Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0437

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (2016/2139(INI))

    ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 224/36


    P8_TA(2016)0437

    It-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (2016/2139(INI))

    (2018/C 224/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u b'mod partikolari l-Għan nru 17 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (minn hawn 'il quddiem, l-“SDGs”) stabbiliti fih, li jimpenja lill-istati membri tan-NU favur it-tisħiħ tal-mezzi ta' implimentazzjoni tal-aġenda u l-għoti ta' ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli (1),

    wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, kif ukoll id-dokument ta' eżitu adottat waqt it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (Addis Ababa, l-Etjopja, 13-16 ta' Lulju 2015) u approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni 69/313 tagħha tas-27 ta' Lulju 2015 (2),

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar “It-tendenzi u l-progress fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali”, imressaq fis-Sessjoni tal-2016 tal-Forum ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (E/2016/65) (3),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li ġiet adottata waqt it-Tieni Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2005, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra li ġiet adottata waqt it-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar fl-2008 f'Akkra (il-Ghana) (4), u l-eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan (ir-Repubblika tal-Korea) f'Diċembru 2011 li nieda s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, is-“Sħubija Globali”) (5),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Dili tal-10 ta' April 2010, li tikkonċerna l-bini tal-paċi u l-bini tal-istati, kif ukoll “Il-Patt il-Ġdid favur l-Involviment fi Stati Fraġli” li tnieda nhar it-30 ta' Novembru 2011 waqt ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,

    wara li kkunsidra l-Komunikat tal-Ewwel Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali, li ġiet organizzata fil-Belt tal-Messiku f'April 2014 (6),

    wara li kkunsidra t-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li se ssir f'Nairobi mit-28 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2016 (7),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-OECD/UNDP “Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi” (8),

    wara li kkunsidra l-Kunsens tal-OSĊ li ntlaħaq f'Siem Reap rigward il-qafas internazzjonali għall-effikaċja tal-kontribuzzjoni tal-OSĊ għall-iżvilupp tal-2011,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenji li jkunu qablu magħhom fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti, kif ukoll iqisu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li jimplimentaw li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005 (9) u l-pjanijiet biex jintlaħaq qbil dwar Kunsens ġdid fl-2017,

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp (10),

    wara li kkunsidra t-test konsolidat tal-Qafas Operattiv dwar l-Effettività tal-Għajnuna (11), li huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2009 dwar Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol fost diversi pajjiżi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar Responsabilità u Trasparenza Reċiproċi,

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2015 dwar it-‘Tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (SWD(2015)0080), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-qafas tar-riżultati (12),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2014 dwar il-pożizzjoni komuni tal-UE għall-Ewwel Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (13),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015 (14),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tisħiħ tal-Ipprogrammar Konġunt (15),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-2016 għall-Kunsill Ewropew dwar il-Miri tal-UE ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (16),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2015 bir-rapport tal-2015 dwar ir-responsabbiltà tal-UE rigward il-finanzjament għall-iżvilupp – eżami tal-progress mill-UE u l-Istati Membri tagħha (SWD(2015)0128),

    wara li kkunsidra l-“Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea – Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha” li ġiet ippreżentata f'Ġunju 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (17),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna (18),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw (19),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (20),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp (21),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (22),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp (23),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 (24),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (25),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0322/2016),

    A.

    billi l-prinċipji stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra jibqgħu kompletament validi u wrew il-valur tagħhom fit-tisħiħ tal-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp, kif ukoll l-appoġġ pubbliku għaliha fil-pajjiżi donaturi;

    B.

    billi l-impenji politiċi ta' livell għoli tal-Kunsens ta' Monterrey (2002), id-Dikjarazzjoni ta' Ruma (2003), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005), l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra u r-Raba' Forum dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan (2011) kollha huma intenzjonati biex jinkiseb l-istess għan li tittejjeb il-kwalità tal-implimentazzjoni, tal-ġestjoni u tal-użu tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp b'mod li l-impatt tagħha jiġi mmassimizzat;

    C.

    billi l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna kkontribwixxew b'mod ċar għall-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju f'ħafna pajjiżi, iżda l-progress għadu mhux uniformi u mhux il-prinċipji kollha ġew implimentati kompletament fil-pajjiżi kollha u mill-atturi kollha fil-qasam tal-iżvilupp f'kull ħin;

    D.

    billi s-Sħubija Globali tista' tiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u fil-ksib tal-SDGs, billi l-konċentrazzjoni ma tibqax iffokata fuq il-kunċett tal-“effikaċja tal-għajnuna”, b'riferiment għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tradizzjonali, imma minflok tiġi ffokata fuq dak tal-“effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp”;

    E.

    billi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, l-“ODA”) tista' tiżvolġi rwol kruċjali biex l-Aġenda 2030 trendi riżultati, b'mod partikolari fil-pajjiżi b'introjtu baxx u fil-ġlieda kontra l-faqar estrem u l-inugwaljanzi, jekk tiġi mmirata aħjar u jekk tosserva l-prinċipji ta' kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp, speċifikament is-sjieda demokratika min-naħa tal-pajjiżi, l-allinjament, it-tisħiħ tal-kapaċità lokali, it-trasparenza u r-responsabilità demokratika, konċentrazzjoni fuq ir-riżultati u l-inklużività; jisħaq li l-kundizzjonalitajiet tal-għajnuna għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sjieda demokratika;

    F.

    billi, apparti l-għajnuna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, hemm bżonn ta' għodda oħra fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp biex b'mod effikaċi jinqered il-faqar u jiġu promossi l-SDGs;

    G.

    billi l-appoġġ baġitarju għandu ħafna vantaġġi, bħar-responsabilità tal-istat, analiżi aktar preċiża tal-eżiti, aktar koerenza politika, tbassir aktar effikaċi fil-qasam tal-għajnuna, u użu ottimali tal-fondi disponibbli direttament għall-benefiċċju tal-popolazzjoni;

    H.

    billi s-settur privat, flimkien mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi tradizzjonali l-oħrajn fil-qasam tal-iżvilupp, qed isir sieħeb reali fl-istrateġiji tagħna dwar l-iżvilupp, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ksib ta' żvilupp inklużiv u sostenibbli;

    I.

    billi huwa essenzjali għall-effikaċja tal-għajnuna li l-pajjiżi benefiċjarji japplikaw b'mod parallel politiki ekonomiċi li jippromwovu t-tkabbir bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmi tal-ekonomija tas-suq, il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat u r-riformi agrarji, kif ukoll il-ftuħ progressiv tas-swieq tagħhom għall-kompetizzjoni globali;

    J.

    billi, skont studju tal-Kummissjoni, il-frammentazzjoni tal-għajnuna mogħtija tfisser spiża addizzjonali ta' bejn EUR 2 u 3 biljun fis-sena għall-UE;

    K.

    billi s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, is-“Sħubija Globali”) tipprovdi forum inklużiv li jiġbor flimkien lill-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet bilaterali u multilaterali, is-soċjetà ċivili, il-parlamenti, it-trade unions u s-settur privat bl-istess mod minn kull pajjiż;

    L.

    billi s-Sħubija Globali tiffoka fuq l-imġiba tal-atturi fil-qasam tal-iżvilupp u r-relazzjoni bejniethom, fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u l-programmi fil-qasam tal-iżvilupp, u fuq il-monitoraġġ tal-progress fl-osservazzjoni tal-prinċipji kruċjali ddefiniti f'dan l-aħħar deċennju, b'mod li tittejjeb l-effikaċja tal-isforzi tal-atturi kollha favur l-iżvilupp; billi jkun tajjeb li tiġi ċċarata l-artikolazzjoni tagħha mal-arkitettura tal-iżvilupp globali li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

    M.

    billi pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Brażil, it-Turkija, ir-Russja u l-Indja qed jiżvolġu rwol dejjem iktar importanti bħala donaturi emerġenti u għat-trasferiment tal-għarfien espert u t-teknoloġija fil-qasam tal-iżvilupp, grazzi wkoll għall-esperjenza ta' żvilupp riċenti u attwali tagħhom stess; billi l-involviment tagħhom mad-donaturi aktar tradizzjonali fil-promozzjoni tal-beni pubbliċi globali u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sħubija Globali jistgħu jitqawwew;

    N.

    billi l-Kummissjoni tiżvolġi rwol attiv fi ħdan il-Kumitat ta' Tmexxija tas-Sħubija Globali, u wieħed mill-kopresidenti tagħha oriġina minn Stat Membru tal-UE, in-Netherlands; billi l-Ġermanja issa qed tassumi dan ir-rwol ta' kopresidenza;

    O.

    billi s-sjieda min-naħa tal-pajjiżi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tirrikjedi allinjament tad-donaturi mal-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u l-SDGs u l-objettivi li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali, kif ukoll parteċipazzjoni interna fir-rigward tad-disinn u r-responsabilità fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi ta' żvilupp;

    P.

    billi l-għajnuna trendi qligħ doppju meta ma tkunx qed tiffinanzja biss proġetti fil-qasam tal-iżvilupp imma tkun qed tintefaq ukoll fil-livell lokali, fuq prodotti u servizzi lokali; billi, għaldaqstant, it-tisħiħ tas-sistemi tal-pajjiżi u s-sistemi ta' akkwist nazzjonali huwa element essenzjali għall-effikaċja tal-għajnuna bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u għat-tqawwija tal-governanza tajba u r-responsabilità demokratika fil-pajjiżi sħab;

    Q.

    billi, jekk l-aġendi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu xprunati mill-fornitur u l-għajnuna tintrabat, inkluż fil-qasam tal-akkwist, dawn jistgħu jkunu espressjoni ta' interessi politiċi varjati li ġieli jidħlu f'kunflitt mal-politiki dwar l-iżvilupp u jista' jkun hemm ir-riskju li jdgħajfu s-sjieda u s-sostenibilità tal-assistenza għall-iżvilupp u l-progress li jkun sar fl-imgħoddi fir-rigward tal-allinjament, b'mod li jwassal għal ineffikaċja u żieda fid-dipendenza; billi s-sjieda lokali għandha rwol importanti x'tiżvolġi biex tiżgura żvilupp effikaċi għaċ-ċittadini;

    R.

    billi issa l-oqfsa tar-riżultati qed jintużaw dejjem iżjed biex jitkejlu l-kisbiet tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda s-sjieda u l-użu sħaħ ta' dawk l-oqfsa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqgħu sfida persistenti;

    S.

    billi s-sessjoni ta' monitoraġġ tas-Sħubija Globali tal-2016 uriet li l-progress fl-użu tas-sistemi tal-pajjiżi għadu baxx u li ma nkisibx progress ulterjuri biex jinħall l-irbit mal-għajnuna, li għadu fil-livell massimu ta' 80 % li laħaq fl-2010;

    T.

    billi d-deputati parlamentari mill-pajjiżi sħab, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili għadhom qed jesprimu nuqqas ta' sodisfazzjon bil-grad ta' kemm huma involuti fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' kemm huma informati dwarhom;

    U.

    billi l-effikaċja tal-iżvilupp, li hija mifhuma bħala l-użu effikaċi tal-mezzi u r-riżorsi kollha orjentati lejn l-iżvilupp, inkluż it-tnaqqis tal-faqar, tiddependi kemm mill-pajjiżi li jipprovdu l-għajnuna u l-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll mill-eżistenza ta' istituzzjonijiet effikaċi u reattivi, politiki tajba, l-involviment tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili lokali, l-istat tad-dritt, governanza demokratika inklużiva, il-preżenza ta' mekkaniżmi ta' segwitu effikaċi u trasparenti, u salvagwardji kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-flussi finanzjarji illeċiti fil-livell internazzjonali; billi jkun tajjeb li s-Sħubija Globali tiżvolġi rwol akbar fil-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-progress rigward l-elementi ta' hawn fuq li huma determinanti għall-iżvilupp;

    V.

    billi l-frammentazzjoni tal-għajnuna tibqa' sfida persistenti li tirriżulta mill-proliferazzjoni tad-donaturi u l-aġenziji ta' għajnuna u min-nuqqas ta' koordinament tal-attivitajiet u l-proġetti tagħhom;

    W.

    billi l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar kompliet tikber, minkejja tnaqqis fil-veloċità tal-ekonomiji emerġenti u waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi;

    X.

    billi l-panorama fil-qasam tal-iżvilupp qed isir dejjem iżjed eteroġenju, b'aktar foqra jgħixu fil-pajjiżi b'introjtu medju milli f'dawk b'introjtu baxx; billi, fl-istess ħin, inbidlet in-natura nnifisha tal-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp, bil-feġġa ta' sfidi globali ġodda bħall-migrazzjoni, is-sigurtà alimentari, il-paċi u l-istabilità, u t-tibdil fil-klima;

    1.

    Jappella lill-atturi kollha fil-qasam tal-iżvilupp biex jikkonsolidaw l-impenji li ħadu minn Pariġi sa Busan, kif ukoll iġeddu u jqawwu l-isforzi tagħhom biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp jagħmluha kemm jista' jkun effikaċi bl-intenzjoni li jilħqu l-għanijiet u l-objettivi ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 u li jisfruttaw bl-aħjar mod possibbli r-riżorsi pubbliċi u privati għall-iżvilupp;

    2.

    Jappella biex tintuża l-għodda kollha fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp sabiex jinqered il-faqar u jiġu promossi l-SDGs; huwa tal-opinjoni li l-effikaċja tal-finanzjament għall-iżvilupp għandha tiġi vvalutata abbażi ta' riżultati konkreti u l-kontribut tagħha għall-politika dwar l-iżvilupp kollha kemm hi;

    3.

    Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li tiżvolġi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, l-“ODA”) fit-twettiq tal-aġenda dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll għall-qerda tal-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali u l-appoġġ għal governanza tajba; jissottolinja l-fatt li l-ODA hija aktar flessibbli, prevedibbli u responsabbli mill-flussi l-oħra li potenzjalment jikkontribwixxu għall-iżvilupp;

    4.

    Ifakkar li l-finanzjament suffiċjenti huwa prerekwiżit għal kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-fornituri ta' ODA ma rrispettawx l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tal-ING għall-assistenza għall-iżvilupp sal-2015 u, b'riżultat ta' dan, aktar minn USD 2 triljun ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

    5.

    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw l-impenn li ilhom li ħadu li jiddedikaw 0,7 % tal-ING għall-għajnuna, li jintensifikaw l-assistenza għall-iżvilupp tagħhom, anke permezz tal-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jadottaw pjan direzzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-objettiv tal-impenn li ħadu b'mod trasparenti, prevedibbli u responsabbli; iwissi li l-kriterji għall-ODA m'għandhomx jiġu dilwiti bil-għan li jiġu koperti spejjeż apparti dawk marbuta direttament mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    6.

    Jinnota bi tħassib li, sa nofs l-2015, kienu biss ħamsa l-Istati Membri tal-UE li ppubblikaw pjanijiet ta' implimentazzjoni skont kif stabbilit f'Busan; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u jirrapportaw rigward l-isforzi tagħhom qabel it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li se ssir f'Nairobi bejn it-28 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2016;

    7.

    Jappella biex id-dokument ta' eżitu ta' din it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli jindirizza ċarament u jassenja r-rwoli u r-responsabilitajiet differenzjati tal-atturi u l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-iżvilupp għall-implimentazzjoni tal-aġenda u l-applikazzjoni tal-prinċipji, sabiex jissaħħaħ il-progress u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-ġejjieni;

    8.

    Jinnota l-proposta Messikana għall-inklużjoni tal-ħames prinċipju tal-effikaċja tal-iżvilupp, speċifikament li “Ħadd ma jitħalla l-art”; jirrikonoxxi l-importanza li jkun hemm konċentrazzjoni qawwija fuq il-gruppi foqra, vulnerabbli u emarġinati, waqt li jitqiesu kif dovut l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità u ta' kunflitt, fil-kuntest tal-aġenda rigward l-effikaċja tal-iżvilupp; huwa tal-fehma li, waqt li dan il-prinċipju kieku jikkorrispondi għall-filosofija ġenerali u l-impenn predominanti tal-Aġenda 2030, ikun tajjeb li l-inklużjoni possibbli tiegħu tiġi akkumpanjata b'diskussjoni u riflessjoni serji dwar il-mod kif se jopera, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' integrazzjoni u l-indikaturi;

    9.

    Jirrileva l-ħtieġa li s-Sħubija Globali titqiegħed f'qagħda ta' saħħa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; jikkunsidra li s-Sħubija Globali tista' tipprovdi valur miżjud jekk ħidmietha tinqasam f'fażijiet u titfassal strateġikament fil-prospettiva tal-ħidma u l-kalendarju tal-Forum dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Kunsill ECOSOC tan-NU, il-Forum dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Forum Politiku ta' Livell Għoli;

    10.

    Jisħaq li jkun tajjeb li s-Sħubija Globali tiżvolġi rwol qawwi fl-aspetti bbażati fuq l-evidenza tal-monitoraġġ u r-responsabilità fir-rigward tal-prinċipji tal-effikaċja biex jinkisbu l-SDGs u fl-appoġġ għal implimentazzjoni aktar sħiħa tagħhom mill-atturi kollha fil-livell nazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li s-Sħubija Globali tipprovdi kanali għall-kooperazzjoni ddefiniti b'mod ċar għal atturi speċifiċi fil-qasam tal-iżvilupp apparti d-donaturi OECD, inklużi d-donaturi emerġenti, il-gvernijiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filantropi privati, istituzzjonijiet finanzjarji, kumpaniji mis-settur privat u t-trade unions; jemmen li jkun tajjeb li l-arranġamenti għall-presidenza tas-Sħubija Globali jirriflettu d-diversità tal-partijiet interessati;

    11.

    Ifakkar li t-tkabbir ta' 1 % fl-Afrika jirrappreżenta aktar mid-doppju tal-ammont ta' ODA;

    12.

    Jemmen li s-Sħubija Globali jmissha tiżvolġi rwol ta' tmexxija fl-iżgurar ta' progress biex jinkiseb l-SDG 17, speċifikament rigward il-monitoraġġ u r-responsabilità, żieda fl-effikaċja tal-għajnuna, l-aspetti ta' kwalità u kapaċità tal-finanzjament għall-iżvilupp, is-sostenibilità tat-taxxa u tad-dejn, il-mobilizzazzjoni tas-settur privat u r-responsabilità tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli, it-trasparenza, il-koerenza politika, is-sħubijiet b'diversi partijiet interessati, kif ukoll il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u dik trijangolari;

    13.

    Jissottolinja r-rwol important li s-Sħubija Globali għandha x'tiżvolġi fir-rigward tal-indikatur 17.16.1 tal-SDGs, b'mod partikolari biex jinkisbu sħubijiet b'diversi partijiet interessati aktar effikaċi u inklużivi għall-appoġġ u s-sostenn tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, billi tkejjel il-kwalità tal-isforzi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp; jilqa' s-Sessjoni ta' Monitoraġġ tal-2016, filwaqt li jinnota li n-numru ta' sħab fil-qasam tal-iżvilupp involuti f'dan l-eżerċizzju żdied, u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tar-Rapport ta' Progress;

    14.

    Jinkoraġġixxi lill-partijiet għas-Sħubija Globali jikkunsidraw il-ħolqien ta' segretarjat permanenti għaliha li jkun aktar indipendenti u mogħni b'riżorsi aktar adegwati, li jkun jibni fuq il-ħidma tat-Tim ta' Appoġġ Konġunt, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab jaħtru punti fokali nazzjonali;

    15.

    Jindika li jkun tajjeb li l-Parlament Ewropew jitħalla jiżvolġi kompletament ir-rwol vitali tiegħu ta' skrutinju demokratiku għall-politiki kollha tal-UE, inklużi l-politiki dwar l-iżvilupp, u jeżiġi li jiġi informat b'mod regolari u puntwali rigward il-pożizzjonijiet li tieħu l-Kummissjoni fil-Kumitat ta' Tmexxija tas-Sħubija Globali;

    16.

    Jilqa' l-progress li sar, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tiżgura li l-atturi kollha kkonċernati jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar it-trasparenza tal-programmazzjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-mekkaniżmi ta' finanzjament, il-proġetti u l-flussi tal-għajnuna, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna u l-ħolqien tas-sit “EU Aid Explorer” fuq l-internet; jindika madankollu li għad fadal passi importanti x'jittieħdu f'dan ir-rigward, u jeżiġi li jsiru b'mod urġenti sforzi sinifikanti ulterjuri mid-donaturi kollha sabiex l-informazzjoni u d-data jagħmluhom aktar aċċessibbli, puntwali u paragunabbli; jappella lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhux qed jikkontribwixxu għall-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna biex dan jibdew jagħmluh; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jisfruttaw id-data disponibbli, u anke biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab billi jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

    17.

    Jikkunsidra li l-monitoraġġ, ir-rieżami u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-progress fl-iżvilupp għandhom importanza fundamentali fit-tisħiħ tar-responsabilità u l-impatt tal-kooperazzjoni, b'mod partikolari fil-livell tal-pajjiżi; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tressaq rapporti, tal-anqas kull 24 xahar, dwar l-isforzi u l-pjanijiet ta' azzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri bil-ħsieb li l-prinċipji ta' Busan jiġu implimentati b'mod komprensiv; jappella lill-UE tagħti appoġġ ulterjuri lill-pajjiżi sħab fit-titjib tal-kapaċità amministrattiva u loġistika tagħhom, u b'mod partikolari tas-sistemi statistiċi tagħhom;

    18.

    Jilqa' l-inizjattivi tal-OECD li potenzjalment jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti, u jappella lill-komunità internazzjonali biex issaħħaħ il-kooperazzjoni b'mod li tiżdied it-trasparenza tar-reġimi fiskali u tal-flussi finanzjarji b'mod aktar ġenerali; jinsisti fuq ir-rwol kruċjali u r-responsabilitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji f'dan ir-rigward;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-aġenziji tal-Istati Membri jinformaw lill-parlamenti nazzjonali u, sal-livell li jkun possibbli, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lill-partijiet interessati privati u s-soċjetà ċivili, dwar l-impenji ta' programmazzjoni u finanzjarji relatati mal-assistenza għall-iżvilupp, billi jippubblikaw analiżijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għal kull pajjiż speċifiku, li huwa mistenni li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn id-dokumenti strateġiċi, il-koordinament tad-donaturi, il-Pjanijiet ta' Azzjoni Annwali u l-programmi attwali u dawk ippjanati, kif ukoll is-sejħiet għal proġetti u akkwisti jew il-mekkaniżmi ta' finanzjament oħra li jintużaw;

    20.

    Jinkoraġġixxi lill-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji jadottaw politiki nazzjonali dwar l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex itejbu r-responsabilità tad-donaturi u tal-gvernijiet benefiċjarji, inkluża dik tal-awtoritajiet lokali, isaħħu l-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-kapaċità ta' assorbiment, jeqirdu l-korruzzjoni u kull forma ta' ħela ta' għajnuna, iġibu s-sistemi fiskali effikaċi, u jtejbu l-kundizzjonijiet biex jirċievu appoġġ baġitarju, kif ukoll, fuq żmien twil, inaqqsu d-dipendenza mill-għajnuna;

    21.

    Jikkunsidra li huwa importanti li l-parteċipazzjoni min-naħa tal-Istati Membri kollha fl-Inizjattiva Fiskali ta' Addis Ababa tiġi promossa, b'mod li l-assistenza teknika tirdoppja sal-2020 u tissaħħaħ il-kapaċità fiskali tal-pajjiżi sħab;

    22.

    Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom mal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi sħab bil-ħsieb li jagħtu appoġġ kostruttiv għall-iżvilupp ta' tali politiki, waqt li jikkomplementawhom b'arranġamenti ta' responsabilità reċiproka; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb r-responsabilità interna fil-kuntest tal-appoġġ baġitarju billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet istituzzjonali tal-parlamenti nazzjonali u l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar;

    23.

    Jissottolinja r-rwol li għandhom iċ-ċittadini, il-komunitajiet lokali, ir-rappreżentanti eletti, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (minn hawn 'il quddiem, l-“OSĊ”), is-settur akkademiku, it-trade unions u s-settur privat fl-iżvilupp, u jisħaq li hemm bżonn li dawk l-atturi kollha jiġu involuti fl-approfondiment u l-implimentazzjoni tal-aġenda dwar l-effikaċja f'diversi livelli; jemmen li l-kontribut effikaċi tagħhom jirrikjedi minnhom involviment parteċipattiv fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni, responsabilità reċiproka u trasparenza, monitoraġġ u evalwazzjoni, u li d-donaturi għandhom itejbu l-prevedibilità u l-ħeffa meta jkun qed jaħdmu ma' dawn l-atturi bħala sħab implimentattivi u sħab għall-forniment ta' servizzi bażiċi, b'mod li ġenwinament jilħqu lill-aktar setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni;

    24.

    Jisħaq li l-assistenza tista' tiġi sostnuta biss meta l-benefiċjarji jkunu impenjaw ruħhom b'mod qawwi u jkunu ngħataw ir-responsabilità għaliha; jinsisti fuq l-importanza li r-responsabilità għar-riżultati fil-qasam tal-iżvilupp tiġi kondiviża, inkluż għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Istanbul, u jfakkar li s-sjieda demokratika tirrikjedi istituzzjonijiet b'saħħithom li jkunu jistgħu jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa min-naħa tal-atturi lokali fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp;

    25.

    Jissottolinja kemm huwa importanti li l-OSĊ jitħallew jeżerċitaw ir-rwol tagħhom bħala atturi indipendenti fil-qasam tal-iżvilupp, waqt li tingħata attenzjoni partikolari biex jinħoloq ambjent favorevoli li jkun konsistenti mad-drittijiet li jkunu ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali u li jimmassimizza l-kontribuzzjonijiet tal-OSĊ għall-iżvilupp; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-ispazju dejjem jiċkien għall-OSĊ f'ħafna mill-pajjiżi sħab; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċessibilità tal-finanzjament għall-OSĊ;

    26.

    Jilqa' l-progress li kisbet l-UE fir-rigward tal-Ipprogrammar Konġunt u l-impenn li ħadet favurih; jinnota li l-Ipprogrammar Konġunt għandu jnaqqas il-frammentazzjoni tal-għajnuna u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, iżid il-komplementarjetà permezz ta' tqassim aħjar tax-xogħol, u jsaħħaħ ir-responsabilità interna u reċiproka, kif ukoll il-prevedibilità tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex b'hekk joffri vantaġġi ċari kemm għall-UE u kemm għall-pajjiżi sħab; josserva li l-Ipprogrammar Konġunt ġie esplorat f'59 pajjiż minn 110 pajjiżi sħab li jirċievu assistenza għall-iżvilupp mill-UE; jappella lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab biex jintensifikaw l-involviment tagħhom fl-Ipprogrammar Konġunt b'mod li jisfruttaw kompletament il-vantaġġi tiegħu fil-pajjiżi kollha possibbli;

    27.

    Ifakkar fit-talba tiegħu (26) għall-kodifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi u l-prattiki biex jiġu żgurati komplementarjetà aħjar u koordinament effikaċi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, waqt li jiġu pprovduti regoli ċari u inforzabbli għall-iżgurar ta' sjieda interna demokratika, armonizzazzjoni, allinjament mal-istrateġiji u s-sistemi tal-pajjiżi speċifiċi, prevedibilità tal-fondi, trasparenza u responsabilità reċiproka; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar in-nuqqas ta' segwitu għal din it-talba u tiddikjara liema miżuri alternattivi tkun ħadet jew tkun bi ħsiebha tieħu f'dan ir-rigward;

    28.

    Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom biex iħollu l-irbit mal-għajnuna tagħhom, u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jappella biex isiru sforzi ulterjuri biex l-irbit tal-għajnuna jinħall iktar malajr fil-livell globali mill-fornituri kollha tal-għajnuna għall-iżvilupp, inklużi l-ekonomiji emerġenti; jappella lill-fornituri tal-għajnuna biex, qabel jipprovaw alternattivi oħra, jużaw is-sistemi ta' akkwist tal-pajjiżi sħab;

    29.

    Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda biex jissaħħu l-proġetti emblematiċi ta' kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u ta' kooperazzjoni trijangolari, bl-involviment ta' donaturi emerġenti ġodda u pajjiżi oħra b'introjtu medju, u abbażi tal-indirizzar tal-isfidi globali ta' interess reċiproku, mingħajr ma jitilfu l-prospettiva tal-qerda tal-faqar; jirrileva l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni deċentralizzata b'mod li tiġi approfondita l-aġenda dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, filwaqt li jiġu rispettati s-salvagwardji kollha fir-rigward tat-trasparenza, l-effikaċja u l-koerenza, u tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri tal-arkitettura tal-għajnuna internazzjonali;

    30.

    Jisħaq li l-assistenza għall-iżvilupp tista' tiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-inugwaljanzi, u fil-promozzjoni tal-iżvilupp, b'mod partikolari dak tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif ukoll fit-tisħiħ tal-aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għall-gruppi l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli, u fil-katalizzazzjoni ta' fatturi sistemiċi kritiċi oħra li jiffaċilitaw l-iżvilupp, bħall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (hekk kif inhi artikolata fis-Sħubija ta' Busan), l-edukazzjoni, u t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, inkluża l-ġlieda kontra l-mard relatat mal-faqar, jekk jintużaw f'kuntest ta' governanza inklużiva leġittima abbażi tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

    31.

    Jissottolinja s-sinifikat tal-SDG 16 għall-effikaċja tal-iżvilupp kumplessiva, u jwissi li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tistax tissodisfa l-iskop tagħha b'mod effikaċi fin-nuqqas ta' paċi, ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ta' sistema ġudizzjarja imparzjali, effiċjenti u indipendenti, ta' standards u salvagwardji lavorattivi u ambjentali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali għall-integrità tal-istituzzjonijiet pubbliċi u ta' dawk li jokkupaw kariga uffiċjali, ta' proċess deċiżjonali inklużiv, parteċipattiv u rappreżentattiv fil-livelli kollha, u ta' trasparenza u responsabilità;

    32.

    Ifakkar li l-korruzzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kemm jekk tkun marbuta direttament mal-assistenza għall-iżvilupp jew le, tikkostitwixxi ksur serju tal-leġittimità demokratika u tagħmel ħsara lill-appoġġ pubbliku għall-assistenza għall-iżvilupp fil-pajjiżi donaturi; jilqa' għalhekk il-miżuri kollha li ttieħdu għall-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba u għall-qerda tal-korruzzjoni darba għal dejjem, waqt li jinnota li, f'ħafna pajjiżi sħab, is-sitwazzjoni minnha nnifisha timplika ċertu grad ta' riskju;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-donaturi l-oħra jamplifikaw l-isforzi u r-riżorsi umani tagħhom għal kunċettwalizzazzjoni aħjar tal-effikaċja u l-analiżi fil-fond fil-kuntesti ta' fraġilità, ta' wara kunflitt u ta' prevenzjoni tal-kunflitti, fejn l-eżiti mixtieqa mhux dejjem jistgħu jiġu interpretati fil-forma ta' data u fi ħdan l-oqfsa tar-riżultati;

    34.

    Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat huwa sieħeb importanti fil-ksib tal-SDGs u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi ulterjuri għall-iżvilupp; jisħaq li, minħabba r-rwol dejjem jikber tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jeħtieġ li l-atturi fis-settur privat jallinjaw rwieħhom mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jikkonformaw mal-prinċipji tar-responsabilità korporattiva tul iċ-ċiklu sħiħ ta' ħajjet il-proġetti; jirrikonoxxi l-isforzi ta' xi atturi mis-settur privat biex jassumu impenji favur id-drittijiet tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibilità bħala element ċentrali tal-mudelli kummerċjali tagħhom, u jappella biex dan l-approċċ jiġi ġġeneralizzat; jindika l-ħtieġa li s-settur privat jirrispetta l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-istandards soċjali u ambjentali, kif ukoll il-Patt Globali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tal-ILO fil-qasam tax-xogħol u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kumpaniji li joperaw minn rifuġji fiskali ma jiħdux sehem fil-proġetti ffinanzjati bl-ODA; jissottolinja b'mod parallel il-ħtieġa li l-pajjiżi sħab irawmu ambjenti favorevoli għall-impriżi, inklużi sistemi ġuridiċi u regolatorji trasparenti;

    35.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Parlament u l-Gvern tal-Kenja li se jospitaw it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali, lill-Kopresidenti tas-Sħubija Globali, lill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-OECD u lill-Unjoni Interparlamentari.

    (1)  http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

    (2)  http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf

    (3)  https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N16/132/05/PDF/N1613205.pdf?OpenElement

    (4)  http://www.oecd.org/dac/effectiveness/34428351.pdf

    (5)  http://www.oecd.org/dac/effectiveness/49650173.pdf

    (6)  http://effectivecooperation.org/2014/03/draft-communique-for-the-first-high-level-meeting-of-the-global-partnership/

    (7)  http://effectivecooperation.org/events/2016-high-level-meeting/

    (8)  http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/05/4314021e.pdf

    (9)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    (10)  Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.

    (11)  Dokument tal-Kunsill 18239/10.

    (12)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9145-2015-INIT/mt/pdf

    (13)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7805-2014-INIT/mt/pdf

    (14)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9241-2015-INIT/mt/pdf

    (15)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8831-2016-INIT/mt/pdf

    (16)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8822-2016-INIT/mt/pdf

    (17)  Dokument tal-Kunsill 10715/16

    (18)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 100.

    (19)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 38.

    (20)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 80.

    (21)  Testi adottati, P7_TA(2013)0558.

    (22)  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.

    (23)  Testi adottati, P8_TA(2016)0137.

    (24)  Testi adottati, P8_TA(2016)0224.

    (25)  Testi adottati, P8_TA(2016)0246.

    (26)  Testi adottati tal-11 ta’ Diċembru 2013, P7_TA(2013)0558.


    Top