’ qabel u ta’ wara n-negozjar li huma applikabbli meta banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi jinnegozjaw titoli, kif ukoll sa fejn dawn il-banek ċentrali jinnegozjaw titoli fi ħdan l-Unjoni.
2.IL-BAŻI LEGALI TAR-RAPPORT: L-ARTIKOLU 1(9) TAL-MiFIR
L-Artikolu 1(6) tal-MiFIR fih eżenzjoni mir-regoli ta’ trasparenza ta’ qabel u wara n-negozjar fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fejn il-kontroparti tkun membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u fejn dik it-tranżazzjoni tkun imdaħħla fit-twettiq ta’ politika monetarja, tal-kambju u ta’ stabilità finanzjarja li dak il-membru tas-SEBĊ għandu s-setgħa legali li jsegwi u fejn dak il-membru jkun ta notifika minn qabel lill-kontroparti tiegħu li t-tranżazzjoni hija eżentata.
Barra minn hekk, l-Artikolu 1(9) tal-MiFIR jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex: “[...] jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 6 għal banek ċentrali oħrajn.
Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Ġunju 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn jiġi vvalutat it-trattament tat-tranżazzjonijiet minn banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi, li għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu jinkludu l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali. Ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-kompiti statutorji tagħhom u l-volumi ta’ kummerċ tagħhom fl-Unjoni. Dak ir-rapport għandu:
(a) jidentifika dispożizzjonijiet applikabbli fil-pajjiżi terzi rilevanti rigward id-divulgazzjoni regolatorja ta’ tranżazzjonijiet ta’ bank ċentrali, inklużi tranżazzjonijiet magħmula minn membri tas-SEBĊ f’dawk il-pajjiżi terzi, u
(b) jevalwa l-impatt potenzjali li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni regolatorja fl-Unjoni jista’ jkollhom fuq it-tranżazzjonijiet ta’ bank ċentrali ta’ pajjiż terz.
Jekk ir-rapport jikkonkludi li l-eżenzjoni pprovduta fil-paragrafu 6 mhijiex neċessarja fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fejn il-kontroparti tkun bank ċentrali ta’ pajjiż terz li jkun qed iwettaq politika monetarja, skambju u operazzjonijiet ta’ stabilità finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tipprovdi li dik l-eżenzjoni tapplika għal dak il-bank ċentrali ta’ pajjiż terz.
3.ĠURISDIZZJONIJIET IKKUNSIDRATI
Ir-rapport ikopri l-pajjiżi li ġejjin: l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, Ħong Kong, l-Indja, il-Ġappun, il-Messiku, Singapor, ir-Repubblika tal-Korea, l-Isvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti - u l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (minn issa ‘l quddiem il-BIS), li skont l-Artikolu 1(9) tal-MiFIR għandu jitqies bħala bank ċentrali ta’ pajjiż terz għall-fini ta’ dak il-paragrafu. Din il-lista hija mingħajr preġudizzju għal emendi possibbli u t-tħassir ta’ pajjiżi rilevanti li għandu jiġi evalwat fil-futur.
Il-kriterji rilevanti sabiex jiġu evalwati l-ġurisdizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi ekonomiċi, id-daqs u l-grad ta’ interkonnessjoni bejn is-settur finanzjarju tal-pajjiżi ma’ dak tal-Unjoni kif ukoll is-saħħa tal-ambjent legali prevalenti f’ġuridizzjoni ta’ pajjiż terz.
Rigward b’mod partikolari d-daqs u l-grad tal-interkonnessjoni, il-Kummissjoni użat il-lista ppubblikata mill-FMI li fiha l-ġurisdizzjonijiet li jservu bħala domiċilju għall-aktar istituzzjonijiet finanzjarji sistematikament importanti li għalihom il-Programm ta’ Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju (FSAP) tal-Fond Monetarju Internazzjonali huwa obbligatorju. Il-metodoloġija tal-FMI tgħaqqad id-daqs u l-interkonnettività tas-settur finanzjarju ta' kull pajjiż u għaldaqstant tqis id-dimensjoni tas-swieq finanzjarji. Skont il-FMI, dan il-grupp ta’ pajjiżi jkopri kważi 90 % tas-sistema finanzjarja globali u 80 % tal-attività ekonomika globali u jinkludi l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-G20 u tal-membri tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB). Istituzzjonijiet domiċiljati fi Stati Membri tal-UE mhumiex koperti mill-istudju. Barra minn hekk, żewġ kriterji addizzjonali huma rilevanti għall-għażla fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti: sabiex ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-valutazzjoni biex tingħata eżenzjoni fl-Artikolu 1(9), ġurisdizzjoni m’għandhiex tkun inkluża fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force — FATF) u l-ġurisdizzjonijiet għandhom ikunu firmatarji tal-Memorandum Multilaterali ta’ Fehim tal-IOSCO (MMoU).
4.L-ANALIŻI TA’ ĠURISDIZZJONIJIET INDIVIDWALI
Il-mandat previst mill-artikolu 1(9) tal-analiżi tal-MiFIR tal-ġiriżdizzjonijiet identifiakti huwa bażat fuq żewġ kriterji ewlenin li kienu kruċjali għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni:
a.Regoli dwar id-divulgazzjoni regolatorja ta’ tranżazzjonijiet ta’ bank ċentrali: ir-reġim ta’ trasparenza tas-suq applikabbli għal tranżazzjonijiet tal-bank ċentrali (“trasparenza tas-suq”) u/jew it-trasparenza tal-qafas operazzjonali tal-bank ċentrali (“it-trasparenza operazzjonali”); kif ukoll
b.Il-ħtieġa ta’ eżenzjoni: il-volum ta’ tranżazzjonijiet li l-bank ċentrali eżegwixxa ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Għall-finijiet tal-valutazzjoni, l-issodisfar ta’ dawn iż-żewġ kriterji kien ikkunsidrat obbligatorju peress li dawn jiġbru l-fatturi stipulati fl-Artikolu 1(9) tal-MiFIR. F’dan ir-rigward, it-“trasparenza tas-suq” għandha x’taqsam ma’ trasparenza speċifika għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw titoli individwali, waqt li it-“trasparenza operattiva” tirreferi għal regoli ta’ trasparenza aktar wiesgħa li jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ bank ċentrali. Għalhekk, meta jitqiesu l-objettivi u l-ambitu tal-MiFIR, analiżi tar-rekwiżiti regolatorji li jirrigwardaw it-trasparenza tas-suq għal tranżazzjonijiet u t-trasparenza li ġejja minn qafas operattiv kienet meqjusa neċessarja sabiex tivvaluta l-adegwatezza li tingħata eżenzjoni lilbanek ċentrali ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 1(9)(a) tal-MIFIR. Barra minn hekk, il-volum tat-tranżazzjonijiet bejn il-pajjiż terz tal-bank ċentrali rilevanti u l-UE huwa ta’ importanza peress li huwa indikatur tal-impatt potenzjali li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni regolatorja fl-Unjoni jista’ jkollhom fuq it-tranżazzjonijiet ta’ bank ċentrali ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 1(9)(b) tal-MIFIR.
Barra minn hekk, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-objettivi taħt l-MiFIR, il-kriterji li ġejjin ġew ikkunsidrati:
(i) l-eżistenza ta’ proċedura ta’ notifika li biha bank ċentrali ta’ pajjiż terz jinnotifika l-kontroparti tal-UE tagħha li tranżazzjoni hija eżentata;
(ii) l-abbiltà ta’ bank ċentrali ta’ pajjiż terz li jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal finijiet ta’ politika ewlenin identifikati permezz tal-MiFIR u tranżazzjonijiet eżegwiti biss għal skopijiet ta’ investiment “puri”; kif ukoll
(iii) l-eżistenza ta’ eżenzjoni simili disponibbli għal banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi fil-ġurisdizzjoni taħt reviżjoni.
Il-kriterji addizzjonali ta’ hawn fuq kienu vvalutati b’kont meħud tar-rekwiżiti u l-għanijiet tal-MiFIR. B’mod partikolari taħt il-MiFIR, l-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 1(6) tal-MIFIR ma jistgħux jingħataw lil banek ċentrali meta jeżegwixxu l-operazzjonijiet tagħhom għal skopijiet purament ta’ investiment. Għalhekk, l-istudju analizza jekk il-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi jiddistingwux bejn tranżazzjonijiet imwettqa għal skopijiet regolatorji u ta’ investiment. Barra minn hekk, l-istudju analizza jekk il-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi għandhomx proċedura ta’ notifika għal tranżazzjonijiet eżenti jew, għall-inqas, jekk jikkunsidrawx li jintroduċu proċedura bħal din f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kummerċ ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, ħaġa li żżid il-livell ta’ trasparenza u għalhekk hija prevista mill-MIFIR. Fl-aħħar nett, id-disponibbiltà ta’ eżenzjoni statutorja għal banek ċentrali li jinnegozjaw f’ċentri tan-negozjar ta’ pajjiżi terzi jistgħu jaffettwaw l-analiżi tal-kosteffettività dwar l-adegwatezza ta’ eżenzjoni.
Wara li vvalutat dawn il-kriterji, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li huwa essenzjali li banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiddistingwu bejn tranżazzjonijiet imwettqa għal skopijiet regolatorji u ta’ investiment, għax inkella l-ebda eżenzjoni taħt l-Artikolu 1(9) ma tkunx suffiċjentement inkwadrata. B’kuntrast ma’ dan, u wara kunsiderazzjoni ulterjuri, in-nuqqas ta’ proċeduri ta’ notifika fiż-żmien li tfassal dan ir-rapport għal tranżazzjonijiet eżenti ma hux meqjus bħala materjali biżżejjed sabiex jikkunsidra li l-eżenzjoni skont l-Artikolu 1(9) m’għandhiex tkun disponibbli għaliex ġurisdizzjonijiet li bħalissa ma għandhomx tali proċeduri fis-seħħ indikaw li huma lesti biex jimplimentawha ġaladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ eċċezzjonijiet statutorji fil-ġurisdizzjoni vvalutata għal tranżazzjonijiet ta’ banek ċentrali li jinnegozjaw f’postijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi ma tiġix ikkunsidrat bħala indispensabbli biex jikkwalifikaw għal eżenzjoni, peress li mhux espliċitament meħtieġa skont l-Artikolu 1(9) tal-MiFIR.
Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni hija pprovduta fl-Anness 1. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-oqfsa ta’ trasparenza operazzjonali u/jew ta-suq tagħhom, il-ġurisdizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom oqfsa legali li jippermettu għal livell suffiċjenti ta’ trasparenza. Barra minn hekk, l-attività ta’ negozjar fl-UE li tirriżulta minn dawn il-ġurisdizzjonijiet hija sostanzjali biżżejjed biex tiġġustifika estensjoni għal dawn il-ġurisdizzjonijiet ta’ eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u wara n-negozjar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien xieraq li tingħata eżenzjoni lill-BIS li l-abbiltà tagħha li twettaq funzjonijiet ta’ interess pubbliku importanti u biex tgħin lill-komunità internazzjonali ta’ banek ċentrali ma għandhiex tkun preġudikata. Għall-kuntrarju ta’ banek ċentrali, il-BIS hija msemmija espliċitament bħala entità li tista’ tiġi inkluża jekk meħtieġ. B’differenza ta’ valutazzjoni fir-rigward ta’ banek ċentrali, din il-konklużjoni ntlaħqet fuq il-bażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva.
Dan ta’ hawn taħt huwa sommarju qasir tal-analiżi tal-pajjiżi magħżula fid-dawl tal-kriterji msemmija hawn fuq. Għal deskrizzjoni dettaljata u analiżi fil-fond jekk jogħġbok erġa' rreferi għall-istudju li sar mis-CEPS.
Il-Bank ta’ Riżerva tal-Awstralja (RBA)
Kriterji ewlenin
Strumenti mhux ta’ ekwità huma esklużi mill-ambitu tar-regoli li jipprovdu għal trasparenza fil-kummerċ. F’termini ta’ trasparenza operattiva, l-RBA jipprovdi informazzjoni dwar entrati fil-karta tal-bilanċ tiegħu, iħabbar kuljum operazzjonijiet tas-suq miftuħ u jipprovdi xi informazzjoni aggregata dwar it-transazzjonijiet tiegħu wara li dawn it-transazzjonijiet iseħħu, permezz ta’ servizzi tal-aħbarijiet elettroniċi.
L-RBA għandu volum għoli ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Hemm eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza għal banek ċentrali barranin.
L-RBA huwa meqjus li kapaċi jiddistingwi bejn transazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet oħra (bħal skopijiet ta’ “investiment”).
Fl-aħħar nett, minkejja li l-istituzzjoni ma għandha l-ebda proċedura biex tinnotifika lill-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, hija ddikjarat li hija lesta biex timplimenta din il-proċedura ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank Ċentrali tal-Brażil (BCB)
Kriterji ewlenin
Regoli mandatorji li jirregolaw it-trasparenza fin-negozjar tal-istrumenti finanzjarji jkopru ċerti strumenti mhux ta’ ekwità, inkluż obbligazzjonijiet (debentures), karti kummerċjali u derivattivi. Bonds tal-gvern u strumenti negozjabbli ggarantiti minn istituzzjoni finanzjarja huma l-eżenzjoni ewlenija minn regoli ta’ trasparenza tas-suq. Dwar it-trasparenza operazzjonali, il-bank ċentrali nazzjonali jħabbar id-dettalji ta’ operazzjonijiet tas-suq miftuħ fuq Sisbacen u fuq is-sit web tiegħu fejn jipprovdi wkoll informazzjoni dwar ir-riżultati tal-irkantijiet, inklużi dawk relatati ma’ skambji ta’ flus barranin.
Il-BCB għandu volumi għolja ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Ma hemm ebda eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza għal banek ċentrali barranin.
Il-BCB jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet oħra (speċjalment skopijiet ta’ “investiment”), li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, l-istituzzjoni għandha proċedura stabbilita li tinnotifika l-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni meta tinnegozja ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE.
Il-Bank tal-Kanada (BoC)
Kriterji ewlenin
Sa fejn hija kkonċernata t-trasparenza tas-suq, ir-regoli obbligatorji ta’ kummerċ fi strumenti finanzjarji jkopru ċerti strumenti mhux ta’ ekwità, bħal bonds, karti kummerċjali u derivattivi. Madankollu bonds tal-gvern, kif ukoll titoli barrani, huma espressament eżentati. Il-miżuri ta’ trasparenza operazzjonali jinkludu li l-BoC jippubblika minn qabel l-informazzjoni qabel it-tranżazzjonijiet tat-Terminu Repo għal Skopijiet ta’ Ġestjoni tal-Karta tal-Bilanċ. Ir-riżultati aggregati ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jiġu ppubblikati wkoll fis-sit web tal-bank ċentrali nazzjonali.
Il-BoC għandu volumi għolja ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza hija disponibbli għal banek ċentrali barranin.
Il-BoC jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet oħra (speċjalment skopijiet ta’ “investiment”).
Fl-aħħar nett, minkejja li l-istituzzjoni bħalissa ma għandha l-ebda proċedura fis-seħħ biex tinnotifika lill-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, hija lesta biex timplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank Popolari taċ-Ċina (PBoC)
Kriterji ewlenin
Il-PBoC m’għandu l-ebda rekwiżiti ta’ trasparenza għall-istrumenti mhux tal-ekwità, u l-parteċipanti fis-suq mhumiex mistennija li jikxfu u jirrapportaw id-dettalji tat-tranżazzjoni. It-trasparenza operazzjonali tinkiseb permezz ta’ avviżi pubbliċi ta’ operazzjonijiet tas-suq miftuħ (OMO) u r-riżultati ta’ operazzjonijiet ta’ likwidità fuq perjodu qasir (SLO).
Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna dejta dwar l-attività kummerċjali tal-PBoC fuq is-swieq finanzjarji tal-UE u ma’ kontrapartijiet tal-UE. Bħala konsegwenza il-loġika ekonomika sottostanti għall-għoti ta’ eżenzjoni ma setgħetx tiġi evalwata f’dan il-waqt.
Kriterji addizzjonali
Peress li l-istituzzjoni tissodisfa biss waħda mit-tliet kriterji ewlenin, is-CEPS poġġa attenzjoni addizzjonali mat-tliet kriterji addizzjonali:
- banek ċentrali barranin ma jibbenefikawx minn eżenzjoni ġenerali mir-rekwiżiti ta’ trasparenza,
- il-kapaċità tal-istituzzjoni li tiddistinwgi bejn tranżazzjoni eżegwita għal skopijiet ta’ investiment u tranżazzjonijiet eżegwiti għal skopijiet ta’ politika ma ġietx ippruvata,
- l-ebda proċeduri ta’ notifika biex jinformaw lill-kontropartijiet tal-UE li t-tranżazzjonijiet mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza ma ġew notifikati.
Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet eżegwiti ma’ kontrapartijiet tal-UE jew strumenti finanzjarji elenkati fl-UE, is-CEPS ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar l-adegwatezza u n-neċessità ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 1(9) tal-MiFIR għall-PBoC f’dan il-ħin.
L-Awtorità Monetarja ta’ Ħong Kong (HKMA)
Kriterji ewlenin
Fir-rigward tat-trasparenza tas-suq, Ħong Kong ma għandu l-ebda rekwiżiti ta’ trasparenza għal negozjar fi strumenti mhux ta' ekwità. F’termini ta’ trasparenza operazzjonali l-bank ċentrali nazzjonali jiżvela elementi ġenerali tal-karta tal-bilanċ, u l-bidliet f’riżervi barranin, aktar milli fuq informazzjoni tranżazzjonali. Madankollu, dan jipprovdi informazzjoni speċifika dettaljata dwar il-ħruġ ta’ Kontijiet u Noti tal-Fond ta’ Skambju.
L-RBA għandu volum għoli ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli għal banek ċentrali barranin.
L-HKMA jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, l-HKMA għandu proċedura stabbilita li tinnotifika l-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni meta jinnegozja ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE.
Il-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (RBI)
Kriterji ewlenin
Fir-rigward tat-trasparenza tas-suq, tranżazzjonijiet OTC fi strumenti mhux ta’ ekwità (ġeneralment magħmula fuq it-telefown) huma rrapportati fil-modulu tas-suq sekondarju tan-Negotiated Dealing System. Informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ titoli nnegozjati hija disponibbli fuq il-websajts tal-RBI u l-Clearing Corporation of India Ltd. (CCIL). F’termini ta’ trasparenza operazzjonali l-RBI jippubblika kalendarju ta’ bejgħ bl-irkant, u, għal Operazzjonijiet tas-Suq Miftuħ (OMOs) u l-likwidità tal-istrumenti, huwa jiddivulga dawn id-dettalji ta’ operazzjonijiet minn qabel, kif ukoll jaggrega r-riżultati tal-operazzjoni ex post. Barra minn hekk jiżvela informazzjoni statistika dwar OMOs fuq bażi ta’ kull ġimgħa, u dwar il-politika FX fil-bullettin ta’ kull xahar (informazzjoni tranżazzjonali dwar tranżazzjonijiet FX ma tiġix żvelata).
Il-volum ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE huwa baxx.
Kriterji addizzjonali
L-RBI ma jirrappurtax tranżazzjonijiet FX minn banek ċentrali barranin, u ġeneralment ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ rapportar ta’ tranżazzjonijiet ma’ banek ċentrali barranin. L-RBI jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li l-istituzzjoni ma għandha l-ebda proċedura fis-seħħ biex tinnotifika lill-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, hija lesta biex timplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank tal-Ġappun (BoJ)
Kriterji ewlenin
Regoli obbligatorji dwar it-trasparenza tas-suq jinkludu xi rekwiżiti ta’ rapportar għal derivattivi OTC, iżda l-operaturi tas-suq huma biss obbligati li jirrappurtaw lill-Ministeru u r-repożitorji tal-kummerċ, u mhux lill-pubbliku. Organizzazzjonijiet awtoregolatorji, madankollu, ħarġu rekwiżiti speċifiċi biex jiġu ppubblikati prezzijiet ta’ referenza dwar strumenti finanzjarji mhux ta’ ekwità. F’termini ta’ trasparenza operazzjonali l-BoJ ma jippubblikax l-informazzjoni bil-quddiem, iżda huwa jippubblika r-riżultati tal-irkant aggregati wara li sseħħ kull tranżazzjoni.
Il-volum ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE huwa baxx.
Kriterji addizzjonali
Banek ċentrali barranin jistgħu jinvokaw eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ trasparenza, skont klawżola ġenerali ta’ kunfidenzjalità, li tapplika għal każijiet fejn l-iżvelar jista’ jikkawża ħsara għal relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi.
Il-BoJ jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li l-istituzzjoni ma għandha l-ebda proċedura fis-seħħ biex tinnotifika lill-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, hija lesta biex timplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank tal-Messiku (Banxico)
Kriterji ewlenin
Banxico ma għandu l-ebda regoli obbligatorji dwar it-trasparenza tal-kummerċ fi strumenti mhux ta’ ekwità. Madankollu, ir-regoli awtoregolatorji jinkludu obbligi ta’ kwotazzjoni. Rigward it-trasparenza operazzjonali, Banxico jippubblika l-informazzjoni prinċipali fil-Bullettin ta’ Informazzjoni qabel irkantijiet, inklużi stimi tal-ammont u t-tip ta’ operazzjoni.
Il-volum ta’ negozjar ta’ Banxico ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE huwa baxx.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli għal tranżazzjonijiet minn banek ċentrali barranin. Banxico jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, Banxico għandu proċedura stabbilita li tinnotifika l-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni meta jinnegozja ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE.
L-awtorità Monetarja ta’ Singapor (MAS)
Kriterji ewlenin
Fir-rigward tat-trasparenza tas-suq, il-Linji Gwida dwar ir-Regolament tas-Swieq maħruġa mill-MAS fl-applikazzjoni tal-Att dwar it-Titoli u l-Kuntratti ta' Xiri fil-Futur jistipula obbligu biex tiġi provduta informazzjon kemm qabel in-negozjar (l-aħjar talba u offerta tal-prezzijiet) u wara n-negozjar (tranżazzjonijiet eżegwiti). Dawn ir-regoli u l-linji gwida japplikaw għal skambji u operaturi tas-suq rikonoxxuti, mhux negozjanti. Rigward it-trasparenza operazzjonali l-MAS tibgħat lil parteċipanti fis-suq it-termini ta’ rkantijiet, u r-riżultati tal-irkant.
Il-MAS għandha volumi għolja ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Il-MAS ma tagħtix eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza għal tranżazzjonijiet domestiċi minn banek ċentrali barranin. Il-MAS tista’ tiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li l-MAS ma għandha l-ebda proċedura fis-seħħ biex tinnotifika lill-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, hija lesta biex timplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank tal-Korea (BoK)
Kriterji ewlenin
L-ebda rekwiżiti dwar it-trasparenza fis-suq għall-istrumenti mhux tal-ekwità ma huma stabbiliti fir-regoli mandatorji. Madankollu, ir-regoli tas-suq li huma awto-regolatorji fihom obbligi ta’ trasparenza ta’ prezzijiet ta’ referenza għal strumenti mhux ta’ ekwità li fih normalment jinnegozja l-BOK. Rigward it-trasparenza operazzjonali, il-BOK jippubblika informazzjoni aggregata ta’ entrati tal-karta bilanċjali tiegħu. Dwar il-ġestjoni ta’ kambju barrani, il-BOK jippubblika informazzjoni aggregata dwar il-porzjon tal-investiment tal-assi barranin tiegħu.
Il-BOK għandu volum għoli ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli għal tranżazzjonijiet domestiċi minn banek ċentrali barranin.
Il-BOK jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li l-BOK ma għandu l-ebda proċedura fis-seħħ biex jinnotifika lill-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, huwa lest biex jimplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank Nazzjonali Svizzeru (SNB)
Kriterji ewlenin
F’dak li jirrigwarda t-trasparenza tas-suq, hemm rekwiżiti ta’ rapportar għall-istrumenti mhux tal-ekwità, u l-pjattaforma SIX Repo, li permezz tagħha l-SNB jesegwixxi volum kbir ta’ transazzjonijiet, hija wkoll disponibbli għal tranżazzjonijiet repo fis-suq interbankarju, u soġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u wara n-negozjar. Dwar it-trasparenza operazzjonali l-SNB jirrilaxxa lill-pubbliku d-dettalji ta’ Operazzjonijiet tas-Suq Miftuħ (OMOs) u Faċilitajiet Permanenti.
L-SNB għandu volum għoli ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli għal tranżazzjonijiet domestiċi minn banek ċentrali barranin, imma bħalissa qed tiġi diskussa. Barra minn hekk, l-SNB jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li l-SNB ma għandu l-ebda proċedura fis-seħħ biex jinnotifika lill-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, huwa lest biex jimplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija (CBRT)
Kriterji ewlenin
It-Turkija għandha rekwiżiti ta’ trasparenza għall-istrumenti mhux tal-ekwità (għajr derivati OTC) li jinsabu fir-regoli mandatorji u regoli awto-regolatorji. Is-CBRT huwa membru ta' Borsa Istanbul, u l-volumi ta’ kummerċ tiegħu dwar strumenti mhux ta’ ekwità permezz ta’ din il-pjattaforma huma żvelati permezz tal-iskambju, flimkien ma’ dawk tal-bqija tal-membri. Rigward it-trasparenza operazzjonali is-CBRT jirrilaxxa dettalji aggregati tal-OMOs, bħal repo u reverse repo permess ta’ irkanti u kwotazzjonijiet, xiri permess ta’ irkanti u kwotazzjonijiet kif ukoll dwar liquidity bills. Il-Borża ta’ Istanbul tirrilaxxa volumi tan-negozju tas-CBRT eżegwiti permezz tal-pjattaforma tagħha. Is-CBRT jiżvela informazzjoni dwar attività ta’ ġestjoni ta’ riżervi fir-Rapport Annwali tiegħu (informazzjoni dwar investiment ta’ referenza, informazzjoni ġenerika dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll) u f’xi rapporti ta’ kull xahar.
Il-volum ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE huwa għoli.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni minn rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli għal tranżazzjonijiet domestiċi minn banek ċentrali barranin. Is-CBRT jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, minkejja li s-CBRT ma għandu l-ebda proċedura fis-seħħ biex jinnotifika lill-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, huwa lest biex jimplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
Is-Sistema ta’ Riżerva Federali tal-Istati Uniti — Federal Reserve Bank of New York (FRBNY)
Kriterji ewlenin
L-Istati Uniti għandha rekwiżiti ta’ trasparenza estensivi għall-istrumenti mhux tal-ekwità li jinsabu fir-regoli awtoregolatorji (Trade Reporting and Compliance Engine mill-FINRA). It-titoli tal-gvern huma esklużi mir-rekwiżiti ta’ trasparenza (għalkemm persuni li jagħmlu tranżazzjonijiet f’titoli tat-Teżor tal-Istati Uniti kif ukoll obbligazzjonijiet tal-aġenzija tal-Istati Uniti, sigurtajiet appoġġjati b’assi denominati f’dollari tal-Istati u ipoteki huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar il-pożizzjoni regolatorja). Dwar it-trasparenza operazzjonali il-FRBNY jirrilaxxa informazzjoni estensiva dwar id-dettalji tat-tranżazzjonijiet tiegħu kemm qabel kif ukoll wara li jiġukonklużi.
Il-FRBNY għandu volum baxx ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE.
Kriterji addizzjonali
Eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ trasparenza mhijiex disponibbli, fil-prinċipju, għal tranżazzjonijiet minn banek ċentrali barranin, iżda huma jistgħu jiddependu fuq esklużjoni għal bonds tal-gvern u titoli f’munita barranija. Tranżazzjonijiet derivattivi OTC ma’ banek ċentrali barranin mhumiex kategorikament esklużi (bħalma huma d-derivati OTC mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti).
Il-FRBNY tista’ tiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, il-FRBNY ma għandhiex proċedura stabbilita li tinnotifika l-kontropartijiet tagħha bl-eżistenza ta’ eżenzjoni meta tinnegozja ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE.
Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS)
Kriterji ewlenin
Għalkemm il-BIS hu inkorporat fl-Isvizzera, ir-reġim ta’ trasparenza tas-suq domestiku ma japplikax għal tranżazzjonijiet tal-BIS. F’termini ta’ trasparenza operazzjonali, il-BIS jirrilaxxa informazzjoni f’termini aggregati. Il-kontropartijiet tal-BIS jinkludu banek ċentrali, awtoritajiet monetarji u istituzzjonijiet pubbliċi internazzjonali.
Il-volum ta’ negozjar ma’ kontropartijiet tal-UE jew fi strumenti finanzjarji elenkati fl-UE huwa għoli.
Kriterji addizzjonali
L-eżenzjoni għal banek ċentrali barranin mhijiex applikabbli fil-każ tal-BIS, peress li l-liġi domestika (tal-Iżvizzera) ma tapplikax għat-tranżazzjonijiet tagħhom.
Il-BIS jista’ jiddistingwi bejn tranżazzjonijiet għal skopijiet ta’ politika u tranżazzjonijiet għal skopijiet “purament” ta’ investiment, li għandhom rwol marġinali.
Fl-aħħar nett, il-BIS ma għandu l-ebda proċedura fis-seħħ biex jinnotifika lill-kontropartijiet tiegħu bl-eżistenza ta’ eżenzjoni għan-negozju ma’ kontropartijiet finanzjarji tal-UE, huwa jkun lest biex jimplimentaha ladarba r-reġim tal-MiFIR ikun fis-seħħ.
5.KONKLUŻJONIJIET
Fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa xieraq li tingħata eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ trasparenza qabel u wara n-negozju tal-MiFIR skont l-Artikolu 1(9) tal-MIFIR lil banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness għal dan ir-rapport.
Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għal bidliet possibbli fil-futur, wara li tiġi kkunsidra l-evidenza l-ġdida mogħtija mill-banek ċentrali f’pajjiżi terzi, bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi jew bidla fiċ-ċirkustanzi fattwali. Dawn l-avvenimenti jistgħu jinstigaw il-ħtieġa għal reviżjoni tal-lista ta’ banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi eżenti.