EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0058

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż” [COM(2016) 750 final — 2016/0392(COD)]

ĠU C 209, 30.6.2017, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż”

[COM(2016) 750 final — 2016/0392(COD)]

(2017/C 209/09)

Relatur:

Peter SCHMIDT

Konsultazzjoni

Kunsill, 9.12.2016

Parlament Ewropew, 12.12.2016

Bażi legali

Artikoli 43(2), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

14.3.2017

Adottata fil-plenarja

29.3.2017

Sessjoni plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

211/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tallinja l-qafas legali attwali dwar ix-xorb spirituż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u biex il-leġislazzjoni ssir konsistenti ma’ strumenti legali ġodda tal-UE, prinċipalment fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi u skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

1.2.

B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ rabta iktar b’saħħitha mas-settur agrikolu. Din ir-rabta hija essenzjali għall-kwalità u r-reputazzjoni tax-xorb spirituż prodott fl-UE.

1.3.

Filwaqt li l-KESE ġeneralment jappoġġja l-adattamenti li jsiru biex jiġi żgurat allinjament mat-TFUE u biex jiffaċilitaw il-proċess leġislattiv, ikun aħjar jekk il-bilanċ jiċċaqlaq aktar lejn atti ta’ implimentazzjoni pjuttost milli atti delegati. F’xi oqsma, l-abbiltà għal deroga għandha titneħħa għalkollox.

1.4.

Il-KESE jagħraf il-kumplessità tal-eżerċizzju ta’ riallinjament u jilqa’ l-kjarifika u t-titjib f’oqsma bħar-regoli relatati mat-tikkettar ta’ termini komposti, allużjonijiet u taħlit ta’ xorb spirituż, kif ukoll it-tikkettar fakultattiv tal-oriġini tal-materja prima. Madankollu, inbidlu xi elementi oħra fil-proposta li għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid, kif speċifikat aktar ‘il quddiem f’din l-Opinjoni.

1.5.

Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ), il-KESE jilqa’ l-kjarifika tar-regoli u l-proċeduri tal-IĠ u l-valur li jingħata lit-tradizzjoni u l-produzzjoni lokali/territorjali.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm il-livell attwali ta’ protezzjoni fis-settur tax-xorb spirituż, sabiex jiġi garantit li l-valur miżjud u l-impjieg jibqgħu fl-Ewropa. Dak li huwa importanti huwa l-post fejn il-prodott jiġi ddistillat u manifatturat, u l-bidla fit-terminoloġija li ġiet introdotta m’għandhiex timplika tibdil kbir għal dan is-settur.

1.7.

Dwar il-preżentazzjoni u t-tikkettar, il-Kumitat jissuġġerixxi xi titjib fil-proposta attwali, prinċipalment fir-rigward tal-importanza li jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ rappreżentanza falza jew nuqqas ta’ ftehim fir-rigward ta’ “togħmiet artifiċjali”, li jista’ jqarraq bil-konsumatur.

1.8.

Għalkemm dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ approċċ ta’ politika konsistenti u komprensiv imsejjes fuq l-evitar ta’ konsum ta’ alkoħol li jagħmel il-ħsara, kif ukoll fuq il-promozzjoni ta’ xorb responsabbli li jevita riskji għas-saħħa u x-xorb taħt l-età – mhux biss għas-settur tal-ispirti, iżda wkoll b’mod iktar ġenerali. L-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma kruċjali f’dan ir-rigward, u l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-bosta inizjattivi fis-settur pubbliku u privat f’dan il-kuntest.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Permezz ta’ din il-Proposta għal Regolament, il-Kummissjoni għandha l-għan li tallinja r-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1) eżistenti dwar ix-xorb spirituż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Prinċipalment, il-proposta taqsam id-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-regolament tal-aħħar f’atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni, u tintroduċi bażi legali agrikola (2) biex tiġi enfasizzata rabta aktar b’saħħitha mas-settur agrikolu.

2.2.

Barra minn allinjament mat-TFUE, il-proposta tintroduċi biss ftit emendi tekniċi żgħar, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u biex il-leġislazzjoni ssir konsistenti ma’ strumenti legali ġodda tal-UE, prinċipalment f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (Regolament (UE) Nru 1169/2011 (3)) u l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (4)).

2.3.

B’mod partikolari, il-proposta tikkjarifika xi regoli dwar it-tikkettar għal termini komposti, allużjonijiet u taħlitiet ta’ xorb spirituż bil-għan li jiġu evitati l-problemi fis-suq intern. Tinkludi wkoll artikolu ġdid dwar l-indikazzjoni tal-oriġini u tintroduċi proċeduri aktar ċari dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-allinjament legali tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 eżistenti dwar xorb spirituż mat-TFUE u biex il-leġislazzjoni ssir konsistenti ma’ strumenti legali ġodda tal-UE. Il-qafas propost ġeneralment jipprovdi kjarifika u konsistenza fir-rigward tar-regoli fis-settur tal-ispirti.

3.2.

Il-KESE jinnota li l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi ta’ xorb spirituż ġew ikkonsultati mill-Kummissjoni. Is-settur tax-xorb spirituż fl-UE, b’bejgħ f’pajjiż terzi b’valur ta’ aktar minn EUR 10 biljun fl-2015, jagħmel parti mis-settur agroalimentari, li huwa l-ikbar settur espotatur tal-Unjoni Ewropea. Is-settur huwa responsabbli għal miljun impjieg fil-qasam tal-produzzjoni u l-bejgħ fl-Ewropa u għandu relazzjoni ekonomika u soċjali stretta mas-settur agrikolu. Id-dħul mid-dazju tas-sisa u l-VAT mill-ispirti jammonta għal madwar EUR 23 biljun fis-sena. Madankollu, il-konsum tal-ispirti naqas bi 32 % bejn l-1980 u l-2014. Dan huwa rifless fit-tendenzi separati ta’ “primjumizzazzjoni” u “inqas xorb, iżda xorb aħjar”. Bejn l-2000 u l-2015, pereżempju, il-bejgħ kummerċjali (lukandi, ristoranti, kafetteriji) naqas bi 8 % għal 23,5 miljun ettolitru ta’ xorb, iżda l-valur żdied bi 30 %.

3.3.

Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni prinċipalment għandha l-għan li tiżgura l-allinjament legali mat-TFUE, tirrappreżenta wkoll opportunità għas-settur tal-ispirti sabiex jinżammu l-kwalità u l-prattiki tradizzjonali kif ukoll biex titħares ir-reputazzjoni tiegħu fil-livell globali. B’mod partikolari, il-proposta tipprovdi kjarifika dwar kif issir kull xarba: il-materja prima, is-setgħa minima għall-kummerċjalizazzjoni, is-setgħa massima għad-distillazzjoni, il-perjodi ta’ maturazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ taħlil, eċċ. Id-divrenzjazzjoni bejn il-kategoriji tax-xorb spirituż tgħin biex jiġu protetti d-diversi tradizzjonijiet.

3.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-rabta mas-settur agrikolu. Il-materja prima agrikola biss għandha tkun permessa għall-produzzjoni ta’ xorb spirituż, li jiżgura wkoll żbokk għall-prodotti agrikoli bażiċi.

3.5.

L-adattamenti li jsiru sabiex jiġi żgurat allinjament mat-TFUE u biex jitħaffef il-proċess leġislattiv huma ġeneralment pożittivi. Madankollu, ikun aktar xieraq jekk il-bilanċ jiċċaqlaq aktar lejn atti ta’ implimentazzjoni aktar milli atti delegati. F’xi oqsma, l-abbiltà għal deroga għandha titneħħa għalkollox, speċjalment jekk timplika bidliet kbar. Pereżempju, il-Kummissjoni tfittex setgħat (Artikolu 16(3)) biex tfassal atti delegati li jippermettu li l-isem ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jingħata bil-lingwa tas-suq tal-esportazzjoni fejn din l-informazzjoni hi obbligatorja, jiġifieri fejn l-ispirti ma jistgħux jidħlu fis-suq mingħajr din l-informazzjoni. Ir-regolamentazzjoni attwali tal-UE, madankollu, diġà tippermetti lill-produtturi biex jagħmlu dan, iżda din tneħħiet mit-test ta’ allinjament. Il-kapaċità attwali għandha terġa’ tiġi introdotta, f’liema każ ma jkun hemm l-ebda bżonn ta’ delega ta’ setgħat.

3.6.

Għall-produtturi tal-ispirti, waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali hija li jiġu ppreservati t-tradizzjonalità u s-sistema tal-indikazzjoni ġeografika għall-ispirti. B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-kjarifika tar-regoli tal-indikazzjoni ġeografika kif japplikaw għax-xorb spirituż.

3.7.

Għalkemm dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ approċċ ta’ politika konsistenti u komprensiv (5) imsejjes fuq l-evitar ta’ konsum ta’ alkoħol li jagħmel il-ħsara, kif ukoll fuq il-promozzjoni ta’ xorb responsabbli li jevita riskji għas-saħħa u x-xorb taħt l-età – mhux biss għas-settur tal-ispirti, iżda wkoll b’mod iktar ġenerali. L-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma kruċjali f’dan ir-rigward. Il-KESE jinnota li s-settur privat huwa involut f’ħafna inizjattivi u programmi soċjali madwar l-UE, li juri li huwa possibbli li jitnaqqas l-abbuż mill-alkoħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ (6).

3.8.

Il-kwistjoni tal-elenkar tal-ingredjenti u l-informazzjoni nutrizzjonali fuq it-tikketti tal-ispirti mhijiex inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, il-KESE jtenni li l-konsumaturi huma intitolati jirċievu informazzjoni vera u bilanċjata dwar ix-xorb alkoħoliku biex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-konsum tagħhom (7). Il-mikroprodutturi u l-produtturi żgħar ikollhom bżonn appoġġ biex japplikaw ir-regoli. Il-Kumitat ħerqan li jikkontribwixxi għad-diskussjoni kontinwa li nfetħet mir-rapport reċenti tal-Kummissjoni (8) f’dan ir-rigward.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jagħraf il-kumplessità tal-eżerċizzju ta’ riallinjament u jilqa’ l-kjarifika u t-titjib f’oqsma bħar-regoli relatati mat-tikkettar ta’ termini komposti, allużjonijiet u taħlit ta’ xorb spirituż, kif ukoll it-tikkettar fakultattiv tal-oriġini tal-materja prima. Madankollu, inbidlu xi elementi oħra fil-proposta li għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid, pereżempju:

is-sostituzzjoni tal-kliem “u/jew” b’espressjonijiet differenti m’għandhiex twassal għal kwalunkwe tip ta’ interpretazzjoni żbaljata u konfużjoni. Il-KESE għalhekk jipproponi l-użu ta’ premessa li tenfasizza li l-espressjonijiet kollha “u/jew” ġew sostitwiti b’espressjonijiet b’tifsira ekwivalenti u li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tibdel it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 110/2008;

id-definizzjoni tal-prattika ta’ produzzjoni u tal-aromatizzanti teħtieġ tiġi kkjarifikata;

it-terminu “fajl tekniku” ġie sostitwit bit-terminu “speċifikazzjoni tal-prodott” li jarmonizza r-regoli fl-erba’ setturi tal-IĠ (oġġetti tal-ikel, inbid, spirti u nbejjed aromatizzati). Madankollu, sabiex jiġi evitat kull tip ta’ interpretazzjoni ħażina, għandha tiżdied premessa biex tiġi ċċarata l-ekwivalenza ta’ dawn iż-żewġ termini.

4.2.

L-Artikolu 8(5) tal-proposta tal-Kummissjoni jispeċifika li d-denominazzjonijiet tal-bejgħ supplimentati bit-terminu “togħma” (jew kwalunkwe terminu simili ieħor) jistgħu jintużaw biss biex jirreferu għal aromatizzanti li jimitaw xarba spirituża jew għall-użu tagħhom fil-produzzjoni ta’ oġġett tal-ikel għajr xarba. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din id-dispożizzjoni tista’ tkun qarrieqa għall-konsumaturi.

4.3.

Bil-għan li jinżamm il-valur miżjud għall-produtturi u biex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi, il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm il-livell attwali ta’ protezzjoni għas-settur tax-xorb spirituż meta ssir referenza għall-“post ta’ manifattura” versus il-“post ta’ oriġini”. It-terminoloġija ġdida m’għandhiex timplika bidliet kbar għas-settur tal-ispirti, peress li l-punt kritiku huwa l-post fejn il-prodott jiġi ddistillat u manifatturat.

4.4.

L-Istati Membri huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-użu illegali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-Kummissjoni għandha tiġi infurmata dwar l-applikazzjoni tar-regoli fl-Istati Membri, b’hekk tipprovdi qafas adegwat li jippermetti li l-ispirti foloz jitneħħew mis-suq.

4.5.

Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċedura ta’ oppożizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati biex jilħqu ftehim, peress li din il-proċedura hija inqas ta’ piż u ma taffettwax ir-riżultati.

4.6.

Ir-reġistru tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż li jissostitwixxi l-Anness III għandu jitqies bħala mezz biex jimmodernizza l-mudell, mingħajr ma jaffettwa d-drittijiet, l-obbligi jew it-trasparenza tas-sistema.

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(2)  Artikolu 43(2) tat-TFUE.

(3)  Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(4)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(5)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 10.

(6)  Ara pereżempju: HBSC (Health Behaviour in School-aged Children, 11-13-15 years old) – summary of key findings of the last HBSC study published in 2016 [HBSC – L-imġiba fir-rigward tas-saħħa fit-tfal li jmorru l-iskola ta’ 11-13-15-il sena – sinteżi tar-riżultati ewlenin tal-aħħar studju tal-HBSC ippubblikat fl-2016]: http://spirits.eu/files/98/cp.as-095-2016-hbsc-survey-2016-key-messages-final.pdf; ESPAD (the European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs, 15-16 years old) [Il-proġett ta’ stħarriġ tal-iskola Ewropa dwar l-alkoħol u drogi oħra, tfal ta’ 15 u 16-il sena]. L-istudju tal-ESPAD juri li 86 % tal-istudenti Ewropej bħalissa jirrappurtaw li ma kinux “xurbana” fl-aħħar 30 jum. Dan huwa tnaqqis ta’ 23 % fil-livell ta’ intossikazzjoni (mill-2003 ‘l hawn). Il-frekwenza ta’ xorb bla rażan episodiku naqset bi 28 % mill-massimu tagħha fl-2007 (minn 18 % fl-2007 għal 13 % fl-2015). Dawn ix-xejriet pożittivi jistgħu jiġu osservati kemm fis-subien kif ukoll fil-bniet.

(7)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 28.

(8)  Report from the Commission to the EP and the Council regarding the mandatory labelling of the list of ingredients and the nutrition declaration of alcoholic beverages (Rapport mill-Kummissjoni lill-PE u lill-Kunsill dwar it-tikkettar obbligatorju tal-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni nutrittiva tax-xorb alkoħoliku), COM(2017) 58 final – 13/03/2017, mhux disponibbli bil-Malti.


Top