Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0902

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-agrikoltura, iż-żoni rurali u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 128–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/128


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-agrikoltura, iż-żoni rurali u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/20)

    Relatur:

    is-Sinjura Dilyana SLAVOVA

    Fil-504 sessjoni plenarja tal-21 u t-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    “L-agrikoltura, iż-żoni rurali u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Lulju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’217-il vot favur u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-UE għandha tibni sħubiji b’saħħithom mal-ġirien tagħha. Jeħtieġ li nintensifikaw il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi fil-viċinat tagħna biex inkomplu nsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u politiċi tagħna (1). X’jiġri fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar għandu konsegwenzi fuq l-UE. Hekk kif l-UE kompliet tikber, kompliet toqrob lejn dawn il-pajjiżi, u s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tagħhom jolqtu dejjem iktar ukoll lil dawk tal-UE. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha – l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (u l-kooperazzjoni bejniethom) – hija ta’ importanza primarja fir-relazzjonijiet esterni tal-UE.

    1.2.

    L-UE ħadet impenn favur it-tkabbir u l-istabbiltà fis-Sħubija tal-Lvant tagħha u għarfet l-importanza tal-agrikoltura kif ukoll tas-setturi upstream u downstream biex ikompli jkun hemm żvilupp soċjoekonomiku fiż-żoni rurali.

    1.3.

    L-iżvilupp ekonomiku jibqa’ prijorità ewlenija għas-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u dan permezz ta’ flussi ta’ kapital, prodotti, persuni u kapaċitajiet. Dan jista’ jinkiseb biss f’ambjent sigur, li huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli u biex tingħeleb il-korruzzjoni prevalenti.

    1.4.

    Il-KESE jħeġġeġ il-proċess ta’ diversifikazzjoni taż-żoni rurali fil-pajjiżi tas-SL, li jista’ jkun sors ta’ dħul addizzjonali permezz ta’ attivitajiet alternattivi u opportunitajiet għal aktar impjiegi.

    1.5.

    Il-KESE jappoġġja l-KE u l-isforzi tagħha biex toħloq djalogu stabbli dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mal-pajjiżi sħab kollha u lest li jassisti fl-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi relatati għal dawk kollha impenjati li, fil-kooperazzjoni tagħhom mal-UE, jagħmlu l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali settur ewlieni. Il-biċċa l-kbira tal-investimenti tal-UE għandhom ikunu ffukati fuq il-pajjiżi li għalihom l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huma prijorità.

    1.6.

    Il-KESE jinsisti li l-UE tassisti l-pajjiżi tas-SL fit-tħejjija ta’ strateġiji fit-tul għall-iżvilupp agrikolu u rurali mal-partijiet interessati rilevanti kollha, u fil-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa fil-livelli nazzjonali u lokali.

    1.7.

    Il-KESE jesprimi x-xewqa tiegħu għal sistema soda ta’ monitoraġġ li tiġi applikati b’mod rigoruż wara l-implimentazzjoni tar-riżorsi allokati mill-UE lill-pajjiżi tas-SL.

    1.8.

    Il-KESE jappella għall-modernizzazzjoni strateġika tas-settur agrikolu fil-pajjiżi tas-SL biex iżżid il-produzzjoni domestika ta’ ikel sikur b’mod sostenibbli. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkompli tkun ta’ għajnuna kbira għall-pajjiżi tas-SL biex itejbu l-istandards tal-SPS tal-prodotti tagħhom u biex jiżviluppaw il-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom. Nittamaw li d-DCFTA tiġi implimentata b’mod korrett u tkun ukoll effiċjenti f’dan l-aspett.

    1.9.

    Il-KESE jagħti importanza kbira lill-Programm tal-Viċinat Ewropew għall-Agrikoltura & l-Iżvilupp Rurali (ENPARD) li tnieda biex jappoġġja s-settur, u jittama li l-ENPARD, flimkien ma’ programmi attwali jew ippjanati f’pajjiżi oħra, iwasslu għal progress sostenibbli fl-agrikoltura, u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fiż-żoni rurali tar-reġjun kollu tas-SL.

    1.10.

    Il-KESE jesprimi b’mod ċar li lest li jaqsam l-esperjenza u l-għarfien tal-UE fil-kuntest ta’ sħubija soda għall-iżvilupp rurali u sostenibbli tal-potenzjal agrikolu ta’ dawn ir-reġjuni fil-qafas tal-programmi tal-ENPARD. Dan ma jikkontribwixxix biss għall-ħolqien tal-impjiegi, iżda jgħin ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huwa element ewlieni wkoll tal-impenn tal-UE favur it-tkabbir inklużiv fil-viċinat.

    1.11.

    Il-KESE jinsisti li għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-UE fir-riforma tal-agrikoltura u ż-żoni rurali fil-pajjiżi qabel l-adeżjoni tagħhom, flimkien mad-diversità ta’ esperjenzi u tal-isforzi fil-pajjiżi sħab. Il-KESE jappella għal enfasi qawwija fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-involviment tal-partijiet interessati f’dan is-settur.

    1.12.

    B’din l-opinjoni, il-KESE jistqarr ċar ukoll ix-xewqa tiegħu li r-rappreżentazzjoni tas-soċjetà ċivili tkun ferm iktar usa’ fil-Pjattaforma 2 – “L-Integrazzjoni Ekonomika u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE”, fil-Panel tagħha dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, fil-Panel dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima fir-rigward tal-promozzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi, l-eko-innovazzjoni u l-bijodiversità, fil-Panel Kummerċjali dwar kwistjonijiet tal-SPS u fil-Panel tal-SMEs fejn l-għarfien espert tal-Kumitat u l-ħiliet jistgħu jagħtu kontribut utli.

    1.13.

    L-appoġġ għall-agrikoltura jista’ jsir il-pedament tar-riformi ekonomiċi fil-pajjiżi tas-SL li fuqhom jistgħu jinbnew relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali iktar b’saħħithom mal-UE. Dan jipprovdi wkoll protezzjoni affidabbli kontra ostakoli fil-kummerċ ma’ msieħba oħra.

    2.   Sfond

    2.1.

    Is-Sħubija tal-Lvant magħmula minn sitt pajjiżi f’żewġ żoni ġeografiċi: il-Kawkasu tan-Nofsinhar li jikkonsisti fil-Georgia, l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq il-fruntieri bejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tal-Lbiċ, bejn il-Baħar l-Iswed, il-Baħar tal-Kaspju, u l-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja. Is-sitwazzjoni mal-pajjiżi tas-SL hija relattivament dinamika. Tnejn mill-pajjiżi, il-Belarussja u l-Armenja (2), huma diġà membri tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika. Il-kriżi fl-Ukrajna għadha għaddejja, b’deterjorazzjoni kostanti tal-istituzzjonijiet tal-Istat u l-istat tad-dritt, li tidher li qed twassal għal ħtif tal-art fuq skala kbira (3). Il-ġlied fil-fruntieri bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan għadu għaddej u jaffettwa l-iżvilupp taż-żona.

    2.2.

    Il-Kumitat ħareġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mas-SL (4) iżda qatt ma kkunsidra l-problemi taż-żoni rurali, l-agrikoltura u l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-pajjiżi. Din l-opinjoni tiffoka għalhekk fuq il-possibbiltajiet ta’ żvilupp aħjar taż-żoni rurali u l-kisba tas-sostenibbiltà fil-pajjiżi tas-SL.

    2.3.

    L-UE tirrikonoxxi s-sinifikat tal-agrikoltura, iż-żoni rurali u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-ENPARD tnieda biexjappoġġja lis-settur.

    2.4.

    Il-pjattaformi huma l-għodda ewlenija tad-dimensjoni multilaterali tas-SL. Il-Pjattaforma 2 tittratta l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi msieħba u l-UE, u l-konverġenza mal-politiki tal-UE u b’hekk tikkontribwixxi għall-għanijiet tas-SL. Il-Pjattaforma 2 u d-diversi panels u oqsma ta’ ħidma tagħha jikkontribwixxu għall-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ta’ ekonomija tas-suq ħieles fil-pajjiż msieħba.

    2.5.

    Fid-dawl tal-importanza tal-agrikoltura u ż-żoni rurali għal iktar żvilupp sostenibbli u inklużiv fil-pajjiżi tas-SL, il-Panel tal-Iżvilupp Agrikolu u Rurali twaqqfet fl-aħħar tal-2012 u hija marbuta mal-PVEAIR.

    2.6.

    Il-Panel tal-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima jiffoka fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-infurzar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-konformità gradwali mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-konformità mal-istandards tal-UE, l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki, il-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u l-appoġġ tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Is-suġġetti għal diskussjoni u l-attivitajiet huma t-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-iskart, it-tniġġis tal-arja, il-bijodiversità u l-ġestjoni tal-ilma. Il-Panel qed tipprova tiżviluppa wkoll id-djalogu reġjonali dwar il-politiki tat-tibdil fil-klima bil-ħsieb li ssaħħaħ il-viżibilità u l-kapaċità tan-negozjar tal-pajjiżi msieħba u biex jikkooperaw mal-Istati Membri tal-UE fin-negozjati globali dwar il-klima.

    2.7.

    Is-Sħubija tal-Lvant għamlet progress sinifikanti fl-2014. Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ġodda ffirmati mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna diġà qed jiġu applikati b’mod provviżorju. Għall-Georgia u l-Moldova, l-applikazzjoni proviżorja diġà tinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA), filwaqt li għall-Ukrajna l-applikazzjoni proviżorja ta’ din il-parti tal-ftehim ġiet posposta għall-aħħar tal-2015. L-AA/DCFTAs jinvolvu aġendi politiċi, ekonomiċi u ta’ riforma soċjali ambizzjużi li jressqu lill-pajjiżi tas-SL eqreb lejn l-UE.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    In-natura, il-kompożizzjoni u d-daqs relattiv tas-setturi tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jvarjaw fost il-pajjiżi tas-SL u huma mibnija fil-kuntest tat-tradizzjonijiet, il-kulturi u l-metodi ta’ organizzazzjoni rispettivi tagħhom. Il-klima, ir-riżorsi naturali u l-post jiddefinixxu l-limitazzjonijiet naturali.

    3.2.

    L-agrikoltura hija settur ewlieni fil-ħajja ekonomika tal-pajjiżi kollha tas-SL. Din timpjega parti kbira tal-popolazzjoni tagħhom u, wara għexieren ta’ snin ta’ diffikultà, għad għandha potenzjal enormi għall-iżvilupp. Għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ settur agrikolu aktar produttiv ikun ta’ benefiċċju għall-bdiewa u ż-żoni rurali.

    3.3.

    Ħafna mill-pajjiżi tas-SL għandhom popolazzjonijiet rurali kbar li jiddependu, sa ċertu punt fuq biċċiet ta’ art żgħar u frammentati u l-użu ta’ proprjetà komunali jew tal-Istat, għall-għajxien tagħhom. Dawn l-azjendi agrikoli żgħar għandhom riżorsi limitati ħafna bi ftit potenzjal ta’ tkabbir. F’ħafna każijiet, l-azjendi agrikoli żgħar jammontaw għall-produzzjoni nazzjonali sħiħa ta’ prodotti agrikoli. Il-prodotti derivati minn azjendi agrikoli żgħar huma spiss primarjament sors ta’ sussistenza jew ta’ semi-sussistenza. Il-bejgħ ta’ kwalunkwe ammonti żejda isir aktar diffiċli b’rabtiet limitati ma’ swieq organizzati u infrastruttura rurali degradata u abbandunata. Il-kwistjonijiet ewlenin (speċjalment fil-Kawkasu tan-Nofsinhar) huma n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, taħriġ u edukazzjoni fis-settur kif ukoll in-nuqqas ta’ sistema ta’ taxxa adatta.

    3.4.

    Id-dinamika tas-swieq agrikoli u l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel urew il-bżonn indikaw il-ħtieġa li l-pajjiżi tas-SL jiżviluppaw politiki agrikoli u tal-iżvilupp rurali, inklużi miżuri għall-bdiewa ż-żgħar. Minn naħa, jeħtieġ li l-agrikoltura tiġi mmodernizzata u tiżdied il-produzzjoni fuq bażi sostenibbli u min-naħa l-oħra, dawn għandhom jiżviluppaw iż-żoni rurali, l-infrastruttura u jżidu l-opportunitajiet ta’ dħul ekonomiku li jipprovdi għal kwalità aħjar tal-ħajja u prospetti aħjar għall-familji.

    3.5.

    Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għaddejjin programmi dwar l-iżvilupp reġjonali, inklużi programmi pilota, immirati lejn id-dħul u possibilitajiet ta’ impjieg potenzjalment offruti minn attivitajiet alternattivi fiż-żoni rurali. Dawn maħsuba biex jistimulaw l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali u jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali (5).

    3.6.

    Il-popolazzjonijiet rurali tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant ilhom jiġu injorati, sikwit anki fil-politiki u l-proċess ta’ programmazzjoni. Waħda mill-konsegwenzi ta’ din il-lakuna politika hija d-depopulazzjoni gradwali taż-żoni rurali, billi min jista’ jaħdem jitlaq lejn il-bliet jew barra mill-pajjiż. Dawn it-tendenzi demografiċi negattivi, flimkien mal-ħtieġa għal popolazzjoni ta’ ħaddiema vibranti li tappoġġja l-industrija tal-agrikoltura, jeħtieġu titjib fil-kwalità tal-infrastruttra u l-kura tas-saħħa, u bħala rispons għandha tiġi żviluppata ta’ politika u impenn istituzzjonali iktar robusti.

    3.7.

    Is-settur agrikolu tal-Kawkasu tan-Nofsinhar ma jużax il-potenzjal sħiħ tiegħu u bħalissal-produttività u l-kompetittività tiegħu huma baxxi. Id-degradazzjoni tal-kapital naturali (l-art, l-ilma, il-foresti eċċ.), l-art muntanjuża, it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u tal-annimali, il-ħsara fuq il-bijodiversità u l-volatilità tal-bilanċ ekoloġiku huma fost il-kwistjonijiet li jfixklu l-iżvilupp tas-settur tal-biedja. Il-faqar rurali, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u l-livell baxx ta’ standards ta’ għajxien rurali huma fost il-fatturi li qed jikkontribwixxu għall-vulnerabilità taż-żoni rurali tal-Kawkasu tan-Nofsinhar.

    3.8.

    Fil-pajjiżi tas-SL għad hemm lakuni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ standards, regolamenti, leġislazzjoni u informazzjoni komparattiva. Hemm bżonn ta’ standards komuni li jissodisfaw l-istandards internazzjonali u tal-UE, inkluż miżuri ta’ konformità – mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u spezzjoni għar-regolamenti eżistenti. Sistemi sottożviluppati tas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-annimali, speċjalment fil-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, jirrikjedu sforzi u ħidma fil-qasam tal-konformità mal-istandards tas-SPS, speċjalment standards veterinarji u sanitarji għall-annimali u prodotti tal-annimali.

    3.9.

    Il-KESE jemmen li għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ settur agrikolu aktar produttiv ikun ta’ benefiċċju b’mod ġenerali għall-bdiewa u ż-żoni rurali li spiss huma fost l-ifqar reġjuni ta’ kull pajjiż. F’dan ir-rigward, dawn l-aħħar snin l-UE nediet pakkett wiesgħa ta’ programmi flimkien mal-imsieħba tagħha tal-Lvant. Dawn il-programmi jvarjaw minn assistenza teknika speċifika għal programmi kbar fis-settur, għall-appoġġ għal riformi profondi fl-oqsma tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sigurtà tal-ikel. Fi kwalunkwe każ, il-KESE huwa favur monitoraġġ bir-reqqa tal-effikaċja tar-riformi agrikoli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

    3.10.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-KE u l-PE biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu ta’ politika mġedded u aktar profond dwar l-ippjanar strateġiku u r-riformi fl-oqsma tal-agrikoltura, il-foresterija u l-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-pajjiżi individwali u b’rispett lejn ir-regoli stabbiliti biex iżidu l-kompetittività tal-istrutturi agrikoli u t-trasparenza tas-swieq agrikoli domestiċi.

    3.11.

    Il-KESE jemmen li sabiex jiġi appoġġjat il-proċess tal-iżvilupp agrikolu fil-pajjiżi tas-SL, il-prijorità għandha tkun it-twaqqif u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet agrikoli lokali permezz ta’ proġetti ta’ żvilupp, li jitfasslu b’mod li jtejbu l-kapaċità għar-rappreżentazzjoni u s-sehem tal-bdiewa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    3.12.

    L-intraprenditorija għandha tkun punt fokali tal-attività tal-UE fil-pajjiżi tas-SL, m’għandniex ninsew li l-promozzjoni tal-intraprenditorija fiż-żoni rurali hija importanti ħafna, u dan jista’ jinkiseb permezz ta’ ambjent kummerċjali adatt: aċċess għall-kapital għal start-ups, kreditu bankarju u inċentivi tat-taxxa.

    3.13.

    Il-KESE jqis li hu essenzjali li jiġu enfasizzat u msaħħaħ ir-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-biedja u fis-soċjetà rurali permezz ta’ iktar inklużjoni fit-taħriġ vokazzjonali u miżuri speċjali fil-pjani ta’ żvilupp rurali.

    3.14.

    Il-KESE jittama li l-Panel tal-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima timplimenta b’suċċess dawn it-tliet proġetti li huma parti mill-Pjattaforma 2 – “L-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE”: Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (6), GREEN Project (7) u l-Clima East Package (8).

    3.15.

    Il-KESE jappella lill-KE u lill-PE biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-governanza ambjentali u s-sistemi ta’ ġbir u ġestjoni tad-data fir-reġjun tas-SL, biex jappoġġjaw lill-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, biex jiffokaw fuq miżuri ta’ politika ambjentali u biex juru xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli.

    3.16.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-programm ta’ żvilupp sostenibbli “Greening Economies in the Eastern Neighbourhood (EaP GREEN)” (L-ekonomiji ekoloġiċi fil-viċinat tal-Lvant) li qed jiġi implimentat mill-OECD f’kooperazzjoni mal-UNECE, l-UNEP u l-UNIDO biex jgħin il-pajjiżi tas-SL tal-UE (EaP) fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomiji ekoloġiċi.

    4.   Kummenti speċifiċi għall-pajjiżi

    4.1.    L-Armenja

    4.1.1.

    L-agrikoltura hija settur ekonomiku ewlieni fl-Armenja, b’madwar terz tal-popolazzjoni tgħix f’żoni rurali u muntanjużi b’popolazzjoni baxxa, fejn, il-biedja b’konsum baxx ta’ fatturi produttivi, ta’ sussistenza jew ta’ sussistenza parzjali hija importanti bħala sors ta’ għajxien. Prattikament il-prodott agrikolu gross sħiħ (madwar 97 %) ġej minn azjendi agrikoli żgħar.

    4.1.2.

    L-Armenja implimentat ukoll wieħed mill-iktar programmi komprensivi tar-riforma tal-art; sa nofs l-1994 ħafna mill-art agrikola kienet ġiet privatizzata. B’riżultat ta’ dan, l-artijiet kienu maqsuma f’aktar minn 1,2 miljun biċċa art.

    4.1.3.

    Ir-riżorsi tal-art tal-Armenja huma limitati, u l-art li tinħadem tikkostitwixxi biss 16,8 % tal-art totali tal-pajjiż. Il-ħamrija fertili ta’ oriġini vulkanika tippermetti l-kultivazzjoni tal-qamħ u x-xgħir kif ukoll art għall-annimali li jirgħu. L-uċuħ tar-raba’ saqwi jinkludu berquq, ħawħ, għanbaqar, tuffieħ, ċiras, ġewż, sfarġel, tin, rummien, frott ieħor u għeneb, il-bażi tal-brandy magħruf mad-dinja.

    4.1.4.

    In-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jinkludu Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA), ġew finalizzati f’Lulju 2013. Madankollu billi, kif tħabbar f’Settembru 2013, l-Armenja kienet ngħaqdet fl-Unjoni Doganali, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma ġiex iffirmat għax mhux kompatibbli mas-sħubija fl-Unjoni Doganali. L-Unjoni Ewropea ser tkompli tikkoopera mal-Armenja fl-oqsma kollha kompatibbli ma’ din l-għażla.

    4.2.    L-Ażerbajġan

    4.2.1.

    Hekk kif l-ekonomija tal-Ażerbajġan tiddependi miż-żejt u l-gass bħala l-akbar settur tagħha, l-agrikoltura hija komponent ewlieni tal-ekonomija tal-pajjiż li mhix relatata maż-żejt. Kważi nofs l-Ażerbajġani jgħixu f’żoni rurali u l-għajxien tagħhom jiddependi mill-agrikoltura.

    4.2.2.

    Il-biedja mħallta hija l-aktar komuni, b’mudelli ta’ ħsad simili. L-uċuħ tar-raba’ ewlenin tal-agrikoltura Ażerbajġana huma l-għelejjel agrikoli għall-bejgħ, l-għeneb, il-qoton, it-tabakk, il-frott taċ-ċitru u l-ħaxix. Il-bhejjem, il-prodotti tal-ħalib, l-inbid u l-ispirti huma prodotti tal-biedja importanti wkoll.

    4.2.3.

    Fl-2010, l-UE u l-Ażerbajġan bdew negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (eskluż id-DCFTA minħabba l-applikazzjoni tad-WTO li għadha pendenti). Il-gvern tal-Ażerbajġan applika uffiċjalment għand is-Segretarjat tad-WTO biex isir membru fl-1997 u d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

    4.3.    Il-Belarussja

    4.3.1.

    Is-settur agrikolu tal-Belarussja jimpjega madwar wieħed minn kull għaxra tal-forza tax-xogħol u huwa ddominat minn azjendi agrikoli kollettivi u tal-istat kbar. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiż għandu taħlita ta’ biedja tal-għelejjel u tal-bhejjem. Il-patata, il-pitravi taz-zokkor, ix-xgħir, il-qamħ, is-segala u l-qamħirrum huma uċuħ tar-raba’ importanti; perċentwal kbir taċ-ċereali jintuża għall-għalf tal-annimali. Il-baqar, it-tjur u l-ħnieżer huma l-bhejjem ewlenin. Kważi żewġ kwinti tal-Belarussja huma koperti mill-foresti, li huma sfruttati għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-injam u tal-karti.

    4.3.2.

    Ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja (innegozjat fl-1995) ilu ffriżat mill-1997 bħala rispons għas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż.

    4.3.3.

    Il-Belarussja applikat għas-sħubija fid-WTO fl-1993. Il-proċess ta’ adeżjoni għadu għaddejj.

    4.4.    Il-Georgia

    4.4.1.

    L-agrikoltura tal-Georgia hija essenzjali għall-popolazzjoni tal-pajjiż, peress li tipprovdi xibka ta’ sikurezza importanti fiż-żoni rurali, fejn jgħixu kważi nofs l-abitanti tal-Georgia. L-art rurali hija frammentata ħafna – 95 % tal-bdiewa huma “bdiewa żgħar”, normalment b’madwar 1,2 ettaru u 2 baqriet għal kull familja. Din il-frammentazzjoni kompliet tikber bil-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-art fis-snin 90, li rriżulta fi klassi ġdida ta’ madwar nofs miljun “bidwi” kategorizzati bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom.

    4.4.2.

    Il-ħalib u l-laħam huma, b’mod ġenerali, il-prodotti agrikoli li għandhom l-ogħla valur. Min irabbi l-bhejjem ftit li xejn jipprovdilhom għalf ta’ kwalità għolja u jiddependi mir-ragħa b’xejn jew irħis ħafna u mit-tiben fix-xitwa. Dan jirriżulta f’rendiment baxx tal-ħalib u jagħmel il-produzzjoni kompetittiva tal-laħam estremament diffiċli. Il-produzzjoni tal-inbid hija wkoll parti importanti ħafna tas-settur agrikolu. L-attività tal-biedja hija konċentrata l-iktar fil-pjanuri tal-għargħar fertili tal-wiedien u l-prodotti prinċipali huma l-frott taċ-ċitru, l-għeneb u l-ġewż.

    4.4.3.

    Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia huma mmexxija mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li issa ġie ssostitwit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia, inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA), li ġie iffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u li beda japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, saru konċessjonijiet ambizzjużi fid-DCFTA. L-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli tal-UE fil-Georgia huwa liberalizzat għal kollox.

    4.5.    Il-Moldova

    4.5.1.

    L-agrikoltura hija importanti ħafna għall-Moldova. L-art agrikola tammonta għal madwar 75 % tal-art totali, u l-biċċa l-kbira tagħha tintuża biex jitkabbru għelejjel temporanji. Madwar wieħed minn kull għaxar biċċiet tal-art jintużaw għat-tkabbir ta’ għelejjel permanenti. Is-soċjetà tal-Moldova hija primarjament rurali: is-settur agrikolu jimpjega 26,4 % tal-popolazzjoni attiva, u jiġġenera 14,6 % tal-PDG tal-pajjiż.

    4.5.2.

    B’riżultat tar-riforma tal-art, l-istruttura tal-użu tal-art agrikola nbidlet. Wara l-privatizzazzjoni tas-snin disgħin, sehem kbir tal-art għadu maqsum f’biċċiet individwali żgħar. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni irriżulta f’pussess tal-art medju ta’ 1,4 ettari, maqsuma f’biċċiet separati skont it-tip ta’ art (raba’ jinħadem, siġar tal-frott, vinji), għal madwar 1 miljun sid. Mit-total kollu tal-art agrikola, 0,66 miljun ettaru huma taħt forma ta’ sjieda pubblika (26,2 %) u 1,84 miljun ettaru huma taħt format forma ta’ sjieda u/jew użu privati (73,8 %).

    4.5.3.

    Fir-rigward tal-valur tal-produzzjoni agrikola, il-produzzjoni tal-pjanti tikkontribwixxi għal iktar minn żewġ terzi tal-valur sħiħ filwaqt li l-produzzjoni tal-annimali u s-servizzi madwar 30 % u 2,4 % rispettivament. L-għeneb u l-ħalib huma l-aktar prodotti agrikoli li għandhom valur.

    4.5.4.

    Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova ilhom mill-1998 jimxu skont il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li issa ġie ssostitwit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA), li ġie iffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u li beda japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014.

    4.6.    L-Ukrajna

    4.6.1.

    Il-produzzjoni tal-għelejjel fl-Ukrajna hija żviluppata ħafna kemm minħabba l-ħamrija rikka kif ukoll minħabba klima favorevoli. Il-produzzjoni tagħha ta’ ċereali u patata hija fost l-ogħla fl-Ewropa u l-pajjiż huwa fost l-akbar produtturi dinjija tal- pitravi taz-zokkor u taż-żejt tal-ġirasol. Is-settur tat-trobbija tal-bhejjem tal-Ukrajna jaqa’ wara s-settur tal-uċuħ tar-raba’ iżda l-produzzjoni totali tiegħu xorta hija relattivament ogħla minn dik ta’ ħafna pajjiżi Ewropej oħra.

    4.6.2.

    Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġdid, inkluż DCFTA, ġie nnegozjat bejn l-2007 u l-2011 u ffirmat fl-2012. Il-partijiet politiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġew iffirmati fil-21 ta’ Marzu 2014, filwaqt li l-bqija tal-partijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż id-DCFTA, ġew iffirmati fis-27 ta’ Ġunju 2014. Mit-23 ta’ April 2014 ‘l hawn l-UE, b’mod unilaterali, provdiet preferenzi kummerċjali awtonomi sabiex tappoġġja lill-Ukrajna fis-sitwazzjoni attwali.

    4.6.3.

    Il-proġett “It-titjib fis-sistema ta’ kontroll tas-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna”, iffinanzjat mill-UE, tnieda f’Lulju 2014 bl-objettiv li jtejjeb il-kwalità sanitarja tal-prodotti tal-ikel tal-Ukrajna u jżid il-fiduċja tal-konsumaturi tal-Ukrajna fil-produzzjoni nazzjonali. L-UE qed tassisti wkoll is-Servizz Veterinarju u Fitosanitarju Pubbliku tal-Ukrajna biex itejjeb is-sistema li tiggarantixxi s-sikurezza tal-ikel “mill-għalqa sal-platt”. B’baġit ta’ kważi EUR 3,8 miljun għal 33 xahar, il-proġett “It-Titjib fis-sistema ta’ kontroll tas-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna” huwa parti mill-qasam ta’ prijorità “Is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel”.

    5.   Ir-rwol tal-ENPARD

    5.1.

    L-ENPARD kien stabbilit minn żewġ Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ta’ Marzu u Mejju 2011, parti mill-impenn tal-UE għal tkabbir inklużiv u l-istabilità fil-viċinat tagħha, li jirrikonoxxi l-importanza potenzjali tal-agrikoltura f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, il-produzzjoni sostenibbli u l-impjiegi rurali.

    5.2.

    L-UE toffri djalogu dwar l-ENPARD lill-pajjiżi sħab kollha u lesta li tassistihom fl-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi relatati għal dawk kollha impenjati li, fil-kooperazzjoni tagħhom mal-UE, jiffukaw fuq l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Dan jinkludi assistenza fit-tħejjija ta’ strateġiji fit-tul għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mal-partijiet interessati rilevanti kollha, u fil-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa fil-livelli nazzjonali u lokali.

    5.3.

    Il-Georgia diġà qed tara r-riżultati ta’ dan il-programm: il-liġi dwar il-Kooperattivi Agrikoli, in-netwerk ta’ 54 “ċentru ta’ informazzjoni dwar l-istrateġija agrikola u ta’ konsultazzjoni”, eċċ. Fil-11 ta’ Marzu 2014, l-Unjoni Ewropea ffirmat erba’ għotjiet b’total ta’ EUR 15-il miljun f’appoġġ għall-bdiewa ż-żgħar taħt l-inizjattiva tal-ENPARD fil-Ġeorġja. Dawn il-proġetti se jgħinu it-twaqqif ta’ aktar minn 160 kooperattiva b’assistenza teknika u se jimmiraw lejn ir-reġjuni kollha tal-Georgia. L-għan ta’ dawn il-kooperattivi huwa li jippermetti lill-bdiewa ż-żgħar biex b’mod kollettiv jorganizzaw u biex jiksbu l-ekonomiji ta’ skala, itejbu l-effiċjenza tagħhom u jtejbu r-rabtiet tagħhom mas-swieq. Għall-Georgia l-ENPARD totali jammonta għal EUR 52 miljun fuq ħames snin (Marzu 2013- Marzu 2016).

    5.4.

    L-assistenza tal-UE għall-Armenja kienet tammonta għal EUR 157 miljun għall-2011-13 (meta mqabbel ma’ EUR 98,4 miljun għall-2007-10). F’Diċembru 2013, l-UE adottat finanzjament ġdid ta’ EUR 41 miljun sabiex tappoġġja lis-soċjetà ċivili, l-iżvilupp reġjonali u l-agrikultura fl-Armenja fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Minn dan l-ammont globali, EUR 25 miljun ġew allokati għall-implimentazzjoni tal-ENPARD fl-Armenja. Dan il-finanzjament ser jintuża b’mod partikolari sabiex itejjeb il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet relatati mal-agrikoltura, sabiex jappoġġja l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, sabiex tiġi żviluppata l-istatistika agrikola u jittejjeb l-aċċess għal aktar ikel affordabbli għaċ-ċittadini tal-Armenja. Huwa relatat ukoll mat-titjib tal-kundizzjonijiet fiż-żoni rurali billi joħloq l-impjiegi, l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi u privati u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol.

    5.5.

    Fir-rigward tal-Moldova, il-“programm ta’ stimulazzjoni ekonomika fiż-żoni rurali” li ilu għaddej mill-2010, ta prova li huwa strument utli għall-ħolqien tal-impjiegi fil-provinċji tal-Moldova. L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ġew identifikati bħala settur fokali ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn il-Moldova u l-UE fl-2014-17, b’ammont ta’ bejn EUR 100 u 120 miljun disponibbli bħala għajnuna għas-settur. F’dan il-kuntest, fis-sajf tal-2014, ġie adottat programm tal-ENPARD għall-Moldova, u beda jiġi implimentati mill-bidu tal-2015. Permezz tal-appoġġ baġitarju u l-assistenza teknika li jipprovdi, il-programm jappoġġja strateġija għall-iżvilupp komprensiv u fit-tul tas-settur imħejjija mill-gvern. Din l-għajnuna finanzjarja tgħin sabiex tiżdied il-kompetittività tas-settur agrikolu u ser tapprofondixxi d-diskussjoni dwar l-iżvilupp ta’ politiki ġodda.

    6.   Ir-rwol tal-KESE

    6.1.

    Il-KESE huwa konxju tar-rwol fundamentali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-SL, u huwa lest li jaqdi rwol attiv u jaqsam l-għarfien espert tiegħu bil-għan li jibni settur agrikolu aktar effiċjenti, b’mod partikolari billi:

    jassisti fl-idetifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib tas-sitwazzjoni permezz ta’ djalogu miftuħ u inklużiv ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati;

    jaqsam l-għarfien espert tiegħu, inkluż dak miksub mill-Istati Membri l-ġodda li jissieħbu mal-UE, fit-tfassil ta’ kriterji u proċessi speċifiċi għat-twaqqif ta’organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili agrikoli u ambjentali tassew rappreżentattivi u l-inklużjoni tagħhom fit-tfassil tad-deċiżjonijiet fil-pajjiżi tas-SL;

    jiskambja l-aqwa prattiki f’oqsma bħall-agrikoltura, in-netwerks tal-iżvilupp rurali, l-iżvilupp sostenibbli, l-intraprenditorija u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

    jipparteċipa b’mod iżjed attiv fil-ħidma tal-Pjattaforma 2 tas-Sħubija tal-Lvant (“L-Integrazzjoni Ekonomika u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE”, speċjalment fil-Panel dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, kif ukoll il-Panel dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima fir-rigward tal-promozzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, l-ekoinnovazzjoni u l-bijodiversità.

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Id-dokument ta’ konsultazzjoni konġunta “Lejn politika Ewropea tal-Viċinat ġdida”, 4 ta’ Marzu 2015.

    (2)  Fid-29 ta’ Mejju 2014, il-Presidenti tal-Każakistan, il-Belarussja u r-Russja ffirmaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika, u t-trattat tal-adeżjoni tal-Armenja ġie ffirmat fid-9 ta’ Ottubru 2014 u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Jannar 2015.

    (3)  http://www.bundestag.de/presse/hib/2015_01/-/357564

    (4)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 48, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 40, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 34, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 37, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 30.

    (5)  Fl-2014, il-Georgia nediet it-tieni programm ta’ żvilupp reġjonali li jipprovdi aktar appoġġ għat-tisħiħ tal-iżvilupp soċjoekonomiku tad-disa’ reġjuni tagħha u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies. L-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ għall-iżvilupp reġjonali kompliet għaddeja fl-Armenja fl-2014. Il-Moldova qed tibbenefika minn proġett ġdid li jimmira li jtejjeb l-ippjanar reġjonali u l-pjanijiet għall-proġetti ta’ żvilupp tar-reġjuni tat-Tramuntana, tan-Nofsinhar u dawk ċentrali. Fl-Ażerbajġan tnieda programm ġdid ta’ żvilupp reġjonali.

    (6)  Dan il-proġett għandu l-għan li jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant billi jestendi l-prinċipji tas-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali għal din il-parti.

    (7)  L-għan ġenerali tal-proġett GREEN huwa huwa li jappoġġja lill-pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom favur tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed ekoloġika billi jifirdu t-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ambjentali u t-tnaqqis tar-riżorsi.

    (8)  Il-pakkett Clima East jappoġġja l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fir-Reġjun tal-Viċinat tal-Lvant u l-għan huwa tiegħu huwa l-allinjament gradwali mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima.


    ANNESS I (1)

    Assistenza tal-UE għall-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (2014-2020)

    Pajjiż

    Allokazzjoni 2014-2017

    (f’miljuni ta’ EUR)

    Setturi Fokali

    Allokazzjoni indikattiva

    (%)

    L-Armenja

    140–170

    L-iżvilupp tas-settur privat

    35

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    25

    Ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja

    20

    L-Ażerbajġan

    77–94

    Żvilupp Reġjonali u Rurali

    40

    Ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja

    20

    L-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-ħiliet

    20

    Il-Belarussja

    71–89

    L-inklużjoni soċjali

    30

    L-ambjent

    25

    L-iżvilupp ekonomiku lokali/reġjonali

    25

    Il-Georgia

    335–410

    Ir-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika

    25

    L-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali

    30

    Ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja

    25

    Il-Moldova

    335–410

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    30

    L-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali

    30

    Ir-riforma tal-pulizija u l-ġestjoni tal-fruntieri

    20

     

    Allokazzjoni għall-2014

     

     

    L-Ukrajna

    355

    Miżura speċjali: Kuntratt għall-Bini tal-Istat

     


    (1)  Informazzjoni mis-sit web tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna: http://eeas.europa.eu/enp/documents/financing-the-enp/index_en.htm


    ANNESS II

    https://www.zm.gov.lv/public/ck/files/Joint_statement_16_04_2015.pdf


    Top