EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0413(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 130, 13.4.2016, p. 12–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 130/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 130/09)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEORAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“NOIX DE GRENOBLE”

Nru tal-UE: FR-PDO-0217-01295 — 29.12.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikanti u interess leġittimu

Comité interprofessionnel de la Noix de Grenoble (CING)

Les Colombières

38160 Chatte

FRANCE

Tel. +33 476640664

Fax +33 476640740

Posta elettronika: cing@aoc-noixdegrenoble.com

Is-CING hija assoċjazzjoni stabbilita skont il-liġi tal-1 ta’ Lulju 1901. Għandha interess leġittimu biex tippreżenta l-applikazzjoni u tikkonsisti minn madwar 1 000 operatur (produtturi, spedituri u imballaturi).

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [rekwiżiti nazzjonali, aġġornament tad-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi ta’ kontroll, bidliet editorjali oħra]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda fl-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex titqies bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott:

Wara s-serje ta’ analiżi organolettika mwettqa mill-1997 ‘il hawn għal din id-denominazzjoni tal-oriġini u wara l-ħidma ta’ karatterizzazzjoni mwettqa mill-Università ta’ Suze la Rousse, żdiedu d-deskritturi tal-karatteristiċi organolettiċi tan-“Noix de Grenoble” li ġejjin:

il-qalba tal-ġewża hija soda u mlaħħma,

kulur li jagħti fil-kannella ċar,

ħjiel ta’ togħma morra u b’aromi tal-ġellewż u tal-ħobż frisk.

Żona ġeografika:

Ġew ippreċiżati l-istadji li jridu jitwettqu fiż-żona: l-istadji kollha mill-produzzjoni tal-ġewż sal-ippakkjar.

Iż-żona ġeografika ġiet estiża għall-muniċipalità ta’ Drôme: “Saint-Donat-sur l’Herbasse”, biswit iż-żona, fuq rapport ta’ espert li juri li din il-muniċipalità tikkonforma mal-kriterji ta’ demarkazzjoni taż-żona ġeografika ta’ din id-denominazzjoni. Fost il-kriterji relatati mal-fatturi naturali, wieħed jinnota: klima b’xejra kontinentali, altitudni ta’ inqas minn 600 m, ħamrija li tiffavorixxi l-iżvilupp tas-siġar tal-ġewż, kontinwità maż-żona ġeografika, u fost il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ fatturi umani: attività żviluppata tal-kultivazzjoni tal-ġewż, li influwenzat il-pajsaġġ, rabtiet mas-settur “Noix de Grenoble”, prattiki ta’ kultivazzjoni u ta’ trattament tal-frott wara l-ħsad li huma simili għal dawk użati fiż-żona ġeografika.

L-ispeċifikazzjoni oriġinarjament kienet tirreferi għal żona ġeografika li tikkonsisti minn 257 muniċipalità. Din iċ-ċifra ma kinitx korretta. Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Noix de Grenoble” kienet inizjalment deskritta biss fil-cantons fit-testi li jiddefinixxu d-denominazzjoni. Madankollu, il-cantons jevolvu b’mod regolari, u l-fruntieri tagħhom jinbidlu: xi muniċipalitajiet li oriġinarjament kienu jiffurmaw parti mill-cantons taż-żona ġeografika ma ġewx rikonoxxuti minħabba f’hekk. Riċerka dettaljata tal-bażi tal-cantons storiċi wriet li ż-żona, li baqgħet l-istess minn mindu saret ir-reġistrazzjoni inizjali fl-1996, hija magħmula minn 260 muniċipalità (flimkien mal-muniċipalità ċitata hawn fuq), li issa huma elenkati fl-ispeċifikazzjoni.

Il-proċedura tal-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art, imsemmija fil-parti “Metodu ta’ produzzjoni” (li għad-DOP “Noix de Grenoble” ilha mill-1996) u li ssir biex tiżgura li l-biċċiet ta’ art użati jissodisfaw il-kriterji marbuta mal-post tat-tħawwil, ġiet deskritta f’aktar dettall f’din it-taqsima.

Prova tal-oriġini

Minħabba l-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, it-taqsima msejħa “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” ġiet ikkonsolidata u tinkludi fost l-oħrajn l-obbligi tad-dikjarazzjoni u taż-żamma ta’ reġistri relatati mat-traċċabbiltà tal-prodott u mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni.

F’dan il-kuntest, b’mod partikolari hija prevista awtorizzazzjoni tal-operaturi li tirrikonoxxi l-abbiltà tagħhom li jissodisfaw l-esiġenzi tal-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni li minnha qed jistennew li se jibbenefikaw, li tinħareġ minn korp ta’ kontroll, akkreditat u approvat mill-INAO. Din l-awtorizzazzjoni u l-kontroll tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP “Noix de Grenoble” isiru skont pjan ta’ kontroll imħejji mill-korp ta’ spezzjoni.

L-elementi b’rabta mal-istorja ġew ittrasferiti għat-taqsima “rabta mal-oriġini” (tal-ispeċifikazzjonijiet).

Metodu ta’ produzzjoni

—   Varjetajiet għad-dakra:

Sabiex tkun regolata l-preżenza ta’ varjetajiet li jiddakkru, huwa ppreċiżat li fl-imsaġar huma awtorizzati 5 % tas-siġar tal-varjetajiet għad-dakra. Il-frott ta’ dawn is-siġar ma jibbenefikax minn denominazzjoni tal-oriġini.

—   Densità ta’ tħawwil:

Sabiex din id-dispożizzjoni tissaħħaħ, tneħħiet il-possibbiltà ta’ siġar żgħar (anqas minn 12-il sena) b’densità ta’ iktar minn 100 siġra/ettaru. Ġie speċifikat ukoll il-metodu għall-kalkolu tal-erja minima għal kull siġra: l-erja minima ta’ 100 m2 għal kull siġra tinħadem billi tiġi multiplikata d-distanza ta’ bejn il-fillieri b’dik tal-ispazji bejn is-siġar.

—   Kultivazzjoni simultanja:

Sabiex ikun żgurat li l-imsaġar jiġu ġestiti skont il-ħtiġijiet tas-siġar tal-ġewż, qed ġie ppreċiżat li l-kultivazzjoni intermedja tista’ ssir biss sa 5 snin wara t-tħawwil (jiġifieri qabel ma tinbeda l-produzzjoni tas-siġar tal-ġewż).

—   Ħaxix:

Il-ħaxix fil-ħamrija fi żmien il-ħsad tal-ġewż matur, fil-ħarifa jtejjeb il-kwalità tal-prodott lest (il-kwalità sanitarja, il-kulur tal-ġewża). Għalhekk żdiedet id-dispożizzjoni li ġejja li l-preżenza tal-ħaxix fl-imsaġar misqija hija obbligatorja:

“fl-imsaġar misqija, il-preżenza tal-ħaxix, miżrugħ jew le, hija obbligatorja mill-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, u dan mis-sitt sena wara dik tat-tħawwil. Din il-veġetazzjoni tista’ titneħħa fir-rebbiegħa.”

Din id-dispożizzjoni ddaħħlet biss għall-imsaġar li jiġu misqija, fejn il-ħaxix ma jikkompetix mas-siġar għall-ilma. It-tkabbir tal-ħaxix mhuwiex possibbli fiż-żoni l-aktar niexfa.

—   Żabra:

Is-siġra tinżabar għall-formazzjoni sa meta jkollha madwar 10 snin.

Iż-żabra ssir b’mod li s-siġra tibqa’ tarmi l-frott kull sena u li jibqa’ jilħaqha biżżejjed dawlbilli, fil-varjetajiet tradizzjonali, il-blanzuni tal-frott ikunu fit-truf tal-friegħi ta’ dik is-sena.

Meta ssir regolarment, iż-żabra ssaħħaħ is-siġar u timpedixxi t-tkabbir ta’ ġewż żgħir. L-għan huwa li l-friegħi jew il-partijiet ta’ friegħi żejda (pereżempju r-rimjiet) jiġu eliminati għalkollox, u hekk is-siġra tkun imdawla iktar. L-operazzjonijiet taż-żabra jkunu moderati.

Il-kunċett taż-żabra tal-friegħi miz-zokk, li jirreferi għal żabra ġeneralment ħarxa fejn jinqatgħu friegħi sħaħ jew fejn jinqerdu partijiet sostanzjali, ma jidhirx adattat. Il-kunċett taż-żabra ta’ manutenzjoni jew dak ta’ fruttifikazzjoni huwa aktar adattat.

Il-kunċett taż-żabra tal-friegħi miz-zokk għalhekk ġie sostitwit bil-kunċett taż-żabra ta’ manutenzjoni:

“Is-siġar tal-ġewż jinżabru għall-manutenzjoni tal-inqas kull tliet snin.”

—   Tisqija:

It-tisqija tippermetti li l-livell ta’ produzzjoni ikun regolarizzat u anki biex jinkiseb ġewż ta’ kwalità b’rabta mar-rekwiżiti tas-suq.

Matul staġun tal-veġetazzjoni, is-siġra tal-ġewż tgħaddi minn stadji differenti ta’ żvilupp li matulhom in-nuqqas ta’ ilma jista’ jipperikola l-ħsad ta’ dik is-sena (fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità), il-ħsad tas-snin ta’ wara, u t-tul ta’ ħajja tal-masġar.

In-nuqqas ta’ ilma f’Ġunju jipperikola d-daqs tal-frott u t-tkabbir veġetattiv. F’Lulju, in-nixfa twassal biex il-blanzuni tal-frott jiffurmaw ħażin (il-frott jinħasad is-sena ta’ wara) u l-istess jiġri lill-ġewża (dan jaffettwa l-kwalità tal-ħsad ta’ dik is-sena). Fl-aħħar nett, f’Awwissu u f’Settembru, tisqija ħażina thedded il-kwalità tal-qalba tal-ġewża u ma tippermettix il-formazzjoni tal-friegħi ta’ dik is-sena fi zkuk. Barra minn hekk, żmien twil ta’ nixfa jirriżulta f’utilizzazzjoni ħażina tal-elementi fertilizzanti meħtieġa għall-iżvilupp tajjeb tal-organi differenti tas-siġra.

Għaldaqstant l-emenda hi maħsuba li tawtorizza t-tisqija u li tħassar id-data ta’ meta tintemm it-tisqija għaliex bis-saħħa ta’ tisqija iktar fit-tul se tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ġewża:

“It-tisqija hija permessa matul il-perjodu veġetattiv tas-siġra tal-ġewż, u anki sal- ħsad, u dan biex jiġi evitat li l-ġewża tinxef u hekk tiġi żgurata l-kwalità tal-ġewża finali.”

It-tisqija fuq il-weraq tibqa’ pprojbita, l-aktar minħabba li mhix effiċjenti u minħabba li tirrikjedi ħafna ilma.

—   Nutrijenti għall-ħamrija:

Billi l-ġewż jinġabar minn fuq il-ħamrija, l-użu ta’ materjal organiku ta’ oriġini mhux agrikola huwa rregolat: żdiedet għalhekk dispożizzjoni fl-ispeċifikazzjoni. Kull żieda ta’ materjal organiku ta’ dan it-tip għandha tiġi analizzata bir-reqqa u għandha titwaqqaf minnufih.

L-użu ta’ regolaturi tat-tkabbir jibqa’ pprojbit. Ġie ċċarat ukoll li l-attivaturi tal-maturazzjoni kienu pprojbiti.

—   Ħsad:

Ġew speċifikati r-regoli biex tiġi stabbilita data tal-ħsad li tikkorrispondi mal-aqwa fażi ta’ maturazzjoni tal-ġewż: il-maturazzjoni tajba tal-ġewż tfisser li l-ħsad isir meta l-ġewża tkun soda u titqaxxar b’mod faċli. Barra minn hekk, il-parti ċentrali interna tkun kompletament kannella fi 80 % tas-siġar tal-ġewż konċernati.

Minbarra dan, ġie ppreċiżat li huwa d-Direttur tal-INAO, l-awtorità kompetenti, li jistabbilixxi meta jibda l-perjodu tal-ħsad (fil-livell kollettiv) fuq proposta tal-konsorzju u wara analiżi tal-ġewż matur.

—   Rendiment:

Biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tat-traċċabbiltà u tal-volumi, ġiet introdotta l-medja tal-livellmassimu ta’ rendiment minn kull ettaru tal-azjenda, koerenti mal-potenzjal tal-kultivazzjoni tradizzjonali lokali tal-ġewż: “Il-medja tar-rendiment nett tal-imsaġar tal-azjenda ma tistax taqbeż l-4 tunnellati għal kull ettaru f’ekwivalenti ta’ ġewż niexef.”.

—   Ħżin wara l-ħsad:

Billi dan l-istadju huwa importanti ħafna għall-kwalità finali tal-ġewż, ġie ppreċiżat huwa wkoll.

Għalhekk żdied dan li ġej: “Għall-ġewż li jkun għadu kif inħasad u li jkun se jiġi mnixxef, it-tnixxif għandu jibda kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar minn 36 siegħa wara l-ħsad.”

—   Tnixxif:

Fl-intestatura “Le séchage des noix: guide pratique/CTIFL — Septembre 1993”, huwa ppreċiżat li t-temperatura massima ta’ tnixxif ta’ 30 °C hija kompatibbli mal-varjetajiet l-aktar fraġli tal-ġewż. Dan jiggarantixxi t-tnixxif rapidu u effikaċi tal-ġewż mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tiegħu.

Ġie ppreċiżat li t-temperatura massima tat-tnixxif tkun dik ta’ 30 °C.

—   Ħżin tal-ġewż:

Iddaħħlu d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Il-ġewż frisk jiġi ppreservat fl-azjendi tal-operaturi tal-issortjar, tal-ikkalibrar u tal-ippakkjar f’temperatura ta’ bejn 1° u 5 °C u f’livell ta’ umdità ta’ bejn 80 u 95 %.

Mill-31 ta’ Marzu tas-sena wara dik tal-ħsad, il-ġewż niexef jiġi ppreservat qabel l-ippakkjar f’temperatura li ma taqbiżx 8 °C u f’umdità ta’ bejn 60 u 75 %.”

Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu l-preservazzjoni tal-ġewż filwaqt li jiġu ppreservati wkoll il-kwalitajiet organolettiċi u batterjoloġiċi.

—   L-ippakkjar:

Għall-preservazzjoni mtejba tal-karatteristiċi tal-ġewż, iddaħħlu d-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-issortjar u, tal-ippakkjar, dwar id-daqs massimu tal-kontenut, in-natura tal-kontenut u d-dati ta’ skadenza għall-konsenja tal-ġewż tad-denominazzjoni tal-oriġini barra ż-żona ġeografika.

Huwa ppreċiżat li “L-operazzjonijiet tal-issortjar u tal-ippakkjar iridu jsiru fl-istess post, u fi proċess wieħed, mingħajr ħżin intermedju.” L-implimentazzjoni ta’ dawn l-istadji fi proċess wieħed twassal biex il-frott ma jiġix manipulat bosta drabi fuq xulxin, u hekk jiġi evitat li l-ġewż jitkisser u jitfarrak.

“Il-materjali użati għall-ippakkjar tal-ġewż ikunu ġodda u nodfa u ta’ tali kwalità li ma jikkawżawx alterazzjoni esterna jew interna fil-prodott.”

“Il-ġewż niexef jiġi ppakkjat f’imballaġġi ta’ massimu ta’ 25 kg.

Il-ġewż frisk jiġi ppakkjat f’imballaġġi ta’ massimu ta’ 10 kg.

Għall-ġewż frisk huwa awtorizzat biss l-ippakkjar f’boroż bit-toqob jew fi krejts miftuħin.”

“Il-ġewż jista’ jitqiegħed fis-suq bid-denominazzjoni tal-oriġini ‘Noix de Grenoble’ sa mhux aktar tard:

minn xahrejn wara dakinhar li jibda l-ħsad fil-każ tal-ġewż frisk;

mill-31 ta’ Diċembru tas-sena wara dik tal-ħsad fil-każ tal-ġewż niexef.”

Barra minn hekk, ġiet ikkonfermata l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġewż li ma jkollux l-imballaġġ tal-oriġini, billi din id-dispożizzjoni ilha tapplika għal bosta snin f’dan is-settur.

—   Il-kwalità tal-ġewż

Minkejja l-attenzjoni li tingħata waqt l-operazzjonijiet tal-issortjar u tal-ikkalibrar, xorta waħda jista’ jiġi ppakkjat ċertu frott li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li dan li ġej huwa aċċettabbli:

sa 5 %, fl-għadd, ta’ ġewż fil-qoxra li jappartjeni għal varjetajiet oħra barra dawk awtorizzati għad-denominazzjoni tal-oriġini,

sa 5 %, fl-għadd, ta’ ġewż fil-qoxra ta’ daqs inferjuri għal 28 mm,

mingħajr ma dawn flimkien jikkostitwixxu aktar minn 7 % tat-total.

Bil-għan li jiġi żgurat il-livell ta’ kwalità tal-prodotti, għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġewż fil-qoxra, l-ispeċifikazzjoni tad-DOP “Noix de Grenoble” tinkorpora l-livelli ta’ kwalità marbuta mal-kategorija I tal-istandard CEE ONU.

L-ispeċifikazzjonijiet stabbilew ukoll limitu għad-difetti kumulattivi għal kull lott ġewż, sabiex ma jkunx hemm valutazzjoni kumulattiva tagħhom.

Madankollu, globalment, il-lottijiet ta’ “Noix de Grenoble” niexef ma jistax ikollhom aktar minn perċentwal ta’ 10 % ta’ ġewż bid-difetti fil-qoxra tagħhom jew fil-parti li tittiekel (12 % għall-ġewż frisk).

—   Ġustifikazzjoni għall-ippakkjar fiż-żona ġeografika

Sal-lum in-“Noix de Grenoble” jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika jew fil-viċinanza immedjata tagħha. L-ispeċifikazzjonijiet jiċċaraw dan il-punt billi jintroduċu, b’mod espliċitu, l-obbligu tal-ippakkjar tal-ġewż fiż-żona ġeografika.

L-elementi li ġejjin jiġġustifikaw l-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika

Biex tiġi ppreservata l-kwalità finali tad-denominazzjoni tal-oriġini “Noix de Grenoble”, xieraq li jkun hemm limitu fuq il-manipulazzjoni tal-ġewż. Fil-fatt, hemm ir-riskju li l-qoxra li tipproteġi l-parti tal-ġewż li tittiekel, tiddeterjora minħabba d-daqqiet li tieħu (ġewż li jitfarrak jew li jinkiser meta jinħatt fil-karrijiet).

Il-problemi marbuta mal- manipulazzjoni tal-ġewż, lill-operaturi tas-settur jinkwetawhom bil-kbir. Billi l-ħsad huwa mekkanizzat, jeħtieġ li l-manipulazzjoni ta’ wara l-ħsad tkun limitata kemm jista’ jkun sabiex il-ġewż ma jitfarrakx u ma jinkisirx.

Waqt l-ispezzjonijiet li jsiru fuq il-prodott, ta’ sikwit jinstab ġewż imkisser jew imfarrak fil-lottijiet, minkejja l-prekawzjonijiet kollha li jkunu ttieħdu fl-operazzjonijiet tal-ikkalibrar, tal-issortjar jew tal-ippakkjar biex jiġi evitat li l-ġewż jaqa’ mill-għoli.

Sabiex il-manipulazzjoni tal-frott titnaqqas kemm jista’ jkun, l-operazzjonijiet tal-issortjar u tal-ippakkjar isiru fl-istess post fi proċess wieħed, mingħajr ħżin intermedju.

L-ippakkjar isir f’reċipjenti ta’ dimensjonijiet limitati (10 kg għall-ġewż frisk, 25 kg għall-ġewż niexef) bil-għan li l-prodott ma jitgħaffiġx.

Għaldaqstant, meta l-ġewż mhux ippakkjat jinħareġ ‘il barra miż-żona ġeografika biex ikompli jiġi ppakkjat hemmhekk, dan ikun ifisser żieda fil-manipulazzjoni li twassal biex il-ġewż jitkisser, jitfarrak u jitgħaffeġ.

Barra minn hekk, l-ippakkjar isir fiż-żona biex ikunu ppreservati l-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ġewż. Fil-fatt jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għar-rekwiżiti marbuta mal-preservazzjoni tal-prodott

Għall-ġewż frisk: dan il-ġewż, li 20 % minnu huwa kkostitwit mill-ilma, huwa soġġett għad-dessikazzjoni. Għandu ħajja limitata u ma jistax jintbagħat ‘il barra miż-żona aktar tard minn xahrejn wara li jinbeda l-ħsad. Fl-ebda każ ma jista’ jiġi ttrasformat f’ġewż niexef. Id-data tal-ippakkjar tinkiteb fuq il-kontenitur biex il-konsumatur ikun infurmat aħjar. Għall-ħsad tal-ġewż fl-azjendi tal-operaturi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet rigorużi tat-temperatura u tal-umdità: temperatura ta’ bejn 1 u 5 °C, u livell ta’ umdità ta’ bejn 80 u 95 %.

Għall-ġewż niexef: dan għandu kompożizzjoni differenti minħabba li l-livell ta’ umdità ma jaqbiżx it-12 %, għalkemm xorta waħda hija enfasizzata il-kompożizzjoni importanti tiegħu f’lipidi (aċidi grassi): 66 %. Preservazzjoni ħażina tista’ twassal għall-ossidazzjoni tal-prodott: jiġifieri jitħassar. Għal din ir-raġuni, l-operaturi tal-issortjar u tal-ippakkjar iridu jippreservaw il-ġewż niexef wara l-31 ta’ Marzu (meta t-tempertura terġa’ tibda tielgħa) f’temperatura limitata għal 8 °C u f’livell ta’ umdità ta’ bejn 60 u 75 %. Dan il-prodott ukoll għandu ħajja limitata, minħabba li l-konsenja tal-ġewż niexef ‘il barra miż-żona ma tistax issir qabel il-31 ta’ Diċembru ta’ wara l-ħsad.

Dawn il-kriterji ta’ preservazzjoni jistgħu jiġu vverifikati b’mod preċiż biss wara kontroll bir-reqqa taħt is-superviżjoni tal-operaturi tal-issortjar u tal-ippakkjar li jinsabu fiż-żona ġeografika. Barra minn hekk, l-ispezzjoni li ssir fuq il-lottijiet tal-ġewż ippakkjat tiggarantixxi lil dak li jkun li jkun qed josserva l-kundizzjonijiet kollha tal-preservazzjoni.

In-nuqqas tal-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika iqajjem problemi oħra ta’ kontroll u ta’ traċċabbiltà.

Fil-fatt, il-ġewż huwa prodott li jista’ jiġi sostitwit b’ieħor. Ir-riskju huwa dovut għas-sura tawwalija tal-varjetà li tiġi prodotta fil-biċċa l-kbira fiż-żona ġeografika: il-Franquette, li tista’ tiġi faċilment imfixkla mal-ġewż prodott f’żoni ġeografiki oħrajn. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, l-għarfien espert tal-operaturi lokali huwa fundamentali għat-twettiq tal-kontrolli fuq il-purità tal-varjetà. Barra minn hekk, id-denominazzjoni “Noix de Grenoble”, li ilha teżisti mill-1938, tgawdi reputazzjoni kbira u diġà sfat fil-mira ta’ bosta prattiki abbużivi fil-livell internazzjonali (il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika…). Il-possibbiltà li l-ippakkjar jew l-ippakkjar mill-ġdid jitħalla jsir barra miż-żona ġeografika tad-DOP “Noix de Grenoble” tista’ twassal għal frodi simili.

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika jippermetti li l-kontrolli tal-karatteristiċi tal-prodott isiru fuq il-ġewż ippakkjat. Fuq il-kontenituri jitwaħħlu l-istikers “Noix de Grenoble” imqassma mill-konsorzju lil kull operatur li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni. Dawn għandhom iżommu rendikont ta’ kollox biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-volumi kummerċjalizzati bħala d-DOP “Noix de Grenoble”. Din is-sistema, li ilha fis-seħħ mill-1968, tipprovdi garanzija addizzjonali dwar in-nonsostituzzjoni tal-prodotti qabel ma jitqiegħdu fis-suq. In-“Noix de Grenoble” jiġi ppreżentat għall-bejgħ lill-konsumatur fl-imballaġġ li fih ikun ġie ppakkjat inizjalment.

Tikkettar:

Il-kliem fuq it-tikkettar ġie stabbilit b’mod li l-konsumatur ikun infurmat aħjar.

L-obbligu li titpoġġa r-referenza “denominazzjoni tal-oriġini kontrollata” jew “DOK” tħassar.

Għall-ġewż frisk, kien previst li dan jista’ jissejjaħ ukoll “ġewż bikri” b’mod li jikkonforma ma’ dak li jeżisti wkoll fis-suq tal-ġewż frisk.

Qed jiġi ppreċiżat li s-simbolu DOP tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju.

Skont il-prassi li ilha mill-1968, titwaħħal stiker speċifika fuq it-tikkettar tan-“Noix de Grenoble”.

Dawn l-istikers jingħataw mill-konsorzju, mingħajr limitu, lil kull operatur li jirrispetta l-ispeċifikazzjoni. Huma ta’ kulur aħmar jgħajjat (referenza: Pantone 032) u b’dijametru minimu ta’ 3 cm għal kull imballaġġ.

Sabiex il-konsumatur ikun infurmat aħjar, it-tikkettar għandu jispeċifika wkoll:

l-identità ta’ min hu responsabbli mill-ippakkjar u/jew mill-konsenja: l-isem u l-indirizz jew is-simbolu tal-identifikazzjoni;

is-sena tal-ħsad;

id-data tal-ippakkjar, għalkemm din hija obbligatorja għall-ġewż frisk, u mhux għall-ġewż niexef;

fil-każ tal-ġewż frisk, waħda mill-frażijiet li ġejjin:

“A consommer rapidement, à entreposer de préférence au frais”

jew

“Conservation très limitée, à entreposer au frais”.

Affarijiet oħra

Deskrizzjoni tal-prodott:

Il-kjarifiki maħsuba biex il-prodott jiġi deskritt aħjar, li diġà jeżistu fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, ġew ittrasferiti għal din it-taqsima:

żieda tal-ismijiet tal-varjetajiet lokali endemiċi użati: Franquette, Mayette u Parisienne,

dettalji tal-kategoriji “ġewż niexef” u “ġewż frisk”, bil-livell ta’ umdità rispettivi tagħhom (minimu ta’ 20 % għall-ġewż frisk u massimu ta’ 12 % għall-ġewż niexef).

Metodu ta’ produzzjoni: Varjetajiet u msaġar:

Minħabba l-obbligu tal-provenjenza tal-frott minn imsaġaridentifikati fiż-żona ġeografika fit-taqsima “żona ġeografika”; il-kjarifika korrispondenti tħassret minn din it-taqsima.

Rabta maż-żona ġeografika:

Din it-taqsima ġiet organizzata taħt tliet subintestaturi u ġiet ippreċiżata.

Referenzi dwar il-korp ta’ kontroll:

Żdiedu d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll biex jissostitwixxu dawk tal-korp ta’ kontroll; dan sar bil-għan li -ispeċifikazzjonijiet ma jkollhomx għalfejn jiġu emendati f’każ li jinbidel il-korp ta’ kontroll.

Rekwiżiti nazzjonali:

Minħabba bidliet leġiżlattivi u oħrajn fir-regolamenti nazzjonali, l-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali” issa tinkludi tabella li fiha l-punti prinċipali li għandhom jiġu ċċekkjati, il-valuri ta’ referenza tagħhom u l-metodi tal-evalwazzjoni tagħhom.

DOKUMENT UNIKU

“NOIX DE GRENOBLE”

Nru tal-UE: FR-PDO-0217-01295 — 29.12.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Noix de Grenoble”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li l-isem fil-punt 1 japplika għalih

Il-ġewż li jikkwalifika għad-denominazzjoni “Noix de Grenoble” huwa ġewż fil-qoxra minn waħda minn dawn il-varjetajiet li ġejjin jew aktar: Franquette, Mayette, u Parisienne. Il-ġewż jista’ jkun frisk jew niexef.

Il-ġewż frisk huwa frott b’dijametru minimu ta’ 28 mm. Il-qalba tkun soda u ħoxna, tagħti fil-kannella ċar, titqaxxar faċilment u għandha livell ta’ umdità naturali ta’ 20 % jew ogħla.

Il-ġewż niexef huwa frott b’dijametru minimu ta’ 28 mm. Il-qalba tkun soda u ħoxna, tagħi fil-kannella ċar, għandha livell ta’ umdità naturali ta’ 12 % jew inqas.

Il-ġewż frisk jew niexef huwa karatterizzat minn ħjiel ta’ togħma morra, u b’aromi tal-ġellewż u tal-ħobż frisk.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Jintuża biss il-ġewż matur tal-varjetajiet li ġejjin: Franquette, Mayette, u Parisienne.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-operazzjonijiet kollha, mill-ħsad tal-ġewż sal-issortjar u l-ikkalibrar finali, jitwettqu fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li l-isem japplika għalih

L-elementi li ġejjin jiġġustifikaw l-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika

Biex tiġi ppreservata l-kwalità finali tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Noix de Grenoble”, jeħtieġ li titnaqqas kemm jista’ jkun il-manipulazzjoni tal-ġewż billi hemm ir-riskju li l-qoxra li tipproteġi l-parti tal-ġewż li tittiekel, tiddeterjora minħabba d-daqqiet li tieħu (u l-ġewż jitfarrak u jitkisser).

L-operaturi tas-settur għalhekk inaqqsu kemm jista’ jkun il-manipulazzjoni ta’ wara l-ħsad. Għalhekk, l-operazzjonijiet tal-issortjar u tal-ippakkjar isiru fl-istess post f’proċess wieħed, mingħajr ħżin intermedju.

L-ippakkjar isir f’reċipjenti ta’ dimensjonijiet limitati (10 kg għall-ġewż frisk, 25 kg għall-ġewż niexef) bil-għan li dan jevita l-problemi ta’ tagħfiġ.

Il-konsenja tal-ġewż mhux ippakkjat tfisser għalhekk żieda fil-manipulazzjoni, li twassal biex il-ġewż jitkisser, jitfarrak u jitgħaffeġ.

Barra minn hekk, l-ippakkjar isir fiż-żona biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ġewż.

Il-ġewż frisk, li 20 % minnu huwa kkostitwit minn ilma huwa soġġett għad-dessikazzjoni. Għandu ħajja limitata: jintbagħat ‘il barra miż-żona mhux aktar tard minn xahrejn wara l-bidu ta’ ħsad. Għall-ħsad tal-ġewż fl-azjendi tal-operaturi tal-ikkalibrar, tal-issortjar u tal-ippakkjar huma stabbiliti kundizzjonijiet rigorużi tat-temperatura u ta’ umdità

Il-ġewż niexef fih kompożizzjoni importanti ta’ lipidi (aċidi grassi): 66 %. Preservazzjoni ħażina tista’ twassal għall-ossidazzjoni tal-prodott. Huma stabbiliti kondizzjonijiet ta’ temperatura u ta’ umdità għall-ħżin ta’ dan il-ġewż fl-azjendi tal-operaturi li jwettqu l-ikkalibrar, l-issortjar u l-ippakkjar wara l-31 ta’ Marzu. Il-konsenja tal-ġewż niexef ‘il barra miż-żona ma tistax issir qabel il-31 ta’ Diċembru li jiġi wara l-ħsad.

Dawn il-kriterji ta’ preservazzjoni jistgħu jiġu vverifikati b’mod preċiż biss wara spezzjoni bir-reqqa taħt is-superviżjoni tal-operaturi tal-issortjar u tal-ippakkjar, li jinsabu fiż-żona ġeografika, tal-ġewż ippakkjat.

In-nuqqas tal-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika iqajjem problemi oħra ta’ kontroll u ta’ traċċabbiltà.

Fil-fatt, il-ġewż huwa prodott li jista’ jiġi sostitwit b’ieħor. L-għarfien espert tal-operaturi lokali hija essenzjali biex tiġi vverifikata l-purità tal-varjetà. Barra minn hekk, id-denominazzjoni “Noix de Grenoble”, li ilha teżisti mill-1938, tgawdi reputazzjoni kbira u diġà sfat fil-mira ta’ bosta usurpi fil-livell internazzjonali. Il-possibbiltà li l-ppakkjar jew l-ippakkjar mill-ġdid jitħalla jsir barra miż-żona ġeografika tad-DOP “Noix de Grenoble” tista’ twassal għal frodi simili.

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika jagħmilha possibbli biex jitwettqu kontrolli tal-karatteristiċi tal-prodotti fuq il-ġewż imballat. Fuq il-kontenituri jitwaħħlu l-istikers “Noix de Grenoble”, li tagħhom il-konsorzju jżomm il-kontijiet li jippermetti li jiġu stabbiliti l-volumi li tqiegħdu fis-suq. Din is-sistema, introdotta mill-1968, tipprovdi garanzija addizzjonali dwar in-nonsostituzzjoni tal-prodotti sal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. In-“Noix de Grenoble” jiġi ppreżentat għall-bejgħ lill-konsumatur fl-imballaġġ li fih ikun ġie ppakkjat inizjalment.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed tirreferi d-denominazzjoni

Minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta bil-liġi, it-tikketta fuq il-pakketti individwali jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin, miġbura fuq l-istess naħa tal-imballaġġ, f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw b’mod ċar u viżibbli:

id-denominazzjoni “Noix de Grenoble”;

is-simbolu DOP tal-Unjoni Ewropea.

Fejn ikun xieraq, il-kliem “ġewż frisk” jew “ġewż bikri”, fuq l-imballaġġ ta’ ġewż frisk, jew “ġewż niexef”.

B’mod fakultattiv jista’ wkoll isegwi l-kliem “denominazzjoni ta’ oriġini” f’ittri individwali, jew jitqiegħed qrib sew l-isem.

Il-kliem kollu għandu jkun stampat f’karattri li d-dimensjonijiet tagħhom ma għandhomx jaqbżu dawk tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Noix de Grenoble”;

l-istiker bin-numru jew bin-numru tal-kuntratt maħruġ mill-Comité Interprofessionnel de la Noix de Grenoble, bil-kulur aħmar jgħajjat (kulur ta’ referenza: Pantone 032) b’dijametru minimu ta’ 3 ċm għal kull tip ta’ imballaġġ;

l-identità ta’ min hu responsabbli mill-ippakkjar u/jew mill-konsenja: l-isem u l-indirizz jew is-simbolu tal-identifikazzjoni;

is-sena tal-ħsad;

għall-ġewż frisk:

id-data tal-ippakkjar;

waħda mill-frażijiet li ġejjin:

“konsum malajr, ħżin preferibbilment f’post frisk”

jew

“preservazzjoni limitata ħafna, ħżin f’post frisk”.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

L-operazzjonijiet kollha, mill-ħsad sal-ippakkjar fiż-żona ġeografika, jitwettqu fiż-żona ġeografika, li hija ristretta għar-reġjuni agrikoli naturali ta’ Grésivaudan, Chambarans u Bièvre.

Iż-żona tkopri 261 muniċipalità, 184 fl-Isère, 48 fid-Drôme u 29 f’Savoie.

Département de la Drôme:

Il-komuni kollha tal-cantons ta’ Bourg-de-Péage, Romans-sur-Isère, Romans-sur-Isère cantons 1 u 2, Saint-Jean-en-Royans.

Il-canton ta’ Le Grand-Serre: Il-muniċipalitajiet ta’ (Le) Grand-Serre, Montrigaud.

Il-canton de Saint-Donat-sur-l’Herbasse: Il-muniċipalità ta’ Saint-Donat-sur-l’Herbasse

Département de l’Isère

Il-muniċipalitajiet kollha tal-canton li ġejjin: Allevard, Domène, Échirolles, Échirolles-Est, Eybens, Fontaine-Sassenage, Fontaine-Seyssinet, Goncelin, Grenoble, Le Touvet, Meylan, Pont-en-Royans, Rives, Roybon, Saint-Égrève, Saint-Etienne-de-Saint-Geoirs, Saint-Ismier, Saint-Marcellin, Tullins, Vinay, Voiron.

Il-canton de La Côte-Saint-André: il-muniiċipalitajiet ta’ Balbins, (La) Côte-Saint-André, Faramans, Gillonnay, Ornacieux, Pajay, Penol, Saint-Hilaire-de-la-Côte, Sardieu,

Il-canton ta’ Le Grand-Lemps: il-muniiċipalitajiet ta’ Apprieu, Bévenais, Colombe, (Le) Grand-Lemps.

Il-canton ta’ Villard-de-Lans: Il-muniċipalitajiet ta’ Engins, Saint-Nizier-du-Moucherotte.

Département de la Savoie:

Il-muniċipalitajiet kollha tal-cantons ta’ Montmélian, (La) Rochette.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali:

Iż-żona ġeografika hija limitata għar-reġjuni agrikoli u naturali ta’ Grésivaudan, ta’ Chambarans u ta’ Bièvre, tul il-Wied tal-Isère, li għandhom karatteristiċi speċifiċi li jagħmluhom partikolarment tajbin għall-kultivazzjoni ta’ ġewż ta’ kwalità.

It-temperatura medja annwali ta’ 10,5 °C f’madwar 300 m għoli hija ideali għaċ-ċiklu sħiħ u armonjuż tat-tkabbir tas-siġar tal-ġewż.

Il-preċipitazzjoni medja annwali ta’ bejn 800 u 1 100 mm tiggarantixxi provvista tal-ilma u umdità suffiċjenti; biżżejjed biex la tinfaqa’ l-ħamrija u lanqas ma jinġema’ wisq ċpar.

Ix-xtiewi kesħin (medja ta’ 65 jum ta’ ġlata fil-Punent taż-żona u 100 jum fil-Lvant) jirriżultaw fil-vernalizzazzjoni perfetta tas-siġar, prerekwiżit indispensabbli għal fjuritura regolari fir-rebbiegħa.

L-istaġun tax-xitwa għandu l-anqas preċipitazzjoni. Dan jevita milli l-ħamrija tinfaqa’ fir-rebbiegħa, xi ħaġa li kieku ttellef lis-siġar milli jerġgħu jkunu attivi.

Il-firxa tat-temperatura annwali (19-20 °C), karatteristika tal-influwenzi kontinentali, tippromwovi r-regolarità tal-istadji tar-riproduzzjoni.

Minn Awwissu, it-temperatura tinżel b’10 °C f’xahrejn. Il-maturazzjoni għalhekk hija regolari ferm, u s-siġar ma jerġgħux jibdew jikbru malajr — fil-każ kuntrarju ikunhemm effett negattiv fuq il-kwalità u r-reżistenza tal-friegħi żgħar.

L-inżul f’salt fit-temperatura minħabba l-influwenza tal-fotoperjodu u minħabba ż-żieda fl-umdità tal-arja jipprovoka l-frammentazzjoni tal-qoxra u s-siġar jibdew iwaqqgħu il-frott tagħhom malajr ħafna u b’mod omoġenju. Is-sinkronizzazzjoni taċ-ċiklu riproduttiv tkompli sal-fażi finali tagħha.

Il-ħarifa huwa dejjem l-istaġun l-aktar umdu u, bħala medja, Ottubru huwa x-xahar li fih tinżel l-aktar xita.

Fatturi umani:

Il-kultivazzjoni tal-ġewż fil-Wied tal-Isère hija antika ħafna. L-arkivji ta’ Grenoble fi tmiem is-seklu 11 jirreferu għall-ammonti mħallsa f’“sétiers” tal-ġewż, u l-kontijiet tas-sinjuri għas-sekli 14 u 15 jsemmu wkoll din il-produzzjoni.

L-iżvilupp tal-produzzjoni ta’ ġewż ta’ kwalità uniformi destinat għall-bejgħ seta’ jsir bis-saħħa tat-teknika tat-tilqim, żviluppata sa minn tmiem is-seklu tmintax. Il-pajsaġġ lokali huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ pjantaġġuni tal-ġewż u ta’ nixxiefa tradizzjonali.

L-iżvilupp ta’ din il-produzzjoni, fl-istess żmien tal-iżvilupp tal-mezzi tat-trasport, ippermetta li jintrebħu s-swieq Franċiżi iżda wkoll dawk Ingliżi u Amerikani. Qabel l-1900, il-produtturi tal-ġewż tal-villaġġ ta’ Rivière kienu diġà nġabru biex jikkordinaw l-isforzi tagħhom u jibdew jesportaw il-ġewż lejn l-Istati Uniti tal-Amerika

L-organizzazzjoni tal-professjoni kellha l-għan ukoll li tippromwovi l-prodott ta’ kwalità għolja, u li tipproteġih kontra l-abbuż mill-isem “Noix de Grenoble”. Iżda kien biss fl-1927 li twaqqfet il-Federazzjoni tat-Trejdjunjins tal-produtturi tan-“Noix de Grenoble” u fl-1938 inkisbet id-denominazzjoni tal-oriġini “Noix de Grenoble” (bid-digriet tas-17 ta’ Ġunju 1938).

Fattur ieħor fl-iżvilupp tal-ġewż huwa l-preżenza mill-bidu tas-seklu għoxrin tal-mixtliet lokali speċjalizzati fis-siġar tal-ġewż ta’ Vinay, Vif, Saint-Marcellin u wara l-1960, fil-muniċipalità ta’ Chatte. Iż-żamma fil-mixtliet ta’ dan l-għarfien espert jispjega parzjalment l-omoġeneità relattiva tal-imsaġar tal-frott tan-Noix de Grenoble. Din ir-riproduċibbiltà kostanti tal-kampjuni miksuba u r-regolarità tal-kwalità tal-ġewż li tirriżulta jikkontribwixxu għar-reputazzjoni tal-Wied tal-Isère fejn tidħol il-produzzjoni tal-ġewż. Ta’ min jinnota wkoll li ż-żona ġeografika hija l-post fejn ġew żviluppati diversi għodod speċifiċi adattati għall-ħsad tal-ġewż u t-tnixxif tiegħu.

Barra minn hekk, l-għażla ta’ varjetajiet indiġeni tat-tilqim adattati għal fatturi naturali fil-Wied tal-Isère għandha rwol prominenti fid-drawwiet lokali. It-tliet varjetajiet endemiċi li kienu l-bażi għar-rikonoxximent bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta għall-1938 huma: il-Franquette, il-Mayette, u l-Parisienne.

Is-siġar jitkabbru f’imsaġar tal-frott b’densità ristretta: kull siġra għandu jkollha mill-inqas 100 m2. Is-siġar jinżabru għall-formazzjoni. Żabra kull sentejn jew sa 3 snin hija suffiċjenti sabiex tippermetti d-dawl tax-xemx jippenetra l-weraq.

Il-ġewż jinġabar meta jkun sar, jiġifieri meta l-parti ċentrali interna tkun kompletament kannella. Il-ġewż jiġi ssortjat, maħsul u mnixxef minnufih: it-tnixxif jibda mhux aktar tard minn 36 siegħa wara l-ħsad.

It-tnixxif tal-ġewż normalment isir permezz ta’ fluss ta’ arja moderatament sħuna (mhux aktar minn 30 °C) li tgħaddi fuq massa ta’ ġewż għat-tnixxif jew, fl-azjendi tal-produtturi ż-żgħar, bit-tnixxif naturali fuq pannelli.

Ladarba jinxef, il-ġewż jiġi kkalibrat. L-aġġustament tal-kalibraturi adattat skont il-karatteristiċi tal-varjetajiet tad-denominazzjoni, ftit jew wisq tawwalin, jippermetti l-għażla ta’ ġewż b’kalibru akbar minn 28 mm.

L-għażla finali tal-ġewż tippermetti li l-lottijiet ikun fihom inqas minn 10 % tal-frott b’difetti tal-qoxra/qalba (12 % fil-każ tal-ġewż frisk); dan eżatt qabel l-ippakkjar f’kontenituri ta’ daqs limitat li l-ġewż jiġi ppreżentat lill-konsumatur fihom, sabiex tkun iggarantita l-integrità tal-prodott.

Speċifiċitajiet tal-prodott

In-“Noix de Grenoble” għandu dijametru minimu ta’ 28 mm u jiġi fil-qoxra, frisk jew niexef. Il-qoxra hija nadifa u f’saħħitha u ma tippreżenta l-ebda difett li jista’ jaffettwa b’mod ħażin id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni tiegħu.

Il-qalba hija soda u mlaħħma. Għandha kulur jagħti fil-kannella ċar.

Il-ġewż frisk jew niexef huwa karatterizzat minn ħjiel ta’ togħma morra, u minn aromi tal-ġellewż u tal-ħobż frisk.

Rabta kawżali

It-tħawwil tal-imsaġar tal-frott fil-Wied tal-Isère, bi klima relattivament umda u esposta għar-riħ, kien kompatibbli ferm mal-esiġenzi ewlenin tal-kultivazzjoni tal-ġewż u ffavorixxa l-iżvilupp tagħha.

L-għażla tal-ħamrija l-aktar favorevoli mill-perspettiva tal-kultivaturi tal-ġewż, kif ukoll it-tisqija regolari, jiggarantixxu l-produzzjoni regolari ta’ ġewż imlaħħam u ta’ kwalità.

L-inżul fit-temperaturi osservat fl-aħħar ta’ Awwissu jippermetti l-maturazzjoni bil-mod u regolari tal-frott.

Fil-Wied tal-Isère, ix-xita li tinżel fil-ħarifa ċertament ma tiffaċilitax il-ħsad, iżda essenzjalment tiggarantixxi l-finezza tan-Noix de Grenoble. Fil-fatt it-telf tal-ilma mill-qalba jiġri bil-mod, b’mod regolari u omoġenju. Dan huwa kemm minħabba l-ħxuna tal-qoxra kif ukoll minħabba l-livell għoli ta’ umdità. Il-pass kajman u r-regolarità tal-fenomenu jgħin biex ir-riżervi ma jintilfux malajr u anki biex il-lipidi jibqgħu intatti.

L-użu tal-varjetajiet lokali endemiċi (Franquette, Mayette, u Parisienne) ikkultivati fir-reġjun tagħhom, jippromwovi l-produzzjoni ta’ frott b’togħma rikka u tajba.

Il-prattiki ta’ kultivazzjoni, jiżguraw l-esponiment tajjeb għax-xemx tal-weraq tas-siġar, xi ħaġa li tgħin ferm fil-maturazzjoni tal-frott.

Il-frott jista’ jinħasad ukoll lejn l-aħħar ta’ Settembru, meta jkun immatura sew, minn data stabbilita kull sena wara li jkun sar studju kollettiv tal-maturità tal-ġewż f’setturi differenti (l-altitudni, il-ħamrija, eċċ.).

It-tnixxif f’temperatura moderata jikkostitwixxi intervent rapidu li jseħħ wara l-ħsad tal-ġewż matur, u dan, flimkien mal-issortjar u l-ħasil tiegħu, jagħmilha possibbli li jinkiseb ġewż b’saħħtu u nadif, bil-kulur tal-qalba jagħti fil-kannella ċar, ilkoll sinjali ta’ kwalità eċċezzjonali.

L-attenzjoni li tingħata waqt l-operazzjonijiet suċċessivi tal-ikkalibrar, tal-issortjar u tal-ippakkjar tippermetti l-preservazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tan-“Noix de Grenoble”.

Il-karatteristiċi naturali taż-żona ġeografika flimkien mal-għarfien espert tal-produtturi u tal-ispedituri għamluha possibbli li jinkiseb ġewż li jkun magħruf mad-dinja kollha.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCNoixDeGrenoble2015.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top