Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0758

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” (COM(2016) 799 final — 2016/0400 (COD))

    ĠU C 288, 31.8.2017, p. 29–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 288/29


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”

    (COM(2016) 799 final — 2016/0400 (COD))

    (2017/C 288/04)

    Relatur:

    Jorge PEGADO LIZ

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 13.3.2017

    Kunsill Ewropew, 13.3.2017

    Bażi ġuridika

    L-Artikoli 43(2), 91, 100(2), 114, 153(2)(b), 168(4)(b), 172, u 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

     

     

    Kompetenza

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

    4.5.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    1.6.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    526

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    156/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma segwietx l-opinjonijiet preċedenti tiegħu u li kellha terġa’ tibda n-negozjati għall-adattament ta’ għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRS) mal-Artikoli 290 u 291 TFUE.

    1.2

    Il-KESE jfakkar li fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu huwa ddefinixxa l-aktar direzzjoni adatta li fil-fehma tiegħu tippreserva l-valuri fundamentali involuti f’dan l-eżerċizzju, f’termini ta’ ċertezza tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-eżerċitar effettiv, bilanċjat u demokratiku tas-setgħat tal-istituzzjonijiet.

    1.3

    Fil-fehma tiegħu, jenħtieġ li dawn il-prinċipji jiggwidaw l-eżerċizzju l-ġdid ta’ allinjament tal-atti legali li għadhom jaqgħu taħt il-PRS mas-sistema l-ġdida tal-atti delegati u tal-atti ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE.

    1.4

    Mingħajr ħsara għal analiżi aktar speċifika waqt ir-reviżjoni ta’ kull att soġġett għall-opinjoni tiegħu, il-KESE jiddikjara b’mod sintetiku l-osservazzjonijiet li huwa jqis xierqa fuq kull waħda mill-proposti leġislattivi mħabbra fil-proposta.

    2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    2.1

    Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tinnota li numru sinifikanti ta’ atti leġislattivi bażiċi soġġetti għar-regoli tad-Deċiżjoni 2006/512/KE tal-Kunsill (“Deċiżjoni dwar il-Proċedura ta’ Kumitat”) għad iridu jiġu adattati għall-Artikoli 290 u 291 TFUE skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (“Regolament dwar il-Proċedura ta’ Kumitat”).

    2.2

    Hija kienet intrabtet li tadattahom sal-2013 u għaldaqstant ipproponiet tliet allinjamenti orizzontali fl-2013, imsejħa “Omnibus I, II u III”.

    2.3

    Wara diskussjoni twila mal-PE u numru ta’ emendi għal dawn il-proposti, il-Kunsill irrifjuta li jappoġġja dan l-allinjament awtomatiku u kollettiv tal-atti kollha msejħa “PRS” ma’ atti delegati, minħabba li ma kienx garantit li l-esperti tal-Istati Membri kienu se jkunu sistematikament ikkonsultati fil-fażi preparatorja tal-atti delegati. Minħabba l-problemi istituzzjonali li nħolqu, il-Kummissjoni rtirat il-proposti tagħha.

    2.4

    Wara r-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (FII) u l-adozzjoni tal-Ftehim Komuni dwar l-Atti Delegati annessi fih, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida li twieġeb għall-oġġezzjonijiet tal-Kunsill. Din tikkunsidra l-bidliet introdotti mill-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri fit-tħejjija tal-atti delegati u l-konsultazzjoni sinkronizzata mal-PE.

    2.5

    Il-proposta hija maqsuma fi 13-il kapitolu tal-anness fejn il-168 att huma rreġistrati f’ordni kronoloġika u kklassifikati mill-Kummissjoni f’erba’ tabelli:

    Tabella 1 — l-atti li għalihom huwa propost allinjament mad-dispożizzjonijiet dwar l-atti ta’ implimentazzjoni għal ċerti awtorizzazzjonijiet;

    Tabella 2 — l-atti li għalihom hija prevista t-tneħħija ta’ ċerti awtorizzazzjonijiet;

    Tabella 3 — proposti adottati mill-Kummissjoni;

    Tabella 4 — atti li għalihom hemm ippjanati proposti.

    3.   Sfond — opinjonijiet u rapporti tal-KESE

    3.1

    F’Lulju 2013, il-KESE adotta rapport ta’ informazzjoni dettaljat ħafna li l-għan tiegħu kien li “jenfasizza r-realtajiet tal-proċedura ta’ delega leġislattiva li ddaħħlet mit-Trattat ta’ Lisbona”.

    3.2

    Fih innota li “in-natura legali preċiża tal-atti ddelegati għadha mhux definita b’mod ċar; il-kunċett ta’ miżuri ‘mhux essenzjali’ huwa interpretat mill-Qorti f’diversi modi skont l-oqsma kkonċernati; u l-flessibbiltà li għandha l-Kummissjoni tidher pjuttost estensiva peress li huwa f’idejn il-Kummissjoni li tipproponi l-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delegi”.

    3.2.1

    Huwa semma “għadd ta’ kwistjonijiet[…] dwar it-trasparenza tas-sistema ta’ konsultazzjoni minn qabel li toriġina f’dokument li mhuwiex legalment vinkolanti, bl-isem ta’ Common Understanding on practical arrangements for the use of delegated acts tal-4 ta’ April 2011”.

    3.2.2

    Barra minn hekk huwa nnota li “l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE hija prevista f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2009, att li mhuwiex legalment vinkolanti, filwaqt li r-regoli dwar l-eżerċitar tal-poteri tal-implimentazzjoni jinbtu minn regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, att legali ta’ applikazzjoni ġenerali, ilkoll elementi li huma obbligatorji u ta’ applikazzjoni diretta”.

    3.2.3

    Huwa kkonkluda li “għad hemm id-dubji dwar is-sempliċità tal-proċedura, jekk il-pubbliku Ewropew huwiex verament jifhem x’hemm involut, l-użu ‘korrett’ ta’ din il-proċedura u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll”. Għalhekk, il-KESE ppropona li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett sabiex ikun jista’ jieħu pożizzjoni dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet miksuba b’mod oġġettiv f’dan ir-rapport għal titjib possibbli tal-proċedura leġislattiva tal-UE.

    3.3

    F’Lulju u f’Settembru 2013, il-KESE rċieva żewġ proposti għal regolamenti “li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikolu 290 tat-TFUE” (COM(2013) 451 final) u “li jadatta għadd ta’ atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-Artikolu 290 tat-TFUE” (COM(2013) 452 final), imbagħad, fit-18 ta’ Novembru u fl-10 ta’ Diċembru, reġa’ rċieva proposta oħra għal regolament “li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE” (COM(2013) 751 final). Dawn ir-regolamenti kienu msejħa Omnibus I, II u III.

    3.3.1

    Fl-opinjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Ottubru u tat-2 ta’ Jannar, huwa enfasizza b’mod partikolari li, għalkemm meħtieġ, dan l-“allinjament kollettiv” ta’ aktar minn 165 strument legali (regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet) li jaqgħu taħt 12-il qasam differenti kien iqajjem għadd ta’ mistoqsijiet ġuridiċi u prattiċi.

    3.3.2

    Għalhekk, “ċerti elementi tal-proċedura ta’ delega għadhom mhumiex ċari […] l-idea ta’ ‘elementi mhux essenzjali’ għad trid tiġi definita. Għad trid issir ukoll valutazzjoni preċiża tat-tħaddim tal-mekkaniżmu”.

    3.3.3

    Barra minn hekk, huwa nnota li “uħud mill-proposti għal regolament għandhom għażliet li ma jqisux il-qafas stabbilit mill-atti leġiżlattivi bażiċi u jaslu biex jipprevedu li d-delega titwettaq matul perjodu indeterminat jew li jistabbilixxu skadenzi qosra ħafna għall-iskrutinju mill-Parlament u l-Kunsill”.

    3.3.4

    Wara analiżi sistematika tal-proposti kollha, il-KESE rrakkomanda lill-Kummissjoni “li tadatta l-eżerċizzju tagħha ta’ ‘allinjament kollettiv’ billi tqis iktar l-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti atti leġiżlattivi bażiċi” u “lill-Kunsill u lill-Parlament li jkunu viġilanti kemm jista’ jkun u li jevalwaw bir-reqqa l-atti kollha inklużi f’dan l-eżerċizzju ta’ ‘allinjament’”.

    3.3.5

    Jekk l-eżerċizzju għandu jissokta skont kif propost mill-Kummissjoni, il-KESE enfasizza l-importanza:

    ta’ parteċipazzjoni sħiħa tal-PE f’dan il-proċess;

    ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ kumitat;

    ta’ aktar informazzjoni, kemm dwar it-termini tad-delega lill-kumitati kif ukoll dwar il-miżuri rilevanti, tul il-fażijiet kollha tal-proċedura;

    ta’ aċċess sħiħ għall-informazzjoni liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili.

    3.3.6

    Fl-aħħar nett, il-Kumitat talab li jitqies l-impatt tal-qafas regolatorju l-ġdid, bil-preżentazzjoni lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kumitat stess ta’ rapport perjodiku dwar l-effikaċja, it-trasparenza u t-tixrid tal-informazzjoni.

    3.4

    Sadanittant, il-Kummissjoni kienet ippubblikat proposta ta’ ftehim interistituzzjonali vinkolanti, ibbażata fuq l-Artikolu 295 tat-TFUE, li kien parti mill-qafas tal-pakkett “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” li jittratta atti delegati f’żewġ annessi speċifiċi.

    3.4.1

    Fl-opinjoni tiegħu ta’ Lulju 2015, il-KESE: “jinsab sodisfatt […] bl-isforzi tal-Kummissjoni għal bilanċ ġust bejn il-valuri fundamentali li huma r-rispett għan-‘norma ġuridika’, il-parteċipazzjoni demokratika, it-trasparenza, il-prossimità taċ-ċittadini u d-dritt għal informazzjoni wiesgħa dwar il-proċeduri leġislattivi, min-naħa l-waħda, u s-simplifikazzjoni leġislattiva, regolamentazzjoni aktar flessibbli, adattata aħjar għall-interessi involuti, u fejn l-aġġornament u r-reviżjoni huma ffaċilitati, min-naħa l-oħra”.

    3.4.2

    Il-KESE laqa’ wkoll il-fatt li “l-Kummissjoni timpenja ruħha li tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel l-adozzjoni ta’ atti delegati […], inkluż permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti mill-Istati Membri u permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u li hi tipproponi l-istess metodu konsultattiv għall-atti ta’ implimentazzjoni”.

    3.4.3

    Madankollu, il-KESE beża’ li dawn il-konsultazzjonijiet kollha jtawlu b’mod eċċessiv u mingħajr bżonn il-ħin biex jitħejjew l-atti.

    3.4.4

    Huwa ma kienx jaqbel kompletament mal-approċċ ta’ każ b’każ li jiddistingwi kwistjonijiet li jridu jkunu s-suġġett ta’ atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni, minħabba li l-kriterji użati kienu ambigwi u setgħu jagħtu lok għal diversi interpretazzjonijiet.

    3.4.5

    Il-KESE kien partikolarment kontra:

    a)

    in-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-esperti tal-Istati Membri u l-kompetenzi tekniċi tagħhom;

    b)

    in-nuqqas ta’ perjodu adatt għall-konsultazzjoni tal-esperti, tal-partijiet interessati, tal-PE u tal-Kunsill, għajr f’każ ta’ emerġenza;

    c)

    il-karattru fakultattiv tal-konsultazzjoni u tat-trażmissjoni tal-iskeda tal-laqgħat lill-PE u lill-partijiet interessati;

    d)

    l-inkonsistenza tal-informazzjoni dwar l-adozzjoni tal-atti delegati, li għandha tkun sistematika, awtomatika, aġġornata u online;

    e)

    il-prinċipju tal-perjodu ta’ żmien indeterminat tad-delega: il-KESE talab perjodu speċifiku, li possibbilment jista’ jiġġedded għal perjodu identiku, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati.

    3.4.6

    Il-KESE xtaq li l-linji gwida jistipulaw biċ-ċar li d-delegi jkunu delimitati fit-totalità tagħhom, jiġifieri:

    a)

    objettivi identifikati;

    b)

    kontenut speċifiku;

    c)

    kamp ta’ applikazzjoni ċar;

    d)

    perjodu strett u fiss.

    3.4.7

    Huwa sostna li “l-abbozzar tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jista’ jittejjeb, u li fil-każ ta’ reviżjoni tat-trattati, iridu jiġu mtejba. L-applikazzjoni tagħhom trid issir b’mod aħjar sabiex jiġi evitat li d-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-istrument legali jkunu aktar politiċi milli tekniċi”.

    3.5

    Peress li ma kienx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-proċedura ta’ allinjament kollettiv, il-Kummissjoni kellha tirtira l-proposti tagħha u tissottometti din il-proposta.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Minħabba l-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE jistaqsi jekk dewmien ta’ aktar minn erba’ snin f’qasam daqstant sensittiv huwiex iġġustifikat.

    4.2

    Fil-fatt, il-KESE kien stabbilixxa b’mod ċar il-linji gwida ġenerali li ġejjin:

    a)

    l-użu ta’ atti delegati jrid ikun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola;

    b)

    f’każ ta’ dubju dwar il-karattru essenzjali tal-elementi inkwistjoni, jew ta’ żona “griża”, il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tipproponi atti delegati u għandha tilleġisla fl-att leġislattiv innifsu;

    c)

    f’każ ta’ dubju dwar in-natura tal-miżura li għandha tittieħed, il-Kummissjoni trid tadotta preferibbilment atti ta’ implimentazzjoni aktar milli atti delegati.

    4.3

    Ma qabilx mal-Kummissjoni wkoll fuq il-punti mfakkra fil-paragrafu 3.3.5 aktar ‘il fuq.

    4.4

    Uħud minn dawn l-aspetti negattivi ġew korretti f’din il-proposta. Madankollu għad fadal ċerti punti ta’ nuqqas ta’ qbil:

    a)

    il-Kummissjoni għadha tinsisti fuq il-perjodu ta’ żmien indeterminat tal-atti delegati. Il-KESE jsostni li l-perjodu ta’ żmien tad-delega fil-prinċipju dejjem għandu jkun definit, bil-possibbiltà li jiġġedded, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati;

    b)

    il-KESE għadu qed jibża’ li l-Parlament u l-Kunsill mhumiex se jkollhom il-possibbiltà reali li jeżerċitaw kontroll effettiv f’waqtu tal-kontenut tal-atti delegati;

    c)

    huwa għad għandu d-dubji tiegħu dwar id-distinzjoni eżatta tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-atti delegati, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-“miżuri essenzjali u mhux essenzjali” relatati mad-drittijiet fundamentali;

    d)

    fl-aħħar nett, huwa jafferma mill-ġdid li riformulazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE tista’ tneħħi darba għal dejjem kwalunkwe ambigwità li qed tikkawża l-problemi attwali.

    5.   Kummenti speċifiċi

    L-analiżi dettaljata ta’ kull waħda mill-168 proposta annessi tippermettilna nqajmu dawn id-dubji:

    Tabella 1

    L-atti li għalihom huwa propost allinjament mad-dispożizzjonijiet dwar l-atti ta’ implimentazzjoni għal ċerti awtorizzazzjonijiet

    Numru fl-Anness

    Titolu tal-Att (1)

    Il-kummenti tal-KESE

    2

    Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009

    L-Artikolu 12(a) jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kummentarju: fl-2013, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew kienu favur perjodu fiss ta’ ħames snin b’tiġdid awtomatiku wara rapport mill-Kummissjoni li għandu jiġi ppreżentat qabel l-iskadenza tad-delega. Hawnhekk, il-Kummissjoni tqis li l-awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat hija ġustifikata minħabba l-fatt li l-leġislatur għandu l-possibbiltà li jirrevoka awtorizzazzjoni fil-każijiet kollha u f’kull ħin (ara p. 8 tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2016) 799 final).

    6

    Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008

    Id-deċiżjoni tirrigwarda l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

    Kumment: il-Kummissjoni tassumi, rigward l-għażla bejn awtorizzazzjoni ta’ atti delegati jew ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li l-valutazzjoni tal-2013 (il-proposti Omnibus) għadha valida peress li la n-negozjati rigward dawn il-proposti, la l-ġurisprudenza dwar is-suġġett, u lanqas ir-riżultat tal-FII ma ppermettew li jkunu definiti kriterji ġodda li kienu jeħtieġu valutazzjoni komprensiva mill-ġdid (ara p. 5 tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2016) 799 final).

    53

    Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009

    L-Artikolu 17(3) il-ġdid, ma jipprovdix il-perjodu tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati.

    L-Artikolu 48a l-ġdid jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(3) u fl-Artikolu 48 għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament Omnibus.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    L-Artikolu 17(3) il-ġdid, jipprovdi li l-proċeduri ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet meħuda wara l-valutazzjoni tal-korpi kompetenti EMAS se jkunu adottati permezz ta’ awtorizzazzjoni. Jidher li hawnhekk dan jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, il-Kummissjoni ma jistax ikollha s-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali jew l-eżerċizzju tagħhom permezz ta’ delega.

    58

    Ir-Regolament (KE) Nru 530/1999 tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999

    L-Artikolu 10(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    59

    Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2002

    L-Artikolu 5(b) il-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    60

    Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003

    L-Artikolu 3(1)(a) l-ġdid, jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni statistika. L-Artikolu 5 il-ġdid dwar l-eżattezza tal-istatistika jipprovdi li l-ġbir tal-informazzjoni għandu jkun imsejjes fuq “prospetti kompletati”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(a) dwar l-eżerċizzju tad-delega jipprovdi li din għandha tiġi eżerċitata għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn data li trid tiġi stabbilita sussegwentement.

    Kumment: il-KESE jinnota li l-kunċett ta’ “prospetti kompletati” jista’ japplika għal data personali kif definita fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċiediet li din ma tistax tkun soġġetta għal proċedura ta’ delega (ara l-Kawża C-355/10, Il-Parlament vs il-Kunsill, u l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 67/104, 6.3.2014).

    61

    Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003

    L-Artikolu 11(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    64

    Ir-Regolament (KE) Nru 1552/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005

    L-Artikolu 13(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    67

    Ir-Regolament (KE) Nru 716/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007

    L-Artikolu 9(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    69

    Ir-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007

    L-Artikolu 10(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    70

    Ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008

    L-Artikolu 15(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    L-Artikolu 8(a) l-ġdid jipprevedi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    73

    Ir-Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008

    L-Artikolu 6(a) l-ġdid jipprevedi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    74

    Ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008

    L-Artikolu 8(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li l-Artikolu 7 il-ġdid jipprovdi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati […] għat-twettiq ta’ sensiela ta’ studji ta’ fattibbiltà […] li jsiru mill-Istati Membri li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jipprovdu d-data.

    Huwa jistaqsi jekk in-natura tad-data dwar is-saħħa tal-bniedem (p. 157/158 tal-Anness) tikkonċernax is-saħħa tal-applikanti għal impjieg, f’liema każ tkun data personali li ma tistax tkun inkluża fil-proċedura ta’ delega (ara l-Kawża C-355/10 iċċitata aktar ‘il fuq).

    89

    Id-Deċiżjoni Nru 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    L-Artikolu 21(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    99

    Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009

    L-Artikolu 31(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    104

    Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE tal-11 ta’ Diċembru 1997.

    L-Artikolu 8(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    114

    Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004

    L-Artikolu 10(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    143

    Direttiva 2002/46/KE tal-10 ta’ Ġunju 2002

    L-Artikolu 12(a) jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li d-Direttiva 2002/46/KE tarmonizza r-regoli dwar is-supplimenti tal-ikel sabiex tipproteġi lill-konsumaturi minn riskji potenzjali għas-saħħa u biex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tidher fuq dawn il-prodotti ma tqarraqx bihom. Għaldaqstant tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant il-kontroll li jsir mill-esperti tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew irid ikun massimu.

    144

    Id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003

    L-Artikolu 27(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li d-Direttiva tikkonċerna l-istandards tal-kwalità u tas-sigurtà għall-ġbir […] tad-demm u tal-komponenti tad-demm tal-bniedem għal skopijiet terapewtiċi. Għalhekk hija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-saħħa previst fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant il-kontroll li jsir mill-esperti tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew irid ikun massimu.

    147

    Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003

    L-Artikolu 34 il-ġdid jipprevedi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li r-regolament jipprovdi li “għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana fl-attwazzjoni tal-politika Komunitarja”. Għaldaqstant jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-protezzjoni tas-saħħa. Għaldaqstant il-kontroll li jsir mill-esperti tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew irid ikun massimu.

    151

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003

    L-Artikolu 13(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li r-regolament għandu l-għan “li jiżgura d-detezzjoni u l-kontroll tas-Salmonella f’kull stadju, b’mod partikolari waqt il-produzzjoni primarja (f’dan il-kuntest, it-tnissil u t-trobbija tat-tjur u bhejjem oħrajn) u fl-għalf tal-annimali, biex tonqos il-prevalenza tagħha u r-riskju għas-saħħa pubblika”. Għaldaqstant jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant il-kontroll li jsir mill-esperti tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew irid ikun massimu.

    152

    Id-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004

    L-Artikolu 28(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li d-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa li tidher fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li tiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tissupplimenta l-imsemmija Direttiva b’rekwiżiti ta’ traċċabbiltà. Il-KESE jidhirlu li din id-delega hija estensiva wisq u li tista’ tirrigwarda elementi essenzjali. Għaldaqstant tidher li tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (ara l-Kawża C-355/10 iċċitata aktar ‘il fuq).

    158

    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006

    L-Artikolu 24(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li r-regolament jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 35 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li d-delega tinkludi “[l-]miżuri li jistabbilixxu l-ikel jew kategoriji ta’ ikel li għalihom l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu ristretti jew ipprojbiti”. Il-KESE jqis li l-kliem użat jista’ jinkludi miżuri essenzjali li ma jistgħux ikunu ddelegati taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE.

    159

    Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006

    L-Artikolu 13(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li r-regolament jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 35 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur billi jistabbilixxi regoli addizzjonali ta’ tikkettar.

    3.

    F’dan ir-rigward, il-kontroll tal-esperti tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew fuq l-emenda tal-Annessi I u II tal-imsemmi regolament jenħtieġ li jkun massimu.

    165

    Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009

    L-Artikolu 24(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment:

    1.

    Ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    2.

    Il-KESE jinnota li r-regolament jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li d-delega tinkludi s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ preżenza kkonfermata ta’ sustanza pprojbita jew mhux awtorizzata. Din id-delega hija estensiva wisq u tista’ tirrigwarda elementi essenzjali. Għaldaqstant tidher li tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (ara l-Kawża C-355/10 iċċitata aktar ‘il fuq).

    166

    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009

    L-Artikolu 27(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.

    167

    Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009

    L-Artikolu 51(a) l-ġdid jipprovdi li l-perjodu ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati mogħti lill-Kummissjoni huwa perjodu ta’ żmien indeterminat li jibda minn data partikolari.

    Kumment: ara l-kaxxa 2 tat-tabella.


    Tabella 2

    L-atti li għalihom hija prevista t-tneħħija ta’ ċerti awtorizzazzjonijiet;

    Numru fl-Anness

    Titolu tal-Att (2)

    Il-kummenti tal-KESE

    2

    Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009

    Artikolu 12(a) OK. Kontra perjodu ta’ żmien indeterminat.

    7

    Ir-Regolament (KE) Nru 1257/96 tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 1996

    OK.

    36

    Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998

    Artikolu 11(a) OK. Kontra perjodu ta’ żmien indeterminat.

    54

    Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009

    OK. Kontra perjodu ta’ żmien indeterminat.

    57

    Ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998

    LE. Id-delega hija wiesgħa wisq u tirrigwarda aspetti essenzjali.

    66

    Ir-Regolament (KE) Nru 458/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2007

    OK. Kontra perjodu ta’ żmien indeterminat.

    92

    Id-Direttiva 2009/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009

    OK. Kontra perjodu ta’ żmien indeterminat.

    133

    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009

    LE. Id-definizzjoni tal-ksur u tat-telf ta’ reputazzjoni tajba taqa’ taħt id-drittijiet tal-personalità.

    168

    Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008

    OK.


    Tabella 3

    Proposti adottati mill-Kummissjoni

    Qasam

    Strument

    Referenza tal-Proposta

    Il-kummenti tal-KESE

    CLIMA

    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003

    COM(2015) 337

    L-Artikolu 23 il-ġdid Wisq delegazzjonijiet f’suġġetti sensittivi u essenzjali, jenħtieġ li jkun rivedut. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    CNECT

    Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002

    COM(2016) 590

    L-Artikolu 109 il-ġdid b’referenza għall-Artikoli 40, 60, 73, 102 u 108. Wisq delegazzjonijiet f’suġġetti sensittivi u essenzjali anki fl-Annessi, jenħtieġ li jkun rivedut. Skemi għal perjodi ta’ żmien differenti (l-Artikolu 73(7), u l-Artikolu 109).

    CNECT

    Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002

    COM(2016) 590

    L-Artikolu 109 il-ġdid b’referenza għall-Artikoli 40, 60, 73, 102 u 108. Wisq delegazzjonijiet f’suġġetti sensittivi u essenzjali anki fl-Annessi. Skemi għal perjodi ta’ żmien differenti (l-Artikolu 73(7), u l-Artikolu 109).

    CNECT

    Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002

    COM(2016) 590

    L-Artikolu 109 il-ġdid b’referenza għall-Artikoli 40, 60, 73, 102 u 108. Wisq delegazzjonijiet f’suġġetti sensittivi u essenzjali anki fl-Annessi, jenħtieġ li jkun rivedut. Skemi għal perjodi ta’ żmien differenti (l-Artikolu 73(7), u l-Artikolu 109).

    ENER

    Id-Direttiva 2008/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008

    COM(2015) 496

    L-Artikolu 10. OK għad-delega. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    GROW

    Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009

    COM(2014) 28 final

    Il-Kummissjoni tixtieq tuża atti delegati (xi għaxra), skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, li jfisser limitazzjoni tal-kontenut attwali tar-Regolament.

    Ċerti punti tal-proposta li għalihom huwa previst l-użu ta’ atti delegati jirrigwardaw l-emissjonijiet tal-vetturi u l-limiti korrispondenti. Preċiżament minħabba l-importanza tagħhom, dawn il-kwistjonijiet dejjem ġew deċiżi mill-koleġislaturi.

    Il-KESE qajjem diversi drabi fl-opinjonijiet tiegħu l-kwistjoni ta’ użu eċċessiv ta’ atti delegati. Huwa għandu dubji dwar it-trasparenza tas-sistema, l-użu tajjeb tal-proċeduri u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll.

    GROW

    Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007

    COM(2016) 31 final

    L-Artikolu 88. Wisq atti delegati fuq punti essenzjali. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    GROW

    Id-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997

    COM(2014) 581 final

    L-Artikolu 55. OK għad-delegi u l-perjodu ta’ ħames snin.

    GROW

    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007

    COM(2014) 28 final

    L-Artikolu 15(a) l-ġdid. Il-Kummissjoni tixtieq tuża atti delegati (xi għaxra), skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, li jfisser limitazzjoni tal-kontenut attwali tar-Regolament.

    Ċerti punti tal-proposta li għalihom huwa previst l-użu ta’ atti delegati jirrigwardaw l-emissjonijiet tal-vetturi u l-limiti korrispondenti. Preċiżament minħabba l-importanza tagħhom, dawn il-kwistjonijiet dejjem ġew deċiżi mill-koleġislaturi.

    Il-KESE qajjem diversi drabi fl-opinjonijiet tiegħu l-kwistjoni ta’ użu eċċessiv ta’ atti delegati. Huwa għandu dubji dwar it-trasparenza tas-sistema, l-użu tajjeb tal-proċeduri u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll.

    ENV

    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008

    COM(2015) 595

    L-Artikolu 38(a) l-ġdid. OK għad-delegi. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    ENV

    Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999.

    COM(2015) 594

    Le għad-delega. L-Artikolu 16 il-ġdid huwa vag wisq. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    ENV

    Id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994

    COM(2015) 593

    OK.

    ENV

    Ir-Regolament (KE) Nru 338/97 tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 1996

    COM(2012) 403

    OK għall-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati (l-Artikoli 19 u 20). Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    ESTAT

    Ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003

    Tħassir propost minn COM(2016)551

    OK għat-tħassir.

    MOVE

    Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006

    COM(2013) 622

    LE għad-delegi. Kunċett vag wisq ta’ progress tekniku u xjentifiku. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    MOVE

    Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2002

    COM(2011) 828

    L-Artikolu 12. OK għad-delegi. Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    MOVE

    Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE tat-23 ta’ Lulju 1996.

    COM(2016) 82 final

    OK għad-delegi (l-Artikolu 29). Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    MOVE

    Direttiva tal-Kunsill 91/672/KE tas-16 ta’ Diċembru 1991

    COM(2016) 82 final

    OK għad-delegi (l-Artikolu 29). Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.

    MOVE

    Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009

    COM(2016) 369

    OK għad-delegi u għall-perjodu ta’ żmien indeterminat b’mod eċċezzjonali.

    MOVE

    Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta’ April 1999

    COM(2016) 371

    L-Artikolu 13. OK għad-delegi u għall-perjodu ta’ żmien indeterminat b’mod eċċezzjonali.

    MOVE

    Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta’ Ġunju 1998

    COM(2016) 370

    L-Artikolu 12(a). OK għad-delegi u għall-perjodu ta’ żmien indeterminat b’mod eċċezzjonali.

    SANTE

    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004

    COM(2014) 557

    OK għad-delegi (l-Artikolu 87(a)). Kontra l-perjodu ta’ żmien indeterminat.


    Tabella 4

    Atti li għalihom hemm ippjanati proposti

    Qasam

    Strument

    Il-kummenti tal-KESE

    AGRI

    Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008

    Ebda kumment għal dawn l-atti kollha peress li t-test mhuwiex disponibbli.

    CLIMA

    Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009

    ENER

    Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009

    ENER

    Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009

    ENER

    Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009

    ENV

    Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004

    ENV

    Direttiva tal-Kunsill 86/278/KE tat-12 ta’ Ġunju 1986

    ESTAT

    Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008

    ESTAT

    Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003

    Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2017.

    President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Għal dawn l-atti, fl-2013 kien diġà ġie propost l-allinjament ta’ xi dispożizzjonijiet mad-dispożizzjonijiet dwar l-atti ta’ implimentazzjoni.

    (2)  Fil-każ ta’ dawn l-atti, fl-2013 kienet diġà ġiet proposta t-tneħħija ta’ xi dispożizzjonijiet.


    Top