IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.11.2015
COM(2015) 589 final
2013/0088(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
2013/0088 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
1.Il-kuntest
|
Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2013) 0161 final – 2013/0088 COD):
|
is-27 ta' Marzu 2013
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
il-11 ta' Lulju 2013
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta
|
l-4 ta' Frar 2014
|
|
Id-data meta ħa l-pożizzjoni tiegħu l-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
il-25 ta' Frar 2014
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
l-10 ta' Novembru 2015
|
2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni
Meqjusa flimkien bħala pakkett, il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji) (COM(2013) 0161 final — 2013/0088 (COD)) (Proposta għal Regolament) u tal-proposta parallela għar-riformulazzjoni tad-Direttiva għandhom l-għan ewlieni komuni li jrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir billi jagħmlu s-sistemi tat-trade marks fl-Ewropa aktar aċċessibbli, effiċjenti u effettivi għan-negozji għax inaqqsu l-ispejjeż u l-kumplessità, iħaffu l-pass u jżidu ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni mill-falsifikazzjoni.
Partikolarment, il-Proposta għal Regolament għandha l-għan li:
–tissemplifika l-proċeduri biex wieħed japplika jew jirreġistra trade mark tal-UE;
–timmodernizza u ttejjeb id-dispożizzjonijiet attwali billi temenda d-dispożizzjonijiet skaduti, iżżid iċ-ċertezza legali billi tiċċara d-dispożizzjonijiet u tneħħi l-ambigwitajiet.
–tistabbilixxi qafas adattat għal kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali bl-għan li tkun promossa l-konverġenza tal-prattiki u jiġu żviluppati għodod komuni;
–taġġorna l-governanza tal-UASI;
–tadatta r-Regolament Nru 207/2009 għat-Trattat ta’ Liżbona;
–issolvi kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw il-bilanċi finanzjarji fis-sistema tat-trade marks Ewropea.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
3.1Kummenti ġenerali
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku proviżorju milħuq mill-Kunsill, mill-Kumitat JURI tal-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni fid-diskussjonijiet tripartiti informali tal-21 ta’ April 2015. Dan il-ftehim politiku kkonfermah il-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2015. L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari u l-votazzjoni plenarja fil-Parlament f'nofs Diċembru 2015 għandhom iwasslu għall-adozzjoni finali tat-test waqt it-tieni qari bikri. Minkejja t-tħassib relatat ma’ ċerti aspetti baġitarji tal-kompromess, li huma indirizzati fid-dikjarazzjoni annessa, il-Kummissjoni tappoġġa l-kompromess li ntlaħaq għax itejjeb is-sitwazzjoni eżistenti l-aktar fejn tidħol il-liġi dwar it-trade marks.
3.2Kummenti dwar l-emendi li adotta l-Parlament Ewropew
3.2.1.L-emendi tal-Parlament Ewropew inklużi għalkollox, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkorpora għadd sinifikanti ta' emendi li għamel il-Parlament Ewropew, fosthom dawk meħtieġa mill-bidliet paralleli fid-Direttiva 2008/95.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi dwar it-trade marks, il-Kunsill aċċetta li jikkumplimenta l-perjodu tranżitorju fil-Proposta għal Regolament li taġġusta l-ispeċifikazzjonijiet tat-trade marks tal-UE rreġistrati qabel il-bidla fil-prattika tal-klassifikazzjoni fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jipprovdi salvagwardji lill-partijiet terzi li sadattant laħqu ppreżentaw applikazzjonijiet għal trade mark. Il-Kummissjoni tista' tappoġġa dan l-approċċ.
Il-Kunsill approva wkoll il-proposta tal-Parlament li l-ammont tat-tariffi pagabbli lill-UASI, li bħalissa huwa indirizzat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95, jiġi ffissat direttament fir-Regolament Nru 207/2009 stess fl-għamla ta’ Anness. Dan huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni.
Fir-rigward tar-rwol u tal-funzjonament tal-UASI, l-emendi tal-Parlament li b'mod ġenerali jaqbel magħhom il-Kunsill jinkludu l-bidla fl-isem tal-Aġenzija għal “Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea”. Filwaqt li l-Kummissjoni tista’ taċċetta dan fl-ispirtu ta’ kompromess, hija ħasra li l-isem il-ġdid ma jirrappreżentax l-attività prinċipali proprja u ma jirriflettix sew il-fatt li l-“Uffiċċju” hu “Aġenzija” tal-UE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-idea appoġġata mill-koleġiżlaturi biex jiġi stabbilit ċentru ta’ medjazzjoni fl-Aġenzija, iżda l-istess bħall-Kunsill, tippreferi li l-kompiti tiegħu ma jestendux għal attivitajiet ta’ arbitraġġ.
Fir-rigward tal-qafas il-ġdid ta’ kooperazzjoni bejn l-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali u l-Aġenzija tal-UE, il-Kunsill aċċetta li din il-kooperazzjoni ssir obbligatorja, madankollu f’ċerti ċirkostanzi l-uffiċċji nazzjonali jkunu jistgħu ma jipparteċipawx. Il-Kunsill jaqbel ukoll mat-talba tal-Parlament biex ikun żgurat li ssir konsultazzjoni mill-qrib mal-utenti tat-trade marks dwar il-proġetti żviluppati f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li l-ammont massimu tal-baġit allokat għal din l-attività jiżdied għal 15 % tad-dħul annwali tal-Aġenzija, filwaqt li l-PE kien qed jappoġġa żieda ta’ 20 %. Dawk l-adattamenti l-Kummissjoni tapprovahom bis-sħiħ.
Fir-rigward tal-governanza tal-Aġenzija, filwaqt li jiddispjaċiha li l-Kunsill segwa l-fehma tal-Parlament Ewropew u ħassar id-dispożizzjonijiet fil-Proposta għal Regolament li jippermettu l-istabbiliment ta’ Bord Eżekuttiv, il-Kummissjoni tappoġġa l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Bord tat-Tmexxija li jinkludi rappreżentant tal-Parlament Ewropew.
3.2.2.Emendi tal-Parlament Ewropew li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Il-koleġiżlaturi ma rnexxilhomx jaqblu fuq proċedura ġdida biex jintgħażel u jinħatar id-Direttur tal-UASI, skont il-prattiki eżistenti fil-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra tal-UE, u għalhekk din id-dispożizzjoni tħassret mill-Proposta għal Regolament. Il-Kummissjoni tiddeplora dan l-eżitu, li m’għandux jitqies bħala preċedent għar-riformi futuri ta’ aġenziji oħra tal-UE.
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill la aċċetta l-proposta tal-Parlament Ewropew li tinżamm id-dispożizzjoni attwali fir-Regolament Nru 207/2009 li tippermetti lid-Direttur tal-Aġenzija jagħmel proposti biex jiġi emendat ir-Regolament, u lanqas ma aċċetta li b'mod formali d-Direttur jingħata s-setgħat ta’ nomina minflok il-Bord tat-Tmexxija.
Fir-rigward tal-liġi dwar it-trade marks, u f’konformità mal-approċċ li ttieħed fil-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/95, il-Kummissjoni tappoġġa l-oppożizzjoni tal-Kunsill biex ikomplu jiġu kkumplimenti l-limitazzjonijiet tal-effetti ta’ trade mark kif kien qabel magħhom il-Parlament Ewropew. Madankollu il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-kompromess finali li jiġi ċċarat il-lingwaġġ fil-premessa rilevanti sabiex tiġi indirizzata b’mod partikolari l-kwistjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali inkluża l-espressjoni artistika.
Bħal fil-każ tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/95, il-Kummissjoni tappoġġa wkoll il-fatt li l-Kunsill ħassar id-dispożizzjoni rilevanti dwar l-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.
3.3Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
F’konformità mal-approċċ segwit għall-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/95, il-Kunsill qabel fuq soluzzjoni ta’ kompromess fir-rigward tad-dispożizzjoni dwar l-oġġetti fi tranżitu, meta d-dritt li jiġi evitat li jiddaħħlu oġġetti fit-territorju tal-UE għandu jiskadi jekk id-dikjarant/id-detentur tal-oġġetti jkun jista' juri quddiem il-qorti kompetenti li l-proprjetarju tat-trade mark ma għandux id-dritt jipprojbixxi t-tqegħid tal-oġġetti fis-suq tal-pajjiż ta’ destinazzjoni finali. Filwaqt li żżomm l-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit mezz effiċjenti u effikaċi kontra l-flussi dejjem akbar ta’ oġġetti ffalsifikati li jgħaddu mill-Unjoni, din l-emenda toħloq bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li jiġi żgurat infurzar effettiv tad-drittijiet tat-trade mark u l-ħtieġa politika li jingħataw is-salvagwardji biex il-fluss liberu tal-oġġetti ma jixxekkilx bla bżonn meta rarament id-dritt ta-trade mark ikun jaqa' taħt diversi partijiet barra mill-UE. Għalhekk il-Kummissjoni tista' tappoġġa s-soluzzjoni li qed jipproponi l-Kunsill.
Il-Kunsill adotta ammonti ġodda ta’ tariffi pagabbli lill-UASI (li għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Nru 207/2009) bil-għan li t-tariffi tat-tiġdid ikunu l-istess daqs dawk tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ dan l-approċċ għax se jiġu ffrankati sa 37 % l-aktar bit-tariffi tat-tiġdid għan-negozji li jfittxu protezzjoni għat-trade mark tagħhom fil-livell tal-UE wara l-perjodu inizjali ta’ 10 snin.
Il-Kunsill żied bażi ġuridika ġdida li tikkumpensa l-ispejjeż li jġarrbu l-uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri bħala parti funzjonali tas-sistema tat-trade marks tal-UE. Il-Kummissjoni oriġinarjament kienet ipproponiet biss mekkaniżmu ta’ finanzjament ħalli l-UASI jkun jista' jiffinanzja proġetti ta’ kooperazzjoni komuni permezz ta’ għotjiet, iżda tista’ taċċetta din l-emenda bħala parti mill-kompromess finali bejn il-koleġiżlaturi.
Il-Kunsill reġa' introduċa dispożizzjoni li kienet ipproponiet fil-bidu il-Kummissjoni u li kien ħassar il-Parlament Ewropew, li tippermetti t-trasferiment ta’ eċċess tal-baġit tal-UASI għall-baġit tal-UE. Filwaqt li l-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ il-prinċipju ta’ trasferiment bħal dan, jiddispjaċiha li fil-prattika l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill aktarx jillimitaw ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida.
Fl-aħħar, il-Kunsill introduċa dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni u dwar il-proċeduri rispettivi tal-kumitat għall-adozzjoni tagħhom. F’dak il-kuntest kien jeħtieġ li fit-test tar-Regolament jiġu inkorporati għadd kbir ta’ regoli tekniċi li attwalment jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li mill-aspett prattiku, dan ikun jeħtieġ l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja anki għal tibdiliet tekniċi żgħar.
4.Konklużjoni
Minkejja t-tħassib relatat ma’ ċerti aspetti baġitarji tal-kompromess, li huma indirizzati fid-dikjarazzjoni annessa, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa l-kompromess milħuq, b’mod partikolari dawk il-bidliet li jsaħħu l-pożizzjoni tad-detenturi tat-trade marks u li jkollhom l-effett li jżidu ċ-ċertezza legali fl-applikazzjoni tal-liġi dwar it-trade marks.
5.Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riforma tas-sistema tat-trade marks tal-UE. Fid-dawl tal-valur miżjud ta’ din ir-riforma għall-utenti tas-sistema tat-trade marks tal-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tappoġġaha hekk kif, meta jitqies kollox, il-ftehim ġenerali jtejjeb b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni eżistenti b’mod partikolari fejn tidħol il-liġi dwar it-trade marks. Dan minkejja t-tħassib tagħha fuq ċerti aspetti baġitarji tal-ftehim.
Il-Kummissjoni jiddispjaċiha b’mod partikolari li l-koleġiżlaturi naqsu milli jaqblu dwar wieħed mill-elementi ewlenin tal-proposta tagħha dwar il-baġit tal-UASI: ir-reviżjoni awtomatika tal-livell tat-tariffi fil-każ ta’ eċċess rikorrenti sinifikanti, u t-trasferiment awtomatiku ta’ eċċess bħal dan għall-baġit tal-UE. Tabilħaqq, filwaqt li l-livell tat-tariffi se jiġi ffissat fir-regolament tal-UE dwar it-trade marks, it-trasferiment tal-eċċess "sostantiv" se jibqa' sottomess għad-deskrizzjoni tal-Kumitat tal-Baġit tal-UASI (b'maġġoranza ta' żewġ terzi). Il-Kummissjoni tfakkar li trasferiment bħal dan kien se jsir biss meta jkun ġie ssodisfat kull tip ta’ użu tar-riżorsi disponibbli kif stipulat fl-att bażiku, fosthom il-kumpens lill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali u awtoritajiet oħra kkonċernati tal-Istati Membri għall-ispejjeż li jġarrbu biex jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tas-Sistema tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni se tkompli tirrevedi l-livell tat-tariffi imposti mill-UASI bil-ħsieb li tipproponi li taġġustahom kemm jista’ jkun qrib l-ispejjeż tas-servizzi provduti lill-industrija u li tipprevjeni l-akkumulazzjoni ta’ eċċessi sinifikanti fl-UASI, b’konformità mar-regoli applikabbli għall-aġenziji kollha li ġew maqbula mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Il-Kummissjoni tenfasizza li aġenziji awtofinanzjati kompletament, bħall-UASI, kif ukoll l-Istituzzjonijiet u l-korpi b’awtonomija baġitarja li jiġu ffinanzjati barra mill-baġit tal-UE, għandhom iwieżnu l-ispejjeż kollha tal-persunal tagħhom, inklużi l-ispejjeż għall-edukazzjoni ta' wlied il-persunal tagħhom fl-iskejjel Ewropej. F’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija amministrattiva, il-Kummissjoni se ssegwi l-mezzi kollha xierqa biex tiżgura li dawn l-aġenziji, l-Istituzzjonijiet u l-korpi jġarrbu effettivament dawn l-ispejjeż jew li jagħmlu rifużjoni ta’ dawn l-ispejjeż lill-baġit tal-UE.
Rigward il-proċedura ta’ qabel l-għażla u l-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, il-Kummissjoni tenfasizza li kull riforma futura tal-UASI għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni.