EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2741

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika” [COM(2016) 179 final]

ĠU C 487, 28.12.2016, p. 99–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika”

[COM(2016) 179 final]

(2016/C 487/16)

Relatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19.4.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fis-sessjoni plenarja

22.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

162/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-għan tal-Unjoni Ewropea li jkollha gvern elettroniku sal-2020 li jipprovdi servizzi diġitali li jkunu minn tarf sa ieħor, faċli għall-utent, personalizzati u mingħajr fruntieri ma jidhirx fattibbli bir-rata attwali ta’ implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni suċċessivi relatati f’għadd kbir ta’ Stati Membri.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-proposti tat-tielet Pjan ta’ Azzjoni Ewropew (2016–2020) li għandu l-għan li jħaffef il-pass tal-implimentazzjoni ta’ gvern elettroniku effiċjenti, interoperabbli u aċċessibbli għal kulħadd.

1.3.

Gvern elettroniku jista’ jaħdem biss jekk ikunu ssodisfati prerekwiżiti oħra, pereżempju d-disponibbiltà ta’ netwerk u ta’ servizzi diġitali effiċjenti, aċċess universali għal prezz raġonevoli u taħriġ diġitali adegwat tal-utenti fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha. Anki jekk fuq perjodu ta’ żmien medju jew twil, il-gvern elettroniku huwa maħsub li jsir il-mezz ta’ komunikazzjoni predefinit, għandhom jinżammu l-mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni (posta, kuntatti personali, telefown) mal-amministrazzjoni pubblika għal dawk iċ-ċittadini li jixtiequ jużawhom.

1.4.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-utenti tal-gvern elettroniku, b’mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess u n-nondiskriminazzjoni, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, ta’ edukazzjoni u ta’ għarfien ġenerali mill-edukazzjoni skolastika sal-livell tat-tagħlim tul il-ħajja, rimedji legali eċċ., il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni biex tiġbor, f’sit uniku, id-drittijiet kollha tal-utenti tal-gvern elettroniku.

1.5.

Il-KESE japprova s-seba’ prinċipji li fuqhom hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni, iżda jiddubita jekk uħud minnhom jistgħux jiġu implimentati mingħajr ma jiġu solvuti l-problemi legali u teknoloġiċi marbuta magħhom.

1.6.

Fir-rigward tal-prinċipju “ta’ darba”, li skontu l-individwi u l-intrapriżi m’għandhomx jagħtu l-informazzjoni iktar minn darba lill-amminstrazzjonijiet, il-KESE jinnota li għadhom ma ssolvewx il-problemi legali u organizzattivi u jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proġett pilota dwar din il-kwistjoni. Huwa jipproponi wkoll li jiġi previst il-prinċipju ta’ “approċċ li jikkunsidra l-gvern kollu”, li jikkonsisti f’kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi differenti lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom biex jipprovdu lill-applikant bi tweġiba integrata minn korp wieħed.

1.7.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir ukoll li l-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ legat”(no legacy principle), li jfisser it-tiġdid tas-sistemi u t-teknoloġiji tal-IT fl-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex ikunu dejjem allinjati mal-iżviluppi teknoloġiċi, ma jinsabx fost il-prinċipji adottati.

1.8.

Jinsisti li, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza”, iċ-ċittadini u n-negozji għandhom, b’mod espliċitu, id-dritt li jikkontrollaw il-komunikazzjoni tad-data personali tagħhom lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn u, skont il-każ, li jħassruha (id-dritt li wieħed ikun minsi), skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri vinkolanti u jitlob għal proposta ta’ sistema sigura Ewropea ta’ arkivjar u ta’ skambju elettroniku ta’ dokumenti.

1.9.

Meta wieħed iqis li bosta nies jeħtieġu jiffamiljarizzaw ruħhom mal-għodda l-ġdida tal-gvern elettroniku, il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom joffru liċ-ċittadini taħriġ fil-ħiliet diġitali u jiġu mistiedna joħolqu servizz diġitali assistit jew servizz ta’ appoġġ lokali kkofinanzjati mill-fondi tal-UE. Dan japplika wkoll għall-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

1.10.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi soċjali tal-gvern elettroniku, kif ukoll dwar l-impatt fuq l-impjieg, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf ta’ impjiegi kif ukoll il-ħafna postijiet vakanti minħabba nuqqas ta’ kandidati li jkollhom il-kwalifiki professjonali diġitali meħtieġa. Fil-kuntest ta’ riallokazzjoni ta’ impjiegi, li jsiru disponibbli fit-tranżizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għad-diġitali, l-uffiċjali għandhomjiġu allokati għas-servizz diġitali assistit jew jingħataw kompiti ta’ ħidma professjonali xierqa.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku għall-2011-2015 (l-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern elettroniku intelliġenti, sigur, sostenibbli u innovattiv) (1) skada f’Diċembru 2015.

2.2.

Madankollu, il-gvern elettroniku jibqa’ wieħed mill-ħidmiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali u waħda mill-aktar inizjattivi importanti, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, meħtieġa għall-ikkompletar tas-“suq uniku diġitali”.

2.3.

Bosta inizjattivi previsti fil-pjan ta’ azzjoni li skada għadhom ma ġewx implimentati kif imiss f’ħafna Stati Membri u għandhom jiġġeddu fil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar il-gvern elettroniku għall-perjodu 2016-2020.

2.4.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom għalhekk itejbu d-disinn tas-servizzi elettroniċi tagħhom, b’enfasi akbar fuq il-bżonnijiet tal-utenti sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-servizzi ta’ gvern elettroniku effettivi u effiċjenti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

3.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1.

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid, b’enfasi fuq l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, huwa mistenni li jservi ta’ xprun u għandu jippermetti li jiġu kkoordinati l-isforzi u r-riżorsi għall-immodernizzar tas-settur pubbliku fil-qasam tal-gvern elettroniku.

3.2.

Huwa jikkonsisti f’20 azzjoni, li madankollu mhumiex eżawrjenti u li jistgħu jiġu supplimentati, f’konformità mal-iżvolġiment ta’ ambjent li qed jinbidel b’pass mgħaġġel, b’miżuri oħra, proposti jew mill-Kummissjoni jew mill-partijiet interessati.

3.3.

L-inizjattivi li se jitniedu fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għandhom jirrispettaw il-prinċipji sottostanti li ġejjin:

Diġitali b’mod awtomatiku: is-servizzi elettroniċi għandhom isiru r-regola ġenerali, filwaqt li jinżammu mezzi oħra ta’ komunikazzjoni għall-benefiċċju ta’ dawk li, b’għażla jew bilfors, huma offlajn. Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu pprovduti permezz ta’ intermedjarju ta’ punt ta’ kuntatt uniku jew bħala punt ta’ kuntatt uniku u permezz ta’ mezzi differenti.

Prinċipju “ta’ darba”: skont dan il-prinċipju, l-individwi u n-negozji m’għandhomx għalfejn ikollhom jipprovdu l-istess informazzjoni iktar minn darba lill-awtoritajiet.

Inklużività u aċċessibbiltà: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom joħolqu servizzi diġitali pubbliċi li huma inklużivi b’mod awtomatiku u li jissodisfaw diversi tipi ta’ ħtiġijiet, bħal dawk tal-persuni anzjani jew b’diżabilità.

Ftuħ u trasparenza: l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jaqsmu l-informazzjoni u d-data u jippermettu liċ-ċittadini u n-negozji jaċċessaw id-data tagħhom stess, jiċċekkjawha u jikkoreġuha; jippermettu lill-utenti jsegwu l-proċeduri amministrattivi li jaffettwawhom; u jiddjalogaw, fi spirtu ta’ ftuħ, mal-partijiet interessati (negozji, riċerkaturi u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’qligħ) dwar it-tfassil u l-provvista tas-servizzi.

Transkonfinali b’mod awtomatiku; l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li s-servizzi pubbliċi diġitali rilevanti jkunu disponibbli lil hinn mill-fruntieri u jevitaw il-frammentazzjoni addizzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità fis-suq uniku.

Interoperabbiltà b’mod awtomatiku: is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu ddisinjati b’mod li jkunu jistgħu joperaw kontinwament fis-suq uniku kollu, indipendentement mid-diviżjonijiet operattivi, billi jkunu bbażati fuq il-moviment liberu tad-data u s-servizzi diġitali fl-Unjoni Ewropea.

Affidabilità u sigurtà: l-inizjattivi kollha għandhom imorru lil hinn milli sempliċement jirrispettaw il-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, kif ukoll is-sigurtà tal-IT, bl-integrazzjoni ta’ dawn l-elementi matul il-fażi tad-disinn.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tħaffef il-pass tal-iżvilupp u l-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku. Minn meta tnieda l-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-gvern elettroniku fl-2006, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jippromovu s-servizzi ta’ gvern elettroniku effettivi, effiċjenti, interoperabbli u aċċessibbli b’mod universali, inklużi servizzi elettroniċi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dawn l-impenji ġew ikkonfermati fil-qafas tal-istrateġija għal suq uniku diġitali sal-2020.

4.2.

Madankollu ta’ min josserva li minkejja li sar xi progress, kif jirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-pjan ta’ azzjoni għall-2011-2015, u minkejja riżorsi finanzjarji sostanzjali Komunitarji disponibbli, iżda li ftit intużaw mill-Istati Membri, l-utenti għadhom qed jiffaċċjaw, fi gradi li jvarjaw ħafna skont l-Istati Membri, frammentazzjoni fl-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, u provvista insuffiċjenti ta’ servizzi elettroniċi transkonfinali. Il-KESE jistaqsi dwar ir-raġunijiet għaliex il-fondi tal-UE disponibbli għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux utilizzati biżżejjed u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi dwar is-suġġett, telimina l-ostakli possibbli u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw dawn il-fondi b’mod effettiv u effiċjenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-gvern elettroniku.

4.3.

Il-gvern elettroniku huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Madankollu, hemm elementi ewlenin oħrajn diġitali, li mhumiex koperti minn din il-Komunikazzjoni, li jikkostitwixxu prerekwiżit għal implimentazzjoni ta’ gvern elettroniku. Għalhekk, huwa ċar li n-netwerks u s-servizzi diġitali avvanzati għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini ta’ kull età u għall-intrapriżi, u li dawn ikollhom aċċess universali bi prezz raġonevoli, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika jew finanzjarja tagħhom u li jkunu jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu pprovduti assistenza u taħriġ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-applikazzjonijiet diġitali b’mod effettiv u responsabbli.

4.4.

Element ewlieni ieħor huwa li d-drittijiet tal-utenti tal-gvern elettroniku l-ewwel nett, juru li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li japplikaw għall-utenti tal-Internet, b’mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess u n-nondiskriminazzjoni, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, ta’ edukazzjoni u ta’ għarfien ġenerali mill-edukazzjoni skolastika sal-livell tat-tagħlim tul il-ħajja, rimedji legali eċċ. Imbagħad hemm drittijiet speċifiċi relatati direttament mal-gvern elettroniku. Fid-dawl tas-sorsi differenti tad-drittijiet li jgawdu l-utenti tal-gvern elettroniku, il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni tiġbor f’sit uniku d-drittijiet kollha tal-utenti tal-gvern elettroniku.

4.5.

Wara li kkunsidrat li ta’ spiss ikun diffiċli għall-utenti biex isibu l-informazzjoni u l-assistenza elettroniċi li jeħtieġu, il-Kummissjoni tipproponi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, il-ħolqien ta’ punt diġitali/portal uniku. Portali uniċi bħal dawn jiffunzjonaw diġà fil-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta’ tali punt ta’ aċċess għall-amministrazzjoni pubblika ċentrali nazzjonali, reġjonali jew muniċipali sabiex jorjenta l-utenti direttament lejn l-awtoritajiet kompetenti biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet jew ix-xewqat tagħhom.

4.6.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-2016-2020 huwa bbażat fuq seba’ prinċipji li, fil-parti l-kbira tagħhom, kienu jeżistu diġà għall-pjani ta’ azzjoni preċedenti. Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-KESE japprova dawn il-prinċipji, madankollu, jistaqsi kif jistgħu jiġu implimentati qabel ma tinsab soluzzjoni għal kull problema legali (ġestjoni tad-data personali u tal-privatezza f’kuntest ta’ amminstrazzjoni miftuħa) u teknoloġika (teknoloġiji abilitanti u industrijali, il-migrazzjoni tas-servizzi lejn il-mezzi diġitali) marbuta magħhom.

4.7.

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid jiffoka fuq l-interoperabbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data li jkollhom l-amministrazzjonijiet pubbliċi, peress li ħafna data miġbura llum mill-amministrazzjoni pubblika għandha għan uniku jew limitat ħafna. Fil-qafas tal-prinċipju “ta’ darba”, l-utenti ma jkollhomx għalfejn jintroduċu d-data tagħhom attwali f’kuntatti ġodda mal-amministrazzjoni pubblika, li tista’ taqsamhom mal-amministrazzjonijiet l-oħra, naturalment f’konformità mal-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza. Skont dan il-prinċipju, ir-reġistri kummerċjali fl-UE kollha għandhom ikunu konnessi, id-diversi sistemi nazzjonali u transkonfinali għandhom jaħdmu flimkien, u l-awtoritajiet ma għandhomx ikollhom għalfejn jagħmlu talba mill-ġdid, diversi drabi, għal informazzjoni li diġà għandhom. Għalkemm ir-Regolament dwar il-protezzjoni tad-data jibqa’ applikabbli għall-gvern elettroniku, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jinżamm bilanċ bejn il-kontroll tal-istat tad-dritt u s-sigurtà u l-libertà taċ-ċittadini.

4.8.

L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni huwa li timxi pari passu ma’ ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. Madankollu, il-KESE jinnota ukoll li l-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ legat”, li jfisser it-tiġdid tas-sistemi u t-teknoloġiji tal-IT fl-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex ikunu dejjem allinjati mal-iżviluppi teknoloġiċi, ma jinsabx fost is-seba’ prinċipji adottati, fl-istennija li jkun ittestjat mill-Kummissjoni bil-ħsieb ta’ implimentazzjoni potenzjali.

4.9.

Il-Kummissjoni tistqarr li trid tagħmel enfasi fuq l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tas-servizzi pubbliċi diġitali u, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza”, tistieden lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiddjalogaw maċ-ċittadini, in-negozji, ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tal-konsumaturi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fir-rigward tad-disinn u l-provvista tas-servizzi.

4.10.

Iċ-ċittadini jistgħu għalhekk iressqu l-proposti tagħhom u jindirizzaw direttament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għat-talbiet speċifiċi tagħhom permezz ta’ “pjattaforma kollaborattiva” li se tpoġġi f’netwerk iċ-ċittadini u l-awtoritajiet u tippermetti li jiġu identifikati problemi simili f’pajjiżi differenti, kif ukoll l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni mill-amministrazzjonijiet. Il-KESE jappoġġja inizjattiva bħal din li tippermetti li kull ċittadin iressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-problemi li jkun hemm fl-ambjent tiegħu.

4.11.

Il-prinċipju ta’ “ftuħ u trasparenza” jipprevedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqsmu l-informazzjoni u d-data u jippermettu li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għad-data tagħhom stess u li jikkontrollawha u jikkoreġuha. Fir-rigward tad-data personali tagħhom, il-KESE jinsisti li ċ-ċittadini u n-negozji għandhom b’mod espliċitu d-dritt li jikkontrollaw il-komunikazzjoni tad-data personali tagħhom lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn u, skont il-każ, li jħassru d-data personali tagħhom (id-dritt li wieħed ikun minsi), skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri vinkolanti.

4.12.

Il-KESE huwa tal-fehma li f’dan il-kuntest, u sabiex jiġu evitati inkompatibbiltajiet ġodda, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal sistema sigura Ewropea ta’ arkivjar u ta’ skambju elettronika ta’ dokumenti.

4.13.

Prinċipju li l-pjan ta’ azzjoni ma jsemmix, huwa dak tal-“approċċ li jikkunsidra l-gvern kollu”, li jikkonsisti f’kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi differenti lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom biex jipprovdu lill-applikant bi tweġiba integrata minn korp wieħed.

4.14.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħaffef l-implimentazzjoni ta’ “punti uniċi ta’ kuntatt” li jittrattaw il-ġustizzja elettronika, fil-qasam marittimu, u fil-modi l-oħra ta’ trasport. L-istrateġija futura għandha timmira li tiġbor flimkien, fejn possibbli, portali Ewropej eżistenti (bħall-ġustizzja elettronika, solvit, youreurope, eċċ.) f’portal uniku u mbagħad, qabel kollox, testendih għall-portali nazzjonali biex jiġi ffaċilitat kull tip ta’ proċeduri amministrattivi.

4.15.

Għalkemm il-KESE japprova l-idea li bil-għan li jiżviluppaw is-servizzi elettroniċi tagħhom, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom jirrikorru għal dawn il-portali fil-futur, huwa jenfasizza li dawn għandhom jikkomplementaw il-punti ta’ akkoljenza fiżiċi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tradizzjonali (posta, skambji interpersonali f’uffiċċji, telefown).

4.16.

In-Nazzjonijiet Uniti jużaw indiċi ta’ żvilupp bi tliet kriterji biex jiġu identifikati l-pajjiżi fejn il-gvern elettroniku huwa l-aktar żviluppat: is-servizzi elettroniċi ddedikati għaċ-ċittadini, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet, u l-kapital uman. Ta’ min jonnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi soċjali tal-gvern elettroniku, kif ukoll dwar l-impatt fuq l-impjieg, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-telf ta’ impjiegi kif ukoll il-ħafna postijiet vakanti minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed kandidati li jkollhom il-kwalifiki professjonali diġitali meħtieġa.

4.17.

Il-fatt li jiġu offruti servizzi elettroniċi b’mod awtomatiku ma jistax jeżenta mit-tkomplija tal-ġlieda kontra d-distakk diġitali.

4.18.

Għad hemm differenzi kbar bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ gvern elettroniku u, min-naħa l-oħra, l-użu u l-adozzjoni ta’ dawn is-servizzi mill-utenti. Din ir-riluttanza tal-utenti li jużaw is-servizzi elettroniċi spiss hija minħabba nuqqas ta’ ħiliet diġitali. Ħafna ċittadini għandhom bżonn jidraw din l-għodda l-ġdida tal-gvern elettroniku u ta’ “servizz diġitali assistit” jew servizz ta’ appoġġ lokali. Dan japplika wkoll għall-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

4.19.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom għandhom jiġu mistiedna joħolqu tali servizz ta’ għajnuna diġitali għaċ-ċittadini, ikkofinanzjat mill-fondi tal-UE. Fil-kuntest ta’ riallokazzjoni ta’ impjiegi, li jsiru disponibbli fit-tranżizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għad-diġitali, l-uffiċjali għandhomjiġu allokati għas-servizz diġitali assistit jew jingħataw kompiti ta’ ħidma professjonali xierqa.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2010) 743 final u COM(2010) 744 final.


Top