Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1606

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1606 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 447–452 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1606/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/447


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1606 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-28 ta’ April 2016

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2015) 505) u d-dokumenti ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2015) 194, SWD(2015) 195),

    wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi tal-Qorti tal-Awdituri (1) dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0080/2016),

    A.

    billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta’ kwittanza bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew;

    1.

    Itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b’mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta’ dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġuni ewlenija għat-twaqqif tal-aġenziji kienet għall-fini li jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti ta’ natura teknika jew xjentifika;

    2.

    Jinnota mis-sommarju tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-awditi annwali tagħha għall-2014 tal-aġenziji tal-Unjoni u korpi oħra (is-“Sommarju tal-Qorti”) li l-baġit tal-aġenziji għall-2014 ammonta għal madwar EUR 1,9 biljun, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ madwar 5 % meta mqabbel mal-2013, u madwar 1,4 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jirrimarka li madwar 63 % (EUR 1,2 biljun) ġejjin minn finanzjament tal-Unjoni, filwaqt li l-bqija huwa dħul minn tariffi jew minn sorsi oħra;

    3.

    Jieħu nota li l-aġenziji jimpjegaw 6 578 bejn uffiċjali permanenti u temporanji li jirrappreżentaw żieda ta’ 0,64 % meta mqabbla mas-sena preċedenti u 14 % tat-total tal-uffiċjali tal-Unjoni awtorizzati taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-aġenziji jħaddmu madwar 3 200 membru tal-persunal kuntrattwali jew issekondat; jirrimarka li ż-żieda fil-persunal hija primarjament ikkonċentrata f’dawk l-aġenzji li ngħataw kompiti addizzjonali, f’dawk b’responsabbiltà superviżorja għall-industrija finanzjarja, u fl-aġenziji eżekuttivi b’responsabbiltajiet addizzjonali taħt Orizzont 2020 u programmi oħra;

    Approċċ komuni u pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

    4.

    Ifakkar li f’Lulju 2012 il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati (“l-Approċċ Komuni”), qbil politiku dwar il-ġestjoni futura u r-riforma tal-aġenziji; jieħu nota li l-Kummissjoni hija responsabbli biex tagħti segwitu għal dan il-qbil;

    5.

    Jirrikonoxxi r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni, kif ukoll l-isforzi li saru b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-aġenziji deċentralizzati, li wasslu biex sar progress dimostrabbli; iqis li dan se jiżgura governanza aktar ibbilanċjata, effiċjenza u responsabbiltà mtejba u aktar koerenza. jirrikonoxxi, barra minn hekk, abbażi ta’ informazzjoni min-netwerk tal-aġenziji tal-Unjoni (“in-Netwerk”), li l-aġenziji għamlu progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-Approċċ Komuni, li laħqet rata ta’ 99 % fl-ikkompletar tal-azzjonijiet speċifiċi għall-aġenziji fil-pjan direzzjonali;

    6.

    Jilqa’ f’dan ir-rigward il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-aġenziji dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni bil-għan li jivvalutaw ir-riżultati miksuba mid-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji u l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-aġenziji relatati mar-reklutaġġ ta’ persunal tal-karrieri; jistenna li dawn se jgħinu lill-aġenziji biex jarmonizzaw il-proċessi u b’hekk jiffrankaw il-ħin u r-riżorsi;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    7.

    Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabbiltà, flimkien ma’ dawk tal-unità u tal-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni; jieħu nota mis-sommarju tal-Qorti li livell għoli ta’ riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati għadu l-aktar kwistjoni frekwenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u li din il-kwistjoni kienet tikkonċerna 28 aġenzija; jirrimarka, madankollu, li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikabbli minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jirrikonoxxi l-fatt li l-ammonti riportati li jirriżultaw minn dawn il-programmi operattivi huma, f’ħafna każijiet, ippjanati minn qabel mill-aġenziji u jkunu kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri, b’mod li jiffaċilita d-distinzjoni espliċita bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati;

    8.

    Jieħu nota li l-Qorti kkonstatat tmien każijiet ta’ livell għoli ta’ kanċellazzjonijiet ta’ riporti minn snin preċedenti; josserva li tali riporti jindikaw li l-approprjazzjonijiet riportati saru fuq il-bażi ta’ stimi ogħla mill-ħtiġijiet reali jew ma kinux ġustifikati b’xi mod ieħor; iħeġġeġ lil dawn l-aġenziji biex jieħdu azzjoni ħalli jevitaw din il-kwistjoni fil-ġejjieni; jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni min-Netwerk, li l-livell ta’ kanċellazzjonijiet huwa indikattiv ta’ kemm l-aġenziji antiċipaw sewwa l-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u li dan huwa indikatur aqwa ta’ ppjanar baġitarju tajjeb milli huwa l-livell ta’ riporti; jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni min-Netwerk, li l-aġenziji kkonċernati implimentaw diversi miżuri biex itejbu s-sistemi ta’ monitoraġġ baġitarju tagħhom u jindirizzaw din il-kwistjoni;

    9.

    Ifakkar lill-aġenziji li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (Regolament Finanzjarju ta’ Qafas) jipprevedi rapport annwali tal-attività kkonsolidat (RAAK) li jiġbor flimkien informazzjoni mir-rapporti annwali tal-attività, ir-rapporti ta’ awditjar intern u estern kif ukoll ir-rapporti finanzjarji li għandhom jintbagħtu sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-awtorità ta’ kwittanza; jitlob li l-aġenziji li għadhom m’għamlux dan jinkludu informazzjoni dettaljata dwar awditi interni u esterni fir-RAAK tagħhom;

    10.

    Jinnota mill-informazzjoni min-Netwerk li l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas mill-aġenziji f’ħafna każijiet joħloq sfidi għall-infiq effiċjenti u simplifikat tal-baġit, b’mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, l-ipprogrammar pluriennali, il-ġestjoni tal-għotjiet indiretti u d-dokumentazzjoni kkumplikata għall-pakkett ikkonsolidat tal-kontijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lin-Netwerk jesploraw aktar il-possibilità li jissimplifikaw ir-regoli, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet diverġenti tal-aġenziji;

    11.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-kontijiet finali tal-aġenziji deċentralizzati kollha jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-flussi tal-flus tagħhom għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji applikabbli u r-regoli tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

    12.

    Jinnota b’sodisfazzjon li, għall-aġenziji deċentralizzati kollha, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

    13.

    Huwa mħasseb li ċerti aġenziji huma parzjalment iffinanzjati permezz tat-tariffi mħallsa mill-industrija, meta dawn ir-rabtiet finanzjarji jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tagħhom; jistieden lill-aġenziji kollha sabiex jistabbilixxu miżuri biex jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-attivitajiet interni u esterni tagħhom;

    Kooperazzjoni fost l-aġenziji u ma’ istituzzjonijiet oħra — servizzi u sinerġiji komuni

    14.

    Jirrikonoxxi min-Netwerk li 93 % tal-aġenziji ddikjaraw li huma jikkondividu servizzi ma’ aġenziji u istituzzjonijiet oħrajn; jinnota li 75 % tal-aġenziji diġà għandhom ftehimiet ta’ kooperazzjoni, memoranda ta’ fehim u arranġamenti ta’ ħidma għal kooperazzjoni ma’ aġenziji, istituzzjonijiet u Stati Membri oħra; jieħu nota li l-ftehimiet ġenerali qed jiġu implimentati fuq bażi annwali u b’azzjonijiet individwali aktar konkreti fl-oqsma tas-servizzi amministrattivi u servizzi operattivi speċifiċi; jinkoraġġixxi lill-aġenziji biex jagħmlu aktar servizzi kondiviżi fejn dan jirriżulta fl-iffrankar ta’ spejjeż u aktar effiċjenza; jenfasizza li meta s-servizzi jiġu kondiviżi, l-ispejjeż għandhom jinqasmu b’mod ġust bejn aġenziji jew istituzzjonijiet parteċipanti sabiex jiġi evitat li parti waħda titgħabba bl-ispejjeż kollha tas-servizz;

    15.

    Jissuġġerixxi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw il-lokalizzazzjoni ta’ aġenziji ġodda li jistgħu jkunu meħtieġa fil-futur qrib ħafna ta’ aġenziji oħra sabiex ikunu jistgħu jikkondividu s-servizzi aktar faċilment;

    16.

    Jieħu nota tal-opinjoni tan-Netwerk dwar l-amalgamazzjoni ta’ aġenziji; ifakkar il-mandat tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati biex jikkunsidra l-effiċjenzi f’dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal analiżi tal-impatt fit-tul dwar l-amalgamazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati li joperaw fl-istess qasam ta’ politika wiesa’ jew iwettqu kompiti simili;

    17.

    Jilqa’ l-linji gwida għal proċeduri ta’ akkwist bejn l-aġenziji u għall-parteċipazzjoni tal-aġenziji fi proċeduri ta’ akkwist immexxija mill-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-benefiċċji mhux biss għall-aġenziji iżda wkoll għall-Kummissjoni li jinħolqu sinerġiji u ppuljar tal-proċeduri tal-akkwist fil-qafas tal-Approċċ Komuni; jiddispjaċih f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni qed tippjana li tibda timponi tariffi amministrattivi lill-aġenziji għas-servizzi tagħha; ifakkar lill-Kummissjoni li l-aġenziji huma mħallsa mill-istess baġit tal-Unjoni u li dawn it-tariffi jistgħu jirriżultaw f’inqas parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist konġunti; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ tariffi għall-aġenziji għall-proċeduri ta’ akkwist immexxija mill-Kummissjoni;

    Ġestjoni tar-riżorsi umani

    18.

    Ifakkar li l-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5) jitlob tnaqqis progressiv ta’ 5 % tal-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha li jrid isir bejn l-2013 u l-2017; jinnota l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà laħqu jew qabżu t-tnaqqis ta’ 5 % abbażi tal-pjanijiet tal-istabbiliment rispettivi tagħhom għall-2012; ifakkar li l-Kummissjoni bdiet timplimenta t-tnaqqis ta’ 5 % fil-pjanijiet ta’ stabbiliment tal-2013 tagħha, billi tibbaża l-kalkoli fuq il-livell ta’ karigi fl-2012; jiddikjara li l-Kummissjoni applikat imposta addizzjonali ta’ 5 % tal-persunal għall-aġenziji sabiex toħloq pul ta’ riallokazzjoni minn fejn talloka l-karigi lill-aġenziji bkompiti ġodda fdati lilhom jew waqt fażi ta’ tnedija; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi SWOT dwar il-mandati tal-aġenziji u l-programmi ta’ ħidma annwali sabiex tasal għal deċiżjoni infurmata dwar liema Aġenziji għandhom bżonn aktar persunal u liema m’għandhomx;

    19.

    Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proċedura tal-baġit li l-persunal iffinanzjat minn tariffi magħmula mill-industrija, u konsegwentement mhux iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, m’għandux jintlaqat mit-tnaqqis annwali ta’ 1 % applikat mill-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta bħala każ separat l-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-baġit tal-Unjoni, u tressaq qafas speċifiku għall-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-industrija, li għandu jkun proporzjonali għas-servizzi mogħtija mill-aġenzija kkonċernata;

    20.

    Iħeġġeġ lill-aġenziji kollha biex jipprovaw isibu bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet amministrattivi għolja; jinnota li f’ċerti aġenziji ċ-ċifri huma partikolarment insodisfaċenti; jistieden lin-Netwerk biex jagħti rapport dettaljat lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi li qed jittieħdu biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet amministrattivi għolja fl-aġenziji deċentralizzati kollha; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovaw isibu bilanċ bejn is-sessi meta jaħtru l-membri tal-bordijiet;

    Kunflitti ta’ interess u trasparenza

    21.

    Jirrikonoxxi min-Netwerk li iktar minn 80 % tal-aġenziji deċentralizzati kollha għandhom strateġija kontra l-frodi fis-seħħ; jinnota li, mill-erba’ aġenziji li fadal, tlieta ġew stabbiliti biex jiżviluppaw u jadottaw strateġija kontra l-frodi matul l-2016 filwaqt li r-raba’, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, tapplika l-prinċipji u l-istandards definiti fl-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni, flimkien ma’ mudell finanzjarju qawwi li jinvolvi attivitajiet ta’ verifika ex-ante u ex-post kontinwi; jieħu nota li l-istrateġiji kollha adottati jqisu l-metodoloġija u l-gwida tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-istrateġiji kontra l-frodi;

    22.

    Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-aġenziji li l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni hija tal-ogħla importanza; jinnota li l-aġenziji introduċew għadd ta’ miżuri u għodod konkreti sabiex jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess effettivi u perċepiti; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu strateġija dwar kif jistgħu joqorbu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jinnota li l-aġenziji kollha diġà adottaw politiki għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u li dawn il-politiki huma allinjati mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fl-aġenziji deċentralizzati tal-UE; jinnota li dawn il-politiki jinkludu, inter alia, miżuri għall-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali fi stadju bikri, l-identifikazzjoni tal-aħjar prattika f’entitajiet oħra bħalma huma l-Kummissjoni, aġenziji oħra u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kif ukoll il-politiki tal-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-kollaboraturi li mhumiex koperti mir-Regolamenti tal-Persunal; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkun hemm regolamenti komuni li jirregolaw il-kunflitti ta’ interess;

    23.

    Jitlob li jkun hemm titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, u t-taqbida kontriha, fis-settur pubbliku, u speċjalment fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni, permezz ta’ approċċ olistiku, li jibda b’aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti u regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta’ interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ tar-reġistri ta’ trasparenza u l-għoti ta’ riżorsi li jkunu biżżejjed għall-miżuri ta’ infurzar tal-liġi, kif ukoll permezz ta’ koperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi rilevanti;

    24.

    Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għad iridu jadottaw linji gwida dwar l-informaturi; jeżiġi li dawk l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li għadhom ma għamlux dan jadottaw b’mod urġenti regoli interni dwar l-informaturi u jieħdu approċċ komuni lejn l-obbligi tagħhom, b’fokus fuq il-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-informaturi fil-kuntest tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dalwaqt se tiġi adottata, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni ta’ kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi leġiżlazzjoni dwar livell minimu ta’ protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jiżguraw li dawn mhux biss formalment jobbligaw lill-uffiċjali biex jirrapportaw kull tip ta’ irregolarità, iżda wkoll jistabbilixxu protezzjoni xierqa għall-informaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jimplimentaw l-Artikolu 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr aktar dewmien;

    25.

    Jikkonstata min-Netwerk li 16-il aġenzija (52 %) jużaw gruppi ta’ esperti, panels u kumitati xjentifiċi u kważi kollha jqisu t-tħassib imqajjem mill-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew (OI/6/2014/NF) li bdiet fit-12 ta’ Mejju 2014 fil-politiki tagħhom dwar l-impjieg ta’ persunal għal dawn il-gruppi; iħeġġeġ lil dawk li ma jkunux diġà jqisu dawn il-fatturi biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jistieden lill-aġenziji japplikaw ir-regoli l-ġodda li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni dwar il-gruppi ta’ esperti;

    26.

    Jagħraf li 29 aġenzija (’il fuq minn 90 %) għandhom fis-seħħ politiki dwar il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti esterni u interni tagħhom; barra minn hekk jinnota li 23 aġenzija (74 %) jippubblikaw is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom fuq il-websajts tagħhom; jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għandhom problema dwar il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħhom, peress li m’hemm l-ebda mekkaniżmu li jobbliga lill-membri tal-bord ta’ tmexxija jipprovdu dawn id-dokumenti; iħeġġeġ lill-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenziji li għadhom ma pprovdewx dokumenti li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess biex jippreżentaw dawn id-dokumenti sabiex jiġu ppubblikati fuq il-websajts tal-aġenziji rispettivi mingħajr dewmien sabiex tiżdied it-trasparenza;

    27.

    Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jimplimentaw l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal billi jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-uffiċjali anzjani li telqu mis-servizz u lista ta’ kunflitti ta’ interess kull sena; jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jivvalutaw il-kompatibbiltà ta’ wara l-impjieg mal-UE jew is-sitwazzjoni fejn l-uffiċjali u l-ex Membri tal-Parlament Ewropew jiċċaqalqu mis-settur pubbliku għal dak privat (il-kwistjoni “revolving door”) u l-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess, u jiddefinixxu b’mod ċar il-perjodi ta’ preklużjoni, li għandhom ikopru mill-inqas il-perjodu li matulu jingħataw benefiċċji tranżitorji;

    28.

    Jissottolinja l-ħtieġa li titjieb l-integrità u jitjieb il-qafas etiku permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-kodiċijiet ta’ kondotta u l-prinċipji etiċi ħalli tissaħħaħ kultura komuni u effikaċi ta’ integrità għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

    29.

    Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta’ kondotta, inkluż lill-Parlament, biex jintensifikaw il-miżuri tagħhom ta’ implimentazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

    30.

    Jistieden lill-aġenziji kollha sabiex jużaw il-qafas li għandu jinħoloq skont il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar Reġistru Obbligatorju tat-Trasparenza u jużawh biex jiggwida l-interazzjoni tagħhom ma’ organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni sabiex tinħoloq aktar trasparenza fejn jidħlu l-attivitajiet ta’ lobbying;

    Prestazzjoni

    31.

    Jinnota li l-prinċipju ta’ “valur għall-flus” u “valur miżjud tal-UE” jgħodd ukoll għall-aġenziji, li għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar ir-riżultati tal-attivitajiet tal-aġenziji; jinnota li l-kisba tar-riżultati hija importanti; jenfasizza li ħafna aġenziji ma jinkludux espliċitament fir-rapporti annwali tagħhom l-informazzjoni dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħhom b’mod responsabbli; itenni li huwa importanti għan-Netwerk li jsir membru tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar il-Prestazzjoni l-ġdid sabiex jilħaq fehim komuni dwar il-prinċipji tal-ibbaġittjar ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati, kif ukoll biex jidentifika titjib possibbli għall-mudelli ta’ prestazzjoni attwalment applikati fl-aġenziji; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi evalwazzjoni tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-aġenziji f’ħin utli għar-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-2016;

    Komunikazzjoni u viżibilità

    32.

    Jikkonstata min-Netwerk li kważi l-aġenziji kollha inkludew fuq il-websajts tagħhom id-dikjarazzjoni li huma aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, li tgħid li hija korp konsultattiv indipendenti għall-Parlament, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni; barra minn hekk, jinnota li 50 % tal-aġenziji diġà ppubblikaw informazzjoni fuq il-websajt tagħhom fil-lingwi kollha tal-Unjoni, erba’ aġenziji offrew informazzjoni fi 23 lingwa tal-Unjoni, 22 % joffru informazzjoni f’mill-inqas żewġ lingwi u 9 % tal-aġenziji għandhom websajts disponibbli biss bl-Ingliż, b’xi wħud li qed jippjanaw li jespandu d-disponibilità għall-Ġermaniż; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li approċċ multilingwi sħiħ għall-aġenziji kollha mhuwiex fattibbli għalissa minħabba l-ħtieġa ta’ riżorsi addizzjonali; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu li jużaw għodod tal-midja soċjali, stħarriġ u gruppi fokus fuq temi speċifiċi biex ikejlu l-għarfien pubbliku u jevalwaw il-modi kif jistgħu jtejbu l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħhom fil-ġejjieni;

    33.

    Jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tan-Netwerk li l-aġenziji huma impenjati bis-sħiħ biex iżidu l-preżenza tagħhom fuq il-midja soċjali; jinnota li kienu biss ftit l-aġenziji li għadhom mhumiex preżenti fil-midja soċjali iżda li huma impenjati li jinvolvu ruħhom f’tali komunikazzjoni fil-futur qrib; josserva li l-attivitajiet promozzjonali permezz tal-midja soċjali jinkludu rapporti, avvenimenti, opportunitajiet ta’ xogħol u akkwisti; jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet tal-midja soċjali huma integrati ma’ għodod oħra ta’ komunikazzjoni tal-aġenziji;

    34.

    Jappella lill-aġenziji biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jtejbu l-politiki tagħhom dwar il-komunikazzjoni, biex jestendu l-viżibilità tagħhom permezz ta’ għodod differenti fil-qasam tal-midja soċjali, biex iqajmu għarfien dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tagħhom u biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati sew dwar xogħolhom.

    Kummenti oħra

    35.

    Jinnota li fuq il-bażi tal-kontributi tal-aġenziji, il-Kummissjoni elaborat linji gwida b’dispożizzjonijiet standard għall-ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-aġenziji deċentralizzati u l-Istati Membri ospitanti; jinnota li sa Jannar 2016, erba’ aġenziji kienu għadhom fil-proċess li jinnegozjaw mal-Istat Membru ospitanti tagħhom, meta mqabbla ma’ 10 aġenziji fis-sena preċedenti; itenni l-importanza ta’ dawn il-ftehimiet għall-operazzjonijiet u s-sigurtà tal-aġenziji; iħeġġeġ l-aġenziji u l-Istati Membri li ma jkunux daħlu fi ftehim dwar kwartieri ġenerali sabiex jagħmlu dan mingħajr iżjed dewmien;

    36.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-aspetti soċjali tal-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali tal-aġenziji mal-pajjiż ospitanti tagħhom, bħall-prevedibilità tal-kondizzjonijiet soċjali u tal-għajxien tal-persunal (miżati skolastiċi, kwistjonijiet dwar status, eċċ.);

    37.

    Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għandhom żewġ sedi, u jqis li hu essenzjali li l-każi kollha fejn hemm żewġ sedi li ma joffru l-ebda valur miżjud operattiv għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

    38.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni biex japplikaw strettament il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b’verifiki ta’ sfond xierqa mwettqa f’kull każ, u biex japplikaw il-kriterji ta’ esklużjoni sabiex iħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f’każ ta’ kunflitti ta’ interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

    39.

    Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar il-Paragrafu 54 tal-Approċċ Komuni li l-aspetti kollha tal-awditjar estern esternalizzat jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-[Qorti], li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta’ akkwist; jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma b’mod urġenti li l-Approċċ Komuni għadu japplika; jiddispjaċih ħafna li l-approċċ ta’ awditjar il-ġdid li jinvolvi l-awdituri tas-settur privat irriżulta f’żieda ta’ 85 % fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, li hija ekwivalenti għal aktar minn 13 000 siegħa addizzjonali jew medja ta’ 3,5 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time (FTE) imqabbla mal-awditjar preċedenti mmexxi mill-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta’ awditjar ħoloq aktar minn 1 400 siegħa ta’ xogħol addizzjonali għall-aġenziji deċentralizzati, u li t-total tan-nefqa addizzjonali tal-awditjar estern tas-settur privat fl-2014 kien jammonta għal EUR 550 000; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi gwida aħjar lil awdituri privati b’tali mod li tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv miżjud;

    40.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni biex itejbu l-proċeduri u l-prattiki tagħhom immirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jikkontribwixxu attivament għal proċess ta’ kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

    41.

    Jissuġġerixxi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu l-amalgamazzjoni ta’ aġenziji iżgħar li jwettqu kompiti simili jew interkonnessi; isostni li dan jista’ jipprovdi żidiet fl-effiċjenza fuq perjodu twil;

    42.

    Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni jista’ jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà politika u l-integrità; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni biex jinkludu kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapporti annwali tagħhom;

    43.

    Jinnota l-pubblikazzjoni simultanja ta’ pjanijiet direzzjonali li jagħtu bidu għar-reviżjoni tar-regolamenti li jistabbilixxu t-tliet aġenziji tripartitiċi tal-Unjoni, is-CEDEFOP, l-EU-OSHA u l-Eurofound; jenfasizza li r-reviżjonijiet għandhom jippreservaw ir-rwoli ewlenin ta’ dawn l-aġenziji ta’ fama tajba ħafna u n-natura tripartitika tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, it-trejdunjins u r-rappreżentanti tal-impjegaturi fil-governanza u l-funzjonament tagħhom;

    44.

    Itenni li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta’ ħidma annwali u dwar l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati kompetenti tal-Parlament tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali iżda jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE jiġi allinjat mal-Istrateġija UE 2020 bil-għan li jkun jista’ jkun hemm sorveljanza sħiħa u rappurtar komprensiv dwar il-prestazzjoni ta’ kull aġenzija fil-kuntest tal-kontribuzzjoni tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi UE 2020;

    45.

    Jirrikonoxxi l-prattika tajba ta’ kollaborazzjoni fost l-aġenziji, fl-oqsma tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, it-taħriġ vokazzjonali u s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li timmasimizza s-sinerġiji u l-kooperazzjoni u ssaħħaħ il-komplementarjetà; jilqa’ u jħeġġeġ ukoll it-tkomplija tal-iskambju ta’ prattiki tajba bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji;

    46.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta’ kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).


    (1)  ĠU C 409, 9.12.2015, p. 1.

    (2)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

    (3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (4)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

    (5)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


    Top