Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE3722

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ” (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 176–182 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/176


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ”

    (opinjoni esploratorja)

    (2016/C 013/26)

    Relaturi:

    Stefan BACK u Raymond HENCKS

    Nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Presidenza Lussemburgiża futura tal-Kunsill tal-UE ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ”

    (opinjoni esploratorja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’150 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-Kummissjoni Juncker biex jiġi miġġieled id-dumping soċjali kif espress fl-opinjoni tiegħu tal-2015 dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport, kif ukoll l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri preventivi (1).

    1.2.

    Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill għall-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ dumping soċjali, bħal dawk relatati ma’ xogħol mhux iddikjarat (2).

    1.3.

    Il-KESE jiddispjaċih li l-kunċett ta’ dumping soċjali filwaqt li jintuża estensivament mhuwiex definit. Għall-fini ta’ din l-Opinjoni l-KESE jikkunsidra bħala dumping soċjali l-prattiki li għandhom l-għan li jevitaw jew li huma bi ksur tar-regolamenti soċjali jew tal-aċċess tas-suq (kumpaniji “letterbox”) sabiex jiksbu vantaġġi kompetittivi. Din l-opinjoni se tiffoka fuq modi biex jittrattaw ma’ dan it-tip ta’ azzjoni.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex:

    jiġu ssimplifikati u ċċarati r-regolamenti tal-UE dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, b’mod partikolari fir-rigward tal-kabotaġġ sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni;

    jissaħħu l-kriterji ta’ stabbiliment biex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kumpaniji “letterbox”;

    pakkett dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u jtejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri biex jiġġieldu d-dumping soċjali, il-frodi u l-abbuż rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

    1.5.

    Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għal Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ xogħol mhux iddikjarat u jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jadottaw din il-proposta malajr (3).

    1.6.

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn urġenti għal azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi evitat ir-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern fit-trasport bit-triq permezz ta’ miżuri nazzjonali unilaterali fil-ġlieda kontra d-dumping soċjali. Azzjoni ta’ suċċess tal-UE tista’ toħloq kundizzjonijiet favorevoli għal aktar ftuħ fis-suq (4).

    1.7.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, li huma primarjament responsabbli għall-infurzar kemm tal-leġislazzjoni tat-trasport bit-triq kif ukoll il-leġislazzjoni soċjali, biex jagħtu prijorità għal dan li ġej:

    l-iżgurar ta’ kooperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet tax-xogħol u dawk tas-sorveljanza tat-trasport bit-triq fl-Istati Membri tal-UE;

    il-konsolidazzjoni tad-data tar-reġistri elettroniċi nazzjonali għall-impriżi tat-trasport bit-triq (ara r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), Artikolu 16) b’reġistri soċjali u tax-xogħol tas-sewwieqa professjonali biex jitjieb l-infurzar transkonfinali u jiġi miġġieled l-abbuż jew il-frodi;

    l-implimentazzjoni urġenti tal-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali permezz ta’ Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), li kellu jkun fis-seħħ f’Diċembru 2012, sabiex jitjiebu l-infurzar u l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri; jista’ jiġi kkunsidrat f’dan il-kuntest l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (6).

    l-infurzar sħiħ fis-settur tat-trasport bit-triq tal-minimi obbligatorji imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (Regolament Ruma I), tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar l-infurzar ta’ dik id-Direttiva. Il-KESE jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra d-Direttivi 96/71/KE u 2014/67/UE biex issir taf jekk gwida jew miżuri oħra huma meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effiċjenti u legalment ċerta fis-settur tat-trasport bit-triq.

    1.8.

    Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-konformità rinfurzat m’għandux ifisser rekwiżiti mhux proporzjonati li jfixklu kompetizzjoni normali bejn il-kumpaniji Ewropej tat-trasport u t-tlestija tas-suq intern fis-settur tat-trasport bit-triq.

    1.9.

    Il-KESE jinnota wkoll li meta tiġi proposta s-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-aċċess tas-suq, inkluż il-kabotaġġ, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-għażla tal-allinjament tar-regoli dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ dawk applikabbli għall-forniment temporanju tas-servizzi b’mod ġenerali, filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku tas-settur tat-trasport. Is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess għas-suq għandha tipprovdi bażi għal infurzar aktar koerenti u kultura msaħħa ta’ konformità li tillimita l-possibbiltajiet għal dumping soċjali. Is-simplifikazzjoni għandha tkun marbuta mill-qrib mal-infurzar b’saħħtu ta’ miżuri deċiżi sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali.

    1.10.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattika dwar infurzar effettiv sabiex jiġu miġġielda l-abbużi u d-dumping soċjali. Għal dan il-għan, ser tiġi organizzata konferenza tal-UE ta’ livell għoli biex tiġi ppreżentata u kondiviża l-aħjar prattika.

    1.11.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi proġetti li jinkoraġġixxu u jistimolaw impriżi konformi permezz ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni tar-riskju effettivi u operattivi.

    2.   Il-qagħda attwali tas-settur u s-suq

    2.1.

    It-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa l-mutur tal-ekonomija Ewropea. Dan jammonta għal 73 % tat-trasport intern tal-merkanzija. Il-merkanzija tirrappreżenta kważi 2 % tal-PDG Ewropew. Is-sehem tat-trasport internazzjonali żdied b’mod moderat bejn l-2004 u l-2012 minn 30 % għal 33 %. In-numru ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ żdiedu b’50 %, iżda s-sehem tas-suq tagħhom għadu baxx (5 % biss). Mill-2005 sal-2012 l-operazzjonijiet nazzjonali ta’ trasport ta’ merkanzija naqsu b’9,1 %, filwaqt li l-kummerċ transkonfinali kien il-parti tas-suq tat-trasport tal-merkanzija li kiber bl-ikbar rata: iktar minn 80 % bejn l-2004 u l-2012 (10).

    2.2.

    Fl-2013 biss, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ żdiedu b’20 %. L-Ewropa tal-Punent għandha l-ogħla perċentwali ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. B’hekk, 86 % tat-total ta’ kabotaġġ isir fil-Ġermanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Belġju u l-Isvezja (11). Skont studju (12) għall-Kummissjoni Ewropea, il-maġġoranza tat-trasport nazzjonali jitwettaq minn trasportaturi domestiċi bbażati f’dak l-Istat Membru.

    2.3.

    Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tas-suq ippubblikat fl-2014 jiddikjara li, kollox ma’ kollox, il-pagi, il-livelli assoluti tal-ispejjeż tax-xogħol u elementi oħra ta’ remunerazzjoni, qed jikkonverġu madwar l-UE (13). Diverġenzi persistenti jingħad li jikkorrispondu għad-differenza ġenerali fil-livelli tal-pagi bejn l-UE-12 (UE-13) u l-UE-15 (UE-15 ifisser Stati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004 u UE-12 jew UE-13 huma l-istati li ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara).

    2.4.

    Dawn id-differenzi għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest speċifiku tas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li huwa kkaratterizzat minn livell għoli ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol u minn attività transkonfinali qawwija. Filwaqt li dawn id-differenzjali tal-pagi huma inevitabbli u aċċettabbli għas-suq intern kollu, jekk jiġu sfruttati b’mod li jevitaw jew huma kontra l-liġi, jista’ jkollhom impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur, u s-sitwazzjoni tas-sewwieqa, kif tidher f’din is-sottotaqsima (14).

    2.5.

    Huwa rikonoxxut li s-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi oħra. Barra minn nuqqas ta’ sewwieqa b’ħiliet ta’ livell għoli, is-settur għadu mhux attraenti għaż-żgħażagħ u n-nisa, l-iżjed minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, remunerazzjoni baxxa, nuqqas ta’ prospetti għall-karriera u rekord fqir ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja (15). Filwaqt li din l-Opinjoni tiffoka fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat id-dumping soċjali fis-settur, huwa rikonoxxut li jekk isir progress biex jintlaħqu l-isfidi msemmija hawn fuq, jista’ jsir kontribut pożittiv għall-mitigazzjoni tad-dumping soċjali.

    3.   Ir-regoli tal-UE applikabbli għas-settur tat-trasport bit-triq

    3.1.

    Il-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza tal-UE hawn taħt huma partikolarment rilevanti għal din l-opinjoni.

    a.

    Aċċess għall-professjoni u l-aċċess għas-suq:

    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq;

    Ir-Regolament KE (Nru) 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

    b.

    Leġislazzjoni soċjali speċifika għat-trasport bit-triq:

    Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq;

    Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ fis-settur tat-trasport bit-triq;

    c.

    Leġislazzjoni pertinenti oħra tal-UE (soċjali, eċċ.) applikabbli għas-setturi industrijali kollha:

    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (ir-Regolament “Ruma I”) dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali;

    Sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ ta’ Koelzsch (15 ta’ Marzu 2011) u Voogsgeerd (15 ta’ Diċembru 2011), li jiċċaraw l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-settur tat-trasport bit-triq;

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) 987/2009 li jakkumpanja dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali;

    Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi;

    Id-Direttiva 2014/67/UE dwar l-infurzar tad-Direttiva dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi.

    3.2.

    Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Direttiva tal-Infurzar tagħha japplikaw kull meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema jkunu sodisfatti. Għalhekk, id-Direttivi japplikaw biss rigward stazzjonar temporanju ‘l barra mill-pajjiż fejn is-sewwieq normalment jaħdem. Fejn applikabbli d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tagħti l-paga minima u ċerti provvedimenti soċjali oħra tal-Istat Membru fejn isir ix-xogħol. Alternattivament, il-liġi applikabbli ser tkun irregolata b’kuntratt u r-Regolament Ruma I dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratti (Regolament (KE) Nru 593/2008). Ir-Regolament Ruma I se jagħti preferenza għar-regoli obbligatorji tal-impjieg applikabbli fil-pajjiż fejn, jew li minnu, isir ix-xogħol abitwalment, irrispettivament mill-bażi ta’ residenza tal-impjegat jew mil-liġi magħżula fil-kuntratt tal-impjieg. Issir referenza għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkwotati hawn fuq taħt 3.1.

    3.3.

    F’għadd ta’ sitwazzjonijiet se jkun diffiċli li wieħed juri li r-Regolament Ruma I jew id-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema se jagħtu preċedenza għal dispożizzjonijiet minbarra l-liġi tal-pajjiż li huwa l-bażi tar-residenza jew il-liġi miftiehma kuntrattwalment. Meta jsiru deċiżjonijiet dwar il-liġi applikabbli, l-entitajiet ta’ infurzar imbagħad jikkunsidraw l-elementi rilevanti kollha, inkluż ir-rekwiżit għal rabta reali mal-pajjiż li huwa l-bażi tar-residenza sabiex tkun tapplika dik il-liġi.

    3.4.

    Il-KESE jirrimarka li d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema ġiet applikata b’modi differenti fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu skrutinizzati l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u tad-Direttiva ta’ infurzar 2014/67/UE fil-kuntest tal-pakkett tal-mobbiltà tal-ħaddiema ppjanat li jiżgura infurzar koerenti u effiċjenti.

    3.5.

    Kif diġà ġie indikat f’regoli partikolari dwar l-aċċess tas-suq fis-settur tat-trasport bit-triq, flimkien mal-kabotaġġ, dawn mhumiex ċari u huma kumplessi u interpretati u implimentati fi Stati Membri differenti. Dan joħloq inċertezza legali għal dawk kollha kkonċernati u jagħmilha diffiċli li tiġi verifikata l-konformità.

    3.6.

    Il-problemi tal-implimentazzjoni t’hawn fuq, flimkien ma xewqa biex jittrattaw b’mod urġenti l-kwistjoni tad-dumping soċjali wasslu għal sitwazzjoni fejn numru ta’ Stati Membri adottaw leġislazzjoni nazzjonali biex jittrattaw il-problema tal-pagi u tal-istandards soċjali. Miżuri bħal dawn diġà qed jikkawżaw problemi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Pereżempju, fir-rigward ta’ pagi minimi nazzjonali u r-regolamenti dwar il-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ (20).

    4.   Il-problema u lil min taffettwa

    4.1.

    Din l-opinjoni esploratorja tittratta d-dumping soċjali u l-kabotaġġ fit-trasport tal-merkanzija bit-triq. Għat-trasportaturi mill-Punent tal-Ewropa, il-forza tax-xogħol tirrappreżenta bil-bosta l-akbar parti mill-ispejjeż operattivi tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, għall-operaturi bbażati fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-ogħla spiża medja hija l-fjuwil. Struttura tal-ispejjeż differenti tista’ wkoll tippermetti aktar investiment. F’dan l-isfond, ċerti trasportaturi tal-UE-15 jesperjenzaw żvantaġġ kompetittiv u jfittxu li jużaw forza tax-xogħol b’paga baxxa. Dan xi drabi jsir minn trasportaturi fl-UE-15 kif ukoll fl-UE-13 permezz ta’ skemi li jevadu jew jiksru l-leġislazzjoni tal-UE jew nazzjonali (jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1071/2009, id-Direttiva 96/71/KE, l-hekk imsejħa sistemi tal-kumpaniji “letterbox”, eċċ.). Lakuni fil-leġislazzjoni u n-natura mobbli tal-attivitajiet tat-trasport jistgħu jagħmluha diffiċli li jiġu skoperti skemi illegali. Kif jintwera fil-punt 4.6 hawn isfel, l-ispejjeż tax-xogħol jistgħu jitnaqqsu wkoll b’mod perfettament legali. Madankollu, fi kwalunkwe każ, ħafna drabi dan joħloq tensjonijiet.

    4.2.

    Il-partijiet affettwati b’mod negattiv minn prattiki ta’ dumping soċjali huma, b’mod partikolari, impriżi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li ma jirrikorrux għal tali prattiki u sewwieqa professjonali, tal-inqas fl-UE-15. Barra minn hekk atturi serji jsofru ħsara għall-immaġni tagħhom u huma esposti għal effetti negattivi ta’ tali miżuri unilaterali bħal kif evokat hawn fuq fil-punt 3.6. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana proposti fl-2016 biex tindirizza l-problema ta’ dumping soċjali fit-trasport bit-triq. Madankollu, mingħajr analiżi soda u kompleta tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq wieħed ma tantx jista’ jistenna proposta rilevanti. Diġà teżisti data fil-livell nazzjonali permezz tar-reġistri elettroniċi nazzjonali (NERs) għal impriżi ta’ trasport bit-triq. Fil-livell tal-UE, id-data kellha tkun disponibbli bħala regola permezz tar-Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), li kellhom jagħqdu n-NERs u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ data dwar ir-reputazzjoni ta’ impriżi sa Diċembru 2012, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. L-ERRU għadu ma ġiex implimentat. Il-KESE jiddispjaċih ta’ dan u jqis li dan in-nuqqas għandu effetti negattivi fuq il-kontroll tal-konformità.

    4.3.

    Fir-rigward ta’ sewwieqa professjonali prattiki illegali prinċipalment jikkonċernaw:

    Paga – għalkemm ir-remunerazzjoni skont il-pajjiż li huwa l-bażi ta’ residenza tas-sewwieq (prinċipju ta’ “pajjiż ta’ oriġini”) tkun perfettament normali u aċċettabbli meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet legali, jeżistu każijiet, speċjalment fil-kabotaġġ, fejn dan il-prinċipju jintuża b’mod abbużiv, f’kontradizzjoni mad-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema jew ir-Regolament Ruma I.

    Kundizzjonijiet tax-xogħol: ippjanar mhux xieraq tal-vjaġġi tas-sewwieq, li jwassal għal ħin ta’ sewqan eċċessiv; remunerazzjoni tal-ħin ta’ sewqan biss, u mhux tal-attivitajiet li jseħħu matul il-ħin tax-xogħol, bħat-tagħbija u l-ħatt.

    Sigurtà soċjali – nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn min iħaddem, b’impatt kritiku fuq id-drittijiet u l-benefiċċji għas-sewwieqa u l-familji tagħhom.

    Benefiċċji tas-saħħa – il-kumpanija tiċċarġja lis-sewwieq għal assigurazzjoni medika, u/jew kura medika, eċċ.

    4.4.

    Numru ta’ impriżi żviluppaw skemi ta’ impjieg kumplessi u ambigwi, billi jieħdu vantaġġ tan-natura transkonfinali u l-mobbiltà għolja tas-settur, u b’hekk jirrikorru lill-aġenziji, il-kumpaniji tal-ekwipaġġar jew kumpaniji fittizji (is-sistema “letterbox”) ibbażati fi Stati Membri b’livell baxx ta’ protezzjoni u standards tax-xogħol u soċjali baxxi. Skont iċ-ċirkostanzi dawn l-arranġamenti jistgħu jkunu marġinali jew illegali, b’mod partikolari fejn ir-rabtiet tal-kuntratti tal-impjieg għal pajjiż b’pagi baxxi u standards soċjali baxxi huma fittizji.

    4.5.

    L-iskemi ta’ impjieg kumplessi tat-trasport bit-triq jagħmluha aktar diffiċli biex tiġi intraċċata l-impriża u biex tiġi ddikjarata responsabbli, pereżempju, f’każ ta’ talbiet relatati ma’ pagi jew sigurtà soċjali mhux imħallsa. B’mod invers, dawn il-prattiki illeċiti tal-impjieg jagħmluha ħafna aktar diffiċli biex sewwieqa mhux residenti – aħseb u ara minn pajjiż terz – biex jifhmu, jimmaniġġjaw u jaċċessaw id-drittijiet u l-benefiċċji tagħhom.

    4.6.

    Eżempji ta’ prattiki li jistgħu jkunu ta’ ksur il-liġi huma:

    Li joperaw permezz ta’ kumpanija “letterbox” – dan ġie pprojbit mill-2011 wara l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, li jistipula li d-dritt li wieħed jiftaħ negozju fi Stat Membru huwa garantit u miżmum biss jekk il-kumpanija jkollha “stabbiliment stabbli u effettiv”.

    Japplikaw il-pagi u l-kundizzjonijiet lokali tal-pajjiż residenzjali, u mhux regoli obbligatorji tal-pajjiż li fih jew li minnu s-sewwieq normalment iwettaq l-attività – meta bi ksur tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u r-Regolament Ruma I (mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każ Koelzsch), kif spjegat fit-Taqsima 3 t’hawn fuq.

    Remunerazzjoni għal kull kilometru misjuq – dan huwa bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, li jipprojbixxi dan it-tip ta’ pagament peress li jirrappreżenta riskju għas-sikurezza fit-toroq.

    Is-sewwieqa jgħixu għal xhur fi u madwar it-trakk, bi ftit jew l-ebda aċċess għal faċilitajiet sanitarji, ikel sħun, eċċ. – bi ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 31 “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.

    Huwa ċar li se jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu b’mod perfettament legali, pereżempju billi tiġi stabbilita kumpanija sussidjarja jew bl-użu ta’ kumpanija indipendenti ta’ reklutaġġ.

    4.7.

    Il-kabotaġġ huwa definit bħala t-trasport nazzjonali ta’ merkanzija mwettaq minn trasportaturi mhux residenti, fuq bażi temporanja, fi Stat Membru ospitanti. “Temporanju” huwa definit bir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bħala tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn sebat ijiem wara vjaġġ internazzjonali għal stat ospitanti. L-infurzar u l-kontroll tal-kabotaġġ huma diffiċli minħabba li r-regolament tal-aċċess tas-suq ma jagħmilx l-infurzar faċli. Dan jipprevjeni lill-infurzaturi milli jitolbu dokumenti addizzjonali sabiex jivverifikaw il-konformità mar-regoli tal-kabotaġġ. Barra minn hekk, ir-regoli nfushom mhumiex ċari fuq numru ta’ punti u jinftehmu b’modi differenti fi Stati Membri differenti. Dan pereżempju huwa l-każ rigward id-definizzjoni ta’ vjaġġ. Dan wassal għal rata baxxa ta’ kontrolli, kemm fit-triq kif ukoll fis-sede tal-kumpanija.

    4.8.

    Il-KESE jikkunsidra li struttura tal-ispejjeż differenti fl-UE-13 se tattira l-kumpaniji. Mill-aspett tas-suq intern din mhijiex problema. Madankollu, għandu jiġi nnotat li sakemm l-attivitajiet li jingħad li huma bbażati fi stati tal-UE-13 huma fil-fatt stabbiliti fil-forma ta’ kumpaniji “letterbox”, b’ebda attività reali fl-UE-13, jista’ jkun hemm każ ta’ dumping soċjali. Fl-2013, iffaċċjati bil-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex tilliberizza r-regoli dwar il-kabotaġġ, l-Imsieħba Soċjali Ewropej mis-settur tat-trasport bit-triq, l-ETF u l-IRU, ikkomunikaw li s-suq ma kienx lest għall-ftuħ sħiħ tas-settur tat-trasportazzjoni domestiku għall-kompetizzjoni, preċiżament minħabba d-differenzi soċjali u fiskali madwar l-UE (21). L-IRU u l-ETF appellaw biex ir-regoli ma jinbidlux iżda biex minflok jiġu infurzati b’mod iżjed effettiv.

    4.9.

    Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi żgurat li sewwieqa ta’ pajjiżi terzi impjegati minn kumpaniji tal-UE jiġu reklutati b’rispett sħiħ għar-regoli tal-immigrazzjoni applikabbli, li jaħdmu taħt kundizzjonijiet li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet legali obbligatorji u li jinħarġilhom ċertifikat tas-sewqan kif meħtieġ mil-leġislazzjoni tal-UE.

    4.10.

    Huwa f’dan l-isfond li wieħed għandu jara l-enfasi attwali tal-Kummissjoni fuq id-dumping soċjali, kif ġie ddikjarat fil-prijoritajiet politiċi tal-President Juncker u l-programm ta’ ħidma tal-2015 u li l-Kunsill esprima, inter alia, fil-programm tal-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill.

    Minbarra l-proposta pendenti għal pjattaforma sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat u d-dumping soċjali, il-Kummissjoni ħabbret żewġ inizjattivi sinifikanti:

    Reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar it-trasport bit-triq sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar stabbilimenti u l-kabotaġġ u jiġu ffaċilitati l-kontrolli.

    Pakkett dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema sabiex jiġu evitati l-evażjoni u l-abbuż.

    Li jkun hemm suċċess fuq dawn il-punti huwa essenzjali sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern fit-trasport permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal aktar ftuħ tas-suq f’dan is-settur.

    4.11.

    Il-KESE jista’ jressaq l-għażla tas-simplifikazzjoni tar-regoli tal-aċċess tas-suq fuq il-kabotaġġ billi jintroduċi regola simili għal dik li tapplika fir-rigward tal-forniment tas-servizz transkonfinali b’mod ġenerali. Dan ifisser rabta ċara tad-dritt li jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ mal-karattru temporanju tagħhom. Dan jevita l-għadd bla tmiem u sistematiku ta’ kabotaġġ ta’ perjodu ta’ sebat ijiem li bħalissa jidher possibbli, u jagħmel iktar ċar fejn jidher obbligu li jinħoloq stabbilment fil-pajjiż ospitanti. Dan jevita wkoll id-diverġenzi attwali dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet pjuttost dettaljati iżda mhux ċari fir-regoli preżenti.

    Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14.

    (2)  Il-programm tal-Presidenza tal-Lussemburgu, p. 13.

    (3)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 43.

    (4)  Il-KESE, f’dan il-kuntest, jirreferi għall-valutazzjoni magħmula fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni (COM(2014) 222 final).

    (5)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.

    (6)  Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

    (7)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

    (8)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

    (9)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

    (10)  “Kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq”, Studju għall-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew, 2015,.

    (11)  Idem.

    (12)  “Collection and Analysis of Data on the Structure of the Road Haulage Sector in the European Union”, AECOM, 2014.

    (13)  Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda tas-suq tat-trasport bit-triq fl-Unjoni, COM(2014) 222 final.

    (14)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni COM(2014) 222 final, Taqsima 3.2.

    (15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

    (16)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.

    (17)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

    (18)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

    (19)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (20)  Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2015 u artiklu fil-Financial Times tad-19 ta’ Mejju 2015“Protests from Road haulage industry forces Brussels to act”. Ara wkoll il-Bulletin tad-DĠ Move, Ħarġa 183, 12.9.2014 u t-tweġibiet mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Parlament Ewropew E – 006597 – 14 u E – 007161 – 14.

    (21)  “Proposta tal-Imsieħba tas-Settur Soċjali għal Pakkett ta’ Politika għar-Reviżjoni li jmiss tar-Regolamenti tal-UE 1071/2009 dwar l-Aċċess għall-Professjoni u 1072/2009 dwar l-Aċċess għas-Suq tat-Trasport bit-Triq”, 2013.


    Top