IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2015
COM(2015) 684 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-raba' rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mill-Georgia.
{SWD(2015) 299 final}
1. INTRODUZZJONI
Id-Djalogu ta' Liberalizzazzjoni tal-Viża UE-Georgia ġie varat f'Ottubru 2012. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (PALV) lill-Gvern Ġeorġjan. Il-PALV jistabbilixxi sensiela ta’ punti ta' riferiment preċiżi għal erba’ “blokok” ta’ kwistjonijiet teknikament rilevanti, bil-għan li jiġi adottat qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali (fażi 1) u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tiegħu (fażi 2). Il-punti ta’ riferiment iridu jiġu ssodisfati qabel ma ċ-ċittadini Ġeorġjani li jkollhom passaporti bijometriċi jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorni qosra mingħajr ma japplikaw għal viża.
F’Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV mill-Georgia u għamlet bosta rakkomandazzjonijiet għat-tlestija tal-ewwel fażi (aspett leġiżlattiv u ppjanar). F’Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport ta’ progress tagħha, li kkonkluda li l-Georgia kienet issodisfat il-punti ta' riferiment tal-ewwel fażi tal-PALV u kienet lesta biex tiġi vvalutata fuq jekk kinitx qed tilħaq il-punti ta’ riferiment tat-tieni fażi. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill qabel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rapport kien akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatti migratorji u tas-sigurtà ta' liberalizzazzjoni tal-viża futura għaċ-ċittadini Ġeorġjani li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE.
F’Diċembru 2014, il-Georgia ppreżentat rapport ta’ progress aġġornat. L-evalwazzjoni tal-erba’ blokok tal-PALV seħħew minn Diċembru 2014 sa Marzu 2015 taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, bi żjarat ta' missjoni bl-involviment ta’ esperti mill-Istati Membri tal-UE, assistiti mill-Kummissjoni, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Georgia. Il-Kummissjoni ppubblikat il-ħames rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV mill-Ukrajna fit-8 ta’ Mejju 2015. Ir-rapport innota l-progress sinifikanti li sar mill-awtoritajiet Ġeorġjani fl-implimentazzjoni tal-PALV tat-tieni fażi u għaraf l-issodisfar ta' ħafna punti ta' riferiment taħt l-erba' blokok.
Madankollu, huwa enfasizza wkoll li bosta kwistjonijiet għad iridu jiġu indirizzati fl-oqsma li ġejjin: il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-politika dwar l-ażil, it-traffikar tal-bnedmin, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, id-drogi, l-eżekuzzjoni tal-liġi u d-drittijiet taċ-ċittadini.
Dan hu r-raba' rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV mill-Georgia. Huwa jħares lejn kif l-awtoritajiet Ġeorġjani indirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-tielet rapport ta' progress fir-rigward tal-punti ta’ riferiment tal-PALV li jifdal. Dan ir-rapport ma jelaborax fuq dawk il-punti ta' riferiment li kienu kkunsidrati bħala diġà miksuba fl-aħħar rapport minħabba li l-monitoraġġ kien wera li qed ikomplu jiġu ssodisfati.
Il-valutazzjoni u l-informazzjoni fattwali huma bbażati fuq is-sejbiet tal-missjonijiet ta' evalwazzjoni tal-UE li saru fil-Georgia fil-ġimgħa ta' mit-28 ta' Settembru sat-2 ta' Ottubru 2015 fl-erba' oqsma (il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ażil, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin), li involvew esperti mill-Istati Membri tal-UE, uffiċjali mill-Kummissjoni, rappreżentanti tas-SEAE u d-Delegazzjoni tal-UE għall-Georgia. Inkisbet informazzjoni addizzjonali dwar dawn l-erba' oqsma u dwar il-punti ta' riferiment l-oħrajn li jifdal permezz ta' laqgħat u komunikazzjonijiet sussegwenti bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-awtoritajiet Ġeorġjani, kif ukoll ir-rapporti ta' progress mibgħuta mill-Georgia fis-17 ta' Awwissu u fit-22 ta' Novembru 2015.
Ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi sfond iktar dettaljat dwar l-iżviluppi f'kull punt ta’ riferiment. Fl-anness mad-dokument ta' ħidma tal-persunal, il-Kummissjoni tipprovdi analiżi fattwali aġġornata u informazzjoni bbażata fuq l-istatistika dwar impatti migratorji u ta' sigurtà possibbli tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ġeorġjani li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-aġenziji u l-partijiet ikkonċernati tal-UE. Il-valutazzjoni tal-impatt tagħti x-xejriet ewlenin prospettivi fl-oqsma ta' migrazzjoni u sigurtà. Din turi li l-UE għadha destinazzjoni attraenti għall-migranti mill-Georgia u li hemm sfidi migratorji u ta' sigurtà potenzjali li jridu jiġu monitorizzati.
2. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI SKONT IL-PUNTI TA' RIFERIMENT LI JIFDAL TAL-PJAN TA' AZZJONI DWAR IL-LIBERALIZZAZZJONI TAL-VIŻA
2.1. Blokk 1: Is-sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.2. Blokk 2: Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil
2.2.1.
Ġestjoni integrata tal-fruntieri
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.2.2.
Il-ġestjoni tal-migrazzjoni
Il-punt ta’ riferiment tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tqies li kien kważi milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-kunċett tal-analiżi tar-riskju żviluppat mill-Ministeru tal-Intern ġie espandut biex jinkludi l-oqsma kollha tal-migrazzjoni. Grupp ta' ħidma stabbilit fil-Kummissjoni Statali dwar il-Kwistjonijiet tal-Migrazzjoni f'Settembru 2015 iffinalizza Kunċett komprensiv ġdid ta' Sistema ta' Analiżi tar-Riskju ta' Migrazzjoni. Seba' aġenziji statali se jkunu involuti fil-kompilazzjoni ta' rapporti analitiċi. Il-ġbir tad-dejta minn aġenziji statali differenti dwar l-immigrazzjoni, l-emigrazzjoni u l-migrazzjoni interna se jiġi żgurat permezz ta' Sistema Analitika tal-Migrazzjoni Unifikata. L-UE u l-Gvern tal-Georgia kienu qed jikkofinanzjaw l-introduzzjoni ta' dan is-sett ta' għodod elettroniċi, li għandhom jiġu ttestjati sa nofs l-2016. Dawn il-prodotti kollha se jappoġġaw il-Georgia biex tidentifika r-riskji, tbassar it-theddidiet u tistabbilixxi miżuri adegwati, b'hekk iġġestixxi l-migrazzjoni b'mod komprensiv.
Il-Ministeru tal-Persuni Spostati Internament mit-Territorji Okkupati, Akkomodazzjoni u Refuġjati (MRA) huwa responsabbli għall-koordinament ta' attivitajiet ta' riintegrazzjoni, li tfasslu mill-ġdid skont il-qafas tal-Istrateġija tal-Migrazzjoni 2016-2020. Il-Gvern tal-Georgia qiegħed gradwalment jieħu r-responsabbiltà tal-proċess ta' assistenza għar-riintegrazzjoni. Huwa stabbilixxa programm statali ta' riintegrazzjoni fl-2015, iffinanzjat mill-baġit tal-Istat, u se jieħu l-kontroll taċ-Ċentri ta' Mobilità ladarba jintemm gradwalment proġett iffinanzjat mill-UE permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (European Neighbourhood Instrument, ENI). B'konformità mal-Istrateġija għall-Migrazzjoni 2016-2020, finanzjament sostenibbli u kapaċità mqawwija se jiżguraw li ċ-Ċentri ta' Mobilità jkunu jistgħu jipprovdu b'mod indipendenti diversi servizzi ta' riintegrazzjoni. Dipartiment analitiku ġdid fl-MRA se jistabbilixxi sistema ta' rapportar analitiku biex jiġbor id-dejta dwar l-għadd kumplessiv ta' rimpatrijati, kif ukoll informazzjoni dwar il-kwalifiki tagħhom u l-ħtiġijiet ta' riintegrazzjoni.
Fil-perjodu bejn Lulju u Diċembru 2015 il-Georgia implimentat pjan ta' azzjoni komprensiv ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-PALV u reġim futur mingħajr il-viża. Laqgħat, taħriġ u avvenimenti oħra li saru fi Tbilisi u fir-reġjuni involvew iktar minn 25 000 ċittadin Ġeorġjan. Qed jintużaw bosta mezzi tax-xandir biex ixerrdu l-informazzjoni, li jvarjaw minn fuljetti għal applikazzjonijiet infografiċi fuq in-netwerks soċjali dwar id-drittijiet u l-obbligi li jiġu mil-liberalizzazzjoni tal-viża. Dawn l-attivitajiet se jkomplu fl-"Istrateġija ta' Integrazzjoni u Komunikazzjoni tal-UE 2014-2017" u l-"Istrateġija ta' Migrazzjoni 2016-2020".
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tal-ġestjoni tal-migrazzjoni hu meqjus li ntlaħaq.
2.2.3.
Il-politika dwar l-ażil
Il-punt ta’ riferiment tal-ażil tqies li kien parzjalment milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-qafas leġiżlattiv kien emendat biex jinkludi espliċitament lill-persuni li jfittxu ażil bħala kategorija li tikkwalifika għal viża għal raġunijiet umanitarji. Il-proċess ta' implimentazzjoni diġà beda.
L-MRA, il-Ministeru responsabbli għad-determinazzjoni tal-istatus ta' refuġjat, adotta indikaturi ta' kwalità biex jimmonitorizza l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil. Il-kwalità ta' intervista persunali issa qed tiġi vvalutata permezz tar-reġistrazzjoni tagħha.
Saru sforzi konsiderevoli biex jonqsu l-każijiet akkumulati li għad iridu jiġu ttrattati. L-MRA żviluppa strateġija effiċjenti b'linji gwida u struzzjonijiet ċari dwar il-pajjiż ta' oriġini u li tippermetti lil min jittratta l-każijiet jispeċjalizza. Mingħajr kompromess dwar il-kwalità, il-każijiet akkumulati naqsu minn 1 174 każ pendenti f'Marzu 2015 għal ammont ta' xogħol normali ta' madwar 200 każ f'Ottubru 2015. Mekkaniżmu ta' ppjanar ta' kontinġenza ġie stabbilit biex jittratta b'kull influss massiv ta' persuni li jfittxu ażil u se jitwaqqaf kumitat biex jiddeċiedi dwar riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali meħtieġa biex ilaħħqu ma' kwalunkwe akkumulu ieħor ta' każijiet.
Biex jiġi indirizzat l-għadd għoli ta' applikazzjonijiet ta' status ta' refuġjat miċħuda bbażati fuq tħassib ta' sigurtà mhux żvelat, l-Artikolu 25 tal-"Liġi dwar l-Istatus Umanitarju u ta' Refuġjat" ġie emendat. Id-dispożizzjoni l-ġdida tispeċifika r-raġunijiet għala tista' tiġi miċħuda applikazzjoni għal finijiet ta' sigurtà tal-istat u tobbliga lill-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Istat tipprovdi lill-MRA b'informazzjoni minima dwar it-theddida potenzjali tal-persuni li jfittxu ażil għas-sigurtà tal-istat.
Il-persunal involut fid-determinazzjoni ta' status ta' refuġjat ħa sehem f'għadd ta' korsijiet ta' taħriġ estern u intern. L-Unità ta' Taħriġ u Kontroll tal-Kwalità mwaqqaf fl-MRA se jkun inkarigat mill-iżvilupp tal-programm ta' taħriġ nazzjonali.
L-introduzzjoni fil-Georgia ta' bażi ta' dejta ġdida li fiha informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini (IPO) kif ukoll aċċess għall-bażijiet ta' dejta simili ta' pajjiżi oħrajn se jgħinu biex tkun ipprovduta informazzjoni ta' kwalità għolja u aġġornata. Barra minn hekk, min jittratta l-każijiet ġie infurmat bil-prinċipji bażiċi tal-IPO u emenda għall-qafas leġiżlattiv issa tiddistingwi b'mod ċar bejn l-IPO u l-prodotti ta' politika.
L-iskadenza biex tappella deċiżjoni negattiva dwar l-istatus ta' refuġjat ġiet estiża minn 10 ijiem għal 15-il jum, filwaqt li l-limitu taż-żmien għal kull istanza tal-qorti biex taqta' s-sentenza tqassar għal xahrejn.
Biex ikun żgurat li d-dritt tal-appell kontra deċiżjoni negattiva tkun tista' tintuża b'mod effikaċi, is-sistema sponsorjata mill-istat ta' għajnuna legali ġiet estiża għall-persuni li jfittxu ażil. Mill-1 ta' Jannar 2016, dawn se jkollhom aċċess għal persunal ikkwalifikat u għajnuna legali u rappreżentanza ġudizzjarja b'xejn.
Il-proċedura ordinarja biex tinkiseb iċ-ċittadinanza Georgjana teħtieġ għarfien tal-lingwa Ġeorġjana, għarfien tal-istorja u tal-prinċipji bażiċi tad-dritt. Ġie żviluppat programm edukattiv speċjali għar-refuġjati biex jgħinhom jaċċessa l-proċedura ta' naturalizzazzjoni fil-prattika.
Filwaqt li bniet fuq il-progress konsiderevoli li diġà sar mill-Georgia għall-integrazzjoni ta' ċittadini barranin, l-Istrateġija għall-Migrazzjoni 2016-2020 stabbiliet għanijiet ambizzjużi f'dan il-qasam. Il-pjan ta' azzjoni akkumpanjanti se jidentifika l-bżonnijiet finanzjarji għat-twettiq tal-attivitajiet ippjanati.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tal-politika dwar l-ażil hu meqjus li ntlaħaq.
2.3. Blokk 3: L-ordni pubbliku u s-sigurtà
2.3.1.
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni
2.3.1.1. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.3.1.2. It-traffikar tal-bnedmin
Il-punt ta’ riferiment tat-traffikar tal-bnedmin tqies li kien parzjalment milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
L-għoti ta' servizzi fiż-żewġ xelters tal-vittmi ġew rieżaminati biex ikunu iktar adatti għat-tfal. Ġie ingaġġat persunal addizzjonali biex jieħu ħsieb minorenni li jkunu vittmi ta' traffikar u tfal li jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom, li wkoll jibbenefikaw minn pjanijiet ta' riabilitazzjoni individwali.
Biex tiżdied il-kosteffiċjenza tal-Fond Statali, is-servizzi offruti fix-xelters se jkunu disponibbli fuq bażi flessibbli, skont il-bżonnijiet tal-vittmi. Formola għall-offerti ġdida telenka s-servizzi disponibbli kollha mill-Fond Statali u se tgħin fl-identifikazzjoni ta' għala servizz ikun inċaħad.
Il-Georgia ħadet passi sinifikanti biex tiġġieled it-traffikar tal-ħaddiema. Fl-2015 inħoloq Dipartiment tal-Ispezzjoni tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fi ħdan il-Ministeru tax-Xogħol, is-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali, li l-ispetturi tiegħu diġà żaru 75 kumpanija.Bħalissa, l-ispetturi tax-xogħol jistgħu jidħlu f'kumpaniji jekk ikun hemm kawża probabbli ta' traffikar tal-bnedmin (TTB), sfruttament ta' ħaddiema jew xogħol furzat imma d-dipartiment ma għandux is-setgħa li jimponi sanzjonijiet.
Il-Ministeru tal-Intern żied l-investigazzjonijiet mibnija fuq l-intelligence fil-forom kollha tal-isfruttament. Minn 17-il investigazzjoni bejn Jannar u Settembru 2015, 11 kienu r-riżultat ta' approċċ proattiv.
Biex ikun żgurat li x-xerrejja tan-nisa ttraffikati jitilgħu jixhdu, il-Kodiċi Kriminali ġie emendat biex jippermetti n-nonprosekuzzjoni ta' dawk li jkunu kkooperaw mal-pulizija fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikanti.
Il-ġbir tad-dejta dwar il-vittmi, ix-xhieda u t-traffikanti suspettati, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra, issa hija ċċentralizzata f'bażi ta’ dejta waħda. L-aġenziji ewlenin kollha jistgħu jaċċessaw u jaqsmu din l-informazzjoni.
L-eżistenza ta' żewġ hotlines għall-vittmi tat-traffikar, wieħed operat mill-Ministeru tal-Intern u ieħor mill-Fond Statali, hija ġġustifikata mill-fatt li xi persuni jaf ikunu jixtiequ jirċievu assistenza mingħajr ma neċessarjament jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi.
Sħubijiet ma' pajjiżi identifikati mill-Europol bħala destinazzjonijiet u sorsi ewlenin tat-traffikar issaħħew bl-allokazzjoni ta' attachés u assistenza legali reċiproka.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tat-traffikar tal-bnedmin hu meqjus li ntlaħaq.
2.3.1.3. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha
Il-punt ta’ riferiment ta' kontra l-korruzzjoni tqies li kien parzjalment milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament adotta l-"Liġi dwar is-Servizz Ċivili" flimkien ma' pakkett ta' 46 liġi sekondarja. L-atti legali rispettivi jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017. Wieħed minn dawn l-għanijiet huwa d-depolitiċizzazzjoni tas-servizz ċivili. Ġew introdotti salvagwardji addizzjonali għall-indipendenza tal-ħatra u t-tneħħija tal-kap tal-Uffiċċju tas-Servizz Ċivili (USĊ).
Fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament adotta emendi fit-tielet qari għal-"Liġi dwar il-Kunflitt ta' Interessi u l-Korruzzjoni fis-Servizz Pubbliku", li jistabbilixxu l-bażi ġuridika għall-monitoraġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u jawtorizzaw lill-USĊ jimplimenta l-proċess ta' monitoraġġ. Is-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi se tinvolvi mekkaniżmi ġodda għad-detezzjoni u s-sanzjonar ta' kunflitti ta’ interess u ġid mhux ġustifikat. Abbażi ta' dawk l-emendi, id-dikjarazzjonijiet se jkunu mmonitorizzati fit-tliet każijiet li ġejjin: (a) verifika kostanti tad-dikjarazzjonijiet ta' uffiċjali tal-ogħla livell esposti għal riskji kbar ta' korruzzjoni; (b) b'għażla bix-xorti tad-dikjarazzjonijiet b'mod trasparenti permezz ta' sistema elettronika bbażata fuq kriterji ta' riskju speċifiku mill-Kummissjoni Indipendenti; (c) fuq il-bażi ta' lmenti / informazzjoni bil-miktub b'bażi soda mibgħuta lill-USĊ.
Emendi għal-"Liġi dwar l-Akkwist Statali", li jintroduċu kriterji għall-iddispensar mill-proċess ta' sejħiet għall-offerti għal kuntratti ta' akkwist pubbliku, daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2015. Id-dipożizzjonijiet il-ġodda jiddiskrivu l-kriterji għall-għoti ta' kuntratt permezz ta' akkwist issemplifikat u jeħtieġu l-qbil tal-Aġenzija tal-Akkwist Statali. Applikazzjonijiet għal akkwist issemplifikat huma fid-dominju pubbliku u l-partijiet interessati kollha huma intitolati jesprimu l-kunsiderazzjonijiet tagħhom.
Il-protezzjoni tal-kixxiefa ġiet indirizzata f'emendi li jespandu l-istatus u s-sistema ta' rapportar tal-kixxiefa. Għaldaqstant, kull persuna tista' titqies bħala kixxiefa, sew jekk tkun ħaddiema tas-servizz pubbliku u sew jekk le. Id-dispożizzjonijiet jippermettu kemm kxif anonimu u kemm kxif kunfidenzjali.
L-awtoritajiet komplew jaħdmu lejn implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha hu meqjus li ntlaħaq.
2.3.1.4. Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
Il-punt ta’ riferiment tal-ħasil tal-flus tqies li kien kważi milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
F'Lulju 2015, il-Parlament Ġeorġjan adotta bosta emendi biex isaħħaħ il-qafas leġiżlattiv għall-movimenti transfruntieri ta' flus kontanti. Il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' dikjarazzjoni għall-movimenti transfruntieri ta' flus kontanti twessa'. Minbarra flus kontanti mġarra fiżikament minn persuni naturali u ġuridiċi, flus kontanti mibgħuta u rċevuti bil-posta u bħala merkanzija issa huma koperti wkoll. Jekk persuna tonqos milli tikkonforma mal-obbligi ta' dikjarazzjoni, huwa jkollu jħallas multa ogħla minn qabel. Biex isaħħu l-effett dissważiv tagħhom, is-sanzjonijiet ma għadhomx limitati għal ammont massimu ta' GEL 3 000. Skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Kodiċi tat-Taxxa, il-piena tista' tkun ta' daqs 10 % tal-ammont ittrasportat jekk ikollha valur totali ta' GEL 100 000 jew iktar.
Il-Kap Prosekutur adotta Rakkomandazzjoni biex tiżdied l-effikaċja tal-konfiska tal-assi kriminali. Fost miżuri oħrajn li jridu jiġu implimentati tul l-andament tal-proċedimenti kriminali, il-prosekuturi u l-investigaturi ngħataw l-ordni li jirrintraċċaw kull beni tal-akkużat u l-qraba stretti tiegħu, kif ukoll biex jiżguraw il-konfiska anke f'każ ta' patteġġament dwar il-piena. Ġew organizzati bosta korsijiet ta' taħriġ u laqgħat ta' diskussjoni biex jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet mal-korpi tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-prosekuturi.
Is-Servizz ta' Monitoraġġ Finanzjarju ilu jopera mill-2004 bħala ċ-ċentru nazzjonali għar-riċeviment, l-analiżi u t-tixrid ta' rapporti ta' tranżazzjoni suspettużi. Is-Servizz daħħal żewġ impjegati ġodda f'Ottubru 2015 u qed jippjana li minn hawn u ftit ieħor iħabbar opportunitajiet addizzjonali għall-postijiet battala li fadal.
Il-Bank Nazzjonali tal-Georgia jissorvelja l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha ħlief il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-iskemi tal-pensjonijiet privati. Il-Metodoloġija u l-Unità ta' Spezzjoni Mhux fil-Post issaħħew bir-reklutaġġ ta' sitt membri tal-persunal. L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-Assigurazzjoni, li tittratta l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tal-iskemi tal-pensjonijiet privati, ħolqot taqsima separata ġdida ta' monitoraġġ mhux fil-post fid-dipartiment ta' sorveljanza.
Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni reċenti tas-Servizz ta' Monitoraġġ Finanzjarju kienu mmirati l-iktar lejn l-avukati. Dawn kienu jinkludu seminars ta' taħriġ dwar ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijent u l-iżvilupp ta' gwida għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus. Attivitajiet futuri se jinvolvu wkoll kontabilisti u awdituri.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tal-ħasil tal-flus hu meqjus li ntlaħaq.
2.3.1.5. Drogi
Il-punt ta’ riferiment tad-drogi tqies li kien parzjalment milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-Georgia għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u pjan ta' azzjoni nazzjonali għad-droga, billi ssegwi kemm politiki ta' tnaqqis fid-domanda u kemm miżuri ta' tnaqqis tal-provvista. L-Artikolu 260 tal-Kodiċi Kriminali ġie emendat biex jiddistingwi bejn ir-responsabilità penali għall-pussess u għad-distribuzzjoni tad-droga. Il-piena massima għall-pussess tad-droga tnaqqset minn 11-il sena priġunerija għal sitt snin. Fil-prattika, mid-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-31 ta' Lulju 2015 'il quddiem, intużaw sanzjonijiet li mhumiex priġunerija fil-parti l-kbira tal-kawżi deċiżi fuq il-bażi tal-Artikolu 260 għal pussess tad-droga.
Il-leġiżlazzjoni tal-Georgia tipprovdi biżżejjed salvagwardji għall-protezzjoni tal-individwi minn ittestjar arbitrarju għad-droga mill-pulizija. Kundizzjonijiet iktar stretti biex isiru testijiet tad-droga b'mod aleatorju ġew stabbiliti b'ordni tal-Ministru tal-Intern fit-30 ta' Settembru 2015. Raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li persuna tkun ħadet id-droga ma għadhomx biżżejjed u jridu jkunu akkumpanjati minn ċirkostanzi oħrajn biex jiġġustifikaw test mhux ippjanat. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jsir test tista' tiġi kkontestata quddiem il-korp ta' monitoraġġ intern tal-Ministeru tal-Intern, qorti amministrattiva u / jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tad-drogi hu meqjus li ntlaħaq.
2.3.2. Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.3.3.
Kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi
Il-punt ta’ riferiment tal-kooperazzjoni għall-eżekuzzjoni tal-liġi tqies li kien kważi milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
F'Mejju 2015 ġie stabbilit grupp ta' ħidma bejn l-aġenziji biex jiżviluppa l-kunċett ta' mekkaniżmu ta' analiżi tar-riskju unifikat, imsejjes fuq attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence. Il-kunċett ġie approvat fit-22 ta' Ottubru 2015 u l-grupp ta' ħidma beda jfassal pjan ta' azzjoni dettaljat ta' miżuri li jridu jiġu adottati għall-implimentazzjoni tas-sistema ta' valutazzjoni tar-riskju futura. Ir-rapporti ta' valutazzjoni dwar theddid li jinkludi kollox li se jkunu prodotti fuq din il-bażi għandhom jgħinu biex jiġu ddeterminati tendenzi futuri tad-delitti u l-miżuri biex jindirizzawhom.
Il-Ministeru tal-Intern reċentement ħareġ u ppreżenta lill-persunal tiegħu li jinsab fi Tbilisi u fir-reġjuni, struzzjonijiet ġodda dwar riżorsi eżistenti u attivitajiet meħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali. Il-persunal tal-Ministeru tal-Intern u l-Uffiċċju tal-Kap Prosekutur irċevew ktejjeb informattiv dwar il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni eżistenti permezz tal-Interpol u ġew organizzati korsijiet ta' taħriġ konġunti għall-investigaturi ta' servizzi differenti biex jiġu diskussi l-possibilitajiet offruti mill-qafas internazzjonali ta' kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta' riferiment dwar il-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi huwa meqjus li ntlaħaq.
2.3.4. Protezzjoni tad-dejta
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.4. Blokk 4: Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali
2.4.1.
Il-moviment liberu fil-Georgia
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.4.2.
Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ vjaġġar u ta’ identità
Dan il-punt ta’ riferiment, li kien meqjus li ntlaħaq fit-tielet rapport ta' progress, baqa' milħuq.
2.4.3.
Id-drittijiet taċ-ċittadini inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi
Il-punt ta’ riferiment tad-drittijiet taċ-ċittadini tqies li kien kważi milħuq fit-tielet rapport ta' progress u sadattant sar progress sostanzjali biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-Georgia nediet u qed tkompli tmexxi kampanja ta' informazzjoni madwar il-pajjiż u permezz ta' mezzi differenti tax-xandir dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza, tolleranza u diversità taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku. Fis-17 ta' Awwissu 2015, ġiet adottata l-Istrateġija l-Ġdida għall-Ugwaljanza Ċivika u l-Integreazzjoni flimkien ma' pjan ta' azzjoni għall-2015-2020. Din tieħu post l-istrateġija preċedenti wara valutazzjoni dettaljata tal-prestazzjoni u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kkonċernati. Il-Kummissjoni Statali Interaġenziji hija inkarigata mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni, inklużi r-riżultati li jridu jinkisbu sal-2020. Għal kull wieħed mill-attivitajiet ippjanati, irid jiġi pprovdut finanzjament adegwat mill-aġenziji statali fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom.
Din l-istrateġija tiffoka fuq titjib tal-aċċess minn minoranzi etniċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-ħajja politika u s-servizzi pubbliċi, inkluż billi jingħelbu l-ostakli lingwistiċi. Il-ministeri rilevanti kollha u l-aġenziji statali għamlu sforz komuni biex jinfurmaw lill-komunitajiet bi drittijiethom u biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom.
Il-Georgia kompliet tipprovdi taħriġ għall-professjonisti legali dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, l-ugwaljanza u kwistjonijiet ta' nondiskriminazzjoni. Tħejjew korsijiet ta' taħriġ immirati lejn il-prosekuturi, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-donaturi.
Fl-2015, ingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lil proposti leġiżlattivi ppreżentati mill-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku. Il-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Ċivili, kif ukoll il-Kumitat Legali tal-Parlament Ġeorġjan, appoġġaw u ħadmu b'mod kooperattiv dwar dawn l-emendi li jkunu jeħtieġu li persuni privati jipprovdu lid-Difensur Pubbliku b'materjali, dokumenti jew informazzjoni meħtieġa għall-eżami ta' kawżi.
Il-Georgia implimentat b'mod sodisfaċenti l-azzjonijiet rakkomandati fit-tielet rapport ta' progress. Il-punt ta’ riferiment tad-drittijiet taċ-ċittadini hu meqjus li ntlaħaq.
3. VALUTAZZJONI ĠENERALI U L-PASSI LI JMISS
Sa mit-tnedija tad-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi bejn l-UE u l-Georgia f'Ġunju 2012 u l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Ġeorġjani tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi (PALV) fi Frar 2013, il-Kummissjoni rrapportat regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li għamlet il-Georgia biex tissodisfa l-punti ta' riferiment identifikati fl-erba' blokok tal-ewwel u tat-tieni fażi tal-PALV.
Il-Kummissjoni kompliet ukoll timmonitorizza l-progress li sar mill-Georgia fl-oqsma rilevanti tal-PALV permezz:
tal-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tad-Djalogu dwar il-Viżi bejn l-UE u l-Georgia;
tal-Kumitat Konġunt tal-UE u l-Georgia għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi;
tal-Kumitat Konġunt tal-UE u l-Georgia għar-Riammissjoni;
tas-Sottokumitat tal-UE u l-Georgia dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà;
tal-laqgħa ta' Sħubija għall-Mobilità ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Georgia; u
tad-Djalogu bejn l-UE u l-Georgia dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
F’kull wieħed minn dawn il-kumitati u djalogi, tiġi regolarment indirizzata l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Georgia. Fl-iktar Kumitati Konġunti għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi u għar-Riammissjoni reċenti li ltaqgħu fit-13 ta' Ottubru 2015 fi Brussell u li kienu preżenti għalih ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni nnotat li l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet kienet, kumplessivament, sodisfaċenti ħafna.
Id-Djalogu bejn l-UE u l-Georgia dwar il-Viżi wera li hu għodda importanti u partikolarment effettiva biex jiġu avvanzati riformi diffiċli u estensivi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern u oqsma oħra, billi jolqot oqsma bħall-istat tad-dritt u r-riforma ġudizzjarja. Lil hinn mill-punti ta’ riferiment tal-PALV, il-Georgia għamlet passi ulterjuri biex tirriforma l-Ġudikatura kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur. Dawn il-kwistjonijiet huma mmonitorizzati f'oqfsa ta' djalogu oħrajn, bħall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u se jkunu mmonitorizzati wkoll fil-kuntest tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni.
Il-progress milħuq mill-Georgia tul l-aħħar tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba' blokok tal-PALV huwa kostanti u effettiv. Dan juri l-impenn u l-isforzi kostanti tal-Gvern Georgian u l-istituzzjonijiet statali kollha li għamlu t-twettiq tal-punti ta' riferiment tal-PALV prijorità nazzjonali ewlenija.
Il-Georgia allokat riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex tiżgura li r-riformi jkunu sostenibbli. L-UE qiegħda tikkontribwixxi wkoll għal dan il-proċess, l-iktar permezz tal-programm ta' EUR 16-il miljun għall-"Bini ta' Kapaċità b'Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni". Barra minn hekk, il-programm "Drittijiet tal-Bniedem għal kulħadd fil-Georgia" jgħin jippromwovi l-protezzjoni tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Ispettur tal-Protezzjoni tad-Dejta Personali u jistabbilixxi funzjonament effikaċi tal-amministrazzjoni tax-xogħol. L-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi tal-PALV se tkun appoġġata wkoll mill-Faċilità ta' Kooperazzjoni Teknika li ġejja, li se tkopri l-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Din l-assistenza kollha mill-UE hija ffinanzjata mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI).
Saru kampanji ta' informazzjoni komprensivi, bl-għan li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-ivvjaġġar mingħajr viża. Hemm ippjanati iktar attivitajiet qabel u wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, taħt l-"Istrateġija ta' Integrazzjoni u Komunikazzjoni tal-UE 2014-2017" u l-"Istrateġija ta' Migrazzjoni 2016-2020".
Ġew ippreżentati tliet rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-PALV. It-tielet rapport ikkonferma li l-Georgia kien fil-biċċa l-kbira konformi mal-punti ta’ riferiment kollha stabbiliti fl-erba' blokok tal-PALV u identifika azzjonijiet li, jekk jittieħdu, jiżguraw li l-Georgia tilħaq il-punti ta’ riferiment kollha għat-tieni fażi tal-PALV.
Il-Kummissjoni tqis li minn dak iż-żmien il-Georgia għamlet il-progress neċessarju u għamlet ir-riformi kollha meħtieġa biex tiżgura l-ksib effettiv u sostenibbli tal-punti ta’ riferiment li jifdal. Il-miżuri kollha identifikati fit-tielet rapport ta' progress ittieħdu. Il-qafas leġiżlattiv u politiku, il-prinċipji istituzzjonali u organizzattivi, u l-implimentazzjoni tal-proċeduri madwar l-erba' blokok jikkonformaw mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
Abbażi ta' din il-valutazzjoni, u fid-dawl tar-riżultat tal-monitoraġġ kontinwu u r-rapportar li sar mit-tnedija tad-Djalogu bejn l-UE u l-Georgia dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi f'Ġunju 2012, il-Kummissjoni tqis li l-Georgia tissodisfa l-punti ta' riferiment kollha stabbiliti fir-rigward tal-erba' blokok tat-tieni fażi tal-PALV. Wara li kkunsidrat ir-relazzjonijiet kumplessivi ta' bejn l-UE u l-Georgia, il-Kummissjoni se tippreżenta, fil-bidu tal-2016, proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorizza attivament l-implimentazzjoni kontinwa tal-Georgia tal-punti ta’ riferiment kollha skont l-erba' blokok tal-PALV permezz tal-istrutturi u d-djalogi ta' assoċjazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' mekkaniżmi ta' segwitu ad hoc.