EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DP0234

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos (2015/2015(IMM))

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 96–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/96


P8_TA(2015)0234

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos (2015/2015(IMM))

(2016/C 407/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos, imressqa fit-8 ta' Diċembru 2014 mill-Viċi Prosekutur tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja, b'rabta mal-proċediment G2010/1744 pendenti quddiem it-Tielet Monomeles Plimmeliodikio (Qorti Monokratika tal-Maġistrati) ta' Salonka, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Jannar 2015,

wara li sema' lil Sotirios Zarianopoulos, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0191/2015),

A.

billi l-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos, Membru tal-Parlament Ewropew, fil-kuntest ta' istruttorja dwar l-allegat reat;

B.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew jibbenefikaw fit-territorju nazzjonali mill-immunitajiet rikonoxxuti lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom;

C.

billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, matul il-leġislatura, mingħajr il-kunsens tal-parlament deputat la jista' jkun sottopost għal proċediment kriminali, arrest jew detenzjoni u lanqas suġġett għal miżuri restrittivi oħrajn tal-libertà;

D.

billi Sotirios Zarianopoulos huwa akkużat li rrikorra għal theddid ta' vjolenza fiżika, daħal illegalment fis-sede tat-televiżjoni pubblika Griega ERT-3 fl-4 ta' Marzu 2010 biex jinterrompi il-bullettin tal-aħbarijiet ta' nofsinhar u jaqra komunikat;

E.

billi huwa ċar li l-allegat reat ma għandu l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Sotirios Zarianopoulos inkwantu Membru tal-Parlament Ewropew, peress li l-allegat reat huwa marbut ma' azzjoni tat-trade union Griega PAME u li Sotirios Zarianopoulos ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew meta seħħew il-fatti;

F.

billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, opinjoni espressa fil-qadi tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew hija definita bħala valutazzjoni suġġettiva li tippreżenta rabta diretta u evidenti mal-qadi tal-funzjonijiet parlamentari, iżda billi l-allegati azzjonijiet ta' Sotirios Zarianopoulos ma jidħlux f'din id-definizzjoni;

G.

billi għaldaqstant il-proċediment kriminali ma jirrigwarda l-ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.

billi, skont l-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ;

I.

billi, peress li Sotirios Zarianopoulos isostni li l-akkuża hija motivata minn raġunijiet politiċi, il-Kumitat, wara li sema' lill-parlamentari u wara l-eżami tad-dokumenti fornuti minn dan tal-aħħar, eżamina anki d-dikjarazzjonijiet imressqa lill-awtoritajiet ta' investigazzjoni mix-xhieda fl-2010, li jikkostitwixxu l-bażi tal-akkuża;

J.

billi l-imsemmijin dikjarazzjonijiet tressqu fl-ambitu tal-proċediment ġudizzjarju a karigu ta' Sotirios Zarianopoulos u li, min-naħa l-oħra, mhuwiex id-dmir tal-Kumitat li jipproċedi b'investigazzjoni dwar il-mertu tal-każ u wisq inqas jiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru tal-Parlament Ewropew sottopost għal proċediment ġudizzjarju;

K.

billi, għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kumitat għandu fil-pussess tiegħu, ma tissussisti l-ebda raġuni biex jiġi preżunt li l-proċediment jiddependi mill-intenzjoni li tiġi preġudikata l-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), meta dak li jkun iqis ukoll li l-proċediment beda bosta snin qabel il-bidu tal-mandat tal-Membru;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur tar-Repubblika tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja u lil Sotirios Zarianopoulos.


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Top