This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IP0201
European Parliament resolution of 28 April 2016 on attacks on hospitals and schools as violations of international humanitarian law (2016/2662(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))
ĠU C 66, 21.2.2018, p. 17–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 66/17 |
P8_TA(2016)0201
L-attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (2016/2662(RSP))
(2018/C 066/03)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u strumenti ġuridiċi oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, |
— |
wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10-11 ta' Diċembru 2015 dwar il-proċess preparatorju tas-Summit Umanitarju Dinji, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Sħubija (kif approvati mill-Pjattaforma Umanitarja Globali) tat-12 ta' Lulju 2007, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat “One humanity, shared responsibility” (“Umanità waħda, responsabilità kondiviża”), tat-2 ta' Frar 2016, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1998 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottata fit-12 ta' Lulju 2011, u r-Riżoluzzjoni 2143, adottata fis-7 ta' Marzu 2014, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal milquta minn kunflitti armati, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/290 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil sistematiku tal-massa ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa ISIS/Daesh (3), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet protratti (4), tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (5), u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja (6), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1502(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza kontra l-ħaddiema umanitarji, u r-Riżoluzzjoni 2175(2014) dwar il-protezzjoni ta' persuni ċivili f'kunflitti armati, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li ġiet diskussa biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri kif organizzata mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u tal-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitti Armati, |
— |
wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida dwar attakki fuq skejjel u sptarijiet, biex tassisti lil dawk kollha involuti fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-promozzjoni, li tnediet fil-21 ta' Mejju 2014 mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata fl-10 ta' Diċembru 2015 mit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) dwar il-proġett Kura tas-Saħħa fil-Periklu u r-rapport tiegħu dwar il-vjolenza kontra l-faċilitajiet u l-persunal tal-kura tas-saħħa, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi f'dawn l-aħħar snin il-komunità internazzjonali osservat xejra terribbli ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel f'kunflitti armati madwar id-dinja, bħall-attakki reċenti fuq iċ-ċentri tas-saħħa ta' Doctors Without Borders (MSF) f'Kunduz (l-Afganistan) fit-3 ta' Ottubru 2015, f'Razah (il-Jemen) fl-10 ta' Jannar 2016, u f'numru ta' bliet Sirjani matul il-kunflitt attwali; billi kien hemm żieda bla preċedent fiċ-ċaħda ta' għajnuna u aċċess umanitarji, fl-eżekuzzjoni ta' persuni ċivili u persunal umanitarju, fid-detenzjoni f’kundizzjonijiet diffiċli, u f'każijiet fejn ċivili jintużaw bħala ostaġġi jew jiġu mġiegħla fl-iskjavitù; billi l-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiżdiedu, in-nuqqas ta' impenji sostnuti u ż-żieda fl-ispiża tal-assistenza umanitarja kkontribwew biex is-sistema umanitarja attwali tilħaq il-limiti tagħha, u billi dan ġiegħel lil għadd ta' organizzazzjonijiet jissospendu b'mod temporanju l-għajnuna alimentari, il-kenn u operazzjonijiet umanitarji oħra li jsalvaw ħajjet in-nies; |
B. |
billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jsir f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat “Umanità waħda, responsabilità kondiviża”, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ “l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali” f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża ritorn għal era ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li min jonqos li jesiġi u jippromwovi r-rispett għal dawn in-normi kif ukoll li jappoġġja l-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità jikkontribwixxi għal din l-erożjoni; |
C. |
billi d-dritt umanitarju internazzjonali, magħruf ukoll bħala d-Dritt dwar il-Kunflitti Armati, huwa maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi ta' kif issir gwerra; |
D. |
billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu rwol ċar fl-iżgurar tar-rispett għad-dritt internazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji kollha; |
E. |
billi jeħtieġ li tissaħħaħ il-protezzjoni għall-ħaddiema umanitarji mingħajr distinzjoni f’arranġamenti ta' sigurtà bejn persunal internazzjonali u lokali; |
F. |
billi d-dehra dejjem akbar ta' atturi u gruppi terroristiċi mhux statali, u entitajiet oħra f’kunflitti armati qed toħloq sfidi għall-applikazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-partijiet kollha f'kunflitt, inklużi partijiet armati statali u mhux statali, jeħtiġilhom jiggarantixxu lill-atturi umanitarji l-aċċess neċessarju biex jgħinu lill-popolazzjonijiet ċivili vulnerabbli u milquta minn kunflitti; |
G. |
billi l-prinċipji umanitarji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza, u r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem previsti fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali għalihom, iridu jkunu fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tiġi ggarantita, u billi l-indipendenza tal-għajnuna trid tipprevali; |
H. |
billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma protetti b'mod espliċitu fil-qafas tad-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu pprojbit b'mod ċar u kkunsidrat bħala ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali; |
I. |
billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiddefinixxi l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji bħala delitt tal-gwerra; billi huwa jenfasizza wkoll li attakki intenzjonati fuq bini ddedikat għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, għal skopijiet ta' xjenza jew ta' karità, jew il-monumenti storiċi, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra; |
J. |
billi l-bini u l-assi tan-NU, inklużi skejjel u ċentri tas-saħħa, huma invjolabbli u protetti skont il-Konvenzjoni tal-1946 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti; |
K. |
billi l-ICRC reġa' ddikjara li l-obbligu li jiġu investigati każijiet suspettati ta' delitti tal-gwerra huwa regola tad-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju applikabbli kemm għal kunflitti armati internazzjonali kif ukoll mhux internazzjonali; |
L. |
billi xi gruppi armati jopponu l-edukazzjoni sekulari u dik tal-bniet, jew li l-bniet jiġu ttrattati minn persunal mediku tas-sess maskil, u għalhekk dan jostakola l-aċċess għal dawn is-servizzi; billi klima ġenerali ta' nuqqas ta' sigurtà minħabba kunflitt tipprevjeni wkoll lit-tfal, lill-għalliema u lill-persunal mediku milli jattendu l-iskola jew ifittxu assistenza medika; billi n-nisa u t-tfal jiffaċċaw riskji aktar akuti minħabba l-ispostament u minħabba l-kollass tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jirrikjedi li l-kura medika kollha meħtieġa tiġi pprovduta mingħajr diskriminazzjoni lill-bniet u n-nisa stuprati fil-gwerra; billi l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda mit-tliet kawżi ewlenin ta' mewt marbuta mal-maternità; billi s-saħħa materna, l-assistenza psikoloġika għan-nisa vittmi ta' stupru, u l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal spostati huma sfidi kbar fil-kampijiet tar-rifuġjati; |
M. |
billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE, għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015; |
N. |
billi meta adotta l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem, il-“Linji Gwida tal-UE”), il-Kunsill Affarijiet Barranin enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu indirizzati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għal mekkaniżmi ta' responsabilità adegwati, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-“gruppi ta' ħidma xierqa tal-Kunsill” biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, fit-tali każijiet, biex jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a)); |
O. |
billi, bejn l-2012 u l-2015, l-ICRC organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitti armati u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; |
P. |
billi l-Linji Gwida tal-UE jirreferu għal għadd ta' mezzi ta' azzjoni differenti għad-dispożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward, inkluż id-djalogu politiku, dikjarazzjonijiet pubbliċi ġenerali, miżuri restrittivi, kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħra, operazzjonijiet għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, responsabilità individwali, taħriġ u kontroll tal-esportazzjoni ta' armi; |
Q. |
billi l-istati li ħadu sehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-ICRC u mill-Gvern tal-Iżvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex isibu modi kif isaħħu l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019; |
R. |
billi l-kapitolu tal-għajnuna umanitarja tal-UE, li ammonta għal EUR 909 miljun fl-2015, jirrappreżenta anqas minn 1 % tal-baġit totali tal-UE; billi t-titjib tar-rabta bejn l-għajnuna u l-assistenza fit-tul huwa mod wieħed kif titnaqqas id-diskrepanza attwali bejn il-ħtiġijiet umanitarji enormi u r-riżorsi disponibbli; |
1. |
Jafferma mill-ġdid il-kontribut fundamentali tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-istorja moderna tal-umanità u jistieden lill-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji (WHS) biex jaffermaw mill-ġdid iċ-ċentralità tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħarsien li dan joffri; |
2. |
Jesprimi dispjaċir profond dwar in-nuqqas ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel u persuni ċivili oħra fil-mira li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, tfal u qraba qed isiru bersalli u vittmi; jesprimi fehmtu li l-kundanni internazzjonali jridu jkunu segwiti minn investigazzjonijiet indipendenti u minn responsabilità ġenwina; jistieden lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex jagħrfu l-portata reali ta' din l-emerġenza u jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom ħalli jindirizzaw din il-kwistjoni; |
3. |
Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li l-atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u delitti tal-gwerra taħt l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat trid tkun żgurata b'investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali dwar l-attakki brutali li seħħew, u billi l-partijiet kollha involuti jassumu r-responsabilità ġenwina għar-reati kommessi; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm id-distinzjoni bejn l-atturi umanitarji u dawk militari u l-ħtieġa li l-azzjoni umanitarja ma tinużax biex jintlaħqu finijiet politiċi jew militari, għax dan jimmina u jipperikola l-operazzjonijiet umanitarji ġenwini u l-persunal tagħhom; |
4. |
Jikkundanna l-użu ta' sptarijiet u skejjel minn partijiet f'kunflitti armati, li effettivament ibiddluhom f'bersalli għal attakki; ifakkar li dawk li jużaw lil persuni jew proprejtajiet li jkunu protetti bħala tarki umani jew bħala camouflage ikunu wkoll ħatja ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; |
5. |
Jappella biex il-partijiet li qegħdin f'kunflitti jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u jżommu lura milli jattakkaw deliberatament infrastrutturi ċivili; jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex ir-reazzjoni għall-attakki tkun aktar effikaċi; jitlob għalhekk li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappellaw lin-NU u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiggarantixxu l-protezzjoni kemm tal-ħaddiema umanitarji lokali kif ukoll ta' dawk internazzjonali; |
6. |
Ifaħħar il-kuraġġ u d-dedikazzjoni ammirevoli tal-persunal mediku, tal-istaff tal-għalliema u tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, internazzjonali u lokali, li joperaw fiż-żoni ta' kunflitt; |
7. |
Jenfasizza li l-jedd għas-saħħa hu jedd tal-bniedem, u jitlob lill-partijiet kollha involuti f'kunflitti armati biex jiggarantixxu d-disponibilità, l-aċċessibilità, l-aċċettabilità u l-kwalità tas-servizzi mediċi matul kunflitti armati; jappella għal impenn globali sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu sikuri sa mill-bidu ta' kull emerġenza jew kriżi billi jiġi indirizzat ir-riskju ta' vjolenza sesswali u sessista, billi titqajjem kuxjenza, billi jittieħdu passi biex min iwettaq vjolenza ta' dan it-tip jiġi mħarrek, u billi jiġi żgurat li, fi kriżijiet umanitarji, in-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi aborti sikuri, minflok ma jiġi pperpetwat dak li effettivament hu trattament inuman, kif rikjest mid-dritt umanitarju internazzjonali u kif previst fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom; |
8. |
Jenfasizza li, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-effikaċja u l-lakuni tal-finanzjament umanitarju, hemm bżonn aktar kumplementarjetà bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna tal-iżvilupp, u li dawn għandhom jimxu id f'id ma' żieda fl-għajnuna għall-iżvilupp u fil-finanzjament umanitarju; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lid-donaturi internazzjonali oħrajn biex, matul id-WHS, jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-Impenji Ewlenin kollha proposti inklużi fl-Aġenda għall-Umanità, li tfittex li tnaqqas l-impatt umanitarju tal-ostilitajiet u tippermetti azzjoni umanitarja; |
9. |
Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex juża l-għodod disponibbli kollha, bħalma huma l-użu ta' miżuri mmirati, it-twaqqif ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u kummissjonijiet ta' inkjesta, u l-mekkaniżmi ġudizzjarji bħal tressiq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; jitlob li s-setgħa ta' veto ma tintużax f’deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar kwistjonijiet marbuta ma' azzjoni umanitarja, li r-rispett għan-normi tad-dritt internazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji jittejbu, li l-atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta' dawk in-normi jiġu investigati b’mod sistematiku, u li dawk li jkunu suspettati li huma responsabbli għal atti bħal dawn jittellgħu l-qorti; |
10. |
Jiddeplora l-fatt li numru ta' sħab tal-UE u tal-Istati Membri tagħha huma involuti f'atti ta' ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob li l-UE tisfrutta l-għodod bilaterali kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa ta' sħabha, inkluż permezz tad-djalogu politiku tagħha u, fil-każ li dan id-djalogu ma jagħti l-ebda riżultat, tikkunsidra miżuri oħra skont il-Linji Gwida tal-UE; |
11. |
Jistieden lir-RGħ/VP tvara inizjattiva mmirata biex l-UE timponi embargo tal-armi kontra l-pajjiżi li jiġu akkużati bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza l-fatt li l-għoti kontinwu ta' liċenzji għall-bejgħ ta' armi lil dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 (7); |
12. |
Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni biex jitolbu li l-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, u r-rappreżentanti xierqa tal-UE (Kapijiet tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE, Kmandanti tal-Operazzjonijiet Militari tal-UE u Rappreżentanti Speċjali tal-UE) jirrappurtaw każijiet ta' ksur serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; |
13. |
Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw bis-sħiħ l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tad-WHS ħalli jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-iżgurar tal-jeddijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw, jimplimentaw u jippromwovu r-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, sabiex jikkomplementaw l-oqfsa nazzjonali, b'mod li jtemmu l-impunità fir-rigward tal-ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; |
14. |
Jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali, peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adottaw dokument ekwivalenti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw dawn il-Linji Gwida b'mod effikaċi; |
15. |
Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, u li l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali jaqa' prinċipalment taħt ir-responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-“gruppi ta' ħidma xierqa tal-Kunsill” li jissorveljaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'tali każijiet, li jirrakkomandaw azzjoni għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jipprovdu rappurtar aktar dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt speċifiċi, notevolment fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; |
16. |
Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, se jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja ta' Tiftix tal-Fatti (IHFFC) stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' medjazzjoni; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx u jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jikkunsidraw li jattivawha; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu l-kompetenza tal-IHFFC; |
17. |
Jitlob spazju istituzzjonali mtejjeb għall-komunità internazzjonali biex tindirizza kwistjonijiet komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; jilqa' l-pleġġ tal-UE u l-Istati Membri tagħha lill-ICRC li jappoġġjaw bis-sħiħ l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta lill-Parlament dwar l-objettivi u l-istrateġija tagħha rigward it-twettiq ta' dan il-pleġġ fil-proċess intergovernattiv li jmiss, sabiex issib modi biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali kif miftiehem fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar f’Diċembru 2015, li jistgħu jsaħħu s-sistema ta' governanza tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali; |
18. |
Jilqa' l-prattika tal-UE u tal-Istati Membri tal-ħruġ ta' pleġġijiet għall-konferenza tal-ICRC; jistieden lir-RGħ/VP tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pleġġijiet, notevolment permezz tal-inklużjoni ta' taqsima dettaljata fil-kapitolu dwar id-dritt umanitarju internazzjonali fir-Rapport Annwali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; |
19. |
Jistieden lin-NU u lill-UE jippromwovu kampanji biex jiżguraw li l-atturi kollha, inklużi gruppi armati mhux statali, ikunu konxji mill-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, u jissodisfaw l-obbligi tagħhom sabiex jiffaċilitaw l-assistenza u l-protezzjoni umanitarja għal persuni taħt l-influwenza tagħhom; |
20. |
Jistieden lill-Istati Membri jmexxu bl-eżempju u jwettqu l-impenn tagħhom li jirratifikaw l-istrumenti priċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti ġuridiċi rilevanti oħra, li għandhom impatt fuq id-dritt umanitarju internazzjonali; |
21. |
Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra mill-qafas ġuridiku internazzjonali, u jinsisti fuq l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati; |
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU. |
(1) ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0418.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0172.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0459.
(7) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.