Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2264

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010” [COM(2016) 52 final – 2016/0030 (COD)]

    ĠU C 487, 28.12.2016, p. 70–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 487/70


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010”

    [COM(2016) 52 final – 2016/0030 (COD)]

    (2016/C 487/11)

    Relatur:

    is-Sur Graham WATSON

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 16.9.2016

    Parlament Ewropew, 7.3.2016

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9.3.2016

    Bażi legali

    L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

    Sezzjoni kompetenti

    It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    7.9.2016

    Adottata fil-plenarja

    22.9.2016

    Sessjoni plenarja Nru

    519

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    133/4/9

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass kienet parzjalment ta’ suċċess f’li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħsbu f’termini ta’ solidarjetà u ta’ sigurtà komuni. Madankollu, ħafna mill-kwistjonijiet ta’ politika tal-enerġija għadhom jiġu trattati bħala interessi nazzjonali. Sabiex tinkiseb is-sigurtà mistennija mill-Ewropej, il-provvista tal-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti fil-livell tal-UE.

    1.2.

    Tali regolament għall-UE kollha jrid iqis il-kuntest usa’ ta’ sforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima globali b’miri ambizzjużi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi differenti fl-Ewropa u globalment, inkluż il-moviment tar-refuġjati, il-kriżi mal-fruntieri tal-Ewropa inklużi dawk riċenti fl-Ukraina, it-Turkija, il-Libja u l-Ġeorġja kif ukoll iż-żieda tar-reġjonaliżmu li qed jheddu l-integrazzjoni tal-UE.

    1.3.

    Hu meħtieġ investiment sostanzjali biex ikunu żgurati l-provvisti tal-gass fl-Ewropa. Huwa importanti li dan jinstab primarjament minn sorsi privati; il-profitti fl-industrija taż-żejt u l-gass huma tant kbar li l-appoġġ tal-pubbliku m’għandux ikun meħtieġ. Qafas politiku prevedibbli u affidabbli huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri u, min-naħa l-oħra, proporzjon kostanti u affidabbli ta’ provvista ta’ gass.

    1.4.

    Ir-Regolament propost huwa mfassal biex jiġu evitati l-kriżijiet fil-provvista tal-gass bħal dawk tal-2006 u l-2009. Il-biċċa l-kbira tad-domanda hija għal gass għat-tisħin tal-bini. Programm wiesa’ ta’ aġġornament tal-immodernizzar tal-bini li hu effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif issuġġerit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (2012/27/UE), speċjalment meta mmirat lejn il-bini msaħħan bil-gass, għandu jwassal għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-gass, speċjalment matul ix-xhur tax-xitwa meta seħħew il-kriżijiet preċedenti.

    1.5.

    Il-gass naturali jibqa’ sors ta’ enerġija transizzjonali importanti u jagħti kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, emissjonijiet kimiċi kif ukoll tas-sostanzi tossiċi perikolużi (inkluża l-materja partikulata PM10 u PM2,5). Bl-indikaturi tal-livell ta’ emissjonijiet ferm aktar baxxi minn dawk tal-faħam, sehem akbar tal-gass naturali fit-taħlita enerġetika tal-Istati Membri huwa ta’ importanza partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja u, b’konsegwenza ta’ dan, is-saħħa taċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-ġirien tagħhom. Madankollu, għandha titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u l-politika tal-akkwist tal-gass għandha tieħu kont ta’ dan.

    1.6.

    Il-konsumaturi tal-enerġija jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tfassil u l-ġestjoni tal-provvista. Għandhom jiġu żviluppati metodi għall-involviment tal-konsumaturi b’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess, inkluż bl-użu innovattiv tal-ICT. Il-faqar enerġetiku għandu jiġi indirizzat primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali. Tali miżuri għandhom jinkludu pjani nazzjonali ddedikati biex jiġu stimulati investimenti fi programmi ta’ rinnovazzjoni tal-bini, kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (2012/27/UE), filwaqt li jiġu prijoritizzati dawk il-konsumaturi li ma jifilħux iħallsu għall-fjuwil u l-konsumaturi vulnerabbli u tiġi promossal-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali.

    1.7.

    L-implimentazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien mal-elettrifikazzjoni aċċellerata, jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-gass fl-UE, u għaldaqstant l-importazzjoni tal-gass; iżjed mas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu adottati malajr, inqas isiru rilevanti l-politiki esterni tal-UE dwar l-iżgurar tal-provvisti tal-gass. Il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni ta’ kemm kienet preċiża l-koordinazzjoni bejn it-tbassir tal-konsum tal-gass tal-UE, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha.

    2.   Introduzzjoni (L-essenza tal-proposta tal-Kummissjoni)

    2.1.

    Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil ekonomiku u t-tbatija tal-individwi minħabba l-interruzzjoni fil-provvisti tal-gass, il-Kummissjoni Ewropea tfittex li tibni fuq ix-xogħol preċedenti tal-UE biex tiġi żgurata interkonnessjoni akbar tal-infrastruttura tat-twassil tal-gass u solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri fir-rieda tagħhom li jaqsmu l-piż tal-interruzzjonijiet.

    2.2.

    Dan l-abbozz ta’ Regolament jaġġorna politika importanti fi ħdan l-isforz tal-Unjoni li toħloq Unjoni tal-Enerġija Ewropea (COM(2015) 80 final).. L-Unjoni tal-Enerġija trid tidħol fil-kuntest tal-impenji tal-UE biex taġixxi biex twaqqaf, u jekk ikun possibbli, treġġa’ lura, l-effetti tat-tibdil fil-klima kkaġunat mill-bniedem li jirriżulta mill-ħruq tal-karburanti fossili.

    2.3.

    L-għan tal-abbozz tar-Regolament huwa li jiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw għodod xierqa sabiex jippreparaw u jimmaniġġjaw l-effetti ta’ nuqqas ta’ gass minħabba interruzzjoni fil-provvista jew minħabba domanda eċċezzjonalment għolja.

    2.4.

    Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-abbozz tar-Regolament jipproponi koordinazzjoni reġjonali aktar b’saħħitha, b’ċerti prinċipji u standards stabbiliti fil-livell tal-UE. L-approċċ propost hu li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib fi ħdan ir-reġjuni tagħhom meta jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju reġjonali. Ir-riskji identifikati fil-valutazzjonijiet tar-riskji reġjonali se jiġu indirizzati fi Pjani ta’ Azzjoni Preventiva reġjonali u fi Pjani ta’ Emerġenza, li se jiġu riveduti bejn il-pari u approvati mill-Kummissjoni.

    2.5.

    Sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet tar-riskji u l-pjani jkunu komprensivi u konsistenti ma’ xulxin, ir-Regolament jistabbilixxi mudelli obbligatorji li jelenkaw aspetti li għandhom jitqiesu meta titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju u waqt it-tfassil tal-pjani.

    2.6.

    Ir-Regolament itejjeb ukoll l-applikazzjoni tal-istandard tal-provvista lill-klijenti protetti (prinċipalment djar), u l-istandard tal-infrastruttura (il-possibilità biex jiġi pprovdut il-gass anke jekk l-akbar infrastruttura ma tkunx disponibbli). Dan jippermetti kapaċità bidirezzjonali. Finalment, ir-Regolament jipproponi l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri ta’ trasparenza dwar il-kuntratti tal-provvista tal-gass, billi kuntratti bħal dawn jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista fl-UE.

    2.7.

    Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE hi ġustifikata abbażi tal-fatt li l-approċċi nazzjonali t-tnejn jirriżultaw f’miżuri subottimali u jaggravaw l-impatt ta’ kriżi. Miżura meħuda f’pajjiż wieħed tista’ tikkawża nuqqas ta’ gass f’pajjiżi ġirien.

    2.8.

    Filwaqt li swieq li jkunu qegħdin jaħdmu sew huma ta’ importanza vitali sabiex ikunu żgurati l-provvisti tal-gass, l-azzjonijiet ikkoordinati b’mod tajjeb mill-Istati Membri, b’mod partikolari f’każ ta’ emerġenza, jistgħu jżidu b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista. Dan jikkonċerna koordinazzjoni aħjar mhux biss ta’ miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni fil-każ ta’ emerġenza, iżda wkoll ta’ miżuri preventivi nazzjonali, bħal proposti għal koordinazzjoni aħjar ta’ ħażna nazzjonali jew ta’ politiki dwar l-LNG (Liquefied Natural Gas, Gass Naturali Likwifikat) (COM(2016) 49 final), li jistgħu jkunu importanti mil-lat strateġiku f’ċerti reġjuni.

    2.9.

    Rapport ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fl-2014 wera li għad hemm raġunijiet serji għal tħassib fir-rigward ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (il-miżuri li huma predominantement nazzjonali li huma jieħdu mhumiex adattati sew biex jindirizzaw problemi tal-provvista tal-gass); barra minn hekk, it-test tal-istress li twettaq fis-Sajf tal-2014 (COM(2014) 654 final) wera li interruzzjoni gravi tal-provvisti tal-gass mil-Lvant xorta għad ikollha impatt kbir madwar l-UE.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Id-diffikultà prinċipali ta’ din il-proposta għal regolament mhijiex it-test iżda l-kuntest tagħha. Filwaqt li l-Qafas Strateġiku tal-Unjoni għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ‘il quddiem (COM(2015) 80 final) jitkellem b’ton kważi messjaniku dwar il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan l-abbozz ta’ regolament – filwaqt li huwa konsistenti ma’ regolamenti preċedenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass – mhuwiex kompletament konsistenti mal-miri tal-qafas strateġiku.

    3.2.

    Ħafna xjentisti tal-klima jgħidulna li biex ikollna ċans raġonevoli li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura tal-pjaneta għal 2 oC, jeħtieġ li nġibu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra qrib iż-żero sal-2050. Għal 1,5 oC, anke qabel. Biex jiġu eliminati madwar 4 611-il miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 li aħna, pereżempju, xerridna fl-atmosfera fl-2013, jeħtieġ li nissodisfaw id-domanda tal-enerġija primarja tal-UE (l-ekwivalenti ta’ 1 567 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt (Mtoe fl-2013) b’enerġija nadifa. Aktar minn żewġ terzi tal-emissjonijiet ġejjin minn karburanti fossili li jixprunaw iċ-ċiviltà industrijali tagħna, u dawn il-karburanti fossili għandhom jiġu sostitwiti.

    3.3.

    Il-gass naturali jibqa’ sors ta’ fjuwil transizzjonali importanti u għen biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra minn karburanti solidi, speċjalment f’pajjiżi fejn il-faħam għandu rwol dominanti. Madankollu, għandhom jitħaffu t-tranżizzjoni għal sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u finalment mingħajr karbonju. Dan huwa rekwiżit biex tintlaħaq il-mira fit-tul li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm għal 1,5 oC, kif stipulat fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li l-politika dwar il-provvista tal-gass trid tqis. Dan għandu jiġi rifless fil-valutazzjonijiet tar-riskju li l-Istati Membri huma mitluba jwettqu. Huwa meħtieġ allinjament aħjar bejn il-politika dwar il-provvista tal-gass tal-UE u d-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari, suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni, sabiex jiġi promoss investiment effiċjenti u jiġi stabbilit il-qafas għal sistema tal-enerġija reżiljenti.

    3.4.

    Ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 994/2010, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tibqa’ suġġett attwali ħafna, speċjalment fid-dawl tat-tensjonijiet bejn l-Ukraina u r-Russja. Qegħdin isiru sforzi fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-UE sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvisti tal-gass għax-Xitwa tal-2016/2017 u wara. Madankollu, sforzi b’saħħithom biex tiġi żgurata prestazzjoni enerġetika aħjar tal-bini, permezz tal-iżolazzjoni, il-prijoritizzazzjoni tal-bini msaħħan bil-gass, għandu jkollhom impatt sostanzjali fuq il-ħtieġa għall-gass.

    3.5.

    Il-gass naturali ssostitwixxa l-karburanti solidi bħala t-tieni karburant l-aktar importanti għall-UE, u pprovda 23,8 % tal-enerġija primarja kkunsmata fl-2013. Dan għen biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tagħha. Madankollu, iż-żieda fl-enerġija rinnovabbli hija inkredibbli: fl-2013 s-sorsi rinnovabbli pprovdew 15 % tal-konsum gross ta’ enerġija finali fl-UE, żieda minn 8,3 % fl-2004, biex b’hekk l-UE hija fit-triq biex tilħaq l-objettiv ta’ 2020 tagħha ta’ sehem ta’ 20 % ta’ sorsi rinnovabbli. L-ammont gross ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli aktar minn irdoppja bejn l-2000 u l-2013, u pprovda aktar minn kwart tal-elettriku kollu fl-2013.

    3.6.

    L-implimentazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, flimkien mal-elettrifikazzjoni aċċellerata, jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-gass fl-UE, u għaldaqstant l-importazzjoni tal-gass; iżjed mas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu adottati malajr, inqas isiru rilevanti l-politiki esterni tal-UE dwar l-iżgurar tal-provvisti tal-gass. Koordinazzjoni mtejba bejn it-tbassir tal-konsum tal-gass tal-UE, is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE, l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha hija għalhekk essenzjali.

    3.7.

    Koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fit-trasport u t-twassil ta’ kull tip ta’ fjuwil hija essenzjali għall-bini ta’ Unjoni tal-Enerġija, kemm fil-livell ta’ politika u ta’ strateġiji fit-tul. Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li taqsam l-UE f’seba’ “reġjuni” li fi ħdanhom il-politika għandha tkun ikkoordinata. Dan mhuwiex l-aħjar kompromess, peress li l-koordinazzjoni tal-politika madwar l-UE dalwaqt se tkun meħtieġa, u din għandha idealment tiġi estiża iktar biex tinkludi l-partijiet kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija – il-pajjiżi ġirien li magħhom l-UE għandha ftehimiet fil-qasam tal-enerġija.

    3.8.

    Sabiex tiżdied il-kompetizzjoni għal provvisti tal-enerġija u l-ħtieġa biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista, l-enerġija trid tibqa’ parti importanti tal-politiki esterni tal-UE; dawn iridu jkunu mmirati dejjem iżjed lejn l-iżgurar tal-provvisti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari minn teknoloġiji maturi bħall-enerġija solari u tar-riħ, sabiex jiġu komplementati l-provvisti mill-produzzjoni domestika minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

    3.9.

    Governanza ġdida tal-politika dwar l-enerġija għandha tiżgura l-koerenza bejn aspetti differenti tal-provvista tal-enerġija kif ukoll li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE. Aspett wieħed importanti biex tiġi żgurata l-koerenza huwa l-involviment bikri, sistematiku u strutturat mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li s-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi tas-sigurtà enerġetika tkun kondiviża b’mod wiesa’ fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li – l-aktar importanti – dawk li jfasslu l-politika madwar l-Ewropa jkunu konxji mit-tħassib, l-interessi, ir-riżorsi u s-soluzzjonijiet offruti mis-soċjetà ċivili biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-UE. Għal dan l-għan, il-KESE qed jippromovi b’mod attiv il-kunċett ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija u l-Kummissjoni laqgħet b’mod qawwi l-inizjattiva tal-KESE.

    3.10.

    It-tisħiħ reċiproku tad-dimensjonijiet esterni u interni tal-politika tal-enerġija, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Diplomazija dwar l-Enerġija (EDAP), għandu jkun element importanti ieħor tal-governanza tal-politika tal-enerġija. Il-KESE diġà sejjaħ għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni attwali dwar l-enerġija u jistabbilixxi kooperazzjoni u djalogi ġodda ma’ stati jew reġjuni tal-produzzjoni importanti, ma’ stati jew reġjuni ta’ tranżitu, ma’ pajjiżi ġirien kif ukoll ma’ msieħba strateġiċi globali u reġjonali ewlenin, sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-provvisti u r-rotot tal-enerġija tal-UE.

    3.11.

    Il-politika esterna tal-enerġija tal-UE, inkluża l-politika tal-akkwist tal-gass, għandha tqis il-kuntest ġeopolitiku wiesa’. Il-KESE kien enfasizza qabel li l-aspetti kummerċjali tal-proġett m’għandhomx ikunu l-uniku fattur fid-deċiżjoni, speċjalment meta tiġi kkunsidrata t-tendenza tar-Russja li tuża l-enerġija bħala għodda għal għanijiet ġeopolitiċi. L-istabbiltà politika tal-pajjiżi tul ir-rotta tal-pipeline u l-vulnerabbiltà tagħhom għall-influwenza tal-politika barranija, ir-rekord soċjali u ambjentali tal-iżviluppaturi tal-proġetti kif ukoll l-involviment ta’ kumpaniji Russi fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni huma fost il-fatturi li għandha tikkunsidra d-diplomazija tal-enerġija tal-UE. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta’ proġetti ġodda għandha tqis l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiżi ġirien. Fir-rigward tal-Ukraina, pereżempju, hemm riskju li proġetti biex jitneħħa t-transitu tal-gass mit-territorju tagħha se jaffettwaw id-dħul tagħha, jimpedixxu l-investiment għal titjib fin-netwerk u jneħħu l-influwenza ma’ Moska.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal definizzjoni komuni ta’ “klijent protett”.

    4.2.

    Il-KESE jilqa’ l-kunċetti ta’ “responsabbiltà kondiviża” u ta’ “approċċ fuq tliet livelli” bejn l-impriżi tal-gass naturali, l-Istati Membri u l-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-gass; u l-proposta li l-Kummissjoni għandha tikkoordina l-azzjoni fejn meħtieġ, kif stipulat f’rapport preċedenti tal-KESE (1). Dan l-approċċ huwa partikolarment importanti għall-iżgurar tat-trasparenza ta’ kuntratti ta’ provvista.

    Barra minn hekk, il-Kumitat jikkunsidra li trid issir distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3 u dawk tal-intrapriżi u l-korpi privati, u għalhekk jipproponi test ġdid li jiċċara li:

    is-sigurtà tal-provvista tal-gass hija responsabbiltà tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, fi ħdan l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom;

    l-intrapriżi tal-gass naturali u l-konsumaturi industrijali tal-gass għandhom jikkooperaw u japplikaw il-miżuri stipulati mill-awtoritajiet responsabbli.

    4.3.

    Il-KESE jinnota l-kriterji proposti għall-kompożizzjoni tas-seba’ “reġjuni” fi ħdan l-UE. Talinqas, għandha tiġi prevista soluzzjoni fejn Stat Membru wieħed jista’ jkun fl-istess ħin membru ta’ aktar minn “reġjun” wieħed.

    4.4.

    Il-KESE jinnota li l-istandard tal-infrastruttura propost huwa fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dak fir-Regolament tal-2010. Huwa jilqa’ l-proposta għal kapaċità bidirezzjonali (“kapaċità ta’ fluss fid-direzzjoni opposta”) fuq l-interkonnetturi bejn l-Istati Membri.

    4.5.

    Il-KESE jinnota li l-proposta għal istandard tal-provvista hija fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dik fir-Regolament tal-2010. Huwa jilqa’ r-rekwiżit li ssir valutazzjoni tal-impatt qabel ma jittieħdu miżuri ġodda mhux abbażi tas-suq.

    4.6.

    Il-KESE jieħu nota tal-proposta li l-valutazzjoni tar-riskju issa titwettaq fil-livell reġjonali. Huwa jilqa’ dan bħala pass ‘il quddiem lejn il-jum meta l-valutazzjoni tar-riskju titwettaq fil-livell tal-UE. Huwa jilqa’ l-proposta ta’ mudell tal-Kummissjoni u jara l-proċess tal-valutazzjoni bejn il-pari bħala importanti f’dan ir-rigward.

    4.7.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti għal pjani ta’ emerġenza, proċeduri ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u rispons ta’ emerġenza.

    4.8.

    Il-KESE jilqa’ l-proposti għal trasparenza u għal solidarjetà bejn l-Istati Membri, ibbażati fuq it-testijiet tal-istress fis-sajf tal-2014, bħala mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni xieraq. B’mod partikolari, il-Kumitat jinnota b’apprezzament il-ftehim tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk dwar lista ta’ proġetti prijoritarji, li l-implimentazzjoni tagħhom se tippermetti li l-pajjiżi fir-reġjun ikollhom aċċess għal mill-inqas tliet sorsi ta’ gass, u b’hekk jiġi żgurat id-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista.

    4.9.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li huma msieħba kuntrattwali fil-Komunità tal-Enerġija.

    4.10.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-proposta għal monitoraġġ kontinwu tal-miżuri tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f’din il-ħtieġa li jitneħħa gradwalment l-użu tal-gass naturali favur sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

    4.11.

    Il-KESE jinnota d-derogi proposti għal Malta u Ċipru, u jħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi, minħabba l-klima favorevoli tagħhom, biex ikunu minn ta’ quddiem fit-transizzjoni biex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli aktar milli minn karburanti fossili.

    Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 339, 14.12.2010, p. 49.


    Top