Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1592

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1592 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 413–415 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1592/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/413


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1592 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-28 ta’ April 2016

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0081/2016),

    A.

    billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (“l-Impriża Konġunta IMI”) twaqqfet f’Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin bil-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u sikuri,

    B.

    billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 (1) f’Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (minn hawn ’il quddiem “l-Impriża Konġunta IMI 2”) issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI f’Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza attivitajiet ta’ riċerka tas-Seba’ Programm Kwadru (“’FP 7”) u estendiet iż-żmien operattiv tal-Impriża Konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2024,

    C.

    billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta,

    D.

    billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009,

    E.

    billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta’ 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI hija ta’ EUR 1 000 000 000, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (FP 7) u l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b’mod ugwali għall-ispejjeż operattivi, kull wieħed minnhom b’ammont li ma jisboqx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni,

    F.

    billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta’ 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI 2 hija ta’ EUR 1 638 000 000, li għandha titħallas mill-baġit ta’ Orizzont 2020, u l-Membri, għajr il-Kummissjoni, għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż operattivi u għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta’ kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

    Kummenti ġenerali

    1.

    Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (’’il-Qorti’’) huwa bbażat fuq wisq rimarki ġenerali, għad-detriment ta’ rimarki vijabbli u speċifiċi; jappella għalhekk li jsir awditu b’enfasi akbar fuq il-prestazzjoni finanzjarja annwali, l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali (inkluża preżentazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rispettiva u għas-snin preċedenti) u r-riżultati ta’ l-implimentazzjoni tagħhom;

    2.

    Jinnota li l-istituzzjonijiet u l-korpi kull sena jeħtiġilhom jipproduċu Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriżi Konġunti f’dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; iqis f’dan ir-rigward li hemm bżonn ta’ gwida min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

    3.

    Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta’ ħidma 2016 tal-Qorti jinkludi rapport speċjali dwar l-awditu tal-prestazzjoni ta’ Impriżi Konġunti;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    4.

    Jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

    5.

    Jieħu nota tan-nuqqas ta’ informazzjoni fir-rigward tal-awditi ex-post imwettqa mill-Impriża Konġunta IMI u l-Impriża Konġunta IMI 2; jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti futuri tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awditi ex-post, l-ammonti totali koperti u s-sejbiet;

    6.

    Jieħu nota tal-opinjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2014, u jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta laħqet il-limitu ta’ materjalità;

    7.

    Jinnota mir-Rapport ta’ Attività Annwali li, sa tmiem l-2014, kienu ġew finalizzati erba’ rieżamijiet u awditi ex-post ta’ kumpaniji magħżula li huma tal-EFPIA, u li kienu għadhom għaddejjin żewġ rieżamijiet u awditi oħra; dawk l-impenji jkopru l-akbar kontributuri ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-proġetti tal-Impriża Konġunta, u b’hekk jiżguraw il-kopertura estensiva tal-programm;

    8.

    Jinnota bi tħassib li l-prestazzjoni ta’ kontrolli operattivi ex-ante fuq il-pagament ta’ spejjeż tal-proġetti ma kinitx dokumentata biżżejjed; il-kontroll ex-ante mwettaq mill-Uffiċjali tal-Proġetti Xjentifiċi tal-Impriża Konġunta (SPO) ma identifikax b’mod ċar u ma kkummentax dwar l-istatus tal-proġett (għadu għaddej, għadu għaddej suġġett għal defiċjenzi, sospiż/ikkanċellat) u dwar ir-riżultati tanġibbli tiegħu (l-ebda riżerva, riżervi li jeħtieġu kjarifika, riżervi kbar); u l-pagament sar mingħajr elenkar uffiċjali tar-riżultati tanġibbli aċċettati mill-SPO u mingħajr ebda referenza għall-valutazzjoni ta’ riżultati tanġibbli mill-SPO; jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta stabbilixxiet pjan ta’ azzjoni biex tindirizza l-osservazzjonijiet tal-awdituri u ssaħħaħ is-sistema ta’ kontroll ex-ante;

    9.

    Jinnota li l-baġit annwali tal-Impriża Konġunta għall-2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 223 000 000 u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 171 000 000; ir-rata kumplessiva ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 92,4 % (99,5 % għall-2013) għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ 73,9 % (97,5 % għall-2013) għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

    10.

    Jinnota li fil-każ ta’ attivitajiet operattivi, ir-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 93 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ 74 % għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament; madankollu, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienu impenjati f’livell globali, li jfisser li ma ġie ffirmat l-ebda ftehim ta’ għotja korrispondenti sa tmiem l-2014;

    11.

    Iqis li, fin-nuqqas ta’ separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FP 7 u Orizzont 2020, dawn l-indikaturi ma jiżgurawx evalwazzjoni reali tal-prestazzjoni; jistieden lill-Qorti sabiex fir-rapporti futuri tagħha, l-informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit taħt l-FP 7 u dak ta’ Orizzont 2020 tiġi stipulata b’mod separat;

    12.

    Jieħu nota tal-fatt li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-FP 7 u Orizzont 2020 mhumiex ippreżentati separatament fir-Rapport ta’ Attività Annwali; jieħu nota tal-fatt li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-baġit operattiv, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ippreżentati fir-Rapport ta’ Attività Annwali tal-Impriża Konġunta u l-Kontijiet Annwali huma maqsuma skont l-FP 7 u Orizzont 2020; jitlob lill-Impriża Konġunta biex fir-rapporti annwali li ġejjin tinkludi aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit (l-impenji u l-pagamenti) għall-programmi FP 7 u Orizzont 2020;

    13.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni rigward il-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus; jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti futuri tagħha tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni u l-livell ta’ kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li huma stipulati separatament għall-FP 7 u Orizzont 2020;

    14.

    Jinnota li l-programmi tal-Impriża Konġunta ffinanzjati taħt l-FP 7 għadhom għaddejjin; jieħu nota tal-fatt li dawn l-approprjazzjonijiet jibqgħu disponibbli sal-2017 minħabba r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li jippermettu lill-Impriża Konġunta terġa’ ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament tagħha sa massimu ta’ tliet snin wara li jkunu ġew ikkanċellati mill-baġit tal-Impriża Konġunta; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta twettaq bir-reqqa l-ippjanar baġitarju tagħha, filwaqt li tqis kif xieraq il-proċess parallel;

    Sejħiet għal proposti

    15.

    Jilqa’ l-fatt li s-sejħiet għal proposti taħt l-FP 7 għall-perjodu 2008-2013 irriżultaw f’54 ftehim ta’ għotja b’total ta’ EUR 897 000 000, li jammontaw għal 93 % tal-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-Impriża Konġunta għal attivitajiet ta’ riċerka;

    16.

    Jinnota li l-parteċipazzjoni tal-SMEs qiegħda tiżdied kontinwament, minħabba l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tagħha; sa tmiem l-2014 l-SMEs ammontaw għal 16 % (2013: 15 %) tal-benefiċjarji kollha; barra minn hekk, l-SMEs involuti fi proġetti tal-Impriża Konġunta rċevew 15,8 % tal-baġit totali; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli b’din ix-xejra;

    17.

    Jindika li billi l-Impriża Konġunta IMI 2 ħadet f’idejha l-attività tal-Impriża Konġunta IMI f’Ġunju 2014, m’hemmx biżżejjed informazzjoni ċara dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI (livell tal-pagamenti jew il-pjanijiet għall-pagamenti għas-snin sussegwenti);

    Kunflitti ta’ interess

    18.

    Jinnota li l-politika dwar il-kunflitti ta’ interess għad-Direttur Eżekuttiv u l-persunal tal-Impriża Konġunta hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha;

    19.

    Jilqa’ l-fatt li d-dikjarazzjoni tal-interessi tad-Direttur Eżekuttiv ġiet ppubblikata fuq is-sit web tal-Impriża Konġunta; l-ismijiet u s-CVs tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta, il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati lkoll huma pubblikament disponibbli permezz tas-sit web; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tippubblika kull CV fuq il-websajt;

    Qafas ġuridiku

    20.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta IMI 2 ġew adottati fis-7 ta’ Lulju 2014 abbażi tar-regolament finanzjarju mudell għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata;

    Sistemi ta’ kontroll intern

    21.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) iffinalizza awditu dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni operattiva, u li l-Impriża Konġunta indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet kollha;

    22.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fil-bidu tal-2015 ġew ikkompletati żewġ awditi — wieħed dwar kontrolli ex-ante għan-nefqa operattiva u ieħor dwar il-valutazzjoni tar-riskju; l-Impriża Konġunta indirizzat ir-rakkomandazzjoni dwar il-kontrolli ex ante permezz ta’ pjan ta’ azzjoni li ġie aċċettat mill-IAS;

    23.

    Jilqa’ l-pubblikazzjoni ta’ analiżi qasira dwar ir-riżultati tal-proġetti tal-Impriża Konġunta marbuta mal-impatti soċjoekonomiċi fi Frar 2016; jinnota li qed titħejja analiżi estiża tal-impatt soċjo-ekonomiku minn esperti esterni u li għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn Mejju 2016; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta dak ir-rapport lill-awtorità ta’ kwittanza.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).


    Top