EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE1407

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki” (COM(2015) 45 final – 2015/0028 (COD))

ĠU C 332, 8.10.2015, p. 77–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 332/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki”

(COM(2015) 45 final – 2015/0028 (COD))

(2015/C 332/09)

Relatur:

is-Sur Thomas MCDONOGH

Nhar it-12 ta’ Frar 2015 u nhar l-20 ta’ Frar 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki”

COM(2015) 45 final – 2015/0028 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Mejju 2015.

Matul il-508 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta' Mejju 2015 (seduta tas-27 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'161 vot favur u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

L-emenda għal-leġislazzjoni tal-UE għandha tiġi adottata biex tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fir-rigward tar-Regolament Bażiku li sar fit-18 ta’ Ġunju 2014 meta tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO adotta r-rapporti tal-panel u tal-korp tal-appell.

1.2

Ir-regoli u r-regolamenti dwar il-qtil umanitarju għandhom jiġu infurzati b'mod rigoruż minn awtoritajiet differenti inkluża l-UE. Għandhom jittieħdu l-passi kollha possibbli biex tiġi eliminata t-tbatija bla bżonn tal-popolazzjoni tal-foki. Pereżempju, m'hemmx mod ieħor kif tiddeskrivi l-qtil taż-żgħar tal-foki b'daqqiet ta' ħatar fir-rebbiegħa fil-Kanada ħlief bħala barbaru, u l-organizzazzjonijiet dinjija tad-drittijiet tal-annimali jiġġildu dan kontinwament. Il-KESE jobgħod dan il-mod ta' qtil.

1.3

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti kwoti realistiċi u verifikabbli, inklużi metodi ta’ qtil permissibbli, għall-kaċċa tradizzjonali għal skopijiet ta' għajxien mill-komunitajiet Inuit. Il-benesseri tal-annimali għandu jiġi rispettat simultanjament.

1.4

Il-kwoti, il-limiti tal-kaċċa, kwistjonijiet oħra ta' konformità, eċċ., għandhom ikunu mmonitorjati u kkontrollati b'mod adegwat.

1.5

Ir-rekwiżiti minimi għal skema ta' traċċabilità jistgħu jkunu formulati bħala sett ta’ rekwiżiti li l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jimportaw fl-UE jridu jissodisfaw, inklużi tliet aspetti ewlenin (1):

1.

Rekwiżiti ta' identifikazzjoni,

2.

Rekwiżiti dwar rekords u żamma ta’ rekords,

3.

Il-kapaċità li jitfasslu rapporti ta’ traċċabbiltà (verifika).

2.   Introduzzjoni

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (“ir-Regolament Bażiku”) jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq tal-Unjoni.

2.2

Ir-Regolament Bażiku jinkludi eċċezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali tal-prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom (“l-eċċezzjoni IC”).

2.3

Dan jinkludi wkoll eċċezzjonijiet għall-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki derivati minn foki kkaċċjati biss bil-għan ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar mingħajr skop ta’ qligħ u mhux għal raġunijiet kummerċjali (“l-eċċezzjoni MRM”) kif ukoll għal importazzjonijiet ta’ natura okkażjonali u li jkunu esklużivament oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom.

2.4

Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta’ Awwissu 2010, jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku.

2.5

Iż-żewġ atti (“ir-reġim dwar il-foki tal-UE”) ġew ikkontestati mill-Kanada u n-Norveġja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) fit-tilwima dwar il-KE – Miżuri li jipprojbixxu l-Importazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti tal-Foki (DS400 u DS401).

2.6

Filwaqt li r-rapporti tad-WTO kkonkludew li fil-prinċipju, il-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki tista' tiġi ġġustifikata minħabba tħassib morali dwar it-trattament xieraq tal-foki, iż-żewġ pajjiżi kienu kontra ż-żewġ eċċezzjonijiet, l-eċċezzjoni IC u l-eċċezzjoni MRM.

2.7

Instab li l-eċċezzjoni MRM ma kinitx ġustifikata għax id-differenza possibbli tad-dimensjoni kummerċjali tal-kaċċa kummerċjali u l-kaċċa MRM (fuq skala żgħira u mingħajr skop ta’ profitt) ma kinitx biżżejjed biex tiġġustifika d-distinzjoni.

2.8

Filwaqt li fil-prinċipju l-eċċezzjoni IC tirrifletti distinzjoni leġittima, il-Korp tal-Appell iddeċieda li xi elementi tat-tfassil u l-applikazzjoni tagħha kienu jwasslu għal “diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli”.

2.9

Fl-10 ta’ Lulju 2014 l-Unjoni Ewropea nnotifikat lid-DSB li biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.

2.10

Fil-5 ta’ Settembru 2014, l-Unjoni Ewropea, il-Kanada u n-Norveġja qablu li l-perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB għandu jkun ta’ 16-il xahar. Għalhekk, il-perjodu raġonevoli ta’ żmien ser jiskadi fit-18 ta’ Ottubru 2015.

2.11

L-għan ta’ din il-proposta leġislattiva huwa li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fir-rigward tar-Regolament Bażiku. Din toħloq ukoll il-bażi legali biex ir-Regolament (UE) Nru 737/2010 jikkonforma ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

2.12

Ir-rimedju għat-tħassib dwar l-eċċezzjoni MRM isir billi din titneħħa mir-Regolament Bażiku. It-tħassib dwar it-tfassil u l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni IC huwa indirizzat bil-modifikazzjoni tal-eċċezzjoni, b’mod partikolari billi l-użu tagħha jintrabat mar-rispett tal-benesseri tal-annimali u billi jiġi stipulat limitu għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki jekk l-iskala tal-kaċċa jew ċirkostanzi oħra ikunu tali li jindikaw li l-kaċċa qed issir primarjament għal skopijiet kummerċjali.

2.13

Barra minn hekk, l-esperti tal-Kummissjoni qed jaħdmu flimkien ma’ esperti mill-Kanada sabiex jistabbilixxu sistema ta’ ċertifikazzjoni meħtieġa biex jippermettu lill-Inuit Kanadiżi jużaw l-eċċezzjoni tal-Inuit skont ir-reġim tal-UE dwar il-foki.

2.14

Il-gvernijiet differenti involuti għandhom jistabbilixxu struttura ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti mill-Inuit.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-kaċċa għall-foki hija parti integrali mill-kultura u l-identità tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra u tagħti kontribut kbir għall-għajxien tagħhom. Il-projbizzjoni sħiħa tal-kaċċa tal-foki, stabbilita ħafna snin ilu minħabba l-pressjoni tal-opinjoni pubblika, iġġenerat kriżi profonda għall-komunitajiet Inuit ikkaratterizzati mill-faqar u l-inkapaċità li tiġi żgurata s-soppravivenza tagħhom. Fil-preżent, 90 % tal-Inuit huma qiegħda u numru kbir minnhom huma kompletament dipendenti fuq is-sigurtà soċjali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kaċċa għall-foki tradizzjonalment imwettqa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra reċentement reġgħet ġiet introdotta jekk issir għas-sussistenza tagħhom.

3.2

Il-KESE jipproponi li fil-proċess bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Kanadiż tiġi involuta l-Komunità tal-Inuit, sabiex flimkien isibu l-aħjar mod kif jiġi żgurat id-dritt tal-Inuit għas-sussistenza kontinwa, u, fl-istess ħin, biex jipproteġu l-foki mill-kummerċ internazzjonali u mill-estinzjoni.

3.3

L-istess bħalma jiġri f'kaċċa oħra għall-foki, meta ssir il-kaċċa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, ma jistax jiġi applikat, b’mod effettiv u konsistenti, metodu ta’ qtil ġenwinament umanitarju. Madankollu, fid-dawl tal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, huwa xieraq li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra isir bil-kundizzjoni li dik il-kaċċa, sa fejn ikun possibbli, issir b’mod li jnaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija lill-annimali kkaċċjati.

3.4

Bħala eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir bl-iskop waħdieni ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

3.5

Filwaqt li hija rikonoxxuta l-importanza tal-kaċċa bl-iskop ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, madankollu, fil-prattika jista' jkun diffiċli li l-kaċċa ta' dan it-tip tkun distinta mill-kaċċa fuq skala kbira li ssir primarjament għal skopijiet kummerċjali. Dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-prodotti mill-foki kkonċernati. Għalhekk, din l-eċċezzjoni ma għandhiex tibqa' tiġi stipulata.

3.6

It-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa fost l-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin.

(a)

il-kaċċa saret b'mod tradizzjonali mill-komunità,

(b)

il-kaċċa tikkontribwixxi għas-sussistenza tal-komunità u ma ssirx primarjament għal raġunijiet kummerċjali,

(c)

il-kaċċa, sa fejn ikun possibbli, issir b’mod li jnaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija tal-annimali kkaċċjati, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għajxien tradizzjonali u l-ħtiġijiet tas-sussistenza tal-komunità.

3.7

Il-KESE jaqbel mal-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki, iżda jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea ssib bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-foki u l-ħtieġa tal-Inuit li jikkaċċjawhom billi dan huwa kruċjali għas-sopravivenza tagħhom. Interpretazzjoni mhux pragmatika ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista', fil-prattika, tostakola l-kaċċa tal-foki mill-Inuit.

3.8

Il-KESE iqis utli li:

(a)

jiġi stabbilit status speċjali għall-prodotti mill-foki magħmula mill-Inuit skont il-metodu tradizzjonali ta’ kaċċa, pereżempju “maqbud tradizzjonalment mill-Inuit”. F’dan il-każ, sabiex jiġi evitat aktar tilwim internazzjonali, jista’ jkun utli li dan il-kunċett jiġi definit b’mod ċar bħala “ħsad mhux industrijali”,

(b)

tinħoloq sistema ta’ traċċar, tikkettar u logo speċifiku għall-monitoraġġ tal-attività tal-Inuit u għall-ħarsien u l-informazzjoni tal-konsumaturi,

(c)

il-kwoti tal-importazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati jekk jitqies li l-arranġamenti qed jiġu abbużati.

3.9

L-importazzjoni ta' prodotti derivati mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta' natura okkażjonali u tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. In-natura u l-kwantità ta' oġġetti ta' dan it-tip ma għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali.

3.10

Kif ser tiġi organizzata aktar it-traċċabbiltà jiddependi fuq it-tip ta’ sistema stabbilita u r-responsabbiltajiet allokati lid-diversi partijiet involuti. Fil-kuntest tar-Regolament dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, dawn ir-rekwiżiti minimi għandhom jiġu interpretati kif ġej:

Rekwiżiti ta' identifikazzjoni

Ir-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni jinkludu fil-prinċipju tliet elementi:

il-kaċċatur (jew kaċċatur Inuit/indiġenu jew kaċċatur liċenzjat għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi) għandu jkollu numru ta’ identifikazzjoni uniku,

l-istazzjon tal-ġbir (li jindika t-territorju/il-lokazzjoni ġeografika),

il-prodott (essenzjalment jittraċċa t-transazzjoni bejn il-kaċċatur u l-istazzjon tal-ġbir).

Jista’ jkun neċessarju li tiġi identifikata wkoll jew minflok, “il-kaċċa”, f'każ li ma tkunx marbuta direttament mal-kaċċatur, m’hemm l-ebda stazzjon ta' ġbir jew ma tkoprix il-livell nazzjonali, iżda reġjuni speċifiċi biss.

3.11

Sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha, li ser tkun finali u vinkolanti, id-WTO għandha tirrikonċilja d-dikjarazzjonijiet kontradittorji mill-ftehimiet internazzjonali li għandhom kważi 70 sena. Fost tali dikjarazzjonijiet, waħda tipprojbixxi “diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikata” bejn il-pajjiżi. Oħra tgħid li l-pajjiżi jistgħu jaġixxu b’mod li huwa “meħtieġ għall-protezzjoni tal-morali pubbliċi” (2).

3.12

Il-kobor u l-progress morali ta' nazzjon jitqiesu mill-mod kif jitratta l-annimali tiegħu  (3).

Brussell, is-27 ta' Mejju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Studju ffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-kummerċ fil-prodotti mill-foki mwettaq mill-konsulenza COWI f’kooperazzjoni ma’ ECORYS.

(2)  A. Butterworth and M. Richardson, Marine. Policy 38, 457–469; 2013.

(3)  Kwotazzjoni attribwita lil Mahatma Gandhi.


Top