Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0455

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 fuq opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar ta' trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi (2015/2349(INI))

    ĠU C 224, 27.6.2018, p. 127–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 224/127


    P8_TA(2016)0455

    Opportunitajiet ġodda għal impriżi żgħar tat-trasport

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 fuq opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar ta' trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi (2015/2349(INI))

    (2018/C 224/20)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar “L-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli” (1),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar kriterji ta' definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati “‘Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”" (COM(2008)0394) u “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” (COM(2011)0078),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi” (COM(2016)0501),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finazi għall-SMEs (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs (3),

    wara li kkunsidra l-Istrument tal-SMEs ta' Orizzont 2020, u INNOSUP, COSME, l-Ewropa Tiegħek – Negozju, il-Pilota Rotta Rapida Lejn l-Innovazzjoni (FTI) pilota u l-opportunitajiet ta' netwerking,

    wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (2000/31/KE) u d-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)0550),

    wara li kkunsidra l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0304/2016),

    A.

    billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea u, skont iċ-ċifri tal-2014 jirrappreżentaw 99,8 % tal-intrapriżi kollha li mhumiex parti mis-settur finanzjarj u jimpjegaw tnejn minn kull tliet impjegati;

    B.

    billi l-SMEs li ġġeneraw l-impjiegi matul dawn l-aħħar snin ġew prinċipalment mis-settur terzjarju;

    C.

    billi l-kumpaniji ż-żgħar tat-trasport jaqdu rwol kruċjali fil-funzjonament xieraq tal-mobilità fl-Ewropa, iżda spiss jesperjenzaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-suq jew biex jibqgħu jżommu posthom fih, notevolment minħabba l-preżenza ta' monopolji f'dak is-suq;

    D.

    billi l-kumpaniji ż-żgħar iġibu valur miżjud b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni permezz ta' għarfien eċċellenti tas-suq lokali, il-prossimità tagħhom għall-klijent u/jew l-aġilità u l-kapaċità tagħhom fl-innovazzjoni; billi, barra minn hekk, huma kapaċi jipprovdu servizzi speċjalizzati u huma strumenti għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-iġġenerar ta' attività ekonomika, għat-titjib tal-ġestjoni tal-mobbiltà u biex jingħata kontribut għall-iżvilupp tat-turiżmu (fejn is-servizzi ta' mobbiltà huma marbuta direttament mad-domanda tal-viżitaturi għal prodotti u esperjenzi ġodda);

    E.

    billi għall-passiġġieri u l-merkanzija, kemm id-domanda għas-servizzi tat-trasport, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli għall-forniment tagħhom ivarjaw b'mod konsiderevoli, u billi t-tnaqqis tal-mobbiltà mhuwiex alternattiva;

    F.

    billi l-organizzazzjoni tat-trasport fi bliet kbar u fit-toroq li jwasslu għalihom tikkawża konġestjonijiet u traffiku, filwaqt li toħloq piż sinifikanti fuq l-ekonomija; billi l-SMEs fis-settur tat-trasport huma komplement importanti għan-netwerk tat-trasport pubbliku fin-nodi urbani, partikolarment f'ħinijiet tal-ġurnata meta t-trasport pubbliku ma jkun frekwenti xejn, kif ukoll f'żoni periferiċi mingħajr servizz tat-trasport suburban żviluppat tajjeb;

    G.

    billi studju riċenti tal-Kummissjoni juri li 17 % tal-konsumaturi Ewropej użaw servizzi pprovduti mill-ekonomija kollaborattiva, u 52 % huma konxji tas-servizzi offruti; billi l-aspettattivi tal-konsumaturi jfittxu aċċessibbiltà faċli u modi flessibbli għall-użu tas-servizzi tat-trasport filwaqt li l-prezzijiet jinżammu f'konformità mal-ispejjeż attwali ta' provvista kif ukoll aċċess faċli għal riżervazzjonijiet u pagament sikur għas-servizzi pprovduti;

    H.

    billi ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport tista' tippromwovi b'mod attiv l-iżvilupp ta' forom sostenibbli ta' mobilità; billi l-awtoregolamentazzjoni mhix dejjem is-soluzzjoni u hemm il-ħtieġa ta' qafas regolatorju adegwat;

    I.

    billi l-imperattiv ta' żvilupp sostenibbli u r-rivoluzzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ħolqu opportunitajiet u sfidi bla preċedent għall-kumpaniji ta' kull daqs f'dak li hu r-rispons għad-domanda dejjem tikber għal mobilità sostenibbli fil-limiti ta' infrastruttura limitata;

    J.

    billi t-tkabbir b'mod esponenzjali fil-penetrazzjoni tal-apparati mobbli intelliġenti kif ukoll il-kopertura komprensiva ta' netwerk b'veloċità kbira u ta' medda wiesgħa ħolqu għodod ġodda diġitali kemm għall-fornituri kif ukoll għall-konsumaturi tas-servizzi tat-trasport, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoniijiet u titnaqqas ukoll l-importanza tal-pożizzjoni fiżika tal-fornituri tas-servizz, filwaqt li dan jippermettilhom ikunu konnessi b'mod mifrux sabiex jipprovdu servizzi, mhux biss fuq livell reġjonali iżda anki fuq livell globali, permezz ta' netwerks diġitali u wkoll minn żoni remoti;

    K.

    billi matul dawn l-aħħar snin, l-avvanzi teknoloġiċi, il-mudelli tan-negozju ġodda u d-diġitalizzazzjoni ttrasformaw is-settur tat-trasport b'mod sinifikanti, b'impatti kbar kemm fuq il-mudelli tan-negozju tradizzjonali kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi fis-settur; billi filwaqt li minn naħa waħda s-settur tat-trasport infetaħ, min-naħa l-oħra l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'ħafna każijiet marru għall-agħar, minħabba l-kriżi ekonomika u, f'xi każijiet, minħabba l-implimentazzjoni insuffiċjenti tar-regolamenti eżistenti;

    L.

    billi s-settur tat-trasport jinvolvi mhux biss il-fornituri diretti tas-servizz tat-trasport, iżda anki l-SMEs li joffru servizzi bħalma huma l-manutenzjoni tal-mezzi tat-trasport, il-bejgħ ta' spare parts, it-taħriġ tal-persunal, kif ukoll il-kiri ta' vetturi u tagħmir; billi hemm potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi marbuta ma' dawn l-attivitajiet, inkluż impjiegi għal ħaddiema bi kwalifiki għolja; billi l-politiki għas-settur tat-trasport għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-katina tal-valur kollha kemm hi;

    M.

    billi 1,7 % biss tal-impriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati, filwaqt li 41 % ma jużawhom xejn; billi d-diġitalizzazzjoni tas-setturi kollha hija kruċjali sabiex il-kompetittività Ewropea tinżamm u tissaħħaħ;

    N.

    billi l-flessibilità u l-faċilità ta' dħul inerenti fl-ekonomija kollaborattiva jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għal gruppi li tradizzjonalment ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, partikolarment in-nisa, iż-żgħażagħ u l-migranti;

    O.

    billi s-servizzi tat-trasport jistgħu jipprovdu mezz tajjeb biex wieħed jaħdem għal rasu u biex tiġi promossa kultura ta' intraprenditorija;

    P.

    billi l-pjattaformi online għas-servizzi tat-trasport jistgħu joffru l-possibbiltà ta' tqabbil rapidu bejn il-ħtiġijiet ta' servizzi tal-klijenti, minn naħa waħda, u l-provvista ta' manodopera minn kumpaniji rreġistrati jew minn ħaddiema, min-naħa l-oħra;

    Q.

    billi l-OECD tqis l-impjiegi ta' kwalità għolja bħala fattur ta' importanza essenzjali biex jiġu indirizzati b'mod determinat il-livelli għolja ta' inugwaljanza u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali;

    I.    L-isfidi għall-impriżi ż-żgħar tat-trasport

    1.

    Huwa tal-fehma li l-impriżi tat-trasport jiffaċċjaw sfidi konsiderevoli sabiex jirrispondu għad-domanda dejjem tikber għall-mobilità fil-limiti ta' infrastruttura limitata u rekwiżiti ambjentali li kulma jmur qed jiżdiedu; jinnota li l-impriżi kollha tat-trasport jinsabu taħt pressjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet sikuri, sostenibbli u kompetittivi ħafna li huma ambjentalment responsabbli taħt il-COP21, filwaqt li jillimitaw il-konġestjoni, iżda li huwa aktar diffiċli u aktar għali għall-impriżi ż-żgħar biex jilqgħu dawn l-isfidi;

    2.

    Jenfasizza li jekk l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi jinbidlu wisq ta' spiss, dan jista' jkun partikolarment problematiku għall-impriżi tat-trasport ta' daqs iżgħar minħabba l-perjodi ta' deprezzament għall-flotot tal-vetturi;

    3.

    Jenfasizza n-natura kumplessa tas-settur tat-trasport, li huwa kkaratterizzat minn governanza f'diversi livelli (lokali, nazzjonali, Ewropew u globali) li għadha fil-biċċa l-kbira mqassma skont il-mod ta' trasport; jinnota li dan is-settur huwa soġġett għal regolamentazzjoni qawwija, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni, l-attivitajiet ikkonċernati u l-iżvilupp, l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport (drittijiet esklussivi, l-iffissar ta' limitu fuq il-għadd ta' liċenzji), kif ukoll is-sussidjar; jenfasizza li s-sikurezza u s-sigurtà huma tal-akbar importanza għas-settur tat-trasport, iżda jiddeplora l-fatt li dawn, fost fatturi oħra, xi kultant jintużaw bħala skuża biex jiddaħħlu ostakoli artifiċjali;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu r-regolamentazzjoni żejda, li ħafna drabi hija konnessa mal-istinti protezzjonisti u korporatisti li jwasslu għall-frammentazzjoni, il-kumplessità u r-riġidità fi ħdan is-suq uniku, u b'hekk iżidu l-inugwaljanza; jemmen li huwa utli li l-Istati Membri ma jersqux lejn il-legalità tal-pjattaformi online b'firxa kbira ta' modi, u għalhekk li jevitaw miżuri unilaterali restrittivi mhux meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw, u jimplimentaw bis-sħiħ, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (Direttiva 2000/31/KE) u d-Direttiva dwar is-Servizzi (Direttiva 2006/123/KE); isostni li l-moviment ħieles tal-fornituri ta' servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, kif jiddisponu għalihom l-Artikoli 56 u 49 tat-TFUE rispettivament, huma essenzjali sabiex tiġi realizzata d-dimensjoni Ewropea tas-servizzi u għalhekk tas-suq intern;

    5.

    Jenfasizza li minħabba l-inċertezza tad-dritt attwali fir-rigward tad-definizzjoni ta' “fornituri ta' servizz” fis-settur tat-trasport, mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita kompetizzjoni ġusta, u jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw ħafna impriżi żgħar biex jidħlu fis-suq domestiku u internazzjonali u biex jiżviluppaw jew joffru servizzi ġodda; jenfasizza l-fatt li dak li jissemma hawn fuq ixekkel l-aċċess tal-SMEs għal dan is-settur;

    6.

    Huwa tal-fehma li r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jeħtieġ li jittejjeb sabiex jingħeleb it-tħarbit serju li seħħ fis-swieq tat-trasport nazzjonali f'diversi Stati Membri wara li r-Regolament ġie introdott;

    7.

    Jilqa' l-opportunitajiet il-ġodda offruti mill-impriżi ż-żgħar tat-trasport u mill-mudelli tan-negozju kollaborattiv ġodda, filwaqt li fl-istess ħin jiddeplora l-prattiki antikompetittivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli tal-UE madwar l-Istati Membri, b'mod partikulari fir-rigward tal-pagi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali, li tista' twassal għal distorsjonijiet serji bħalma huma d-dumping soċjali, kif ukoll sfidi ta' sigurtà;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-infurzar tal-liġi; Iqis li kwalunkwe tibdil li jsir fil-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol irid jirrispetta l-libertajiet fundamentali kollha tal-UE, ma jridx jirrestrinġi l-kompetizzjoni ġusta bbażata fuq vantaġġi kompetittivi oġġettivi, u m'għandux joħloq aktar piż amministrattiv jew spejjeż addizzjonali għall-impriżi ż-żgħar tat-trasport;

    9.

    Jinnota li l-impriżi ż-żgħar tat-trasport jeħtieġ li jinvestu, mhux biss biex jikkonformaw mal-liġi applikabbli, imma wkoll biex jibqgħu kompetittivi (eż. billi jiffukaw fuq teknoloġiji ġodda); jiddeplora l-fatt li, minn naħa waħda u b'kuntrast ma' dak li jiġri mal-kumpaniji l-kbar, l-aċċess ta' dawn l-impriżi għall-kreditu u għall-finanzjament fis-swieq tal-flus għadu limitati minkejja l-miżuri ta' tnaqqis kwantitattiv, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-għajnuniet finanzjarji pubbliċi, partikolarment dawk Ewropej, ftit ġew mobilizzati, minħabba proċeduri amministrattivi wisq kumplessi u li jieħdu fit-tul; Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti t-tixrid tal-għarfien u l-assistenza għall-applikanti ta' impriżi żgħar fi ħdan il-qafas tal-Fond Ewropew tal-Investiment;

    10.

    Jinnota li, f'kuntest ta' urbanizzazzjoni dejjem tikber, il-ħtiġijiet tat-trasport iridu jiġu organizzati b'mod li kulma jmur isir aktar integrat, diġitalizzat u multimodali, u li n-nodi urbani għandhom rwol dejjem aktar ċentrali x'jaqdu fl-organizzazzjoni tal-mobilità sostenibbli; jenfasizza l-impatt dejjem jikber tal-applikazzjonijiet għall-ippjanar tal-ivvjaġġar multimodali u l-importanza li l-impriżi ż-żgħar ikunu inklużi fil-lista tal-applikazzjonijiet u l-portafolli disponibbli tas-servizzi tat-trasport; jenfasizza l-fatt li jekk l-aċċess għall-internet ikun universali, dan jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tat-trasport u l-ippjanar aħjar tal-vjaġġi;

    11.

    Jinnota li bħala reazzjoni għad-diffikultajiet ekonomiċi u n-nuqqas ta' riżorsi li permezz tagħhom jinżamm in-netwerk ta' trasport kapillari, bosta fergħat ta' linji qegħdin jagħlqu f'ħafna reġjuni, b'mod partikolari dawk l-aktar maqtugħa u b'densità l-aktar baxxa ta' popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv bl-ebda mod ma tiġġustifika l-abbandun tas-servizzi tat-trasport pubbliku f'dawn ir-reġjuni;

    12.

    Jenfasizza l-importanza li għandhom għall-mobilità urbana s-servizzi tal-kiri ta' vetturi ħfief bħalma huma r-roti jew l-iscooters; jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' tali operaturi huma SMEs; jitlob li l-potenzjal ta' dawn l-operaturi jitqies b'mod aktar spiss fil-proċess taż-żieda tal-livell tal-mobilità urbana u fil-proċess tal-iżvilupp ta' trasport urban effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw ir-raggruppament flimkien ta' kumpaniji żgħar tat-trasport, li jiffaċilità l-iżvilupp ta' sħubija bejn tali kumpaniji u jgħin lill-klijenti jsibu s-servizzi ta' kumpaniji żgħar tat-trasport li jixtiequ, skont il-bżonnijiet tagħhom;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tkun qed tistabbilixxi linji gwida f'dan il-qasam, tqis id-diffikultajiet li l-mudelli tan-negozju kollaborattiv il-ġodda jiffaċċjaw biex jippenetraw ambjenti rurali u dawk mhux urbani;

    15.

    Jinnota li l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju kollaborattiv jista' jottimizza l-użu tal-vetturi u tal-infrastruttura, u b'hekk jgħin biex tintlaħaq id-domanda għall-mobilità b'mod aktar sostenibbli; jinnota li ż-żieda fl-isfruttament tad-dejta ġġenerata mill-utenti tista' eventwalment tirriżulta filli jinħoloq valur miżjud fil-katina tat-trasport; jenfasizza, madankollu, li konċentrazzjoni ta' dejta f'idejn għadd żgħir ta' pjattaformi ta' intermedjazzjoni biss jista' jkollha effett negattiv kemm fuq it-tqassim ġust tad-dħul u kemm fuq il-parteċipazzjoni bbilanċjata fl-investiment fl-infrastruttura u fi spejjeż relevanti oħra, li kollha kemm huma għandhom impatt dirett fuq l-SMEs;

    16.

    Jilqa' l-fatt li l-pjattaformi intermedjarji kellhom il-konsegwenza tal--idea li jisfidaw lil xulxin, lill-operaturi eżistenti u lill-istrutturi korporatisti, u li jdgħajfu l-monopolji eżistenti u jostakolaw il-ħolqien ta' oħrajn ġodda; jissottolinja li dan qed jinkoraġġixxi suq li huwa wisq aktar iffukat fuq it-talba tal-konsumatur u qed iwassal lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid l-istruttura tas-suq; jinnota, madankollu, li jekk ma jkunx hemm qafas ġuridiku xieraq u ċar, il-pjattaformi ta' intermedjazzjoni, bl-etos tagħhom ta' “ir-rebbieħ ikaxkar kollox”, ser joħolqu pożizzjonijiet dominanti fis-suq li jagħmlu ħsara lid-diversità tat-tessut ekonomiku;

    17.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn l-opportunitajiet u l-isfidi (li jfisser li impriżi żgħar jistgħu jitfaċċaw ukoll f'dawn l-oqsma l-ġodda) li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' vetturi konnessi u li jaħdmu waħedhom (karozzi, bastimenti, droni u l-platooning); iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex toħroġ bi pjan direzzjonali dwar vetturi konnessi u awtomatizzati, u tanalizza l-effetti potenzjali li l-użu mifrux ta' din it-teknoloġija jista' jkollu fuq is-settur tat-trasport Ewropew, speċjalment fuq l-SMEs;

    II.    Rakkomandazzjonijiet: kif nistgħu nibdlu l-isfidi f'opportunitajiet

    18.

    Jitlob li jkomplu jsiru sforzi bil-għan li l-ispazju Ewropew uniku tat-trasport ikun lest għalkollox; hu tal-fehma li kwalunkwe leġiżlazzjoni li timponi rekwiżiti ġodda fuq l-impriżi ż-żgħar, partikolarment miżuri relatati mat-taxxa, miżuri soċjali u miżuri ambjentali, għandhom ikunu proporzjonati, sempliċi u ċari, ma jxekklux l-iżvilupp tagħhom u jirriflettu fejn meħtieġ il-karatteristiċi reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri differenti; huwa tal-fehma li tali leġiżlazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-inċentivi meħtieġa (regolatorji u/jew finanzjarji);

    19.

    Jikkunsidra li t-trawwim ta' sistema Ewropea ta' mobilità kkoordinata u integrata hija l-aħjar mod għall-integrazzjoni tajba tal-kumpaniji kollha li joffru l-modi kollha ta' trasport fi proċess dinamiku komuni fejn id-diġitizzazzjoni u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fi ħdan is-settur tat-trasport huwa l-aktar metodu effettiv sabiex jiġi żgurat li l-klijenti jkollhom sistema koerenti waħda u li l-professjonisti jkunu jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iżidu l-valur;

    20.

    Jinnota li s-servizzi pprovduti mill-SMEs fis-settur tat-trasport mhux dejjem huma mfassla b'mod suffiċjenti skont il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani; jitlob li l-għodod u l-programmi kollha li għandhom l-għan li jappoġġjaw dawn l-operaturi jqisu l-ħtieġa li s-servizzi tat-trasport jiġu kemm jista' jkun adattati għall-ħtiġijiet tan-nies b'mobilità mnaqqsa;

    21.

    Jinnota li, minħabba n-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura, l-operaturi kollha li jibbenefikaw mill-użu ta' dik l-infrastruttura jeħtieġ li jikkontribwixxu, filwaqt li jqisu bis-sħiħ it-taxxi tat-trasport, l-imposti u l-impatti ambjentali u tas-saħħa negattivi kollha eżistenti; jenfasizza l-importanza li fil-każ tat-trasport bit-triq jiġu internalizzati l-esternalitajiet negattivi u jiġu allokati introjti għall-użu tal-infrastruttura tat-trasport, inkluża dik transfruntiera; jirrikonoxxi, madankollu, li dan jista' jkun li joħloq problemi speċifiċi għall-intrapriżi ż-żgħar, inklużi dawk li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom jitqiesu bħala prijorità;

    22.

    Ifakkar li l-FEIS ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għal proġetti bbażati fuq is-suq li huma innovattivi ħafna, u għalhekk iqisu bħala strument essenzjali biex l-SMEs fis-settur tat-trasport ikunu jistgħu jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' mobilità ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tiegħu u jżidu l-għajnuna li jagħtu lill-SMEs u lill-istart-ups meta jkunu qed jippreparaw proġetti bħal dawn;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa biex jiġġieldu lill-prattiki antikompetittivi min-naħa ta' gruppi integrati kbar bil-għan li jindirizzaw b'mod determinat id-diskriminazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq, hu x'inhu d-daqs jew it-tip tal-intrapriża, speċjalment fir-rigward ta' mudelli ta' negozju ġodda; iħeġġeġ li jsir djalogu u li r-relazzjonijiet jittejbu, speċjalment fis-swieq ġodda u f'dawk potenzjali, bejn it-trasportaturi u l-partijiet li jagħmlu l-ordnijiet, kif ukoll soluzzjoni għall-problema tal-persuni li taparsi jaħdmu għal rashom;

    24.

    Jitlob li l-SMEs jiġu inklużi fil-pjanijiet għall-ħruġ integrat Ewropew tal-biljetti; jinnota li l-effikaċja ta' tali sistema se tiddependi mill-inklużjoni ta' għadd kbir kemm jista' jkun ta' impriżi u operaturi tas-servizzi tat-trasport; jinnota li l-iskambju ta' informazzjoni u ta' esperjenza bejn operaturi kbar u SMEs jista' jipproduċi sinerġiji benefiċjarji għolja għat-tfassil ta' netwerk tat-trasport effettiv fl-Ewropa;

    25.

    Jitlob, bil-ħsieb li jkun hemm trasparenza akbar, li jsiru r-rieżami u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għal impjiegi u attivitajiet regolati fl-Ewropa u tal-kontrolli fuq dawk l-impjiegi, sabiex l-operaturi u s-servizzi l-ġodda konnessi mal-pjattaformi diġitali u l-ekonomija kollaborattiva jkunu jistgħu jiżviluppaw f'ambjent li jkun favorevoli għan-negozju, inkluża trasparenza ikbar fir-rigward ta' bidliet leġiżlattivi, u sabiex ikunu jistgħu jeżistu spalla ma' spalla mal-operaturi li jkunu fil-kariga f'ambjent ta' kompetizzjoni b'saħħitha; jinnota l-effetti pożittivi ta' operaturi tal-ekonomija kollaborattiva f'dawk li huma l-ħolqien ta' impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ li jkunu deħlin fis-suq tax-xogħol u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, mingħajr aktar dewmien, pjan direzzjonali sabiex tiġi rilaxxata dejta dwar it-trasport iffinanzjat minn fondi pubbliċi u biex jiġu introdotti standards armonizzati għall-interfaces tad-dejta u l-ipprogrammar dwar it-trasport, bil-għan li tingħata spinta lill-innovazzjonijiet intensivi mil-lat ta' dejta u lill-forniment ta' servizzi ta' trasport ġodda;

    27.

    Huwa tal-fehma, minħabba l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva, li s-soluzzjoni la hija regola speċifika għas-settur u lanqas ma hija regolament immirat biss għall-pjattaformi, u li fil-ġejjieni s-sistema tal-mobilità jeħtieġ li tiġi indirizzata bħala ħaġa waħda; jitlob li jiġi stabbilit qafas regolatorju multimodali modernizzat li jrawwem l-innovazzjoni u l-kompetittività kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi u d-dejta tagħhom, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema u jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal operaturi differenti; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, lejn l-importanza tal-interoperabbiltà fis-settur tat-trasport, minħabba li joffri soluzzjonijiet uniċi lin-negozji ż-żgħar;

    28.

    Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-ħtieġa li jaġġornaw il-liġi tax-xogħol nazzjonali tagħhom mal-era diġitali, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi tal-mudelli tal-ekonomija kollaborattiva u jqisu wkoll il-liġijiet tax-xogħol individwali ta' kull pajjiż;

    29.

    Iqis li objettiv bħal dan jitlob konverġenza tal-mudelli, ibbażata fuq definizzjoni ta' “intermedjarji” u ta' “fornituri ta' servizzi” li tkun ċara u konsistenti u li tkunx irduppjata ma' oħrajn; jitlob li ssir distinzjoni bejn dawk il-pjattaformi ta' intermedjazzjoni li ma jiġġeneraw l-ebda qligħ għall-utenti tagħhom u dawk li jqabbdu fornitur ta' servizzi (bi skop ta' qligħ) u klijent ma' xulxin, kemm b'relazzjoni ta' bejn min iħaddem u impjegat u kemm mingħajrha bejn il-fornitur ta' servizz u l-pjattaforma; jissuġġerixxi li, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mill-partijiet kollha bl-obbligi tagħhom relatati mat-taxxa u mas-sigurtà soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi li jkunu qed jużaw il-pjattaformi jkunu kompetenti u kwalifikati kif xieraq (sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur), l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-informazzjoni li huma jqisu meħtieġa mill-pjattaformi ta' intermedjazzjoni; jenfasizza li sistemi diġà eżistenti ta' rispons u ta' klassifikazzjoni jgħinu wkoll lill-intermedjarji jibnu relazzjoni ta' fiduċja mal-konsumaturi, u li d-dejta ġġenerata għandha tiġi pproċessata f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    30.

    Jemmen li l-potenzjal ta' livell għoli ta' trasparenza tal-ekonomija kollaborattiva jippermetti traċċabilità tajba tal-operazzjonijiet tas-servizzi tat-trasport, b'konformità mal-għan li tiġi msaħħa l-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar kif id-dritt tal-UE japplika għat-tipi differenti ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv, sabiex jingħalqu, fejn meħtieġ, il-lakuni regolatorji fil-qasam tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali b'tali mod li jirrispetta l-kompetenzi nazzjonali;

    31.

    Jenfasizza li l-impriżi tat-trasport jinkludu wkoll operaturi li ma jipprovdux direttament servizzi tat-trasport, bħalma huma l-fornituri tat-taħriġ, il-kumpaniji tal-kiri tal-vetturi, l-istabbilimenti tat-tiswija tal-vetturi u ċ-ċentri tal-manutenzjoni; jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' tali operaturi huma SMEs; jitlob li l-ħtiġijiet ta' dawn l-operaturi jitqiesu fit-tfassil ta' miżuri ġuridiċi u programmi ta' investiment immirati biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs;

    32.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-SMEs fis-settur tat-trasport biex jiffurmaw raggruppamenti f'dan il-qasam, li jkunu jistgħu jingħaqdu magħhom kemm il-konsumaturi kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra;

    33.

    Jinnota li l-maġġoranza tal-fornituri fl-ekonomija kollaborattiva jiġu minn barra l-UE; Iqis li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa aktar start-ups innovattivi fis-settur tat-trasport, u jinkoraġġixxi li jingħata appoġġ akbar lil dawn il-kumpaniji, b'mod partikulari għat-taħriġ ta' imprendituri żgħażagħ f'dan il-qasam;

    34.

    Jiddispjaċih li r-risposta tal-Istati Membri għall-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva s'issa kienet waħda frammentata ħafna u f'xi każijiet totalment inkonsistenti mal-potenzjal u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' dan is-settur, kif ukoll kuntrarju għall-aspettattivi tal-konsumatur, u jqis li hija mixtieqa azzjoni kkoordinata komprensiva fil-livell Ewropew, li tkopri l-kwistjonijiet għal mudell tan-negozju kollaborattiv sostenibbli; jinnota l-approċċ raġonevoli tal-Kummissjoni għal dan il-“mudell tan-negozju ġdid”, kif stabbilit fil-komunikazzjoni reċenti tagħha li tenfasizza l-importanza tal-ekonomija kollaborattiva għat-tkabbir futur (COM(2016)0356);

    35.

    Jinnota l-potenzjal kbir ta' teknoloġiji ġodda għall-emerġenza ta' forom ġodda ta' għoti ta' servizzi fis-settur tat-trasport tal-oġġetti; jenfasizza, b'mod partikolari, l-opportunitajiet enormi offruti mid-droni, li huma diġà għodda ferm effettiva biex isir xogħol f'kundizzjonijiet diffiċli; jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-potenzjal tal-SMEs involuti fid-disinn, il-produzzjoni u l-użu ta' droni;

    36.

    Jemmen li l-mudelli tan-negozju kollaborattiv jikkostitwixxu riżorsa mill-akbar għall-iżvilupp sostenibbli ta' konnessjonijiet f'reġjuni periferiċi, muntanjużi u rurali, u joffru wkoll benefiċċji indiretti għas-settur tat-turiżmu;

    37.

    Huwa tal-fehma li r-rekwiżiti leġiżlattivi għandhom ikunu proporzjonati man-natura tan-negozju u d-daqs tal-kumpanija; madankollu, jqajjem tħassib dwar jekk għadx hemm raġunijiet għall-eżenzjoni tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mill-applikazzjoni ta' għadd ta' regoli Ewropej, minħabba l-użu dejjem akbar tal-LCVs fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dijanjostiku dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u ta' sikurezza konsegwenti;

    38.

    Jitlob li jiġu stabbiliti strutturi ta' kooperazzjoni bejn in-negozji tat-trasport iż-żgħar, l-istituti tar-riċerka xjentifika u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-mobilità urbana u interurbana sostenibbli sabiex tingħata tweġiba effettiva lill-emerġenza ta' servizzi u prodotti ġodda, inklużi dawk offruti mill-SMEs (eż. l-ewwel u l-aħħar stadji ta' sevizz tat-trasport bieb bieb), filwaqt li jkun hemm allinjament aħjar tan-netwerks tat-trasport pubbliku eżistenti għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-passiġġieri; jitlob l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar is-servizzi ta' mobilità pprovduti minn negozji żgħar fis-servizzi tal-informazzjoni u l-ippjanar fil-qasam tat-turiżmu;

    39.

    Jitlob l-istabbiliment ta' task forces tal-innovazzjoni, biex jingħata effett sħiħ lill-kunċett tal-“bliet li jistgħu jiġu kondiviżi” u biex tingħata għajnuna lill-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex ikunu jistgħu jwieġbu b'mod effettiv għall-introduzzjoni ta' servizzi u prodotti ġodda;

    40.

    Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ iffukat (eż. dwar il-big data, servizzi integrati, eċċ.) sabiex il-kumpanniji tat-trasport jiġu megħjuna jiġġeneraw valur miżjud mill-isfera diġitali; jitlob, għalhekk, li l-mod li bih il-professjonisti jiġu mħarrġa jiġi adattat, skont il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa mill-mudelli tan-negozju ġodda, b'mod partikolari sabiex jiġu sodisfatti l-iskarsezzi ta' persunal, speċjalment ta' sewwieqa;

    41.

    Jenfasizza li l-SMEs fis-settur tat-trasport spiss joqogħdu lura milli jespandu minħabba r-riskji ikbar li huma involuti fin-negozju transfruntier bis-saħħa tad-diverġenza bejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati (Membri) differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, tiżviluppa pjattaformi ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni sabiex jingħataw pariri u taħriġ lill-SMEs fir-rigward ta' skemi ta' finanzjament differenti, għotjiet u internazzjonalizzazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex ulterjorment tisfrutta l-programmi eżistenti ta' appoġġ għall-SMEs u tagħtihom aktar viżibilità fost l-atturi tas-settur tat-trasport, fil-kuntest tas-sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE;

    42.

    Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jieħdu impenn attiv fir-rigward tal-prinċipji ta' dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban stabbiliti fil-White Paper dwar it-trasport, u jħeġġeġ lill-atturi tas-suq biex joperaw fi ħdan il-qafas il-ġdid tal-kompetizzjoni u tal-attività b'tali mod li jibbenefikaw mill-vantaġġi kompetittivi li joffru s-servizzi b'żero emissjonijiet u d-diġitalizzazzjoni progressiva tal-istrutturi tal-immaniġġjar, l-operazzjonijiet u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

    43.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jippromwovu innovazzjonijiet fl-ekonomija kollaborattiva, li min-naħa tagħhom se jiġu ffaċilitati mill-emerġenza ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv, pereżempju l-kondiviżjoni tal-użu tal-karozza u tar-roti, il-kondiviżjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-kondiviżjoni tal-użu tat-taxis, il-kondivizjoni tal-użu tal-karozzi, u xarabanks fuq talba, u l-interkonnessjoni ta' dawn il-modi ta' trasport mat-trasport pubbliku;

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa fost id-Direttorati Ġenerali tagħha, issegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali u l-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-“Aġenda Diġitali” dwar is-settur tat-trasport;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jivvalutaw fuq bażi regolari l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-għadd u t-tipi ta' impjiegi fis-settur tat-trasport, u jiżguraw li l-politiki soċjali u dwar l-impjieg iżommu l-pass mad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tat-trasport;

    46.

    Jirrakkomanda li kemm in-negozji tal-ekonomija kollaborattiva, kif ukoll il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-trasport, isibu mudelli sabiex jaħdmu flimkien fl-insegwiment tal-interessi komuni, bħal fil-qasam tal-assigurazzjoni;

    47.

    Jilqa' l-mudelli dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli nnegozjati mis-sħab soċjali fis-settur tat-trasport li jippermettu li l-ħaddiema jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja tax-xogħol u dik privata; jenfasizza, madankollu, l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli obbligatorji dwar il-ħinijiet tax-xogħol, u tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, li għandu jsir aktar faċli b'riżultat tad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport;

    o

    o o

    48.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0310.

    (2)  ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.

    (3)  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.

    (4)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.


    Top