Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE1011

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/40


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/08)

    Relatur:

    is-Sur Bernd SCHLÜTER

    Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli.”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, 46 vot kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jappella għal impenn strateġiku iktar qawwi min-naħa tal-UE fir-rigward tal-politika soċjali. F’dan il-kuntest għandhom jiġu indirizzati wkoll il-konsegwenzi tal-kriżi, il-politiki tal-kriżi u t-telf ta’ fiduċja fost il-popolazzjoni.

    1.2.

    Il-Kummissjoni ntalbet sabiex fil-kuntest ta’ programm ta’ ħidma sostanzjali tfassal prinċipji soċjopolitiċi ġenerali li dwarhom il-KESE qed iressaq xi proposti fil-punt 4. Dan jista’ jitwettaq, fost l-oħrajn, fil-qafas ta’ inizjattiva ewlenija, il-linji gwida ta’ governanza jew white paper. Il-bażi hija ġbir imtejjeb tad-data komparattiva fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. L-indikaturi purament ta’ input (kemm qegħdin jintefqu flus fl-Istati Membri individwali għal benefiċċji soċjali partikolari) mhumiex suffiċjenti biex jindikaw il-kwalità tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali.

    1.3.

    Waqt it-tħejjija tal-prinċipji soċjopolitiċi għall-konverġenza tas-sistemi soċjali ta’ livell ogħla, għandu jittieħed kont tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tad-differenzi politiċi kif ukoll kulturali tas-sistemi soċjali u kemm jista’ jkun għandu jintlaħaq kunsens bejn l-Istati Membri.

    1.4.

    Il-prinċipji soċjopolitiċi għandhom jifformaw bażi sostantiva, fost l-oħrajn għal rakkomandazzjonijiet futuri lill-Istati Membri fil-kuntest ta’ Semestru Ewropew imfassal b’mod iktar effettiv (1). Il-prinċipji għandhom jiġu applikati wkoll għall-Fondi Strutturali, il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) u l-valutazzjoni tal-impatt soċjali skont l-Artikolu 9 tat-TFUE. Bħala parti mill-miżuri għandu jkun immirat ukoll Minimum Social Protection Floor (bażi għall-protezzjoni soċjali) vinkolanti. Għandhom jintużaw il-bażijiet ġuridiċi eżistenti għal dan il-għan.

    1.5.

    Il-prinċipji soċjopolitiċi għandhom jifformaw ukoll bażi għall-azzjonijiet tal-korpi tal-UE b’mod partikolari għall-governanza ekonomika, il-kontroll tal-baġit u l-ġestjoni ta’ kriżijiet.

    1.6.

    L-imsieħba soċjali huma atturi ċentrali b’mod partikolari fis-sistemi paritarji tas-sigurtà soċjali u f’sistemi addizzjonali li nħolqu permezz ta’ negozjati bejn l-imsieħba soċjali. Huma għandhom jipparteċipaw fit-tħejjija ta’ prinċipji soċjopolitiċi. L-atturi tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tas-servizzi soċjali, tal-intrapriżi soċjali, tal-awtoritajiet lokali, tal-amministrazzjonijiet soċjali statali, tal-fondi tas-sigurtà soċjali, tal-utenti u l-konsumaturi wkoll għandhom ikunu involuti fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

    1.7.

    Il-KESE hawnhekk qiegħed jippreżenta proposti konkreti għal prinċipji soċjopolitiċi fil-qasam tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali. L-għan huwa li jittejbu l-effettività u l-affidabbiltà tas-servizzi kemm tal-protezzjoni soċjali kif ukoll tas-sigurtà soċjali u tas-sistemi tas-saħħa, irrispettivament mit-tip tal-fornitur tas-servizz u mit-tip tas-servizz. F’dan il-kuntest, il-KESE qiegħed jimmira qabelxejn is-sigurtà soċjali u finanzjarja ta’ servizzi soċjali aġġornati u mmirati lejn l-interess ġenerali fl-Istati kollha tal-UE.

    1.8.

    Il-KESE jagħraf id-diversità tas-sistemi u jirreferi, fost l-oħrajn, għall-għanijiet, it-tipi u l-kontenut tal-benefiċċji soċjali, ir-relazzjoni tas-solidarjetà u r-responsabbiltà personali, il-garanziji legali, il-finanzjament u l-kwalità. Huwa jirreferi għall-pożizzjoni tal-utenti u tas-servizzi soċjali. Huwa jqis li hemm bżonn lijiġu protetti l-benefiċċji soċjali fundamentali abbażi ta’ regoli komuni fil-livell tal-UE.

    2.   Introduzzjoni: sfond u s-sitwazzjoni attwali

    2.1.

    Il-politika soċjali Ewropea hija bbażata, fost l-oħrajn, fuq id-drittijiet tal-bniedem, it-tagħlimiet misluta miż-żewġ gwerer dinjija (2), il-prinċipju stabbilit fit-Trattati dwar l-ekonomija tas-suq soċjali, l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-bżonnijiet ta’ ekonomiji nazzjonali produttivi, il-kompitu tal-ġlieda kontra l-faqar, il-kapitoli tat-Trattati dwar il-politika soċjali, l-impjiegi u s-saħħa, l-objettiv tal-koeżjoni soċjali u tar-regoli komuni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3 tat-TUE. Skont l-Artikolu 151 tat-TFUE, l-għan tal-politika soċjali huwa, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. Il-mudell soċjali Ewropew huwa espressjoni ta’ komunità unika ta’ valuri u kultura (3), li jgħaqqad flimkien id-demokrazija u l-istat tad-dritt mar-responsabbiltà soċjali u s-solidarjetà. Il-KESE jixtieq isaħħaħ dan il-mudell u jagħmlu sostenibbli.

    2.2.

    Il-KESE huwa konvint li l-politika soċjali għandha tkun pilastru tal-politika tal-UE, kemm mid-dritt tagħha stess kif ukoll bħala mezz għall-promozzjoni sostenibbli tat-tkabbir u l-impjiegi  (4). Huwa japprezza l-progess li diġà sar fil-politika tal-impjiegi, f’ċerti oqsma tal-koordinazzjoni u fis-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jsaħħaħ il-karattru tal-investiment (5) ta’ sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u jindika l-ispejjeż morali, soċjali u materjali ta’ politika soċjali ttraskurata. Il-KESE jassumi li ekonomiji nazzjonali produttivi, innovattivi u benefiċċji soċjali affidabbli, effiċjenti u effettivi jiddependu minn xulxin. Sistemi soċjali aġġornati jistgħu jagħmlu l-ekonomiji nazzjonali iktar reżistenti għall-kriżijiet, jippromovu l-impjiegi u huma stess joffru potenzjal għoli ta’ impjiegi anki għal reġjuni żvantaġġati (6). Fid-dawl tas-soċejtà tal-informazzjoni mmexxija mit-teknoloġija moderna l-iżviluppi demografiċi (7) u l-migrazzjoni ma jista’ jinkiseb l-ebda vantaġġ kompetittiv sostenibbli minn infiq baxx fost l-oħrajn fil-qasam tal-inklużjoni attiva, l-emanċipazzjoni ta’ dawk li qegħdin ifittxu xogħol u l-opportunitajiet tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi fuq il-bażi ta’ prinċipji komuni jista’ jgħin sabiex sabiex jiġu promossi aktar opportunitajiet indaqs u l-kompetizzjoni ġusta fi ħdan l-UE.

    2.3.

    Is-sistemi tal-benefiċċji soċjali u tas-saħħa u sistemi simili jservu, fost l-oħrajn, biex jiġu żgurati l-bilanċ soċjali neċessarju, il-ġlieda kontra l-faqar, il-garanzija tal-benefiċċju tas-sussistenza u l-paċi soċjali. Kważi kull ċittadin tal-Unjoni jiddependi mill-assistenza tas-servizzi soċjali f’xi fażijiet partikolari ta’ ħajtu. Is-sistemi soċjali jiżguraw fost l-oħrajn il-proviżjonament adegwat ta’ rtirar u jiżguraw il-kura kkwalifikata għall-persuni li jeħtieġu l-kura u l-għajnuna.

    2.4.

    L-impjegaturi u l-impjegati huma interessati fost l-oħrajn fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, il-promozzjoni tas-saħħa u l-emanċipazzjoni. Is-servizzi soċjali professjonali jippromovu l-kompetenza komunikattiva u tal-ħajja ta’ kuljum, l-akkwist ta’ kwalifiki u l-assistenza fost l-oħrajn f’każ ta’ problemi ta’ vizzju, fi kriżijiet u fil-kura u t-trobbija fil-familja.

    2.5.

    Il-KESE jirrikonoxxi differenzi kbar fl-effettività, l-affidabbiltà u l-effiċjenza tas-sistemi soċjali  (8). Minn naħa waħda, f’ħafna Stati Membri jeżistu sistemi li jiffunzjonaw tajjeb, min-naħa l-oħra jinħtieġ djalogu soċjopolitiku komuni għall-Istati Membri kollha. Madankollu, sigurtà tal-għajxien minima permezz tal-benefiċċji soċjali/Minimum Income, servizzi soċjali professjonali kif ukoll l-inkorporazzjoni effettiva fl-impjiegi u s-soċjetà għadhom mhumiex iggarantiti kullimkien. B’mod partikolari, il-kura tas-saħħa ħafna drabi ma tkunx aċċessibbli għal kulħadd, pereżempju meta persuna ma tkunx tista’ tħallas kontribuzzjonijiet addizzjonali uffiċjali jew inuffiċjali, jew meta s-servizzi professjonali, fost l-oħrajn tal-kura out-patient, l-assistenza ta’ persuni b’diżabbiltajiet u ta’ persuni bi problemi edukattivi jew relatati mal-iżvilupp, ma jkunux disponibbli fir-reġjuni u l-Istati Membri kollha. Il-KESE josserva li xi kultant ikun hemm bżonn li jittejbu s-solidarjetà tal-finanzjament u s-salvagwardji legali.

    2.6.

    Reċentement, l-istudju tal-Fondazzjoni Bertelsmann (9) żvela differenzi kbar fl-effiċjenza tas-sistemi soċjali kif ukoll l-iżvilupp allarmanti tal-faqar u l-ġid fl-UE u fi ħdan l-Istati Membri kollha tagħha, u sejjaħ lill-Unjoni Ewropea sabiex iżżid l-involviment tagħha fil-politika soċjali. L-istudju juri wkoll li sistemi soċjali effettivi huma possibbli, anki meta l-PDG huwa relattivament baxx u li sistemi soċjali insuffiċjenti xorta jistgħu jkunu preżenti fejn il-PDG ikun relattivament għoli. L-iżvilupp tal-faqar qiegħed jipperikola l-paċi soċjali kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku (10). Id-diverġenza tal-Istati Membri u t-tendenzi politiċi li huma inkwetanti għandhom jiġu miġġielda wkoll permezz ta’ proposti soċjopolitiċi.

    2.7.

    Il-bażi sostantiva għal rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u għall-politiki tal-kriżijiet għandha tittejjeb. Minflok domandi ex post għal miżuri umanitarji, l-UE għandha ssegwi prinċipji soċjopolitiċi konsistenti. Il-bilanċ dubjuż iffinanzjat mit-taxxi ta’ negozji riskjużi min-naħa tal-banek għandu jkun f’relazzjoni responsabbli mal-investimenti fil-vijabbiltà tas-sistemi soċjali. Ir-regoli tas-suq intern, pereżempju l-liġijiet tal-għajnuna mill-istat u tal-akkwist pubbliku, diġà għandhom impatti sinifikanti fuq is-sistemi soċjali u s-servizzi soċjali, mingħajr ma tkejlu b’mod identifikabbli ma’ kunċetti soċjopolitiċi.

    2.8.

    Taħt l-objettiv tat-Trattat il-ġdid ta’ ekonomija tas-suq soċjali  (11), il-politika tas-suq intern għandha tkun ikkomplementata b’elementi tal-politika soċjali (12). Il-KESE jieħu kont tad-domandi attwali (13) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew sabiex jikkonkretizzaw u jimplementaw l-istqarrijiet tagħhom fir-rigward tal-politika soċjali (14).

    2.9.

    Fażi ġdida tal-politika soċjali Ewropea tista’, fost l-oħrajn, tibni fuq il-ħidma preparatorja li ġejja: it-talba tal-Kunsill għal dħul minimu garantit li saret fl-1992. (15) It-twaqqif tal-Aġenda Soċjali fl-2000. L-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom sistema tas-sigurtà soċjali. It-trattati tal-UE jinkludu, fost l-oħrajn, l-objettivi tal-koeżjoni soċjali u tal-protezzjoni tal-interess ekonomiku ġenerali (16). L-ILO (17) ippubblikat standards minimi għas-sistemi soċjali. Il-White Paper eżistenti tal-UE dwar il-Politika Soċjali kienet ippubblikata fl-1994. Fil-livell tal-UE jeżisti d-dritt għall-garanzija tal-eżistenza  (18). Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tistabbilixxi standards importanti.

    2.10.

    Fl-Opinjoni tiegħu SOC/482, il-KESE, bi qbil mal-Parlament (19), il-Kumitat tar-Reġjuni (20) u assoċjazzjonijiet oħrajn jappella għal dħul minimu adegwat (21). Fost l-oħrajn huwa ppromova b’mod attiv it-temi tas-servizzi soċjali, l-intrapriżi soċjali, l-investiment soċjali, l-impjiegi, l-Artikolu 9 tat-TFUE, l-inizjattiva favur iż-żgħażagħ, il-governanza ekonomika u l-interess ekonomiku ġenerali. Din l-Opinjoni hija relatata direttament ma’ għadd ta’ dokumenti oħra tal-KESE u tal-UE li ma jistgħux jissemmew individwalment.

    3.   Kummenti ġenerali: objettivi u kontenut tal-Opinjoni

    3.1.

    Il-KESE hawnhekk qiegħed jikkonċentra fuq parti minn aġenda tal-politika soċjali neċessarja: it-titjib tal-effettività u l-affidabbiltà tal-protezzjoni soċjali kif ukoll tas-sigurtà soċjali u tas-sistemi tas-saħħa. Jirreferi għal “benefiċċji soċjali” li huma ffinanzjati, totalment jew parzjalment, mit-taxxi jew mis-sistemi tas-sigurtà soċjali u huma inklużi fil-politika soċjali pubblika permezz tal-liġi soċjali jew ftehimiet konġunti b’mod li jistgħu jiġu mmonitorjati. F’dan il-kuntest mhuwiex deċiżiv it-tip tal-fornitur tas-servizz. Il-“benefiċċji soċjali” fi ħdan it-tifsira ta’ din l-Opinjoni jistgħu jkunu pprovduti minn amministrazzjonijiet pubbliċi u muniċipali, fondi tas-sigurtà soċjali, intrapriżi soċjali indipendenti, organizzazzjonijiet soċjali u intrapriżi ta’ forom ġuridiċi differenti. Dawn il-fornituri kollha tas-servizzi hawnhekk huma koperti taħt it-terminu “servizzi soċjali”, jekk huma stess jipprovdu servizzi soċjali. It-terminu “benefiċċji soċjali” hawnhekk ikopri t-tipi ta’ benefiċċji kollha, fost l-oħrajn servizzi u benefiċċji tal-flus fis-settur soċjali u tas-saħħa. It-terminu “sigurtà soċjali” jirreferi għall-fondi tas-sigurtà soċjali ta’ natura paritarja u/jew legali u/jew assigurazzjonijiet mutwi li jissodisfaw funzjoni fis-sistemi tas-sigurtà soċjali jew paritarji li huma rregolati mil-liġi soċjali.

    3.2.

    Id-diversità tas-sistemi soċjali, tal-benefiċċji, tat-termini u l-kunċetti tirrikjedi attenzjoni fid-diskussjoni dwar il-politika soċjali u fix-xogħol tat-traduzzjoni. Is-sistemi tal-Istati Membri jirriflettu l-politika soċjali, il-kultura u l-istorja rispettivi. Għandhom ikunu żviluppati aktar fis-sens tal-mudell soċjali Ewropew. Għandu jinkiseb bilanċ raġonevoli bejn id-diversità tas-sistemi u l-prinċipji komuni neċessarji (22).

    3.3.

    L-Unjoni għandha tistabbilixxi spazju komuni għad-djalogu dwar il-politika soċjali, tfassal standards aġġornati u tieħu l-inizjattiva hija stess. Għandha tippromovi l-konverġenza fl-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi soċjali. Il-prinċipji soċjopolitiċi jistgħu jkunu bażi sostantiva għal rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tal-Istrateġija Ewropa 2020, tal-MMK u għall-applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali skont l-Artikolu 9 tat-TFUE (23). Dawn il-prinċipji għandhom jipprovdu wkoll bażi sostantiva għal Minimum Social Protection Floor vinkolanti u għall-azzjonijiet proprji u l-governanza (24) tal-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ kriżijiet, fil-kontroll tal-baġit kif ukoll fil-governanza ekonomika.

    3.4.

    Is-sostenibbiltà futura tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali għandha tiġi evalwata. Is-servizzi soċjali għandhom ikunu marbutin ma’ miri tas-sistemi soċjali leġittimizzati demokratikament filwaqt li tiġi salvagwardjata l-awtonomija kunċettwali tagħhom.

    3.5.

    Id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-benefiċċji soċjali b’mod ġenerali tittieħed mill-amministrazzjonijiet soċjali pubbliċi, il-fondi tas-sigurtà soċjali kif ukoll partijiet terzi bħala fornituri tas-servizzi, pereżempju tobba li jippreskrivu trattament partikolari. Il-kwistjoni tal-provvista tas-servizzi u l-finanzjament tagħha għandha tkun distinta mid-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ benefiċċju: fost l-oħrajn jeżistu benefiċċji purament tal-flus li jingħataw lill-utent bl-obbligu jew mingħajru li jintużaw servizzi kkwalifikati partikolari. Jeżistu servizzi soċjali li huma pprovduti direttament mill-awtoritajiet reġjonali muniċipali, amministrazzjonijiet soċjali oħrajn jew mill-fondi tas-sigurtà soċjali. Iżda f’każ li dawn jiġu pprovduti minn provvedituri tas-servizzi soċjali indipendenti, ir-relazzjoni legali u l-finanzjament jistgħu jkunu rregolati b’mod differenti ħafna minn xulxin: jeżistu, fost l-oħrajn, sistemi ta’ akkwist pubbliku, ftehimiet ta’ benefiċċji u arranġamenti ta’ pagament bejn is-servizzi soċjali u l-fornituri finanzjarji, arranġamenti ta’ rimborż sussegwenti tal-ispejjeż, sistemi ta’ kupuni jew assistenza diretta mhux speċifika għall-każ tas-servizzi soċjali, b’mod partikolari għall-konsultazzjoni u l-prevenzjoni. F’każ ta’ sistemi kuntrattwali u tal-kupuni, il-fornitur finanzjarju pubbliku jiffinanzja s-servizz soċjali direttament abbażi tan-numru ta’ każijiet. Is-sistemi kollha għandhom ikunu skrutinizzati dwar jekk teżistix protezzjoni legali suffiċjenti kif ukoll jekk hemmx biżżejjed possibbiltajiet ta’ għażla u involviment għall-utenti.

    3.6.

    B’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi tas-sigurtà soċjali l-imsieħba soċjali għandhom funzjoni ċentrali, Għaldaqstant, dawn għandhom ikunu involuti primarjament fit-tfassil tal-prinċipji soċjopolitiċi. L-amministrazzjonijiet soċjali statali u muniċipali, il-fondi tas-sigurtà soċjali, is-servizzi soċjali indipendenti għandhom rwol ċentrali fost l-oħrajn fil-forniment tal-benefiċċji soċjali. Għaldaqstant, ir-rappreżentanzi tagħhom ukoll għandhom ikunu involuti b’mod konsistenti fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

    3.7.

    Meta wieħed jiftakar li jeħtieġ li jinkiseb bilanċ raġonevoli bejn il-kompetenzi tal-Istati Membri fuq naħa waħda, u l-valuri Ewropej komuni u l-kompetizzjoni ġusta fi ħdan l-UE fuq in-naħa l-oħra, il-prinċipji li ġejjin għandhom jipprovdu stimolu sostantiv għal passi soċjopolitiċi addizzjonali min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali

    4.1.

    Il-prinċipju ta’ protezzjoni minima: l-assigurazzjoni ta’ benefiċċji soċjali sussidjarji fundamentali fost l-oħrajn għall-garanzija tal-eżistenza/minimum income għal persuni mingħajr dħul suffiċjenti, pereżempju mill-impjieg, il-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħrajn. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ indikaturi komuni għal benefiċċji soċjali fundamentali (25). Is-sigurtà tal-għajxien finanzjarja għandha tkun tal-inqas suffiċjenti biex tkopri l-ispejjeż reali tal-ikel, l-akkomodazzjoni, il-ħwejjeġ, l-ilma, l-enerġija u l-kura tas-saħħa bażika.

    4.2.

    Il-prinċipju tad-domanda: l-iżvilupp u l-forniment ta’ servizzi soċjali jew tas-saħħa aġġornati, professjonali għal sitwazzjonijiet problematiċi differenti: fost l-oħrajn għall-familji, persuni b’diżabilità, morda, persuni qiegħda, ġenituri waħedhom, tfal, qraba li joffru kura, refuġjati, żgħażagħ (26) bi problemi fl-iżvilupp, ġenituri bi problemi fit-trobbija, kura domestika u servizzi oħrajn li jappartjenu għall-familja (27), għajnuna f’każ ta’ problemi ta’ dejn (28), fil-każ ta’ vizzji, fil-każ ta’ kundizzjoni ta’ persuna mingħajr dar u problemi psikosoċjali. Servizzi soċjali effettivi fost l-oħrajn jinkludu l-konsultazzjoni, l-appoġġ, il-gwida, l-akkumpanjament, il-kura, l-emanċipazzjoni u l-edukazzjoni, it-trattament u t-terapija (29). Peress li hemm bosta raġunijiet għall-qgħad u għandhom jiġu evitati ċ-ċrieki vizzjużi li jwasslu għall-faqar, jagħmel sens li jitniedu miżuri attivi tas-suq tas-suq tax-xogħol li jkunu legalment garantiti sabiex tiġi appoġġata integrazzjoni mill-ġdid rapida fis-suq tax-xogħol ta’ kull min qed ifittex ix-xogħol – b’mod partikolari ż-żgħażagħ, li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg, jew in-nisa, li wara interruzzjoni twila fil-karriera jixtiequ jerġgħu jaħdmu – billi jingħata appoġġ aċċettabbli.

    4.3.

    Il-prinċipju ta’ determinazzjoni: l-iżvilupp ta’ għanijiet soċjopolitiċi ċari tal-benefiċċji soċjali, pereżempju l-ugwaljanza tal-opportunità u l-ġustizzja interġenerazzjonali, l-inklużjoni attiva, il-kumpens għall-iżvantaġġi, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, l-assigurazzjoni kontra r-riskji tal-ħajja, il-prevenzjoni, l-intervenzjoni fil-kriżijiet, il-parteċipazzjoni fl-impjieg u fis-soċjetà, il-proviżjonament materjali ta’ rtirar, l-emanċipazzjoni, u oħrajn. Marbuta ma’ dawn hemm id-determinazzjoni soċjali raġonevoli tat-tipi ta’ benefiċċji: bħal pereżempju flus u/jew servizzi, outpatient, in-patient, u oħrajn. F’dan ir-rigward għandu jinħoloq bilanċ bejn id-dritt għall-awtonomija personali tal-utent u l-għan tal-effettività tal-benefiċċji soċjali.

    4.4.

    Il-prinċipju tal-aċċessibbiltà: l-assigurazzjoni tal-aċċessibbiltà lokali, fil-ħin, finanzjarja u ħielsa mid-diskriminazzjoni tal-benefiċċji soċjali u b’mod partikolari tas-servizzi soċjali. L-aċċessibbiltà tiġi ffaċilitata permezz ta’ finanzjament sostenibbli u bbażat fuq is-solidarjetà, it-trasparenza tas-servizzi disponibbli u ta’ garanzija legali speċifika b’possibbiltà ta’ appell u lment. Jekk dawn jeżistu, ir-rekwiżiti ta’ kontribuzzjonijiet kontanti għandhom ikunu soċjalment bilanċjati u m’għandhomx ikunu ostaklu għall-aċċess. Testijiet burokratiċi tal-ħtieġa konkreta ta’ assistenza jistgħu jkunu kontroproduttivi fil-każ ta’ benefiċċji partikolari, bħal trattament ta’ vizzji jew sitwazzjonijiet psikosoċjali problematiċi. B’mod partikolari, għandhom jiġu offruti lill-utent b’mod attiv servizzi ta’ konsultazzjoni u prevenzjoni.

    4.5.

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità: il-benefiċċji għandhom ikunu adattati u neċessarji skont it-tip u l-firxa. Id-deċiżjonijiet diskrezzjonali u l-liġijiet soċjali għandhom jikkunsidraw dan. L-ispiża tar-riżorsi u r-riżultat mistenni tal-benefiċċji soċjali għandhom ikunu proporzjonati b’mod raġonevoli. L-obbligi legali taċ-ċittadin għall-użu ta’ benefiċċji soċjali jew għal kwalunkwe aġir ieħor, ir-relazzjoni tad-drittijiet kif ukoll l-obbligi għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    4.6.

    Il-prinċipju tas-solidarjetà: il-finanzjament tal-benefiċċji soċjali essenzjalment għandu jkun ibbażat fuq sistemi solidari tal-assigurazzjoni soċjali u sistemi ta’ tassazzjoni ġusti u solidari. Finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà għandu jinkludi kemm jista’ jkun lill-gruppi soċjali u l-klassijiet soċjali kollha. Dan isaħħaħ l-affidabbiltà, l-aċċettabilità u s-sostenibbiltà ta’ finanzjament. Ix-xogħol mhux iddikjarat (30) u l-evitar tat-taxxa huma ta’ ħsara għas-sistemi soċjali. It-tendenzi demografiċi u ekonomiċi jistgħu jagħmlu xieraq l-inklużjoni tat-tipi kollha ta’ dħul fit-tassazzjoni, bħal pereżempju d-dħul mill-kapital. Koordinazzjoni mtejba bejn is-sistemi tat-taxxa u l-finanzjament fl-UE jistgħu jipprovdu bażi finanzjarja iktar b’saħħitha. L-investimenti privati, id-donazzjonijiet, l-impenn ċivili u reliġjuż u l-użu ta’ fondi minn fondazzjonijiet huma supplimenti milqugħin għall-finanzjament regolari, iżda dawn ma jistgħux jiżguraw drittijiet legali u ma jiżguraw l-ebda infrastruttura.

    4.7.

    Il-prinċipju tar-responsabbiltà personali: dawk li qegħdin ifittxu xogħol u persuni b’diffikultajiet ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u oħrajn għandhom ikunu appoġġjati permezz tas-servizzi soċjali u skemi ta’ inċentivi bil-għan li jiksbu s-sussistenza kompletament jew parzjalment bl-isforz tagħhom stess. Iċ-ċittadin għandu jkun jista’ jirċievi kopertura komplementari fil-qafas tal-ftehimiet konġunti kumplementari mas-sistema pubblika, innegozjati u ġestiti mingħajr skop ta’ qligħ. L-assistenza professjonali fl-iżvilupp ta’ kwalifiki professjonali u kapaċitajiet personali bħall-kompetenza ta’ komunikazzjoni, soċjali u tal-ħajja ta’ kuljum ħafna drabi huma l-prerekwiżit għal abbiltà suffiċjenti ta’ responsabbiltà personali u responsabbiltà soċjali. F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-individwu, stil ta’ ħajja b’saħħtu jista’ jiġi promoss mis-sistemi tas-sigurtà soċjali permezz ta’ servizzi ta’ prevenzjoni, inċentivi u protezzjoni mtejba tal-konsumaturi.

    4.8.

    Il-prinċipju tal-parteċipazzjoni: il-benefiċċji kollha waħedhom jew f’kombinazzjoni ma’ benefiċċji oħrajn għandhom jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni soċjali taċ-ċittadini. Il-parteċipazzjoni soċjali tkopri wkoll il-parteċipazzjoni professjonali, kulturali u dik politika kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-prosperità soċjali.

    4.9.

    Il-prinċipju strutturali: l-ifformar raġonevoli tar-relazzjoni legali u finanzjarja bejn l-utenti, skont is-sistema ta’ servizzi soċjali pubbliċi jew possibbilment indipendenti, l-amministrazzjoni soċjali pubblika jew il-fondi tas-sigurtà soċjali. Fejn is-servizzi soċjali indipendenti huma involuti fis-sistemi pubbliċi tal-benefiċċji soċjali, pereżempju permezz ta’ leġislazzjoni soċjali u l-finanzjament, is-servizz tagħhom, b’mod partikolari l-finanzjament u l-aċċessibbiltà, għandhom ikunu konformi mal-prinċipji msemmijin hawn. Dawn is-servizzi soċjali għandhom ikunu ffinanzjati b’mod solidari u rregolati mil-liġi soċjali b’tali mod li jistgħu jagħmlu disponibbli benefiċċji ta’ kwalità għolja għall-popolazzjoni sħiħa.

    4.10.

    Il-prinċipju tal-awtonomija personali tal-utenti: l-utenti mhumiex oġġetti iżda koprodutturi tal-assistenza u individwi li huma intitolati għall-benefiċċji. Fi ħdan baġit adatt, għandu jkollhom l-għażla bejn forom ta’ servizzi differenti, pereżempju out-patient u in-patient u forom oħrajn bħall-għajxien assistit. It-tip xieraq ta’ assistenza jiddependi miċ-ċirkustanzi individwali, il-ħtieġa konkreta, li għandha tiġi vverifikata minn esperti professjonali, ix-xewqat tal-individwu u s-sitwazzjoni lokali. Fejn is-servizzi soċjali indipendenti huma involuti fis-sistemi pubbliċi tal-benefiċċji soċjali, pereżempju permezz ta’ leġislazzjoni soċjali u l-finanzjament, l-utenti għandu jkollhom l-għażla bejn servizzi differenti.

    4.11.

    Il-prinċipju taċ-ċertezza legali: il-garanzija legali tal-benefiċċji, permezz ta’ liġijiet soċjali jew strumenti legali simili stabbiliti demokratikament tal-Istati Membri. Il-liġi dwar is-sigurtà soċjali għandha tkopri: drittijiet legali, klawżoli diskrezzjonali, rekwiżiti tal-kooperazzjoni għall-utenti, u deskrizzjoni tar-rekwiżiti tas-servizzi, possibbiltajiet ta’ tressiq ta’ ilmenti jew appelli, kontroll pubbliku tal-provvedituri privati ta’ servizzi pubbliċi jekk ikun il-każ, regoli dwar il-kwalità u garanziji ta’ aċċess, rekwiżit tal-infrastruttura, it-tip ta’ finanzjament eċċ. Id-drittijiet legali tal-utenti tal-inqas għandhom ikunu garantiti għas-servizzi soċjali u tas-saħħa bażiċi. Id-deċiżjonijiet diskrezzjonali jistgħu jikkunsidraw aktar iċ-ċirkustanzi f’xi oqsma. Il-benesseri tal-persuni vulnerabbli għandu jkun partikolarment protett bil-liġi (31). Is-servizzi soċjali indipendenti għandhom bżonn status legali protett u aċċess ħieles mid-diskriminazzjoni għall-provvista ta’ servizzi, sakemm is-sistemi ma jkunux ibbażati fuq monopolju. F’xi wħud mill-Istati Membri, il-pożizzjoni tal-politika soċjali hija appoġġjata mill-prinċipju kostituzzjonali tal-istat soċjali li jiżgura benefiċċji soċjali fundamentali anki fi żminijiet ta’ kriżi.

    4.12.

    Il-prinċipju ta’ approċċ orjentat lejn l-interess komuni: partikolarment it-tipi ta’ negozji u organizzazzjonijiet orjentati lejn l-interess komuni u parteċipattivi (32), bħal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, intrapriżi soċjali, servizzi pubbliċi, assoċjazzjonijiet, ċerti tipi ta’ fondazzjonijiet u kooperattivi, organizzazzjonijiet tal-utenti u atturi oħrajn tas-soċjetà ċivili, għandhom isibu kundizzjonijiet finanzjarji u legali xierqa. Jeħtieġ li jiġi diskuss il-finanzjament ta’ intrapriżi bi skop ta’ qligħ permezz tat-taxxa jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi ħdan politika soċjali iktar intensiva u tal-inqas għandu jkun hemm kontrolli adegwati u qafas għat-tqassim tal-profitt.

    4.13.

    Il-prinċipju tat-trasparenza: l-użu ta’ fondi pubbliċi permezz tas-servizzi soċjali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ ikun imfassal b’mod trasparenti. Il-bażijiet ġuridiċi, ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet ta’ benefiċċji u tal-akkwist pubbliku u oħrajn għandhom ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini.

    4.14.

    Il-prinċipju tan-netwerking: ir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum tal-bnedmin, it-tibdil fl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum, mudelli ġodda tal-familja, it-tixjiħ u l-immigrazzjoni jirrikjedu servizzi integrati u konnessi  (33). Is-segregazzjoni, l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni għandhom ikunu evitati.

    4.15.

    Il-prinċipju tal-istess livell: l-utenti, l-amministrazzjonijiet soċjali u s-servizzi soċjali għandu jkollhom drittijiet u obbligi rregolati legalment u infurzabbli. Is-sanzjonijiet jew il-kumpens li jistgħu jkunu previsti f’każ ta’ ksur m’għandhomx ikunu applikabbli biss għall-utenti, iżda wkoll għall-amministrazzjonijiet soċjali pubbliċi.

    4.16.

    Il-prinċipju tal-kwalità: is-servizzi soċjali għandhom ikunu marbutin ma’ miżuri għall-garanzija tal-kwalità. L-investigazzjoni tal-ħtiġijiet, l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ għarfien tax-xjenzi soċjali u l-kompetenzi professjonali. Is-servizzi personali għandhom jissaħħu permezz tat-taħriġ, il-professjonalizzazzjoni u r-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati f’konformità mal-prinċipji tal-awtonomija fin-negozjar kollettiv. Il-Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa (34) jista’ jkun mudell għar-rakkomandazzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-servizzi soċjali. Fejn huwa għaqli, ir-reklutaġġ u l-gwida supplimemtari ta’ voluntiera għandhom jitħeġġu.

    4.17.

    Il-prinċipju ta’ koordinazzjoni: it-trattament ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali fir-rigward ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali għandu jittejjeb. F’dan il-kuntest għandu jittieħed kont tal-kapaċità tal-fornituri finanzjarji u tal-kontribwenti u l-kontributuri kif ukoll il-prinċipju tas-solidarjetà soċjali u tal-proporzjonalità. Għandu jiġi evitat li jitqiegħed piż sproporzjonat partikolarment fuq sistemi nazzjonali effiċjenti.

    Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Pereżempju permezz ta’ monitoraġġ u valutazzjoni iktar konsistenti tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u rabta mal-Fondi Strutturali. (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23).

    (2)  Diskors ta’ Winston Churchill fl-1946 f’Zurich: “Irridu nistabbilixxu xi tip ta’ Stati Uniti tal-Ewropa”.

    (3)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Karta Soċjali Ewropea.

    (4)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 102.

    (5)  Ara COM(2013) 83, 20.2.2013; ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

    (6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91; ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

    (7)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 27.

    (8)  Dokumenti tas-Semestru tal-UE, Caritas Europa: Il-futur tal-istat soċjali 2012, dokumenti tas-Social Protection Platform.

    (9)  Social Inclusion Monitor Europe (SIM) – Index Report Social Justice in the EU – A Cross-national Comparison (Il-ġustizzja soċjali fl-UE – tqabbil transnazzjonali), 2014.

    (10)  OECD In It Together (Kulħadd jiġbed ħabel wieħed), 2015: fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, id-diskrepanza bejn il-foqra u s-sinjuri hija fl-ogħla livell li qatt kienet f’dawn l-aħħar 30 sena. Illum il-ġurnata fil-pajjiżi tal-OECD, 10 % tal-popoloazzjoni l-iktar sinjura jaqilgħu 9,6 darbiet iktar mill-10 % tal-popolazzjoni l-iktar fqira. Fis-snin 80, din ir-relazzjoni kienet għadha ta’ 7,1.

    (11)  L-Artikolu 3(3) tat-TUE.

    (12)  Pereżempju Friends of Europe, Social Union, 23.3.2015.

    (13)  Ara l-Pakkett ta’ Investiment Soċjali tal-UE; KU Leuven, 2014: Social Protection at the Top of the International Agenda (Il-protezzjoni soċjali fil-quċċata tal-aġenda internazzjonali), 2014; KESE, Towards a More Effective Europe 2020: Civil Society’s Proposals for Boosting Social Inclusion and Competitiveness in Europe (Lejn Ewropa 2020 aktar effettiva: il-proposti tas-soċjetà ċivili biex jissaħħu l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-Ewropa), 4.12.2014; KESE, Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa, April 2014.

    (14)  Ara http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-01-14-620-mt-c.pdf pereżempju COM(2014) 902 final, 28.11.2014; Ittra ta’ missjoni lill-membru tal-Kummissjoni Thyssen, 1.11.2014, il-prijoritajiet ta’ Juncker, 12.9.2014; laqgħa tal-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill u tal-Ministri tal-Affarijiet Soċjali fis-16 u s-17.7.2015: Tisħiħ tad-dimensjoni soċjali; Rapporti tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.

    (15)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (16)  Pereżempju l-Artikoli 2 u 3(3) tat-TUE; l-Artikoli 2(3), 14, 56, 107, 162 et seq., 168, 174, 175(3) tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    (17)  Rakkomandazzjonijiet ILO 2012; ILO 2014-2015 World Social Protection Report (Rapport dwar il-Protezzjoni Soċjali Dinjija) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (18)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 34(3).

    (19)  Riżoluzzjoni tal-20.10.2010 (2010/2039(INI)) (ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8); Riżoluzzjoni tal-15.11.2011 (2010/2039(INI)) (ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57).

    (20)  http://toad.cor.europa.eu/corwipdetail.aspx?folderpath=ECOS-V%2f012&id=20923

    (21)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

    (22)  Fid-dawl tal-Artikolu 153(4) tat-TFUE, għandha tiġi osservata s-setgħa tal-Istati Membri għall-istabbiliment tal-punti bażiċi tas-sistemi soċjali tagħhom.

    (23)  Ara l-Konferenza tal-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins li saret fit-3 ta’ Frar 2015: The sovereign debt crisis, the EU and welfare state reform (Il-kriżi tad-dejn sovran, l-UE u r-riforma tal-Istat soċjali).

    (24)  F’Lulju 2015, il-Presidenza tal-Kunsill ippreżentat lill-Ministri tal-affarijiet soċjali proposti għad-dimensjoni soċjali tal-qafas tal-governanza.

    (25)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

    (26)  AGJ, Arbeitsgemeinschaft für Kinder- und Jugendhilfe (Assoċjazzjoni tal-Benesseri tat-Tfal u ż-Żgħażagħ): Die europäische Dimension der Kinder- und Jugendwohlfahrt (Id-dimensjoni Ewropea tal-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ), 2015.

    (27)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 16; ĠU C 21, 21.1.2011, p. 39.

    (28)  ĠU C 311, 12.9.2014, p. 38.

    (29)  Ara Dahme/Wohlfahrt, 2015.

    (30)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 43.

    (31)  Pereżempju tfal u żgħażagħ, nisa tqal u persuni li għandhom bżonn il-kura jew mentalment inkompetenti.

    (32)  L-inizjattiva tal-KESE għal Intrapriża Soċjali.

    (33)  Kocher/Welti, 2010.

    (34)  Ara l-Komunikazzjoni “Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa” (COM(2011) 900 final).


    ANNESS

    It-testi li ġejjin tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inċaħdu favur emendi jew kompromessi adottati mill-Assemblea iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

    Punt 1.3

    Waqt it-tħejjija tal-prinċipji soċjopolitiċi għall-iżvilupp ulterjuri konverġenti tas-sistemi soċjali, għandu jittieħed kont tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tad-differenzi politiċi kif ukoll kulturali tas-sistemi soċjali u kemm jista’ jkun għandu jintlaħaq kunsens bejn l-Istati Membri.

    Riżultat tal-votazzjoni fuq l-Emenda 1:

    Favur

    105

    Kontra

    51

    Astensjonijiet

    15

    Punt 4.2

    Il-prinċipju tad-domanda: l-iżvilupp u l-forniment ta’ servizzi soċjali jew tas-saħħa aġġornati, professjonali għal sitwazzjonijiet problematiċi differenti: fost l-oħrajn għall-familji, persuni b’diżabilità, morda, persuni qiegħda, ġenituri waħedhom, tfal, qraba li joffru kura, refuġjati, żgħażagħ (1) bi problemi fl-iżvilupp, ġenituri bi problemi fit-trobbija, kura domestika u servizzi oħrajn li jappartjenu għall-familja (2), għajnuna f’każ ta’ problemi ta’ dejn (3), fil-każ ta’ vizzji, fil-każ ta’ kundizzjoni ta’ persuna mingħajr dar u problemi psikosoċjali. Servizzi soċjali effettivi fost l-oħrajn jinkludu l-konsultazzjoni, l-appoġġ, il-gwida, l-akkumpanjament, il-kura, l-emanċipazzjoni u l-edukazzjoni, it-trattament u t-terapija (4). Peress li hemm bosta raġunijiet għall-qgħad u għandhom jiġu evitati ċ-ċirkli vizzjużi li jwasslu għall-faqar, jagħmel sens li jitniedu miżuri attivi tas-suq tas-suq tax-xogħol li jkunu legalment garantiti sabiex tiġi appoġġjata integrazzjoni mill-ġdid rapida fis-suq tax-xogħol u li jiġu pprovduti benefiċċji finanzjarji sabiex tinkiseb din ir-reintegrazzjoni, sabiex jinżamm l-istandard ta’ għajxien preċedenti jew jiġu riflessi l-kontribuzzjonijiet.

    Riżultat tal-votazzjoni fuq l-Emenda 3:

    Favur

    119

    Kontra

    53

    Astensjonijiet

    9

    Punt 4.4

    Il-prinċipju tal-aċċessibbiltà: l-assigurazzjoni tal-aċċessibbiltà lokali, fil-ħin, finanzjarja u ħielsa mid-diskriminazzjoni tal-benefiċċji soċjali u b’mod partikolari tas-servizzi soċjali. L-aċċessibbiltà tiġi ffaċilitata permezz ta’ finanzjament sostenibbli u bbażat fuq is-solidarjetà, it-trasparenza tas-servizzi disponibbli u ta’ garanzija legali speċifika b’possibbiltà ta’ appell u lment. Ir-rekwiżiti ta’ kontribuzzjonijiet kontanti jafu jkunu strument ta’ ġestjoni utli. Dawn għandhom ikunu soċjalment bilanċjati u m’għandhomx ikunu ostaklu għall-aċċess. Testijiet burokratiċi tal-ħtieġa konkreta ta’ assistenza jistgħu jkunu kontroproduttivi fil-każ ta’ benefiċċji partikolari, bħal trattament ta’ vizzji jew sitwazzjonijiet psikosoċjali problematiċi. B’mod partikolari, għandhom jiġu offruti lill-utent b’mod attiv servizzi ta’ konsultazzjoni u prevenzjoni.

    Riżultat tal-votazzjoni fuq l-Emenda 4:

    Favur

    114

    Kontra

    59

    Astensjonijiet

    13

    Punt 4.7

    Il-prinċipju tar-responsabbiltà personali: dawk li qegħdin ifittxu xogħol u persuni b’diffikultajiet ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u oħrajn għandhom ikunu appoġġjati permezz tas-servizzi soċjali u skemi ta’ inċentivi bil-għan li jiksbu s-sussistenza kompletament jew parzjalment bl-isforz tagħhom stess. Iċ-ċittadin għandu jingħata inċentivi u possibbiltajiet għal awtoproviżjonament addizzjonali, raġonevoli b’riskju baxx. L-assistenza professjonali fl-iżvilupp ta’ kwalifiki professjonali u kapaċitajiet personali bħall-kompetenza ta’ komunikazzjoni, soċjali u tal-ħajja ta’ kuljum ħafna drabi huma l-prerekwiżit għal abbiltà suffiċjenti ta’ responsabbiltà personali u responsabbiltà soċjali. Il-protezzjoni tas-saħħa hija parzjalment ir-responsabbiltà tal-individwu. Stil ta’ ħajja b’saħħtu jista’ jiġi promoss mis-sistemi tas-sigurtà soċjali permezz ta’ servizzi ta’ prevenzjoni, inċentivi u protezzjoni mtejba tal-konsumaturi.

    Riżultat tal-votazzjoni fuq l-Emenda 5:

    Favur

    117

    Kontra

    62

    Astensjonijiet

    11


    (1)  AGJ, Arbeitsgemeinschaft für Kinder- und Jugendhilfe (Assoċjazzjoni tal-Benesseri tat-Tfal u ż-Żgħażagħ): Die europäische Dimension der Kinder- und Jugendwohlfahrt (Id-dimensjoni Ewropea tal-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ), 2015.

    (2)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 16; ĠU C 21, 21.1.2011, p. 39.

    (3)  ĠU C 311, 12.9.2014, p. 38.

    (4)  Ara Dahme/Wohlfahrt, 2015.


    Top