Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2270

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass” [COM(2016) 49 final]

    ĠU C 487, 28.12.2016, p. 75–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 487/75


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass”

    [COM(2016) 49 final]

    (2016/C 487/12)

    Relatur:

    is-Sur Marian KRZAKLEWSKI

    Konsultazzjoni:

    Kummissjoni, 16.2.2016

    Bażi legali:

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti:

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni:

    7.9.2016

    Adottata fil-plenarja:

    22.9.2016

    Sessjoni plenarja Nru:

    519

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet):

    109/0/8

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jemmen li l-istrateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-ħażna tal-gass, imfassla fil-Komunikazzjoni COM(2016) 49 final, hija element essenzjali tal-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija, li għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija.

    1.2.

    Fis-snin li ġejjin il-potenzjal tal-likwifikazzjoni tal-gass globali ser jiżdied, li x’aktarx iqiegħed pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet; għalhekk il-Kumitat jara dan bħala opportunità biex tiżdied is-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-gass tal-UE.

    1.3.

    Il-Kumitat jemmen li s-suq tal-gass Ewropew għandu jsir aktar flessibbli billi jiżdied is-sehem tal-LNG.

    1.4.

    Il-KESE jemmen li ż-żieda fil-proporzjon ta’ LNG fis-suq tal-gass tal-UE, li jiġi żgurat li hemm biżżejjed riżervi tal-gass f’faċilitajiet ta’ ħżin u l-promozzjoni tad-diversifikazzjoni reali tal-provvista tal-enerġija huma fatturi li se jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    1.5.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kommissjoni bir-raġun tiġbed l-attenzjoni lejn l-adegwatezza apparenti tal-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tal-UE, “apparenti” għaliex mhijiex distribwita bl-aħjar mod.

    1.6.

    Il-Kumitat jaqbel li biex id-diversifikazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-provvisti tal-gass lejn l-UE tinkiseb bis-sħiħ, hemm bżonn ta’ approċċ diversifikat lejn il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG.

    1.6.1.

    Għandha tingħata prijorità għal investimenti mmirati lejn rotot tal-provvisti bbilanċjati Il-miżuri prudenti tal-UE li jappoġġjaw il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG u l-konnessjonijiet tat-trażmissjoni transkonfinali għandhom iqisu r-reġjuni li huma attwalment iżolati u dipendenti minn fornitur wieħed.

    1.6.2.

    Investimenti effettivi u f’waqthom fil-proġetti ta’ interess komuni huma importanti għall-espansjoni tas-suq tal-LNG fl-UE. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż operattivi bejn l-Istati Membri u l-operaturi.

    1.6.3.

    Il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tiżgura li l-iżvilupp ta’ proġetti rapidi marbutin mat-terminals tal-LNG u strutturi galleġġanti ta’ ħżin u rigassifikazzjoni (bastimenti) (Floating Storage Regasification Unit – FSRU) huwa għażla teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq investiment iżjed effettiv.

    1.7.

    Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tivverifika li l-ftehimiet intergovernattivi għal xirjiet tal-LNG minn pajjiżi li mhumiex fl-UE jikkonformaw mal-liġi tal-UE.

    1.8.

    Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma turix kif l-istrateġija biex jiżdied is-sehem tal-LNG u l-ħżin tal-gass hija konsistenti mal-investimenti kbar f’netwerks li qegħdin jiġu attwalment ippjanati mill-ġirien tal-UE, bħan-Nordstream2.

    1.9.

    Il-KESE jirrikonoxxi u jenfasizza l-valur tal-gass naturali, inkluż ir-rwol importanti tal-LNG biex l-UE tagħmel it-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’gass b’effett ta’ serra u t-trab (PM10, PM2,5), li huma riskju għas-saħħa u l-ħajja tan-nies fl-Istati Membri.

    1.9.1.

    L-istrateġija definita fil-Komunikazzjoni għandha tenfasizza b’aktar qawwa r-rwol importanti tal-gass naturali bħala teknoloġija intermedjarja fit-tranżizzjoni minn enerġija bbażata fuq il-faħam lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bħala sors aktar nadif ta’ enerġija, il-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet low-stack, speċjalment mid-djar u t-trasport.

    1.9.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li, matul it-tranżizzjoni mill-faħam għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, għandu jkun hemm sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti.

    1.10.

    Il-Kumitat jappoġġja l-idea stabbilita fil-Komunikazzjoni li l-użu tal-LNG fis-settur tat-trasport tal-merkanzija tqila kif ukoll fit-trasport marittimu jista’ jnaqqas il-ħsara ambjentali b’mod sinifikanti.

    1.10.1.

    Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrimarka li, fis-sezzjoni tal-komunikazzjoni li titratta l-LNG, ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għall-iżvilupp intensiv tas-sistema Ewropea ta’ ġbir u użu tal-LNG bħala fjuwil tat-trasport, kemm dak bit-triq kif ukoll dak marittimu.

    1.11.

    Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-istruttura tas-sigurtà tal-Ewropa u fiż-żamma ta’ provvista stabbli tal-gass naturali. Il-kapaċità ta’ ħżin eżistenti tal-UE hija konsiderevoli (COM(2016) 49 final), iżda d-distribuzzjoni tagħha mhijiex biżżejjed.

    1.12.

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ u tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija, l-operaturi jridu jadottaw sett ta’ prinċipji, jiġifieri l-idea li l-livell minimu ta’ gass maħżun għandu jkopri 100 % tal-ħtiġijiet tas-suq nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-gass għall-perjodu tax-xitwa; madankollu, l-aħjar alternattiv ikun li l-gass maħżun jiġi bbilanċjat fil-livell reġjonali.

    1.13.

    Il-KESE jappoġġja u jikkunsidra l-pjani tal-Kummissjoni importanti biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ bejn ċentri tal-gass reġjonali effettivi u swieq nazzjonali individwali.

    1.14.

    B’konnessjoni mal-kwistjoni tal-ikkompletar tal-infrastruttura nieqsa li kienet enfasizzata fil-Komunikazzjoni, il-KESE jqis li għandha tintuża l-opportunità mogħtija mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) bl-għan li jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għal proġetti ta’ enerġija kritika u infrastruttura ta’ teleinformatika.

    2.   Kuntest

    2.1.

    F’Marzu 2015, il-Kunsill tal-UE adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Unjoni tal-Enerġija. L-aktar parti importanti ta’ dan id-dokument tistipula li, “l-UE hija impenjata li tibni Unjoni tal-Enerġija b’politika dwar il-klima li tħares ‘il quddiem fuq il-bażi tal-qafas strateġiku tal-Kummissjoni li l-ħames dimensjonijiet tiegħu huma marbuta mill-qrib u reċiprokament rinforzanti:

    sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja;

    suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ;

    effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda;

    dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija;

    u riċerka, innovazzjoni u kompetittività.

    2.2.

    Il-KESE jinnota li, fil-punt 2(a) ta’ dan id-dokument, il-Kunsill appella biex il-ħidma fuq proġetti infrastrutturali tal-elettriku u l-gass tiġi intensifikata, inklużi l-interkonnessjonijiet – b’mod partikolari għar-reġjuni periferiċi – sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jaħdem sew.

    2.3.

    Din l-Opinjoni tal-KESE tħares lejn l-istrateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-ħażna tal-gass, kif ġiet stabbilita fil-Komunikazzjoni COM(2016) 49 final. L-istrateġija hija parti importanti tal-pjani għal Unjoni tal-Enerġija (COM/2015/80), mil-lat tal-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività tas-swieq tal-enerġija u l-għanijiet marbutin mal-klima u l-ambjent segwiti fi ħdan u barra l-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija.

    2.4.

    Il-gass naturali huwa fjuwil importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, li jammonta għal 25 % tal-konsum totali tal-enerġija. Huwa importanti li jkun enfasizzat li l-estrazzjoni ta’ din il-materja prima fl-Istati Membri tissodisfa 34 % tal-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-enerġija fl-industrija, is-servizzi u għal finijiet privati.

    2.5.

    L-estrazzjoni tal-gass naturali ġewwa l-UE qed tonqos b’pass relattivament mgħaġġel. Fl-2004, kienu estratti 229,5 biljun m3 ta’ gass naturali, iżda dan naqas għal 132,3 biljun m3 fl-2014. Barra minn hekk, ir-riżervi eżistenti se jservu biss għal 11,3 snin. Dan jispjega għaliex l-Unjoni Ewropea hija l-akbar importatur fid-dinja tal-gass naturali. Fl-2014, il-konsum tal-gass naturali fl-UE ammontat għal 386,9 biljun m3. Dan kien l-aktar livell baxx għal 10 snin, 11,6 % inqas mis-sena ta’ qabel, iżda fl-istess ħin medju ta’ konsum annwali tal-gass fl-UE bejn l-2004 u l-2013 kien ta’ 477 biljun m3.

    2.6.

    F’livell dinji, id-depożiti rekuperabbli tal-gass naturali huma enormi (187 000 biljun m3), bi proporzjon R/P ta’ 54 sena. Meta jitqiesu r-riżorsi tal-gass mhux konvenzjonali, il-proporzjon jitla’ għal 290 sena.

    2.7.

    Sal-2020, il-kapaċità tal-likwifazzjoni tal-gass fid-dinja se tiżdied b’mod sinifikanti (+ 50 %), speċjalment fl-Istati Uniti u l-Awstralja (aktar minn 100 miljun tunnellata fis-sena), li probabbilment twaqqa’ l-prezzijiet. Din hija opportunità għall-Istati Membri tal-UE biex isaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-gass tal-UE sabiex tkun tista’ tkampa ma’ kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista.

    2.8.

    Fl-ewwel deċenju tas-seklu wieħed u għoxrin, il-gass ġie importat fl-UE primarjament permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet tal-gass, u gass fil-forma likwida (LNG) kien jirrappreżenta biss 20 % tal-importazzjonijiet, minkejja l-fatt li l-LNG jokkupa volum 600 darba inqas, u b’hekk huwa aktar ekonomikament vijabbli mil-lat tat-trasport u l-ħżin.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-gass fit-tranżizzjoni tal-UE għal enerġija b’użu baxx tal-karbonju, u fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess ibbilanċjat u ħieles għal swieq tal-produtturi tal-gass diversifikati u politikament stabbli qed issir prijorità ewlenija fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, u tikkontribwixxi għall-politika tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u għall-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija stabbli. Il-politika rigward il-proporzjon ta’ gass fit-taħlita tal-enerġija għandha tqis l-objettivi fit-tul stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi (COP 21), jiġifieri li tinżamm iż-żieda fit-temperatura medja globali taħt 1,5 oC.

    3.2.

    Il-Kumitat jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016) 49 final) hija kontinwazzjoni tal-ftehim dwar il-qafas tal-UE rigward il-politika tal-klima u l-enerġija, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014. Il-ftehim jistabbilixxi l-miri li ġejjin li għandhom jintlaħqu sal-2030:

    tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tas-CO2;

    sehem ta’ mill-inqas 27 % tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE;

    żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ mill-inqas 27 %.

    3.3.

    Il-kompetittività ekonomika tal-gass bħala fjuwil fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk il-gass hux se jsir kompetitur vijabbli għall-fjuwils solidi, b’mod partikolari għall-faħam, ser tiġi deċiża matul l-għaxar snin li ġejjin mill-interazzjoni bejn ħames fatturi differenti:

    il-politika tal-klima u l-enerġija, b’mod partikolari l-isforzi għat-titjib tal-kwalità tal-arja;

    il-prezzijiet tal-gass;

    l-implimentazzjoni tal-iskema tal-UE tal-iskambju tal-emissjonijiet, u b’hekk il-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet tas-CO2;

    il-qawwa tal-esportazzjonijiet tal-gass (LNG) mill-Istati Uniti u l-Awstralja;

    u l-prezz tas-suq dinji taż-żejt mhux maħdum u l-faħam.

    3.4.

    Il-KESE jappoġġja u jikkunsidra importanti l-pjani tal-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakli għall-kummerċ bejn ċentri tal-gass reġjonali effettivi u swieq nazzjonali individwali. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jitlesta s-suq intern tal-gass, li jiġu eliminati l-ostakli regolatorji, kummerċjali u legali u li jiġi żgurat l-aċċess għal dawn is-swieq.

    3.4.1.

    Peress li l-importazzjoni tal-gass tas-skist likwifikat mill-Istati Uniti jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-suq tal-gass Ewropew, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tidħol f’negozjati attivi, fi ħdan il-qafas tat-TTIP, biex tneħħi l-ostakli għall-importazzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ gass mill-Istati Uniti.

    3.5.

    Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma turix kif l-istrateġija biex jiżdied is-sehem tal-LNG u l-ħżin tal-gass hija konsistenti mal-investiment ippjanat tan-Nordstream 2 (COM(2016) 49 final).

    3.6.

    L-istrateġija sottolinjata fil-Komunikazzjoni għandha tenfasizza iżjed ir-rwol importanti tal-gass naturali bħala teknoloġija intermedjarja fit-tranżizzjoni mill-faħam għal enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Bħala fjuwil, il-gass huwa partikolarment adattat għall-ġenerazzjoni rapida u stabbli tal-elettriku u tas-sħana, u għalhekk jista’ jaġixxi bħala teknoloġija ta’ appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    3.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li, matul it-tranżizzjoni mill-faħam għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, għandu jkun hemm sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti. Dan huwa ta’ importanza partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja, li se jkollha impatt pożittiv fuq is-saħħa taċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi u l-ġirien tagħhom, filwaqt li tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-gassijiet tossiċi.

    3.7.1.

    F’xi Stati Membri, medja ta’ żewġ terzi tal-enerġija finali hija użata biex jissaħħnu d-djar, u tiġi prodotta f’impjanti li jaħdmu bil-faħam b’effiċjenza baxxa. L-investimenti f’impjanti ta’ koġenerazzjoni fuq skala żgħira mħaddmin bil-gass ser isaħħu r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija u jtejbu l-kwalità tal-arja. Investimenti bħal dawn isiru fuq perjodu qasir ta’ żmien (sentejn), l-ispejjeż finanzjarji (CAPEX) huma relattivament baxxi (għalkemm jiżdiedu minħabba l-ispejjeż operattivi) u parzjalment jikkumpensaw l-ispejjeż relattivament għoljin tal-fjuwil. Vantaġġ ieħor ta’ impjanti ta’ koġenerazzjoni fuq skala żgħira mħaddmin bil-gass huwa ż-żmien qasir ħafna meħtieġ għas-sinkronizzazzjoni man-netwerks tad-distribuzzjoni tal-enerġija, u b’hekk isiru sors eċċellenti ta’ enerġija bħala kumpens matul il-perjodi tal-ogħla domanda ta’ enerġija.

    3.8.

    B’konnessjoni mal-kwistjoni tal-ikkompletar tal-infrastruttura nieqsa li kienet enfasizzata fil-Komunikazzjoni, għandha tintuża l-opportunità mogħtija mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). Taħt dan il-programm, il-finanzjament komplementari għandu jiġi pprovdut għal dawn il-proġetti ta’ infrastruttura kritika tal-enerġija u tal-informazzjoni, fost oħrajn:

    l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn il-pajjiżi;

    id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u r-rotot ta’ trażmissjoni;

    l-iżvilupp ta’ pjani Ewropej u reġjonali ta’ kontinġenza għal kriżi tal-enerġija;

    it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-ekonomija.

    4.   Kummenti speċifiċi dwar l-LNG

    4.1.

    Il-Kumitat jemmen li s-suq Ewropew tal-gass għandu jsir aktar flessibli billi jiżdied is-sehem tal-LNG.

    4.2.

    Iż-żieda fil-proporzjon tal-LNG fis-suq tal-gass tal-UE, li tiżgura riżervi adegwati ta’ gass fil-faċilitajiet ta’ ħżin u li tiġi promossa diversifikazzjoni ġenwina tal-provvisti tal-enerġija huma fatturi li se jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    4.3.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kommissjoni bir-raġun tiġbed l-attenzjoni lejn l-adegwatezza apparenti tal-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tal-UE. “Apparenti” għaliex mhijiex distribwita bl-aħjar mod. Fil-peniżola Iberika, Franza, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-kapaċità tar-rigassifikazzjoni tintuża sa punt limitat ħafna, filwaqt li l-Istati Membri fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku, fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ewropa tax-Xlokk huma dipendenti ħafna minn fornitur uniku.

    4.4.

    Il-Kumitat jaqbel li biex tinkiseb bis-sħiħ u b’mod sostenibbli d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass fis-suq Ewropew hemm bżonn ta’ approċċ diversifikat lejn il-bini ta’ terminals ġodda tal-LNG. Għandha tingħata prijorità għal investimenti mmirati lejn rotot tal-provvisti bbilanċjati

    4.5.

    Miżuri prudenti tal-UE li jappoġġjaw il-bini ta’ terminali ġodda tal-LNG u konnessjonijiet tat-trażmissjoni transkonfinali għandhom jieħdu kont, bħala kwistjoni ta’ prijorità, tar-reġjuni li huma attwalment iżolati u dipendenti fuq fornitur wieħed. Li jiġi stimulat l-investiment b’tali mod jiżgura li numru ta’ fornituri tal-gass ikollhom aċċess ugwali għal dawn ir-reġjuni, abbażi ta’ kompetizzjoni ħielsa u ġusta. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jiżdiedu l-interkonnessjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-gass bejn is-swieq domestiċi tal-Istati Membri, b’mod partikulari f’reġjuni li bħalissa ma għandhomx livell adegwat ta’ sigurtà tal-provvista.

    4.6.

    L-investimenti fi proġetti ta’ interess komuni (PCI) li huma effettivi u f’waqthom huma ta’ importanza ewlenija għall-espansjoni tas-suq tal-LNG fl-UE. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż operattivi bejn l-Istati Membri b’livelli diversi ta’ infrastruttura tal-LNG u kapaċità tal-ħżin tal-gass.

    4.7.

    L-UE għandha tiżgura li l-iżvilupp ta’ proġetti rapidi marbutin mat-terminals tal-LNG u mal-FSRU ikun għażla teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq l-aktar investiment effettiv, li għandha twassal għall-iżjed tariffi baxxi possibbli ta’ rigassifikazzjoni, tnaqqis fiż-żmien meħtieġ għall-ħruġ tal-prodotti fis-suq, inqas riskju ta’ implimentazzjoni u ċertezza akbar fis-suq.

    4.8.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pjani tal-Kummissjoni Ewropea biex tivverifika jekk il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE dwar ix-xiri tal-LNG jikkonformawx mal-liġi tal-UE.

    4.9.

    Il-Kumitat jappoġġja l-idea stabbilita fil-Komunikazzjoni li l-użu tal-LNG fis-settur tat-trasport tal-merkanzija tqila bħala alternattiva għad-diżil u s-sostituzzjoni taż-żejt karburant tqil fit-trasport marittimu jistgħu jnaqqsu b’mod sostanzjali l-ħsara ambjentali.

    4.9.1.

    Il-Kumitat jirrimarka li, fis-sezzjoni tal-komunikazzjoni li titratta l-LNG, ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għas-sistema Ewropea tal-ksib u l-użu tal-LNG bħala fjuwil tat-trasport, kemm bit-triq kif ukoll dak marittimu. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-iżvilupp innovattiv tas-sistema tal-provvista u n-netwerk ta’ punti ta’ riforniment tal-fjuwil għat-trasport bit-triq u bunkering għat-trasport marittimu. Dawn l-għanijiet jintlaħqu fost l-oħrajn permezz tal-proġett ta’ Kuritur Blu li jinvolvi l-pajjiżi tal-UE minn Franza sal-Baħar Baltiku.

    4.10.

    F’xi Stati Membri tal-UE b’aċċess limitat għan-netwerks tal-gass, il-fjuwils fossili solidi huma użati ħafna sabiex jiġu ġġenerati l-elettriku u s-sħana. L-użu tal-LNG bħala fjuwil alternattiv fis-sistemi lokali fejn jista’ jieħu post il-fjuwils konvenzjonali li joħolqu tniġġis sinifikanti mill-gass u mill-partikolati jista’ jwassal għal titjib rapidu fil-kwalità tal-arja. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, u skont l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul, l-LNG ma jistax jissostitwixxi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli..

    4.11.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma espressa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għandhom jipprovdu soluzzjonijiet kosteffettivi u li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-infrastruttura tal-LNG, l-għażliet għandhom jitqiesu bir-reqqa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ lock-in teknoloġiku jew assi mhux rekuperabbli. L-investimenti f’sorsi ta’ enerġija m’għandomx jiġu kkunsidrati b’mod separat mill-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE.

    5.   Kummenti speċifiċi dwar il-ħżin tal-gass

    5.1.

    Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-gass għandu rwol partikolarment importanti fl-istruttura ta’ sigurtà tal-Ewropa u fiż-żamma ta’ provvista stabbli tal-gass naturali għall-ekonomija tal-UE. Il-kapaċità ta’ ħżin eżistenti tal-UE hija konsiderevoli, iżda d-distribuzzjoni tagħha hija ‘l bogħod minn biżżejjed. Iżjed minn 83 % tal-kapaċità ta’ ħżin ta’ gass tinsab fil-punent u l-Lbiċ tal-Ewropa. L-ostakli ewlenin għall-użu transkonfinali tal-kapaċità ta’ ħżin jinkludu l-ostakli tariffarji u regolatorji u netwerk insuffiċjenti ta’ interkonnetturi f’xi reġjuni Ewropej.

    5.2.

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġi żgurat bilanċ u tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija, l-operaturi jistgħu jadottaw sett ta’ prinċipji, jiġifieri l-idea li l-livell minimu ta’ gass maħżun jista’ jkopri 100 % tal-htiġijiet tas-suq nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-gass għall-perjodu tax-xitwa. Madankollu, l-alternattiva li hi l-aktar ekonomikament razzjonali tkun l-ibbilanċjar tal-gass maħżun fuq skala reġjonali. Dan l-aħjar mudell jista’ jinkiseb ladarba jkunu ġew żviluppati interkonnetturi fil-Grigal tal-Ewropa (il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Istati Baltiċi, il-Polonja), fix-Xlokk (il-Bulgarija, it-Turkija, is-Serbja, il-Kroazja) u fil-Lbiċ (il-Portugall, Spanja u Franza). It-tieni kundizzjoni hija li jitneħħew l-ostakli kollha għat-trażmissjoni transkonfinali, speċjalment it-tariffi tal-fruntieri.

    5.3.

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-istrumenti tal-flessibbiltà li jikkompetu u biex jiġu żviluppati kodiċijiet tan-netwerks madwar l-Ewropa kollha li jqisu l-armonizzazzjoni tat-tariffi għat-trażmissjoni tal-gass “lejn il-ħażna u mill-ħażna”, sakemm l-istruttura tariffarja tirrifletti l-ispejjeż tal-ħżin.

    5.4.

    Il-miżuri biex jiġi żgurat l-aċċess fiżiku bla xkiel għall-faċilitajiet ta’ ħżin u l-kapaċità fis-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż fil-kuntest transkonfinali, għandhom jitqiesu bħala indispensabbli. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu tal-kapaċità ta’ hżin eżistenti billi titlesta l-ħidma fuq il-kodiċijiet tan-netwerks. Minn din il-perspettiva, huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien fuq l-aħjar użu tal-kapaċità ta’ ħżin miż-żewġ naħat.

    Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016.

    President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    Top