IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.7.2015
COM(2015) 335 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0335
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Annual report on the implementation of the EU Aid Volunteers Initiative in 2014
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014
COM/2015/0335 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.7.2015
COM(2015) 335 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014
I. DAĦLA
Fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem fid-dinja matul dawn l-aħħar snin, l-organizzazzjonijiet umanitarji jeħtieġu l-appoġġ ta' aktar persuni ppreparati sew għall-għajnuna li jagħtu lill-komunitajiet milquta minn diżastri. Kif previst mit-Trattat ta’ Lisbona 1 , l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. L-għan huwa li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni biex tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet u għat-tisħiħ tal-kapaċità u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastri f’pajjiżi terzi, filwaqt li ċ-ċittadini Ewropej jingħataw l-opportunità li jkunu involuti f’azzjoni umanitarja f’pajjiżi terzi u b'hekk juru solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn.
Il-Artikolu 27 tar- Regolament (UE) Nru 375/2014 li jistabbilixxi l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżaminaw il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Rapport Annwali jiddeskrivi l-attivitajiet u l-kisbiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fl-2014 filwaqt li jikkunsidra l-ispeċifiċità tal-ewwel sena, li kienet iddedikata għall-adozzjoni tal-atti legali indispensabbli li jfasslu l-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.
II ATTIVITAJIET PREPARATORJI
1. AZZJONI PILOTA
L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE għandha bażi soda fl-azzjoni pilota li saret bejn l-2011 u l-2014 fi tliet fażijiet u li kellha l-għan li tiggwida l-istabbiliment tal-inizjattiva u tinforma l-iżvilupp ta' standards u sistemi fir-rigward ta' dimensjonijiet speċifiċi (taħriġ, mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni, l-użu, il-bażi tad-dejta) tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Tnax-il proġett pilota kienu ffinanzjati taħt l-azzjoni u permezz ta' dawn madwar 300 voluntier tqassmu f’49 pajjiż terz.
L-azzjoni pilota tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 3 rriżultat effettiva biex jiġu ttestjati mudelli jew metodi differenti għall-implimentazzjoni tad-dimensjonijiet distinti tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. It-tagħlimiet alimentaw l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni u tal-att ta' implimentazzjoni u delegat u ser jippermettu li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel għall-iskjerament tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 375/2014. Barra minn hekk, kompitu ewlieni tal-evalwazzjoni kien ukoll li jiġi żviluppat u propost qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li jikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva.
2. IL-VALUTAZZJONI TAL-ĦTIĠIJIET
Minħabba d-dimensjoni qawwija abbażi ta’ ħtiġijiet ta’ din l-inizjattiva ġdida, il-Kummissjoni qed tibni attivament il-bażi għall-iżvilupp ta’ qafas ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-“inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”. Għal dan l-għan, intużaw diversi metodi: studju komprensiv dwar il-ħtiġijiet attwali għal voluntiera 4 ; workshop ma’ grupp wiesa’ ta’ esperti u prattikanti biex jiġu esplorati diversi proċessi metodoloġiċi dwar kif il-ħtiġijiet jistgħu jiġu analizzati kull sena u permezz tal-evalwazzjoni tal-azzjonijiet pilota. Dan il-qafas ser jippermetti li l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti mill-azzjonijiet taħt l-inizjattiva jkunu vvalutati fuq bażi annwali. Il-metodoloġija ta' valutazzjonijiet abbażi ta' ħtiġijiet hija simili għal dik tal-azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja li tikkunsidra l-ispeċifiċità tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u teskludi ex-ante ż-żoni fejn hemm kunflitti armati u fejn il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE ma għandhomx jintbagħtu. Dan jippermetti għal approċċ imfassal apposta filwaqt li jiżgura l-aħjar koerenza u komplementarjetà ma’ deċiżjonijiet dinjija tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja.
III. L-ADOZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI
Il-kisba ewlenija fl-2014 kienet l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv kollu li pprovda l-bażi ġuridika għall-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, permezz tal-istabbiliment tar-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu u l-istabbiliment tal-istandards rilevanti.
Ir-Regolament li jistabbilixxi l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE ġie adottat fit-3 ta’ April 2014, u jistabbilixxi qafas għal kontribuzzjoni konġunta minn voluntiera tal-UE biex jagħtu appoġġ u jikkomplementaw l-għajnuna umanitarja f’pajjiżi terzi. Il-programm se joħloq opportunitajiet għal 18 000 persuna biex jivvoluntarjaw għal operazzjonijiet umanitarji mad-dinja kollha sal-2020, inklużi l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, voluntiera onlajn u persuni lokali li jibbenefikaw minn bini ta’ kapaċità. L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE hija miftuħa għal varjetà ta’ profili professjonali - minn żgħażagħ sa esperti umanitarji stabbiliti - biex jgħinu jintlaħqu l-ħtiġijiet umanitarji tal-aktar persuni vulnerabbli. L-UE ser tiżgura li l-parteċipanti jintbagħtu fejn il-ħiliet tagħhom huma l-aktar meħtieġa u tiżgura li dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-volontarjat lokali.
Att delegat 5 u att ta’ implimentazzjoni 6 ġew adottati u daħlu fis-seħħ fi tmiem l-2014. Kif previst fir-Regolament, dawn l-atti stabbilixxew standards għoljin u proċeduri fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet mittenti u ospitanti kif ukoll is-selezzjoni, it-taħriġ u l-mobilizzazzjoni tal-voluntiera.
Il-Kummissjoni adottat l-ewwel programm ta’ ħidma annwali tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fis-16 ta’ Ġunju 2014 7 . Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva fl-2014 kien stabbilit għal EUR 12 148 000 bil-għan li jipprovdi assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti prospettivi biex jippreparaw għaċ-ċertifikazzjoni; il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti prospettivi minn pajjiżi terzi u li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattiva; it-tnedija tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti; l-iżvilupp tal-ambjent tekniku għall-miżuri ta’ appoġġ relatati kollha, it-tnedija ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li jiżgura kopertura ta’ assigurazzjoni għall-perjodu 2015-2020.
IV. DELEGAZZJONI TA' KOMPITI LILL-EACEA
Kif previst fir-Regolament (UE) Nru 375/2014, il-Kummissjoni hija inkarigata bl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u ddelegat ċerti kompiti lill-Aġenzija għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA). L-EACEA hija aġenzija eżekuttiva responsabbli għall-implimentazzjoni tal-aspetti tekniċi tal-programmi tal-UE permezz ta’ sejħiet għal proposti, sejħiet għall-offerti u l-ġestjoni tal-kuntratti sussegwenti u għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet korrispondenti tal-baġit 8 . Dan jissarraf fi Programmi ta’ Ħidma Annwali adottati mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-azzjonijiet għal kull sena, u li huma l-bażi għal sejħiet għal proposti u għall-offerti mmexxija mill-EACEA. F’termini ta’ ġestjoni operattiva, il-Kummissjoni permezz tad-DĠ prinċipali ECHO (Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili) tibqa’ direttament responsabbli biex jiġi stabbilit Netwerk tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, il-pjattaforma onlajn ċentrali li trid tiġi żviluppata matul l-2015 u l-komunikazzjoni. Il-modalitajiet u l-proċeduri ta’ interazzjoni huma rregolati permezz ta’ Memoranda ta’ Ftehim bejn id-DĠ ECHO u l-EACEA.
V. ATTIVITAJIET IMPLIMENTATI FL-2014
Fil-31 ta’ Diċembru 2014 ġiet ippubblikata sejħa miftuħa għall-offerti għal assigurazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-voluntiera li jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jkunu koperti minn pjan tal-assigurazzjoni komplet imfassal speċifikament biex jipproteġihom matul il-perjodu kollu tal-mobilizzazzjoni tagħhom (Azzjoni 3 taħt il-Programm ta’ Ħidma Annwali 2014).
L-azzjonijiet kollha meħtieġa ġew implimentati sabiex jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal proposti għal assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti u l-bini tal-kapaċità għall-għajnuna umanitarja tal-organizzazzjonijiet ospitanti (Azzjoni 1) u ta' sejħa għal applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet emittenti u dawk ospitanti li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (Azzjoni 2) kmieni fl-2015 9 .
L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tipprovdi opportunità addizzjonali biex jiġi enfasizzat il-valur u l-impatt tal-volontarjat u tintwera fl-azzjoni s-solidarjetà tal-UE ma’ komunitajiet f’pajjiżi milquta minn diżastru. Miżuri ta’ appoġġ għal netwerking u komunikazzjoni (Azzjoni 4) għandhom l-għan li jissensibilizzaw, jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni, joħolqu opportunitajiet ġodda għall-parteċipazzjoni u jappoġġjaw netwerking bejn il-parteċipanti. Fl-2014 is-servizzi tal-Kummissjoni u l-EACEA organizzaw Jum l-Informazzjoni u n-Netwerking li sar f’Jannar 2015. L-għan ta’ dan l-avveniment pubbliku kien li jispjega lis-sħab futuri - organizzazzjonijiet implimentattivi - l-opportunitajiet li hemm fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u biex iniedi l-ewwel attivitajiet tal-inizjattiva (is-sejħa għal proposti għal assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità u s-sejħa għal applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti).
Il-paġna web għal Voluntiera tal-għajnuna tal-UE fuq il-websajt tad-DĠ ECHO 10 se tkompli tippubblika informazzjoni dwar l-inizjattiva u prodotti ta’ komunikazzjoni bħalma huma blogs minn voluntiera, artikli u vidjows. Pjattaforma dwar l-inizjattiva se tipprovdi informazzjoni addizzjonali għall-voluntiera u l-organizzazzjonijiet parteċipanti, spazju ta’ ġġwidar għall-voluntiera, attivitajiet ta’ volontarjat onlajn u opportunitajiet ta’ netwerking kemm għall-voluntiera kif ukoll għall-organizzazzjonijiet. Attivitajiet speċifiċi previsti għall-2015 jinkludu konferenza biex l-esperjenzi tal-fażi pilota jinbnew lejn il-fażijiet li jmiss tal-inizjattiva, l-iżvilupp tal-pjattaforma u avveniment ta’ tnedija.
Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet taħt l-azzjonijiet tal-Programm Annwali ta’ Ħidma se jiġu ppreżentati fir-rapport annwali li jmiss.
VI. KONKLUŻJONIJIET U ĦARSA 'L QUDDIEM
Is-sena 2014 kienet waħda importanti ħafna għall-inizjattiva Ewropea Voluntiera tal-Għajnuna hekk kif ġiet adottata l-bażi ġuridika u segwew l-attivitajiet amministrattivi u organizzattivi biex b'hekk inħolqu pedamenti sodi u kundizzjonijiet favorevoli biex l-inizjattiva tiġi stabbilita u tikber. Minħabba l-ħtieġa li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni u ddelegati, l-2014 kienet prinċipalment sena ta’ miżuri leġiżlattivi u preparatorji. Is-sena 2014 immarkat ukoll l-implimentazzjoni tas-sena finali tal-azzjoni pilota u pprovdiet il-lezzjonijiet ewlenin diġà integrati fl-azzjonijiet ġenerali tal-leġiżlazzjoni.
L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tinsab fi triqtha biex tilħaq l-objettivi pluriennali tagħha. L-azzjonijiet kollha ġew ippreparati sabiex jingħataw bidu fl-2015 wara l-adozzjoni msemmija hawn fuq tal-atti legali: iċ-ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet mittenti u ospitanti li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE; il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ospitanti u l-assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet emittenti; skema ta’ assigurazzjoni komprensiva għall-voluntiera; it-taħriġ ta’ qabel l-iskjerament għall-voluntiera kollha; l-iskjerament tal-voluntiera minn organizzazzjonijiet iċċertifikati. L-ewwel postijiet battala għall-voluntiera se jsiru disponibbli kmieni fl-2016.
Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u tinvesti f’komunikazzjoni siewja biex titqajjem kuxjenza u jinġabru l-lezzjonijiet mitgħallma. Għadd ta’ attivitajiet huma ppjanati li jseħħu, fosthom konferenza biex timmarka l-għeluq tal-azzjonijiet preparatorji bir-ritorn ta’ voluntiera mill-fażi finali tal-proġetti pilota u avveniment b'viżibbiltà għolja biex tiġi varata l-fażi tal-iskjerament tal-voluntiera.
Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE ssibha fl-indirizz li ġej:
http://ec.europa.eu/echo/what/humanitarian-aid/eu-aid-volunteers_en
L-azzjoni pilota ġiet evalwata minn evalwatur indipendenti:
http://ec.europa.eu/echo/files/evaluation/2014/pilot_project_euaidvolunteers_final_report_en.pdf
Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1398/2014 tal-24 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi standards u proċeduri dwar il-voluntiera kandidati u l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (ĠU L 373, 31.12.2014, p. 8).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew tal-Għajnuna Umanitarja ( “l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (ĠU L 334, 21.11.2014, p. 52).