EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE1718

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ doppju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ doppju”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/10)

Relatur:

is-Sinjura Dorthe ANDERSEN

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ doppju”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’206 voti favur, vot 1 kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Iż-żgħażagħ Ewropej intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi f’bosta Stati Membri, b’konsegwenzi umani, soċjali u ekonomiċi kbar ħafna; madankollu, il-qgħad ogħla fost iż-żgħażagħ mhuwiex xi ħaġa ġdida u jindika ċerti problemi strutturali li jagħmlu t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol diffiċli.

1.2.

Sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) bbażati fuq taħriġ doppju u li jiffunzjonaw sew jikkontribwixxu għal titjib fl-impjieg għaż-żgħażagħ u jistgħu jgħinu biex iż-żgħażagħ nisa u rġiel jkollhom tranżizzjoni eħfef mill-iskola għax-xogħol, inkluż iż-żgħażagħ żvantaġġati.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li ma hemmx “l-aħjar mudell uniku” għat-taħriġ doppju; l-għan huwa li jiġi promoss it-taħriġ doppju li huwa effettiv.

1.4.    Il-livell Ewropew:

1.4.1.

Il-KESE jemmen li tinħtieġ għodda Ewropea koerenti għall-valutazzjoni tal-kwalità li tirreġistra l-progress kif ukoll l-effetti tar-riformi li l-Istati Membri qed iwettqu sabiex itejbu l-prestazzjoni tas-sistemi tal-ETV u ta’ taħriġ doppju.

1.4.2.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni – mal-imsieħba rilevanti – tiżviluppa għodod biex tissorvelja u tiġbor id-data, u tevalwa x’qiegħed jiffunzjona sew fl-Istati Membri u tidentifika l-elementi ewlenin ta’ sistemi ta’ tagħlim doppju li jiffunzjonaw sew. L-għan huwa biex jitkejjel u jiġi vvalutat dak li jiffunzjona, u b’hekk tiġi żgurata l-kwalità fis-sistemi tat-taħriġ, u issir enfasi fuq il-korrelazzjoni bejn it-taħriġ doppju u l-impjieg.

1.4.3.

Fil-futur, il-ħiliet professjonali u l-kwalifiki ta’ kwalità għolja u rilevanti għas-suq tax-xogħol ser ikunu qed jirrappreżentaw parti ewlenija mis-swieq tax-xogħol u l-kompetittività Ewropea. Għalhekk, il-KESE jipproponi li tiġi ssettjata mira tal-UE għall-ETV u t-taħriġ doppju, li tista’ sservi ta’ mezz għal opportunitajiet ta’ impjieg aħjar għaż-żgħażagħ. Dan jista’ jkun parti mill-istrateġija tal-UE 2020 imġedda, u għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-alternattivi.

1.4.4.

Il-KESE jemmen li mira Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ġbir ta’ data jistgħu jgħinu biex iżommu lill-Istati Membri fid-direzzjoni t-tajba biex itejbu l-livelli edukattivi u jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom esperjenza pożittiva tas-sistema edukattiva u jitilqu mill-iskola bil-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol.

1.5.    L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali:

1.5.1.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri li ma għandhomx sistemi ta’ taħriġ doppju li jiffunzjonaw sew jistħarrġu l-ispejjeż involuti fl-iżvilupp ta’ sistemi bħal dawn, meta mqabbla mal-kompromessi u l-benefiċċji li dan ikollu fuq il-kompetittività tal-kumpaniji u l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ.

1.5.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ, it-trejdunjins u l-komunità tan-negozju. L-imsieħba soċjali għandhom rwol deċiżiv fl-istadji kollha tas-sistemi ta’ taħriġ doppju li jiffunzjonaw sew (it-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, eċċ.). It-tisħiħ u l-aħjar użu tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha jistgħu jkunu strument effettiv biex it-taħriġ doppju jsir aktar attraenti u tittejjeb il-kwalità tiegħu.

1.5.3.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jintroduċu jew jirrevedu fuq bażi sistematika l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-mentors u tal-persuni li jħarrġu fl-ETV – u b’mod partikolari persuni li jħarrġu fil-kumpanija peress li dawn huma kruċjali għat-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi ta’ taħriġ doppju.

1.5.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-impjegaturi u jemmen li l-impjegaturi, inklużi l-SMEs, jinvolvu ruħhom aktar fi skemi ta’ apprendistat meta dawn ġenwinament jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom u meta jkun hemm rabtiet tajbin mal-iskejjel. Fis-snin li ġejjin għandu jkun hemm aktar enfasi fuq it-twaqqif ta’ sistemi ta’ taħriġ doppju li jippermettu l-involviment kosteffikaċi ta’ impjegaturi u jagħtuhom aktar sens ta’ sjieda.

1.5.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali Ewropej ikomplu bil-ħidma tagħhom f’dan il-qasam bħala parti mill-programm ta’ ħidma awtonomu tagħhom.

2.   Introduzzjoni – is-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa

2.1.

Il-kriżi ekonomika fl-Ewropa laqtet sew liż-żgħażagħ. 4,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena jinsabu qiegħda (1), għalkemm għal ċerti pajjiżi tal-UE, il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ mhuwa xejn ġdid; sempliċiment ġie aggravat bil-kriżi. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-UE hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad fost l-adulti – 20,9 % kontra 9,8 %. Madwar 7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETS) (2). B’perspettiva ekonomika għal terminu qasir pjuttost dgħajfa, il-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq livelli estremi f’xi Stati Membri b’konsegwenzi umani, soċjali u ekonomiċi kbar.

2.2.

Il-qgħad kien ogħla fost iż-żgħażagħ milli fost l-adulti qabel il-kriżi wkoll. Dan jissuġġerixxi problema strutturali fit-twaqqif ta’ rabtiet eqreb bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-swieq tax-xogħol. Argument ieħor fuq l-istess linja huwa li f’ħafna pajjiżi hemm qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, filwaqt li fl-istess ħin l-impjegaturi għandhom diffikultajiet biex isibu impjegati bil-ħiliet adattati.

2.3.

Is-sitwazzjoni titlob approċċ ġdid għat-titjib tal-bażijiet ta’ impjieg u tkabbir bil-ħsieb li jiġu żviluppati ħiliet vokazzjonali u kwalifiki ta’ kwalità għolja u rilevanti għas-suq tax-xogħol u swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb.

2.4.

Madankollu, hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE, fir-rigward tal-esperjenzi tagħhom biex jintegraw liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

2.5.

F’ħafna pajjiżi, persuni b’taħriġ vokazzjonali jiffurmaw il-maġġoranza tal-impjegati fis-settur privat iżda għandhom rwol sinifikanti wkoll f’partijiet tas-settur pubbliku. Illum, fl-Ewropa, madwar nofs l-istudenti tas-sekondarja ogħla jsegwu programm ta’ ETV u madwar kwart minnhom jipparteċipaw f’tagħlim ikkombinat ibbażat fuq l-iskola u fuq ix-xogħol (3). Iżda hemm sfidi ewlenin biex l-ETV isiru iktar attraenti permezz tat-titjib tal-kwalità u r-rilevanza tagħhom.

2.6.

F’għadd ta’ Opinjonijiet tiegħu (4), il-KESE enfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għaż-żgħażagħ, bil-għan li tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol billi tingħata spinta lill-opportunitajiet fejn iż-żgħażagħ iwettqu forom differenti ta’ taħriġ doppju bħala parti minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja.

2.7.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jinżamm il-momentum u jiġi żgurat li, fl-Istati Membri individwali, flimkien mal-imsieħba soċjali, is-sistemi tal-ETV tagħhom jiġu adattati billi jiddaħħlu fihom komponenti ta’ tagħlim doppju.

3.   Fehim tad-definizzjonijiet – is-sistemi ta’ taħriġ doppju fl-Ewropa

3.1.

Din l-Opinjoni tiffoka fuq is-sistemi ta’ taħriġ doppju fl-ETV. It-taħriġ doppju huwa terminu ġeneriku li jkopri diversi mudelli nazzjonali. Skont is-Cedefop, it-taħriġ doppju jikkonċerna l-kombinazzjoni ta’ perjodi ta’ edukazzjoni jew taħriġ fi skola jew ċentru ta’ taħriġ u f’post tax-xogħol. Id-duwalità tirreferi għall-mezzi ta’ tagħlim (skejjel/fornituri tal-ETV u kumpaniji tat-taħriġ li jaqsmu bejniethom ir-responsabilità biex jipprovdu taħriġ teoretiku u prattiku) u d-duwalità ta’ atturi (pubbliċi u privati).

3.2.

L-Istati Membri kollha għandhom sistemi li jinkorporaw l-element ibbażat fuq ix-xogħol, iżda l-kwalità, ir-riżultat u l-iskala tagħhom ivarjaw (5). Pereżempju, x’inhu l-ammont ta’ ħin mqatta’ f’post tax-xogħol? Hemm kuntratt bejn min qed jitgħallem u min iħaddem, dak li qed jitgħallem jitħallas, u x’inhu r-rwol tal-imsieħba soċjali?

3.3.

M’hemm l-ebda mudell uniku jew “l-aqwa wieħed” u l-iżvilupp ta’ sistema doppja tiddependi minn ħafna kuntesti ekonomiċi u soċjali.

3.4.

Hemm tliet approċċi wiesgħin għat-taħriġ tal-ETV illum:

L-apprendistati jikkombinaw u jalternaw bejn taħriġ f’kumpanija u edukazzjoni bbażata fuq l-iskola, u jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta fil-livell nazzjonali. Normalment, ikun hemm relazzjoni kuntrattwali bejn l-impjegatur u l-apprendist, fejn l-apprendist jitħallas (bħal fl-Awstrija, id-Danimarka u l-Ġermanja).

L-ETV bbażati fuq l-iskola flimkien ma’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Dan jinkludi perjodi iqsar ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol (eż. internships, u esperjenzi prattiċi ta’ xogħol) bħala element obbligatorju jew fakultattiv tal-programmi tal-ETV u jwassal għal kwalifiki formali.

Programmi bbażati fuq l-iskola.

3.5.

Il-qofol ta’ kollox hija r-rabta mill-qrib mal-post tax-xogħol u s-sinerġiji li għandhom jiġu żviluppati bejn l-istudent, il-bażi teoretika u t-tagħlim prattiku u l-iżvilupp fuq il-post tax-xogħol.

4.   L-Isfond Politiku Ewropew

4.1.

Il-Kunsill Ewropew tas-27/28 ta’ Ġunju 2013 (6) qabel dwar strateġija ġdida għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż l-għan li jiġu promossi “apprendistati ta’ kwalità għolja u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol”. 22 Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex jadattaw is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tagħhom, billi titqiegħed enfasi akbar fuq dawk il-komponenti ta’ taħriġ u ta’ apprendistati ta’ kwalità għolja li jkunu msejsa fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ.

4.2.

Fil-livell tal-UE, ittieħdu firxa ta’ miżuri. Pereżempju, ġiet adottata garanzija għaż-żgħażagħ, fondi tal-FSE ġew allokati għall-iżvilupp ta’ apprendistati fil-livell nazzjonali, inkluża s-sistema ta’ taħriġ doppju, u ġiet stabbilita Alleanza Ewropea għall-Apprendistati.

4.3.

Fil-Qafas ta’ Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta’ Ġunju 2013 (7), l-imsieħba soċjali Ewropej enfasizzaw ukoll il-valur ta’ mudelli ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, bħalma huma is-sistemi ta’ tagħlim doppju.

4.4.

Il-Presidenza Latvjana approvat ħames riżultati bħala parti mir-reviżjoni tal-Bruges Communique. L-ewwel wieħed minn dawn ir-riżultati ser ikun il-promozzjoni ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol b’attenzjoni speċjali għat-taħriġ permezz tal- apprendistat (8).

5.   It-taħriġ doppju bħala mezz kif jinbnew pontijiet lejn il-ħajja tax-xogħol

5.1.

Studji mis-Cedefop u l-Kummissjoni Ewropea, pereżempju, jissuġġerixxu rabta pożittiva bejn is-sistemi tal-ETV imsejsa fuq l-edukazzjoni doppja u l-impjieg taż-żgħażagħ (9).

5.2.

L-esperjenza u ċ-ċifri jitkellmu ċar u tond. Pajjiżi li għandhom sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali rilevanti u attraenti bbażati fuq prinċipji ta’ taħriġ doppju jrendu aħjar fir-rigward tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Xi pajjiżi bħall-Awstrija jipprovdu wkoll eżempji tajba ta’ possibilitajiet ta’ taħriġ għal żgħażagħ żvantaġġati bħal għajnuna fuq ix-xogħol jew xibka ta’ sikurezza għall-apprendisti.

5.3.

Sistema ta’ taħriġ doppju li tiffunzjona tipprovdi liż-żgħażagħ b’esperjenza ta’ xogħol inizjali u konsegwentement dawn ikunu aktar attraenti għan-negozji u l-impjegaturi futuri. Fil-Ġermanja aktar minn żewġ terzi tal-apprendisti jibqgħu mal-istess impjegatur wara li jtemmu l-apprendistat tagħhom (10). Fid-Danimarka, iċ-ċifri (11) juru li l-gradwati tal-ETV huma fost l-aktar li jsibu impjieg ġdid malajr jekk jingħataw is-sensja, u li għadd kbir jibdew l-intrapriżi tagħhom stess.

5.4.

Madanakollu, l-ETV u l-apprendistati ma jitqisux attraenti biżżejjed daqs l-edukazzjoni akkademika miż-żgħażagħ u l-ġenituri; jew jitqiesu biss bħala impjieg ta’ xogħol manwali tradizzjonali. Li jintesa huwa “l-għarfien kompetittiv” li jista’ jinkiseb permezz tat-taħriġ doppju – sabiex iż-żgħażagħ ma jkollhomx biss opportunita waħda ta’ karriera iżda jiksbu għarfien kompetittiv li jkun jista’ jiġi żviluppat aktar.

5.5.

Bħala parti mill-istrateġija tal-UE 2020 imġedda, għandha tiġi kkunsidrata mira tal-UE għas-sehem ta’ studenti fl-ETV u f’taħriġ doppju. Din tista’ tagħti aktar attenzjoni għall-komponent b’saħħtu ta’ impjegabilità u inklużjoni, fit-taħriġ doppju u fl-apprendistat.

5.6.

Din il-mira trid tiġi ssettjata f’livell għoli, peress li l-evidenza turi rabta pożittiva mal-impjiegi, u jeħtieġ li tqis it-talbiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni għal ħaddiema tas-sengħa bi kwalifiki ta’ livell medju.

5.7.

Biex jittejbu l-immaġni u l-attraenza, jinħtieġ sforz konġunt mill-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ u l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-politikanti. L-iskejjel tal-ETV u ċ-ċentri ta’ taħriġ għandhom ikunu aktar adattabbli għat-tibdil fil-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u fl-ekonomija. Il-kompetizzjonijiet dwar ħiliet u l-mudelli f’dan ir-rwol jistgħu jiġu mħeġġa sabiex jesibixxu ħiliet jew skejjel, kif ukoll biex jispiraw żgħażagħ irġiel u nisa. Jekk jinħolqu possibbiltajiet ta’ edukazzjoni ogħla biex jiġu evitati apprendistati li l-istudenti u l-ġenituri jqisu li ma jwasslu għal imkien, jew jekk jittejbu l-programmi tal-intramobbiltà EU bħal Erasmus +, l-iskemi jistgħu jsiru iktar attraenti.

5.8.

Servizzi tajba ta’ gwida dwar il-karriera u fi żmien bikri huma kruċjali sabiex jittejbu l-fehim u l-immaġini tas-sistemi ta’ taħriġ doppju.

5.9.

L-għalliema għandhom ukoll rwol x’jaqdu biex is-sistemi tat-taħriġ doppju jsiru iktar attraenti u jkollhom influwenza diretta fuq il-perċezzjoni taż-żgħażagħ rigward l-ETV. Li wieħed isir għalliem tal-ETV għandu wkoll jitqies bħala proposta attraenti. Mod wieħed huwa li jiġi żgurat li l-ħiliet professjonali ta’ tagħlim tal-għalliema jiġu aġġornati kontinwament, filwaqt li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-kumpaniji sabiex l-għalliema jiġu aġġornati dwar il-ħtiġijiet ta’ kumpaniji, il-prattiki ta’ ħidma attwali, teknoloġiji ġodda, eċċ.

5.10.

F’sistema ta’ taħriġ doppju, il-preżenza ta’ membru tal-persunal ikkwalifikat u motivat li jaġixxi bħala tutur jew persuna li tħarreġ fil-kumpanija għandha tkun rekwiżit bażiku għall-garanzija tal-kwalità. Għandha ssir enfasi akbar fuq ir-responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu t-taħriġ fi ħdan il-kumpaniji. Deskrizzjonijiet aktar dettaljati u iżjed ċari tal-kompetenzi li għandhom jinkisbu jistgħu jgħollu l-livell tal-kwalità tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol.

6.   Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni bbażati fuq l-evidenza u li huma kontinwi għas-sistemi u l-politiki ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali

6.1.

Diġà twettqu għadd ta’ studji li jindikaw li s-sistemi ta’ taħriġ doppju tal-Ġermanja, I-Iżvizzera u l-Awstrija, pereżempju, jiffunzjonaw sew, fis-sens li jipprovdu liż-żgħażagħ b’taħriġ xieraq u punt tad-dħul tajjeb fil-ħajja tax-xogħol. Iżda m’hemm l-ebda “l-aħjar mudell uniku” – l-għan huwa li jiġu identifikati strutturi u prattiki ta’ suċċess.

6.2.

Informazzjoni aktar trasparenti dwar il-kawża-kontenut-riżultati tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-elementi ewlenin li jikkaratterizzaw is-sistemi ta’ taħriġ doppju li jiffunzjonaw sew. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri u s-Cedefop jiġbru data dwar l-impjegabbiltà tal-gradwati tal-ETV, jista’ jsir użu akbar ta’ tali data biex jittejbu s-sistemi – inkluż it-taħriġ doppju.

6.3.

Is-sehem ta’ “tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol”, pereżempju, jista’ jintuża bħala fattur varjabbli għall-valur referenzjarju tal-impjegabbiltà fl-UE. Valur referenzjarju Ewropew għat-taħriġ doppju, jista’ juri l-korrelazzjoni bejn is-sistemi ta’ taħriġ doppju u l-impjieg taż-żgħażagħ. Id-data għal tali valur referenzjarju tista’ tinġabar kull sena permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol.

6.4.

F’kooperazzjoni mas-Cedefop l-Eurostat (Ewrobarometru) jista’ jwettaq studju aktar sistematiku dwar iż-żgħażagħ li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u li jkollhom il-ħiliet imfittxija, u anke dwar kif it-taħriġ doppju fl-intrapriżi għenuhom jiksbu dawn il-ħiliet.

6.5.

Il-ġbir ta’ data nazzjonali komparabbli li fuqha tista’ tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-pajjiżi fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-eżiti tas-sistemi differenti ta’ taħriġ doppju fl-Ewropa tista’ tkun utli. Is-Cedefop, l-Eurostat u l-Kummissjoni diġà jiġbru data bħala parti mill-istrateġiji tal-ET 2020 u ta’ Kopenħagen, iżda l-UE għandha bżonn ta’ għodda koerenti li tqis il-progress kif ukoll l-effetti tar-riformi li attwalment qed jiġu implimentati f’ħafna Stati Membri sabiex itejbu l-prestazzjoni u l-kwalità tas-sistemi tal-ETV nazzjonali.

Il-KESE jipproponi li din l-għodda għall-valutazzjoni tal-kwalità għandha tal-anqas tindirizza l-kwistjonijiet politiċi li ġejjin:

Kif u għaliex it-taħriġ doppju jwassal għal aktar impjiegi?

It-taħriġ doppju jwassal għal inqas xkiel fis-suq tax-xogħol, bħal perjodi iqsar ta’ qgħad, u t-tqabbil aħjar tal-ħiliet?

Kif jista’ t-taħriġ doppju jwassal għal żieda fil-mobilità, kemm fi ħdan is-setturi differenti kif ukoll bejniethom?

6.6.

Sett ta’ parametri relattivament sempliċi bbażati fuq il-ħin jista’ jintuża bħala punt tat-tluq għal analiżijiet iktar kwalitattivi, u fl-istess ħin jista’ jintuża għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fir-rigward tal-proċess f’kull pajjiż meta jadatta s-sistemi tal-ETV skont il-prinċipji u l-benefiċċji tat-taħriġ doppju. Pjattaforma tad-data ta’ dan it-tip tista’ wkoll tagħti kontribut għax-xogħol tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u għal dak tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET).

7.   Prestazzjoni aħjar tas-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ doppju u l-parteċipazzjoni tal- kumpaniji

7.1.

Hemm ħafna sfidi li għadhom mhumiex qed jittieħdu bis-serjetà, pereżempju fir-rigward tal-kwalità tat-taħriġ u r-rilevanza għan-negozju.

7.2.

L-apprendistati għandhom rwol importanti biex jaqdu l-bżonnijiet tal-ħiliet tal-kumpaniji, filwaqt li jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-apprendistati joffru lill-impjegturi għadd ta’ vantaġġi; dawn jinkludu tqabbil aħjar ta’ ħiliet li jirriżultaw minn taħriġ intern, u għarfien u perspettivi ġodda. Apprendistati li jkunu żviluppati tajjeb jinvolvu għadd ta’ drittijiet u obbligi għal dawk kollha involuti.

7.3.

Il-kumpaniji jridu jaraw dan bħala investiment fir-riżorsi umani kkwalifikati futuri u jieħdu r-responsabbiltà biex fil-fatt iħarrġu liż-żgħażagħ. Iżda biex il-kumpaniji – inklużi l-SMEs – iqisu l-apprendistati bħala investiment jeħtieġ li jkun hemm provvediment sabiex ikollhom aktar sens ta’ sjieda fl-iskemi, inkluż it-tfassil tal-kurrikulu.

7.4.

Xi impjegaturi jibżgħu li l-ispiża għat-taħriġ ta’ apprendist tiżboq il-benefiċċji, iżda din l-attitudni trid tiġi miġġielda. Analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji fl-Iżvizzera turi li l-kontribut produttiv ta’ apprendist jeċċedi l-ispejjeż tat-taħriġ (inklużi l-pagi tal-apprendisti) b’aktar minn EUR 6 000 għal kull apprendistat (12), u BUSINESSEUROPE attwalment qed twettaq studju dwar l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-apprendistati.

7.5.

F’xi pajjiżi, ġew stabbiliti fondi għall-kondiviżjoni tal-piżijiet finanzjarji li permezz tagħhom il-kumpaniji iħallsu ċerta somma lill-fond biex jikkumpensaw għas-sigħat fl-iskola jew l-ispejjeż tat-trasport (fid-Danimarka, Arbejdsgivernes uddannelsesbidrag). Fl-Awstrija, il-kumpaniji jirċievu bonus għal apprendisti mħarrġa li jingħataw valutazzjoni tajba. Fil-pajjiż (Vorarlberg) jeżisti mudell tal-qsim tal-piżijiet, li fih il-kumpanija tħallas 0,02 % tal-ispiża totali tal-pagi tal-apprendisti f’fond tat-taħriġ. Wara 18-il xahar issir valutazzjoni tat-taħriġ u l-kumpaniji li jipprovdu apprendistati tajba jingħataw bonus bħala kumpens.

7.6.

Madankollu, l-analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji jistgħu jkunu differenti f’setturi differenti u taħt sistemi differenti tal-ETV. Għalhekk hemm bżonn li s-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ jiġu vvalutati b’mod kostanti u, meta xieraq, jiġu adattati sabiex jiġi żgurat li jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Għal dan il-għan, għodod tal-valutazzjoni aktar komparabbli u ta’ kwalità jistgħu jgħinu wkoll lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.

7.7.

Garanzija ta’ kwalità tajba u valutazzjoni ta’ apprendistati u ta’ skemi ta’ taħriġ doppju, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, huma daqstant importanti u hawnhekk l-imsieħba soċjali wkoll jista’ jkollhom rwol. Fuq kollox, l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-taħriġ doppju u jistgħu wkoll, permezz ta’ tradizzjonijiet ta’ negozjar kollettiv adatti, jgħinu biex jiġu żgurati apprendistati u forom oħra bbażati fuq ix-xogħol. It-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-unjins ukoll jistgħu jaqdu rwol akbar fit-taħriġ u l-benesseri taż-żgħażagħ fi ħdan kumpanija.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Eurostat, Marzu 2015, Fatti u ċifri ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.

(2)  Eurostat [tesem 150], 2014.

(3)  Kummissjoni Ewropea, Education and Training report, Novembru 2014.

(4)  Pereżempju:

Opinjoni tal-KESE dwar “L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji bħala alternattiva attraenti għall-edukazzjoni għolja” (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1).

Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati” (ĠU C 214, 8.7.2014, p. 36).

Opinjoni tal-KESE dwar “L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta’ awsterità” (ĠU C 311, 12.9.2014, p. 7).

Opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ – l-aħjar prattiki” (ĠU C 424, 26.11.2014, p. 1).

(5)  Studju tal-Parlament Ewropew, Dual education: a bridge over troubled waters, Ġunju 2014.

(6)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-104-2013-EXT-1/en/pdf

(7)  https://www.etuc.org/sites/www.etuc.org/files/201306_Framework_of_Actions_Youth_Employment_1.pdf

(8)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, Riga, 22 ta’ Ġunju 2015.

(9)  Pereżempju: Cedefop Labour market outcomes of VET in Europe 2013, Kummissjoni Ewropea, Education and training Monitor 2014 u OECD, Learning for Jobs, reviews of VET 2010.

(10)  Germany trade & invest, DIHK, Ministeru Federali tal-Edukazzjoni u r-Riċerka, IAB, Uffiċċju Federali tal-Istatistika 2013.

(11)  http://www.da.dk/bilag/AMR09%2CArbejdsmarkedsrapport%202009.pdf

(12)  EENEE POLICY BRIEF 3/2012 NOVEMBRU 2012, “Apprenticeship Training Can Be Profitable for Firms and Apprentices Alike” minn Stefan C. Wolter, l-Università ta’ Berne.


Top