This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014JC0012
JOINT COMMUNICATION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Neighbourhood at the Crossroads: Implementation of the European Neighbourhood Policy in 2013
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Viċinat f'Salib it-Toroq: L-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Viċinat f'Salib it-Toroq: L-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013
/* JOIN/2014/012 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Viċinat f'Salib it-Toroq: L-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013 /* JOIN/2014/012 final */
1. Introduzzjoni Il-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV) għandha l-għan li tiżviluppa relazzjoni
speċjali bejn l-UE u kull wieħed mill-pajjiżi sħab
tagħha, u tikkontribwixxi għal żona ta' sigurtà, prosperità u
viċinanza tajba. Fl-2013 sar xi progress lejn dawn l-objettivi. L-isforzi
ta' riforma, kemm fil-pajjiżi tal-PEV tal-Lvant kif ukoll f'dawk
tan-Nofsinhar, komplew, u l-UE appoġġat dawn l-isforzi. Iżda
kienet ukoll, għal darb' oħra, sena ta' kriżijiet, li rriflettew
instabbilità politika u kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi li
jibqgħu diffiċli madwar numru ta' pajjiżi fil-viċinat.
L-isfidi tas-sigurtà — kemm domestiċi kif ukoll reġjonali —
żdiedu u, f'xi pajjiżi, parzjalment reġġgħu lura l-kisbiet
tar-riforma demokratika tas-snin ta' qabel u naqqsu l-prospetti
għall-irkupru ekonomiku. Din il-komunikazzjoni
konġunta, akkumpanjata minn sett ta' dokumenti ta' ħidma
konġunti tal-persunal[1],
tħares lejn il-progress tal-UE u l-pajjiżi sħab[2] fl-implimentazzjoni ta' objettivi ta'
riforma maqbula b'mod konġunt, u tindirizza sfidi partikolari li
għandhom quddiemhom iż-żewġ naħat. Żviluppi fl-2013 —
kemm pożittivi kif ukoll negattivi — enfasizzaw li s-suċċess
tal-politika huwa direttament dipendenti fuq l-abilità u l-impenn
tal-gvernijiet li jirriformaw u li japprofondixxu r-relazzjonijiet mal-UE kif
ukoll fuq il-kapaċità li jispjegaw u jiksbu appoġġ popolari u
aderenza ma' din l-aġenda. Imfassla biex tappoġġa r-riformi u
bidla inkrementali fuq perjodu ta' żmien, il-politika ffaċċat xi
sfidi biex twassal lis-sħab sabiex jadottaw politiki li jġibu aktar
sigurtà, u aktar riforma demokratika u ekonomika f'mumenti ta' bidla f'daqqa u
tkissir tal-istabbiltà politika u soċjali. Ir-rotot ta' riforma u
l-ambizzjonijiet tas-sħab fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE, kif
ukoll l-isfidi li jiffaċċaw, qed isiru aktar diversi.
L-għażliet magħmula minn xi pajjiżi se jkunu
jeħtieġu iktar differenzjazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u
s-sħab tagħha, sabiex ikun hemm rispons għall-aspettattivi u
l-ħtiġijiet ta' kull imsieħeb, filwaqt li jiġu
salvagwardjati l-interessi strateġiċi tal-UE stess. L-UE tibqa'
impenjata li tibni sħubijiet ma' kull wieħed mill-ġirien
tagħha li jirriflettu l-ħtiġijiet individwali, il-kapaċità
u l-għanijiet ta' riforma tagħhom. Il-kisba tal-objettivi
ta' riformi miftiehma fil-pajjiżi sħab hija influwenzata wkoll
mill-ambjent reġjonali tagħhom u l-azzjonijiet u l-objettivi —
kultant konfliġġenti — ta' atturi oħrajn. Xi pajjiżi
sħab fil-Lvant tal-Ewropa, minbarra n-natura li għadha fraġli
tar-riformi politiċi tagħhom, it-tkabbir ekonomiku kajman, u
dgħjufijiet ekonomiċi strutturali, iffaċċjaw pressjoni
ċara minn barra, bħal bidliet potenzjali fl-ipprezzar
tal-enerġija u ostakoli artifiċjali għall-kummerċ,
minħabba l-għan tagħhom li jistabbilixxu rabtiet aktar mill-qrib
mal-UE. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-azzjonijiet ta' diversi atturi
reġjonali jew globali affettwaw ukoll l-iżviluppi bħalma huma
l-kunflitt fis-Sirja u l-kriżi politika (u ekonomika) fl-Eġittu.
Bl-għan li tagħmel il-PEV aktar effettiva u rilevanti, l-UE min-naħa
tagħha se tkompli tikkomunika u taħdem ma' dawn l-atturi
reġjonali u globali biex tiżgura li l-isforzi ta' riforma ma
jiġux imfixkla minn għanijiet ta' politika konfliġġenti.
Is-sħab tal-viċinat tal-UE kif ukoll il-ġirien immedjati
tagħhom kollha għandhom x'jirbħu minn riformi demokratiċi u
ekonomiċi. L-iżviluppi
drammatiċi fl-Ukraina wrew kif gvern mhux impenjat, maqtugħ
mis-sentiment usa' tal-popolazzjoni u soġġett għal pressjoni
esterna mhux aċċettabbli jista' jipprovoka taqlib politiku u
soċjali kbir. L-UE qed taġixxi
b'mod deċiżiv f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali
tagħha biex tappoġġa l-awtoritajiet ġodda tal-pajjiż
biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni, jippreservaw l-unità tal-pajjiż
filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ il-komunitajiet u l-gruppi kollha
tal-popolazzjoni u jindirizzaw l-aspirazzjonijiet tal-poplu. Għal dan
l-għan il-Kummissjoni Ewropea ħabbret
fil-5 ta' Marzu 2014 Pakkett ta' Appoġġ
għall-Ukraina[3], li
avvanza u saħħaħ ħafna mill-politiki u l-istrumenti
tal-EaP. Il-miżuri proposti jistgħu jġibu appoġġ
kumplessiv ta' mill-inqas EUR 11-il biljun matul is-snin li ġejjin
mill-baġit tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali
bbażati fl-UE minbarra finanzjament sinifikanti pprovdut mill-FMI u l-Bank
Dinji. Fil-bażi ta' dan l-approċċ hemm l-ambizzjoni li l-Ukraina
tiġi megħjuna biex tissodisfa l-aspirazzjonijiet, li ntwerew b'mod
ċar miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fl-avvenimenti
bla preċedent f'Kiev u madwar il-pajjiż. Fit-18 ta' Marzu 2014,
il-Federazzjoni Russa ffirmat trattat mal-awtoritajiet de facto
tar-Repubblika tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, li ssiġilla
l-annessjoni de facto tal-Krimea b'effett immedjat. Kif iddikjarat
mill-Presidenti H. Van Rompuy u JM. Barroso fit-18 ta' Marzu,
l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix ir-referendum illegali u illeġittimu
fil-Krimea u lanqas l-eżitu tiegħu. Is-sovranità, l-integrità
territorjali u l-indipendenza tal-Ukraina għandhom jiġu rispettati.
L-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix u mhijiex se tirrikonoxxi l-annessjoni
tal-Krimea u Sevastopol mal-Federazzjoni Russa. Il-Kunsill Ewropew jaqbel
mal-fehma dwar l-illegalità tar-referendum u l-passi sussegwenti, kif espress
fil-konklużjonijiet tiegħu fl-20 ta' Marzu 2014.
L-għada, l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet politiċi
tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u kkonfermaw l-impenn tagħhom biex
jipproċedu għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-bqija
tal-partijiet tal-Ftehim li flimkien mad-dispożizzjonijiet politiċi
jikkostitwixxu strument uniku. Kif ikkonfermat mill-ġdid
fil-konklużjonijiet riċenti tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin[4], il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma
jikkostitwixxix l-għan finali fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina. Il-kriżijiet li
għadhom għaddejjin fil-Viċinat tan-Nofsinhar, b'mod partikolari
l-gwerra ċivili li għadha għaddejja fis-Sirja u l-impatt
negattiv tagħha fuq pajjiżi ġirien, ukoll kienu
jeħtieġu attenzjoni u involviment kontinwi mill-UE.
Bis-saħħa tal-kompetenzi attribwiti skont it-Trattat ta' Lisbona,
numru li qed jikber ta' strumenti ta' politika, kemm politiċi kif ukoll
tekniċi, huma issa għad-dispożizzjoni tal-UE u ppermettew
lill-UE biex ikollha rwol politiku ikbar fil-proċess ta' tranżizzjoni
li jinsabu għaddejjin minnu t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja. Ir-Rappreżentant
Għoli/Viċi President stabbilixxiet rabtiet b'saħħithom
mal-atturi politiċi varji u kellha aċċess uniku anke
f'ċirkostanzi partikolarment diffiċli, fejn il-laqgħa mas-Sur
Morsi forsi kienet l-aktar eżempju prominenti. Dan fisser li l-UE tista' ssemma'
leħinha mal-awtoritajiet fuq dawk il-valuri li huma għeżież
għaliha. Ir-Rappreżentant
Speċjali tal-UE għall-Viċinat tan-Nofsinhar, Bernardino Leon u
r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem
Stavros Lambrinidis ukoll kellhom rwol importanti ħafna billi pprovdew bon
offiċċji u għollew il-profil tal-UE fir-reġjun. L-UE ħadet
miżuri immedjati u sostanzjali biex tindirizza l-konsegwenzi tal-gwerra
ċivili Sirjana u l-implikazzjonijiet reġjonali dejjem jikbru
tagħha, pereżempju għall-flussi tar-refuġjati u r-riskju
ta' konflitti f'pajjiżi ġirien tas-Sirja. Il-Komunikazzjoni
Konġunta "Lejn strateġija komprensiva tal-UE fir-rigward
tal-kriżi Sirjana"[5]
kienet akkumpanjata minn għajnuna finanzjarja addizzjonali ta'
EUR 400 miljun fl-2013 biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi.
Konxja mill-effetti mingħajr preċedent li l-kriżi kellha fuq
il-poplu Sirjan kif ukoll fuq l-istabbiltà ta' pajjiżi ġirien, l-UE
kienet l-akbar donatur għall-vittmi tal-kriżi tas-Sirja, u pprovdiet
appoġġ umanitarju u mhux umanitarju enormi. Filwaqt li f'bosta
każijiet hija kienet kapaċi taffronta l-isfidi u tirreaġixxi
malajr, l-UE għandha tkompli tirrifletti dwar kif il-politika u
l-istrumenti tagħha jistgħu jirrispondu aħjar
għall-kuntesti diversi ħafna f'pajjiżi msieħba, u kif xi
komponenti jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġustati,
inkluż permezz tal-użu ta' strumenti ta' politika addizzjonali.
Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni malajr f'tipi differenti ta'
sitwazzjonijiet, b'tipi differenti ta' proċeduri dwar teħid ta' deċiżjonijiet,
għandha tiġi kkunsidrata meta tiġi żviluppata
l-leġiżlazzjoni tal-istrumenti ta' politika u finanzjarji tal-UE,
bħalma huma l-leġiżlazzjoni qafas għall-Għajnuna
Makrofinanzjarja, proċeduri ssimplifikati fil-qasam tal-politika
tal-kummerċ, jew l-isforzi biex jintużaw proċeduri aktar rapidi
ta' teħid tad-deċiżjonijiet għall-użu tal-istrumenti
tal-PSDK. Dan huwa qasam li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri
għandhom jiffokaw fuqu, sabiex l-UE tkun tista' tirreaġixxi
aħjar u aktar malajr għall-iżviluppi fil-viċinat
tagħha, u tirrispondi għall-bidliet fil-ħtiġijiet
tas-sħab tagħha. 2. Implimentazzjoni Bħal fl-2012,
il-progress tal-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-impenji ta'
riforma tagħhom kien irregolari ħafna. Fil-Viċinat
tan-Nofsinhar, il-qagħda politika ġenerali ħafna drabi xekklet
lill-pajjiżi sħab milli jkunu lesti jimplimentaw l-aġenda ta'
riforma miftiehma. Fit-Tuneżija, it-tranżizzjoni demokratika mxiet
'il quddiem bis-saħħa ta' djalogu inklussiv u minkejja theddid
importanti għas-sigurtà matul l-2013. Il-ħatra ta' gvern ġdid
f'nofs Diċembru u l-adozzjoni sussegwenti ta' kostituzzjoni ġdida
f'Jannar 2014 kienu passi demokratiċi ewlenin. Fil-Marokk, kuntest
politiku diffiċli kkontribwixxa għal implimentazzjoni limitata
tal-impenji mnaqqxa fir-riforma kostituzzjonali tal-2011. Fl-Eġittu, wara
dimostrazzjonijiet popolari u ultimatum stabbilit mill-forzi armati,
il-President Mohammed Morsi tneħħa mill-poter, u ġie sostitwit
minn president interim. Il-Libja għadha qed tħabbat wiċċha
ma' sfidi serji għas-sigurtà, kemm domestika kif ukoll dik li taffettwa
r-reġjun tal-Afrika ta' Fuq kollu (pereżempju, is-Sahel, u
l-kriżi tal-Mali). Il-Libanu, fejn inħatar gvern ġdid, u
l-Ġordan qed jaffaċċaw l-impatt tal-gwerra ċivili Sirjana
fuq is-sistemi politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom, u dan
qed jikkomprometti serjament l-abbiltà tagħhom li jwettqu r-riformi
politiċi u strutturali. L-Istati Uniti ġeddu l-isforzi tagħhom
biex irawmu l-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, li wassal
sabiex jerġgħu jinbdew in-negozjati f'Lulju bl-għan li
jintlaħaq ftehim fuq il-kwistjonijiet kollha ta' status aħħari
fi żmien disa' xhur. Fil-pajjiżi tal-PEV
tal-Lvant, filwaqt li l-istrutturi demokratiċi qed jissaħħu f'xi
pajjiżi, riformi wiesgħa xi drabi ġew imxekkla jew tnaqqas
il-pass tagħhom minħabba interessi politiċi jew ekonomiċi
stabbiliti. Il-Moldova u l-Ġeorġja kkonkludew in-negozjati u
inizjalaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni inklużi Żoni ta'
Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTA), għamlu
progress fir-riformi politiċi u ġudizzjarji, u komplew ir-riformi
sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs. Madankollu,
il-kriżi politika fil-Moldova fil-bidu tal-2013 enfasizzat
il-vulnerabbiltà ta' wħud mill-istituzzjonijiet tal-Istat għal
interessi personali, il-limiti tas-sistema kostituzzjonali tal-kontrolli u
l-bilanċi, u n-natura li għadha fraġli tal-kisbiet tar-riforma.
L-elezzjonijiet tal-Ġeorġja fil-ħarifa 2013 kienu
jirrappreżentaw it-tieni tranżizzjoni demokratika tal-poter f'dawn
l-aħħar 18-il xahar, u bidla kostituzzjonali sinifikanti minn sistema
semi-presidenzjali għal sistema parlamentari. L-Armenja kellha
elezzjonijiet presidenzjali fi Frar 2013 li, minkejja
l-kontravvenzjonijiet li għad baqa', tqiesu bħala ġeneralment
amministrati sew u li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali. L-Armenja
kienet innegozjat AA/DCFTA iżda ma inizjalatux wara d-deċiżjoni
tagħha li tingħaqad mal-Unjoni Doganali tal-Ewrażja.
Il-proċess ta' riforma tal-Ukraina waqaf għal kollox wara
s-sospensjoni tal-preparazzjonijiet biex jiġi ffirmat il-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni. Din is-sospensjoni ħolqot protesti ċivili kbar
(hekk imsejħa "Euromaidan") b'appoġġ
għall-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika mal-UE.
L-Azerbajġan jeħtieġ li jagħmel iżjed sforzi
fil-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-Bjelorussja ma
għamlet l-ebda progress fir-riformi politiċi. L-implimentazzjoni ta' pajjiżi individwali
tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin li saru fl-2013 L-Armenja indirizzat xi
wħud mir-rakkomandazzjonijiet prinċipali. Hija stabbilixxiet grupp
ta' ħidma biex jissottometti proposti b'rispons
għar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet. Ħadet
xi azzjoni kontra l-korruzzjoni f'livell għoli, iżda l-Kummissjoni
għall-Etika kienet għadha mhux effettiva. Kompla jiġi
żviluppat il-programm tal-"giljottina regolatorja", li huwa
mistenni li jnaqqas il-piż amministrattiv kif ukoll l-opportunitajiet
għall-korruzzjoni. Stabbilixxiet Kummissjoni bejn l-Aġenziji
ġdida dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali
għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem. Adottat emendi
għal-liġi dwar is-servizz militari alternattiv u liġi dwar
id-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa. Kien
hemm żviluppi limitati fir-rigward tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika
u ttieħdu ċerti miżuri biex tiġi rriformata
l-ġudikatura u biex jitmexxew 'il quddiem ir-riformi settorjali u
l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE. L-Azerbajġan aġixxa
fuq uħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin. Huwa parzjalment indirizza
kwistjonijiet ta' ġestjoni finanzjarja pubblika u ħa miżuri biex
jiġġieled il-korruzzjoni. Il-Ġeorġja ħadet
azzjoni fuq il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin maħruġa
fir-Rapport ta' Progress tal-PEV tas-sena l-oħra. Hija kellha
elezzjonijiet presidenzjali li kkonformaw mal-istandards internazzjonali.
Kompliet tirriforma s-sistema ġudizzjarja u tavvanza r-riformi settorjali
u l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE. Ipparteċipat b'mod
attiv fid-diskussjonijiet ta' Ġinevra u ħadet miżuri li jtejbu
l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' persuni spostati internament (IDPs),
bl-appoġġ tal-UE; ġeddet ukoll l-impenn tagħha favur
interazzjoni ġenwina mar-reġjuni seċessjonisti. Il-Moldova indirizzat
il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin li kien hemm fir-rapport ta'
progress tal-PEV tas-sena l-oħra. Hija lestiet l-implimentazzjoni tal-pjan
ta' azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; avvanzat ir-riformi
ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi; bdiet tirristruttura l-qafas ta'
kontra l-korruzzjoni; ħaffet l-implimentazzjoni tagħha tal-pjan ta'
azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f'appoġġ għall-poplu
Roma; kompliet id-djalogu tagħha ma' Tiraspol; u kompliet bir-riformi
regolatorji u settorjali ta' sfida. L-Ukraina parzjalment
indirizzat xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar rapport
ta' progress relatati mal-liġi u l-prassi elettorali u l-ġudikatura,
iżda s-sospensjoni tal-preparazzjonijiet għall-iffirmar tal-AA/DCFTA
waqqfet il-proċess ta' riforma. Minħabba
żviluppi politiċi, l-Eġittu ma indirizzax
ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport ta' progress tal-PEV tas-sena li
għaddiet bl-eċċezzjoni tal-firma tal-Konvenzjoni reġjonali
dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji.
Għalhekk, ħafna mir-rakkomandazzjonijiet għadhom pertinenti. L-Iżrael indirizza xi
wħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin mir-rapport tas-sena l-oħra.
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewropej
ġiet iffirmata, kif seħħ ukoll bil-ftehim komprensiv
tal-avjazzjoni ċivili bejn l-UE u l-Iżrael, u l-ACAA daħal fis-seħħ. Il-Ġordan aġixxa
fuq numru ta' rakkomandazzjonijiet ewlenin li jinsabu fir-rapport ta' progress
tal-PEV tas-sena l-oħra, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' strateġija
kontra l-korruzzjoni u r-ratifika tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli
tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji. Il-Libanu
aċċetta bosta rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta'
progress tal-2012, inkluż progress limitat lejn in-negozjati tal-ACAA, kif
ukoll l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku,
il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ħaddiema migranti. Dik
il-leġiżlazzjoni, madankollu, ma ġietx adottata mill-Parlament. Il-Marokk indirizza
l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet prinċipali. Il-Kumitat
tal-Ministri approva l-pjan tal-gvern għall-ugwaljanza u l-abbozz ta'
liġi li joħloq awtorità għall-ugwaljanza u l-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni (APALD). Sar ukoll progress dwar il-qafas ta' kontra
l-korruzzjoni (jiġifieri l-istatus tal-awtorità rilevanti). Il-karta
tar-riforma nazzjonali tal-ġustizzja ġiet ippubblikata u
żewġ liġijiet organiċi relatati ġew abbozzati. Barra
minn hekk, in-negozjati dwar DCFTA bdew u l-preparazzjonijiet għal ftehim
ACAA baqgħu fit-triq it-tajba. Il-Palestina:
L-Awtorità
Palestinjana ffirmat il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali
tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji, u b'hekk implimentat waħda
mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' Progress tal-PEV tas-sena l-oħra.
Minkejja dan, il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin li
saru fir-rapport għadhom iridu jiġu indirizzati, u jibqgħu
validi. It-Tuneżija wriet
riżultati l-aktar fuq rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw
il-konsolidazzjoni tad-demokrazija (l-adozzjoni ta' kostituzzjoni u t-twaqqif
ta' qafas legali għall-prevenzjoni tat-tortura, il-midja, l-indipendenza
ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ġustizzja
tranżitorja) u preparazzjonijiet għall-elezzjonijiet li jmiss
(il-ħatra ta' membri tal-istanza superjuri tal-elezzjonijiet
indipendenti). Dwar l-impenji bilaterali tagħha, hija għamlet progress
lejn sħubija għall-mobbiltà. It-Tuneżija ffirmat ukoll
il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini
pan-Ewro-Mediterranji Ir-Rappreżentant
Għoli, il-Kummissjoni u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi
sħab intensifikaw l-isforzi biex jikkomunikaw il-politika lil pajjiżi
sħab u lill-pubbliku. Għas-Sħubija tal-Lvant, l-UE nediet
"strateġija ta' viżibilità" fl-2013. Din l-istrateġija
hija maħsuba biex tiżgura li dawk li se jiġu affettwati u li
għandhom igawdu mis-Sħubija tal-Lvant ikunu infurmati tajjeb mhux
biss dwar il-benefiċċji mistennija fit-tul, iżda dwar il-bidliet
konkreti li l-politika se ġġib għall-pajjiżi tagħhom.
Il-portal tal-web taċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-Viċinat
Ewropew (www.enpi-info.eu),
riżorsa onlajn li hija diġà fis-seħħ u li tkopri
l-pajjiżi kollha tal-PEV, jipprovdi informazzjoni aġġornata
f'erba' lingwi fuq proġetti ta' kooperazzjoni f'pajjiżi tal-PEV.
Iċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-Viċinat huwa wieħed
mill-komponenti tal-programm ta' komunikazzjoni reġjonali tal-ENPI
(2011-2013). Dan il-programm ikopri wkoll taħriġ u netwerking
tal-ġurnalisti, konferenzi tal-istudenti, monitoraġġ tal-midja u
stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jkopru ż-żona tal-PEV. Il-messaġġi
ewlenin tal-komunikazzjoni tal-UE huma li l-PEV tgħin biex tagħmel
l-Ewropa u l-viċinat tagħha post aħjar, aktar sikur u aktar
għani, u li l-PEV ittejjeb il-ħajjiet tan-nies, billi tikkontribwixxi
għal soċjetajiet aktar demokratiċi, miftuħa u ugwali u
għal iktar prosperità, u billi toħloq netwerks bejn l-UE u
l-pajjiżi ġirien. L-UE tenfasizza wkoll li l-PEV hija ta'
benefiċċju għal kulħadd, inklużi l-partijiet
interessati lil hinn mill-viċinat. Il-koproprjetà u r-responsabbiltà
reċiproka huma fil-qalba tal-PEV. Pereżempju, il-Ftehimiet ta'
Assoċjazzjoni u d-DCFTAs mal-pajjiżi sħab ukoll joffru
opportunitajiet u benefiċċji għall-ġirien tal-ġirien.
Il-kooperazzjoni u l-ħolqien ta' netwerks ma jiqfux fuq il-fruntieri
tal-pajjiżi sħab tal-PEV, iżda jilħqu lil hinn minnhom. Din
hija politika inklussiva. Madankollu, wieħed
jista' jagħmel il-każ li l-UE għandha tispjega aħjar
il-vantaġġi konkreti tal-inizjattivi tagħha. Hija
teħtieġ li tiżgura li n-negozjati li jinsabu għaddejjin
isiru malajr u li l-ftehimiet ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ
mill-aktar fis possibbli u jġibu benefiċċji tanġibbli.
Fl-istess ħin, kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri jeħtieġ
jiżguraw li l-politika tibqa' attraenti u twieġeb għall-ħtiġijiet
tas-sħab tagħhom. B'mod partikolari f'oqsma fejn il-kompetenzi
importanti tal-politika huma f'idejn l-Istati Membri, l-UE jeħtieġ li
taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri tagħha sabiex
iżżomm l-impenn tagħha mas-sħab tagħha.
2.1.
Demokrazija profonda u sostenibbli
Minkejja l-isforzi u
t-titjib f'xi oqsma, l-istampa fl-2013 kienet b'mod ġenerali kemxejn
imħallta, b'xi xejriet inkwetanti. Fil-Ġeorġja, il-Moldova,
il-Marokk u t-Tuneżija, l-awtoritajiet urew impenn ċar
għar-riforma. L-iżviluppi matul is-sena kollha fl-Eġittu wrew
ir-riskji u l-iżvantaġġi li tranżizzjoni demokratika tista'
taffaċċja meta l-proċess jitwettaq b'mod mhux inklussiv u
partiġġan. Saru elezzjonijiet
biss fi ftit mill-pajjiżi tal-viċinat fl-2013. L-elezzjonijiet
presidenzjali fil-Ġeorġja u, sa ċertu punt, l-Armenja kienu
ġenwinament elezzjonijiet demokratiċi, filwaqt li l-elezzjonijiet
presidenzjali fl-Azerbajġan ma ssodisfawx kompletament l-istandards
internazzjonali. Fl-Eġittu sar referendum kostituzzjonali
f'Jannar 2014. Ir-rata tal-parteċipazzjoni kienet relattivament baxxa
u tħalla ftit li xejn
spazju għall-oppożizzjoni matul il-kampanja elettorali. Il-libertajiet
fundamentali huma mhedda f'ċerti partijiet tal-viċinat, iżda
l-progress fit-trattament tal-minoranzi, pereżempju fil-Moldova, u
l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida f'Jannar 2014 fit-Tuneżija
qed iwittu t-triq għal aktar rispett għall-istat tad-dritt u,
bħala konsegwenza, għad-demokrazija u l-libertajiet fundamentali,
f'dawk il-pajjiżi. F'għadd ta'
pajjiżi, ma sar l-ebda titjib, u nżammu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà
tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni. Fl-Eġittu, aktar minn
1300 persuna mietu wara li twaqqfu protesti mill-forzi tas-sigurtà fl-2013
u liġi ġdida llimitat il-libertà tal-assemblea filwaqt li abbozz ta'
liġi dwar l-assoċjazzjonijiet fih ukoll dispożizzjonijiet restrittivi.
Dawn se jkollhom jinġiebu f'konformità mal-kostituzzjoni l-ġdida
adottata. Fl-Armenja, l-Ombudsman enfasizza n-nuqqas ta' prosekuzzjoni ta'
pulizija li wettqu vjolenza kontra persuni li kienu qed jipprotestaw
paċifikament, u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-unions qed
jaffaċċaw restrizzjonijiet. Fl-Ażerbajġan involviment f'xi
"assemblea legalment projbita" issa jista' jwassal għal sentejn
priġunerija skont il-kodiċi kriminali l-ġdid. Fl-Alġerija,
il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet fiha dispożizzjonijiet
problematiċi u l-implimentazzjoni tagħha għadha kontroversjali
ħafna; L-Iżrael għad għandu restrizzjonijiet fuq il-libertà
tal-assemblea. Fil-Palestina, abbozz ta' liġi jista' jiggrava
s-sitwazzjoni tat-trade unions fil-Medda ta' Gaża. Fejn il-libertà tal-assoċjazzjoni
hija nieqsa, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet kollettivi
huma affettwati. Fl-Ukraina, rapporti ta'
intimidazzjoni ta' ġurnalisti mill-pulizija saru aktar frekwenti fl-2013 u
kmieni fl-2014. Kien hemm xi żviluppi pożittivi fil-Moldova u
l-Ġeorġja. Fit-Tuneżija, każijiet emblematiċi li
jikkonċernaw attivisti wrew li minkejja bidla pożittiva profonda, il-libertà
tal-kelma kienet għadha mhijiex garantita. Każijiet simili
seħħew fil-Marokk. Fil-Bjelorussja,
is-sitwazzjoni fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat
tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi baqgħet ta' tħassib.
Is-sistemi tal-ġustizzja
madwar ir-reġjun għadhom jeħtieġu aktar riforma. F'diversi
pajjiżi, l-indipendenza tal-ġudikatura għadha mhix iggarantita
għal kollox. Fl-Eġittu, bħal fl-Iżrael, il-Libanu u
l-Ġordan, persuni ċivili għadhom jistgħu jitressqu quddiem
qrati militari. Madankollu, ir-riforma ġudizzjarja biex
jissaħħaħ l-istat tad-dritt għadha għaddejja
fil-Ġeorġja, il-Moldova, il-Marokk u l-Ukraina. L-adozzjoni ta'
kostituzzjoni ġdida fit-Tuneżija f'Jannar 2014 twitti t-triq
ukoll għas-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt.
It-tortura
u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet
għadha qed tippersisti, fi gradi differenti, madwar il-viċinat.
Madankollu, l-ewwel miżura simbolika ħafna vvutata mill-Assemblea
Nazzjonali Kostitwenti tat-Tuneżija meta s-sospensjoni tagħha ntemmet
f'Ottubru 2013 kienet mekkaniżmu nazzjonali li jimpedixxi t-tortura. Sar
xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-oqfsa legali
tal-Moldova, l-Ukraina, il-Ġeorġja, u l-Marokk, li għadhom iridu
jiġu implimentati. Pajjiżi oħrajn, bħal-Libanu, l-Armenja u
l-Azerbajġan għad ma għandhomx istituzzjonijiet u
mekkaniżmi b'saħħithom u effettivi kontra l-korruzzjoni. Il-bżonn ta' riforma
tal-pulizija sabiex jerġgħu jinkisbu l-fiduċja pubblika u
r-responsabbiltà huwa preokkupazzjoni komuni fil-viċinat. Id-drittijiet
tal-bniedem għadhom mhux rispettati f'ħabsijiet jew mill-pulizija u
l-armata f'diversi pajjiżi. Il-pajjiżi
tal-viċinat juru sinjali persistenti ta' firdiet soċjali, li
jirriflettu diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-minoranzi. Il-vjolenza
bbażata fuq is-sessi u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet
ta' orjentament sesswali kontra persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali,
transġeneru u intersesswali (LGBTI), huma ta' tħassib dejjem akbar,
bl-eċċezzjoni ta' Iżrael fejn ma hemmx diskriminazzjoni legali
bbażata fuq l-orjentament sesswali. Id-drittijiet ta' persuni
li jappartjenu għal minoranzi huma kkontestati fil-biċċa
l-kbira tal-pajjiżi tal-viċinat. L-ispettru tal-esklużjoni
jestendi minn żieda fil-vjolenza u d-diskors ta' mibegħda
fil-ħajja politika kontra l-minoranzi fl-Armenja, l-Ukraina, il-Palestina
u l-Iżrael sal-ġlied settarju matul l-2013 kollha fl-Eġittu. Id-diskriminazzjoni u
l-vjolenza kontra t-tfal huma injorati kważi għalkollox
minkejja li din hija problema f'ħafna pajjiżi tal-viċinat, b'mod
partikolari dawk f'kunflitt jew kriżi. Għadd li qed jikber ta' tfal
qegħdin jitilqu kmieni mill-iskola, jew ma jistgħux ikollhom aċċess
għall-edukazzjoni, u b'hekk qed jiċċaħdu minn
opportunitajiet futuri. Din ix-xejra tkompli tkabbar aktar il-problema
eżistenti ta' numru kbir ta' żgħażagħ li qed
jiffaċċaw bosta ostakli għal aċċess ekwu għal
impjieg u għajxien diċenti. 2.2 L-appoġġ
għas-soċjetà ċivili Ir-rieda li ssir
ir-riforma ma tistax tiġi imposta minn barra u l-aspettattiva
għar-riforma għandha tiġi mis-soċjetajiet stess. Billi
tinvolvi ruħha direttament man-nies, tiftaħ opportunitajiet ta'
vvjaġġar u studju għaċ-ċittadini (anki b'mod
unilaterali), u tippromwovi n-netwerking bejn il-komunitajiet (in-negozju,
ir-riċerka, l-universitajiet, l-arti, il-kultura, eċċ.), u
tappoġġa s-soċjetà ċivili, il-politika tal-UE tista'
taġixxi bħala katalist f'dan il-proċess. Il-PEV riveduta stabbiliet
l-impenn tal-UE għal partenarjat b'saħħtu mas-soċjetajiet u
saħħet b'mod konsiderevoli l-għodod għad-dispożizzjoni
tal-UE biex tinteraġixxi ma', u tappoġġa, is-soċjetà
ċivili fir-reġjuni tal-PEV. Il-konsultazzjonijiet
tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili saru element strutturali
tal-kooperazzjoni tal-UE f'pajjiżi tal-Viċinat. Is-soċjetà
ċivili hija kkonsultata b'mod regolari dwar elementi ta' politika kif
ukoll dwar kwistjonijiet operattivi fit-tħejjija u l-ipprogrammar
tal-appoġġ finanzjarju tal-UE. Il-Pjattaformi Nazzjonali tal-Forum
tas-Soċjetà Ċivili fil-pajjiżi tal-EaP joffru opportunità unika
biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddibattu
l-prijoritajiet tal-EaP, u jipprovdu input dwar il-progress miksub
fl-implimentazzjoni tar-riformi maqbula b'mod konġunt fl-oqsma
tad-demokrazija, il-governanza tajba u l-iżvilupp ekonomiku. Fil-Viċinat
tan-Nofsinhar, is-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni f'bosta
pajjiżi fl-implimentazzjoni ta' programmi soċjali ffinanzjati mill-UE
(programmi ta' litteriżmu, kura għat-tfal, l-ugwaljanza bejn
is-sessi, eċċ.). Saru wkoll sforzi biex jiġi stabbilit djalogu
strutturat bejn is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet u l-UE fil-livell
reġjonali. Matul l-2014,
id-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-PEV se jiżviluppaw
pjanijiet direzzjonali tal-pajjiżi għall-interazzjoni
mas-soċjetà ċivili. L-għan tal-pjanijiet direzzjonali se jkun
l-iżvilupp ta' qafas strateġiku komuni għad-Delegazzjonijiet
tal-UE u l-interazzjoni tal-Istati Membri mas-soċjetà ċivili fil-livell
tal-pajjiż. L-UE se tkompli wkoll issaħħaħ
l-appoġġ dirett tagħha għas-soċjetà ċivili u
s-sħab soċjali, biex tagħti s-setgħa
liċ-ċittadini jesprimu l-preokkupazzjonijiet tagħhom,
jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika, u jżommu lill-gvernijiet
responsabbli għal dak li jagħmlu.
2.3.
Żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli
Kemm fil-Viċinat
tal-Lvant, kif ukoll f'dak tan-Nofsinhar, l-ambjent ekonomiku baqa' ta' sfida.
It-tkabbir ekonomiku f'bosta pajjiżi sħab baqa' dgħajjef, mhux
biss minħabba r-reċessjoni fiż-żona tal-euro u t-tkabbir
dgħajjef fir-Russja, iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta' progress
dwar ir-riforma strutturali. L-UE kompliet
issaħħaħ id-djalogi makroekonomiċi mal-ġirien kollha
tagħha kemm lejn il-Lvant kif ukoll lejn in-Nofsinhar għajr għal-Libja
u s-Sirja. Dawn huma utli għaż-żamma ta' skambju miftuħ ta'
opinjonijiet dwar l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji domestiċi
kemm fil-pajjiżi sħab kif ukoll fl-UE, dwar l-isfidi ta' politika li
qed jaffaċċa l-viċinat u dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u
l-ġirien tagħha. Huma wkoll utli għall-analiżi
tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' riforma ekonomika stabbiliti
fl-Aġendi ta' Assoċjazzjoni u l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV. Addizzjonalment
mad-djalogi makroekonomiċi, il-Kummissjoni jkollha diskussjonijiet dwar
il-politika ekonomika ma' pajjiżi sħab li jibbenefikaw
mill-Assistenza Makrofinanzjarja tal-UE (AMF). L-AMF hija maħsuba biex
tappoġġa finanzjarjament lil pajjiżi sħab filwaqt li dawn
ikunu qed jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi u jimplimentaw
riforma strutturali orjentata lejn it-tkabbir. Fl-2013, l-UE kienet qed
tħejji programmi ġodda għall-Ġordan u t-Tuneżija,
minbarra programmi eżistenti għall-Ġeorġja u l-Ukraina. Ma
kien hemm l-ebda ħruġ ta' flus taħt l-AMF lejn l-Ukraina fl-2013
peress li ma hemm l-ebda arranġament tal-FMI fis-seħħ għal
dan il-pajjiż. L-Armenja ressqet talba għal programm tal-AMF fi
Frar 2013 u bħalissa, il-Kummissjoni qed tikkunsidra proposta. Bħala riżultat
ta' dewmien fl-irkupru ekonomiku, flimkien ma' nuqqas ta' riformi strutturali u
nuqqas ta' titjib fl-ambjent tal-kummerċ u tal-investiment, l-isfidi
soċjoekonomiċi jibqgħu inkwetanti. Il-qgħad għadu
sfida partikolari fin-Nofsinhar, fejn id-dħul tal-pagi kompla wkoll jistaġna
jew jonqos f'termini reali. Il-faqar jaffettwa wkoll parti sostanzjali
mill-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab
tal-PEV, b'mod partikolari fiż-żoni rurali. It-tfal huma
partikolarment vulnerabbli u affettwati. L-UE kompliet tappoġġa
miżuri għat-titjib tal-protezzjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar
u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-kooperazzjoni tal-UE
mal-imsieħba tal-PEV ilha żmien twil tenfasizza l-iżvilupp
tas-settur privat — ċavetta għal tkabbir ekonomiku inklussiv u
għall-ħolqien tal-impjiegi. L-iżvilupp ta' settur privat
vibranti, b'mod partikolari bl-inkoraġġiment tal-impriżi
ż-żgħar u ta' daqs medju, jista' jappoġġa governanza u
demokrazija aħjar. Settur privat aktar b'saħħtu
jsaħħaħ ukoll il-kostitwenza għar-riformi demokratiċi
permezz tal-ħolqien ta' klassi medja. Il-korruzzjoni ġiet
identifikata bħala ostaklu ewlieni għall-investiment u n-negozju, kemm
fil-pajjiżi tal-PEV tal-Lvant kif ukoll f'dawk tan-Nofsinhar.
Id-diżakkoppjament tas-settur privat u l-benefiċċji
ekonomiċi minn interessi personali u l-karigi politiċi, flimkien ma'
titjib fl-aċċess għall-ġustizzja, huma essenzjali sabiex
jiffjorixxu d-dinamiżmu ekonomiku, l-investiment u l-intraprenditorija
sabiex jinħolqu l-impjiegi meħtieġa. L-UE tappoġġa
l-iżvilupp ekonomiku inklussiv, u b'mod partikolari l-iżvilupp
tas-settur privat, u l-impjiegi, permezz tal-iżvilupp tal-SMEs,
l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-appoġġ
għat-taħriġ fuq ix-xogħol u l-intraprenditorija permezz ta'
firxa ta' inizjattivi ta' politika, u appoġġ finanzjarju. Id-DCFTAs, li ġew
jew qed jiġu nnegozjati ma' għadd ta' sħab tal-PEV jistgħu,
minbarra li jilliberalizzaw il-kummerċ, ikunu għodda qawwija
fit-titjib tat-trasparenza u l-qafas regolatorju b'mod ġenerali.
Il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV miftehma mas-sħab jinvolvu xogħol
sinifikanti f'oqsma bħall-politika tal-intrapriża u regolamenti u
standards tekniċi. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar,
il-kooperazzjoni Industrijali Ewromediterranja ilha tipprovdi qafas
għall-iżvilupp ta' politika tal-intrapriża bbażata fuq
il-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża, li bħalissa qed
tiġi evalwata u riveduta biex tinkorpora wkoll komponenti tal-Att
għan-Negozji ż-Żgħar fl-Ewropa (SBA)[6]. Bosta pajjiżi sħab tal-PEV
adottaw dokumenti ta' referenza ispirati mill-SBA, biex jistimulaw
l-imprenditorija u l-kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli li
joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. Fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant
l-ewwel Valutazzjoni tal-SBA ġiet konkluża fl-2012.
Ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija tqiesu utli ħafna mill-pajjiżi
sħab u qed jiġu implimentati bħalissa fil-biċċa
l-kbira tal-pajjiżi. It-tieni valutazzjoni — sabiex jiġi mmonitorjat
il-progress fl-implimentazzjoni — se tibda fl-ewwel nofs tal-2014.
2.4. It-tisħiħ tar-rabtiet
kummerċjali
L-UE tibqa' s-sieħeb
kummerċjali ewlieni għal kważi s-sħab kollha tal-PEV. Ftehimiet ta'
Assoċjazzjoni inklużi d-DCFTAs mal-Moldova, il-Ġeorġja u
l-Armenja ġew finalizzati (minn dak iż-żmien, l-Armenja daret
lejn l-Unjoni Doganali tal-Ewrażja li hija inkompatibbli mal-iffirmar ta'
AA/DCFTA mal-UE). L-Ukraina ddeċidiet li tissospendi preparazzjonijiet
għall-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA, u rreferiet
għal tħassib dwar l-impatt potenzjali ta' dan il-Ftehim fuq
l-ekonomija tagħha u fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha
mar-Russja. Fin-Nofsinhar, il-Marokk beda n-negozjati dwar DCFTA.
Il-preparazzjonijiet mat-Tuneżija avvanzaw, iżda l-inċertezza
politika dewmet il-bidu tan-negozjati. Il-Ġordan kompla
bit-tħejjijiet li huma wkoll fi stadju avvanzat. L-ewwel laqgħa ta'
djalogu dwar id-DCFTA mal-Eġittu saret f'Ġunju 2013, iżda
wara l-inkwiet politiku matul is-sajf u l-bidla fil-gvern, ma sarx iktar
progress fl-2013. Il-ħidma fuq Ftehim
dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti
Industrijali (ACAAs) imxiet 'il quddiem ma' xi sħab. L-ACAA
mal-Iżrael daħal fis-seħħ f'Jannar 2013.
Ix-xogħol ta' tħejjija fuq ftehimiet simili kompla mal-imsieħba
l-oħra tan-Nofsinhar tal-Mediterran bi gradi differenti ta' progress. Dawn
il-ftehimiet huma strumenti b'saħħithom għall-integrazzjoni
ekonomika mal-UE. Il-pajjiżi sħab qegħdin jadattaw
il-leġiżlazzjoni u l-istandards tagħhom mal-acquis tal-UE
f'setturi industrijali ta' prijorità fejn teżisti leġiżlazzjoni
tal-UE, flimkien mal-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni
tal-konformità, il-metroloġija u l-entitajiet tas-sorveljanza tas-suq
tagħhom. F'setturi speċifiċi magħżula mis-sħab,
il-kummerċ tagħhom mal-UE huwa fuq l-istess termini bħal dawk li
japplikaw bejn l-Istati Membri tal-UE.
2.5.
Il-Migrazzjoni u l-mobbiltà
Kien hemm żviluppi
kruċjali fil-kooperazzjoni dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja
(FSJ) fl-2013, b'mod partikolari dwar il-mobbiltà u l-migrazzjoni. Il-pjanijiet
ta' azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viżi (VLAPs) komplew
jintużaw mill-Ukraina u l-Moldova bħala strumenti ta' riforma
strutturali u profonda għas-settur usa' tal-FSJ, u ż-żewġ
pajjiżi għamlu progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-VLAPs
tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni li tqiegħed il-Moldova fil-lista
pożittiva skont ir-Regolament 539/2001 u tagħti
liċ-ċittadini tal-Moldova li huma titulari ta' passaporti bijometriċi
vvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen
ġiet maqbula mill-Parlament Ewropew u approvata mill-Kunsill
f'Marzu 2014. Dan l-iżvilupp huwa
pass ewlieni fil-qasam tal-kuntatti bejn in-nies, u joħloq momentum
pożittiv għall-imsieħba tal-EaP l-oħra. Wara li
ppreżentat il-VLAP tagħha fi Frar, il-Ġeorġja għamlet
progress tajjeb ħafna fl-issodisfar tal-kriterji ta' riferiment tal-ewwel
fażi. Il-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Viżi bejn l-UE u
l-Azerbajġan ġie ffirmat fis-Summit ta' Vilnius f'Novembru u s-Sħubija
għall-Mobilità bejn l-UE u l-Azerbajġan ġie ffirmat
f'Diċembru. Il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan
ġie inizjalat f'Lulju 2013. Wara s-Summit tal-EaP f'Vilnius, tnedew
in-negozjati dwar il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u
r-riammissjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja. Ġew
irreġistrati kisbiet importanti fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Sħubija
għall-Mobilità bejn l-UE u l-Marokk ġiet iffirmata
f'Ġunju, l-ewwel waħda ma' sieħeb tal-PEV tan-Nofsinhar, u
waħda mat-Tuneżija iffirmata
fit-3 ta' Marzu 2014. L-isfida issa hija li jiġu
implimentati l-proġetti stipulati fis-sħubijiet tal-mobilità.
In-negozjati dwar Sħubija għall-Mobilità nfetħu wkoll mal-Ġordan
f'Diċembru. L-għarqa traġika tal-bastiment tal-migranti lil hinn
mill-kosta ta' Lampedusa wasslet lill-Kummissjoni biex tippreżenta sett
ta' proposti[7] li
ġew diskussi fil-Kunsill Ewropew[8]
f'Diċembru, biex b'hekk tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE
għall-prevenzjoni tat-telf ta' ħajjiet il-migranti fil-Mediterran. Inkiseb progress tajjeb
fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali b'rabta
mal-mobbiltà tax-xogħol fil-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar.
Id-diskussjonijiet tekniċi dwar l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Marokk u
l-Iżrael tlestew. Skambji tekniċi ulterjuri huma meħtieġa
mal-Alġerija u t-Tuneżija.
2.6. Appoġġ finanzjarju
L-appoġġ
finanzjarju tal-UE hu importanti biex jgħin lill-pajjiżi sħab
fl-implimentazzjoni tal-objettivi miftiehma b'mod konġunt u l-aġenda
ta' riforma tagħhom. Mill-2007 sal-2013, is-sħab irċevew sostanzjalment
aktar finanzjament milli kien ipprogrammat fil-bidu. B'mod ġenerali,
is-sħab irċevew aktar minn EUR 13-il biljun. Dan kien jinkludi
appoġġ addizzjonali ta' EUR 2,6 biljun immobilizzati, inter
alia, b'rispons għall-istabbiliment tas-Sħubija tal-Lvant
fl-2009, ir-rivoluzzjonijiet Għarab tal-2011 u l-ħtiġijiet
kontinwi fil-Palestina u s-Sirja. Fl-2013 biss,
l-assistenza għall-imsieħba tal-PEV mill-Istrument tal-Politika
Ewropea tal-Viċinat (ENPI) laħqet it-EUR 2,56 biljun,
l-ogħla livell annwali fuq il-perjodu ta' seba' snin kollu. Parti minn dan
kien l-appoġġ addizzjonali bbażat fuq l-inċentivi (skont
il-programmi SPRING u EaPIC) għall-pajjiżi li huma l-aktar impenjati
favur ir-riformi u li jagħmlu progress fil-qasam ta' demokrazija profonda
u sostenibbli. L-UE pprovdiet ukoll
riżorsi sostanzjali permezz tal-istituzzjonijiet finanzjarji
internazzjonali, b'mod partikolari l-BEI u l-BERŻ, b'mod partikolari
għall-impriżi ta' daqs żgħir jew medju. Fl-2013, l-UE ffinalizzat
il-bidla radikali tal-istrumenti finanzjarji tagħha fil-kuntest tal-qafas
finanzjarju pluriennali mmodernizzat għall-2014-2020, inkluż
l-Istrument Ewropew tal-Viċinat. Permezz ta' dan l-istrument il-ġdid,
l-appoġġ lill-ġirien tagħna jsir aktar rapidu u aktar
flessibbli, u dan jippermetti li jkun hemm aktar differenzjazzjoni u
inċentivi. Minkejja l-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis tal-baġit
ġenerali tal-UE, il-livell ta' fondi garantiti għall-ENI jammonta
għal EUR 15,4 biljun, li jenfasizza l-prijorità li l-UE tagħti
lir-reġjun. L-ENI se jipprovdi l-parti l-kbira tal-finanzjament
għas-16-il sieħeb tal-PEV. Huwa jipprovdi għal aktar koerenza
bejn il-politika u l-assistenza finanzjarja u jistabbilixxi mekkaniżmi
biex ikun applikat l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi, biex
jiġu inkoraġġiti r-riformi fil-pajjiżi sħab. Huwa se
jipprovdi appoġġ permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni bilaterali,
plurilaterali u transfruntieri.
2.7. Kooperazzjoni settorjali
Il-PEV toffri
lis-sħab sett konkret ħafna ta' opportunitajiet permezz ta' politiki
settorjali. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet. Abbażi
tal-konverġenza man-normi u l-istandards tal-UE, id-djalogu tal-politika
settorjali u l-kooperazzjoni regolatorja huma elementi bażiċi tal-PEV
u applikazzjoni prattika tal-politika tal-UE fil-viċinat. Huma
jappoġġaw riformi mmirati lejn il-kisba ta' istituzzjonijiet
immexxija sew u l-aċċess għas-servizzi soċjali
għaċ-ċittadini kollha, fejn jinħolqu l-kundizzjonijiet
xierqa għat-tkabbir ekonomiku inklussiv u l-ħolqien tal-impjiegi. Ir-reġjun tal-PEV ra
attività politika intensiva, li stabbilixxiet id-direzzjoni futura fl-oqsma
tal-enerġija u t-trasport. It-Trattat dwar il-Komunità
tal-Enerġija kompla jkun il-qafas ewlieni għall-kooperazzjoni
mas-sħab tal-lvant; Il-Kunsill Ministerjali ddeċieda li jestendi
t-Trattat sal-2026 u esprima sodisfazzjon għall-applikazzjoni
tal-Ġeorġja għal sħubija sħiħa. Intlaħaq
ftehim dwar lista ta' proġetti ewlenin tal-infrastruttura
tal-enerġija. L-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-investiment
mill-konsorzju Shah Deniz II
f'Diċembru 2013 kienet pass importanti biex jiġi promoss
il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Ftehim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru
bejn l-UE u l-Iżrael ġie ffirmat f'Ġunju. Ftehim komprensiv dwar
is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u l-Ukrajna ġie inizjalat biex
jikkoinċidi mas-Summit ta' Vilnius, u qed isiru negozjati
mal-Azerbajġan u t-Tuneżija. Diversi sħab wettqu
ħidma inter-ministerjali dwar it-tibdil fil-klima, inkluża
l-adozzjoni min-naħa tal-Ġordan ta' politika integrata dwar it-tibdil
fil-klima. L-UE nediet proġetti ta' assistenza teknika reġjonali
(Clima East u Clima South). Dawn il-proġetti jappoġġaw
lis-sħab kollha tagħha fl-isforzi li jagħmlu
għat-tranżizzjoni lejn żvilupp b'livell baxx ta' karbonju u lejn
ir-reżiljenza tal-klima. Kooperazzjoni ulterjuri tal-politika se tkun
meħtieġa wkoll għal negozjati dwar ftehim internazzjonali
ġdid dwar il-klima li se jiġi konkluż f'Pariġi fl-2015. Il-pajjiżi sħab
kollha qed jipparteċipaw b'mod attiv ħafna fi proġetti
reġjonali tal-PEV għall-ambjent, li jwasslu għal progress
reali lejn l-iżvilupp ekonomiku iktar effiċjenti fir-riżorsi u
miri oħra ta' politika għas-settur. It-Tielet Summit tas-Sħubija
tal-Lvant f'Vilnius irrikonoxxa l-ambjent bħala prijorità, bil-qbil li
jkompli l-proċess tal-approssimazzjoni regolatorja u l-konverġenza
ta' politika. Ħames pajjiżi tal-PEV iddeċidew li
jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Aġenzija Ewropea
għall-Ambjent, u laqgħa Ministerjali tal-UfM dwar l-Ambjent u
t-Tibdil fil-Klima hija ppjanata għal Mejju 2014. L-istabbiliment
mas-sħab tal-PEV ta' Spazju Komuni għall-Għarfien u
l-Innovazzjoni (CKIS) kompla javvanza, u dan jgħaqqad flimkien lill-UE
u lis-sħab tagħha permezz ta' djalogu ta' politika, bini
tal-kapaċità nazzjonali u reġjonali, il-kooperazzjoni dwar
ir-riċerka u l-innovazzjoni u aktar mobbiltà għar-riċerkaturi.
Inħoloq panel ġdid dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni taħt
l-EaP, filwaqt li l-kooperazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar kompliet
fil-qafas tal-Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Kooperazzjoni
Ewromediterranja fir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku fil-qafas
tal-UfM. L-Armenja, l-Iżrael u l-Moldova talbu formalment li jkunu
assoċjati mal-programm Orizzont 2020 għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni tal-UE, sabiex jagħmlu użu sħiħ
mill-opportunitajiet offruti mill-akbar programm tal-UE dwar ir-riċerka. In-negozjati
mal-Iżrael dwar l-assoċjazzjoni mal-programm tlestew
f'Diċembru 2013, filwaqt li taħditiet formali mal-Moldova bdew
f'Jannar 2014. L-edukazzjoni,
iż-żgħażagħ u l-kultura
komplew ikunu karatteristika tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab tal-PEV,
bl-iskambju ta' 3175 student u akkademiku taħt Erasmus Mundus.
Bħala riżultat ta' tieqa apposta għall-istudenti
mill-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran, fl-2013 l-ogħla
numru li qatt kien hemm ta' studenti minn dawn il-pajjiżi rċevew
borża ta' studju biex jiksbu l-lawrja tagħhom fl-UE. Is-sessjoni
tal-Ministri tal-Edukazzjoni tad-djalogu tas-Sħubija tal-Lvant li saret
f'Yerevan enfasizzat il-kisbiet ta' programmi ta' kooperazzjoni akkademika
preċedenti u approvat l-objettivi tal-programm Erasmus+ il-ġdid.
Aktar minn 9600 żagħżugħ u ħaddiema
żgħażagħ minn pajjiżi ġirien u 710 voluntier
jistgħu jibbenefikaw mill-Programm Żgħażagħ
fl-Azzjoni. L-ewwel konferenza ministerjali tal-EaP għall-Kultura affermat
mill-ġdid ir-rwol tal-kultura fl-iżvilupp uman u
soċjo-ekonomiku. Il-Programm
tal-Viċinat Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(ENPARD), parti mill-impenn tal-UE għal tkabbir u stabbiltà
fil-viċinat, jagħraf l-importanza tal-agrikoltura għas-sigurtà
tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi f'żoni
rurali. L-ENPARD jinvolvi metodu parteċipatorju
tat-tiswir tal-politika. Dan huwa adattat ħafna għall-isfidi
usa' ffaċċati fil-pajjiżi tal-PEV iżda se jirrikjedi
appoġġ politiku sostnut sabiex jitwettaq fil-prattika. L-implimentazzjoni
tal-ENPARD se tibda fil-Marokk, l-Alġerija u t-Tuneżija fl-2014.
L-ewwel laqgħa tal-Panel dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali skont
id-djalogu tas-Sħubija tal-Lvant saret f'Mejju 2013 u t-tieni
waħda f'Jannar 2014. Il-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant
dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-ENPARD
saret f'Chisinau f'Jannar 2014. Il-kooperazzjoni
fil-qasam tas-saħħa mas-sħab tal-viċinat
tan-Nofsinhar ġiet imsaħħa, inter alia, permezz
tat-tnedija ta' Programm Mediterranju tat-Taħriġ
għall-Epidemjoloġija Intervenzjonali għall-ġirien
tan-Nofsinhar, filwaqt li l-ġirien tal-Lvant tal-UE kienu involuti
f'laqgħat tal-UE tal-Grupp ta' Riflessjoni u l-Forum tal-Politika
tas-Soċjetà Ċivili tal-HIV/AIDS. L-UE kompliet
il-kooperazzjoni kostruttiva tagħha fil-qasam tal-politika marittima
integrata mas-sħab tal-PEV-Mediterran u bdiet djalogu komprensiv
mas-sħab tal-Lvant mill-Istati kostali tal-Baħar l-Iswed. Matul l-2013, l-UE
adottat ġenerazzjoni ġdida ta' programmi taħt il-Qafas Finanzjarju
Pluriennali 2014-2020 tagħha; ħafna minn dawn huma miftuħa
għall-imsieħba tal-PEV. L-UE qed tkompli, fil-qafas tal-PEV
imsaħħa tagħha, tinkoraġġixxi lill-imsieħba biex
jipparteċipaw b'mod attiv fil-programmi u l-aġenziji tal-UE. 2.8 Riforma tas-settur tas-sigurtà u r-riżoluzzjoni tal-konflitti L-UE qed
tappoġġa r-riforma tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà ta' ex
reġimi awtoritarji f'setturi tas-sigurtà aktar trasparenti, responsabbli u
kkontrollati demokratikament. L-UE diġà hija
involuta f'diversi pajjiżi fil-ġestjoni tal-fruntieri, missjonijiet
ta' monitoraġġ jew ta' parir/appoġġ, kemm fil-Lvant (EUBAM
Moldova, EUMM Georgia) kif ukoll fin-Nofsinhar (EUBAM il-Libja, u EUBAM Rafah,
EUPOL COPPS fil-Palestina). Dawn il-missjonijiet, imwettqa l-aktar taħt
il-PSDK, ġew ikkomplementati bi programmi fit-tul immirati lejn il-bini
tal-kapaċità u li jwittu t-triq għal riformi istituzzjonali.
Fin-nofsinhar, il-kooperazzjoni diġà ġiet implimentata ma' numru ta'
pajjiżi. Fit-Tuneżija, evalwazzjoni bejn il-pari tal-pulizija saret
minn esperti Ewropej biex isservi bħala bażi biex jiġu definiti
l-orjentazzjonijiet strateġiċi nazzjonali. L-UE qiegħda wkoll
tappoġġa l-iżvilupp ta' kapaċità nazzjonali
għas-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni fil-Libanu. Fil-Lvant, il-pajjiżi
sħab huma mħeġġa "jirriformaw is-setturi tas-sigurtà u
tal-infurzar tal-liġi (inklużi l-pulizija) u jistabbilixxu kontroll
demokratiku fuq il-forzi armati u tas-sigurtà".[9]Għall-Moldova, ir-riforma tas-setturi
ta-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi bdiet fl-2013, u l-pulizija u
l-ġestjoni tal-fruntiera se jkunu settur fokali ta' appoġġ
tal-UE fil-qafas tal-istrument Ewropew tal-viċinat (ENI) mill-2014 'il
quddiem. Minbarra l-esperjenza tal-Programm tal-Kooperazzjoni tal-Pulizija
tas-Sħubija tal-Lvant, panel ġdid dwar il-kooperazzjoni fil-PSDK
twaqqaf taħt "il-perkors multilaterali" tal-EaP fl-2013. Dan
il-panel se jiffoka fuq kwistjonijiet tal-PSDK sabiex jgħin
lill-imsieħba tal-Lvant itejbu l-kapaċità tagħhom u l-kontribuzzjonijiet
tagħhom għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u
jikkondividu l-informazzjoni fost il-pajjiżi tal-EaP, l-Istati Membri u
l-istituzzjonijiet tal-UE. L-UE kompliet ukoll tkun
sieħba attiva fil-fora internazzjonali għar-riżoluzzjoni
tal-kunflitti, bħal fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra,
it-taħditiet 5+2 u kompliet tipprovdi appoġġ sħiħ
għall-Grupp ta' Minsk immexxi mill-OSKE. Ir-Rappreżentant
Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi
fil-Ġeorġja ffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet. Fir-rigward tal-Proċess
ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, l-UE baqgħet tagħti appoġġ
sħiħ għan-negozjati diretti li jinsabu għaddejjin bejn
l-Iżraeljani u l-Palestinjani bl-intermedjazzjoni tal-Istati Uniti u
esprimiet f'diversi okkażjonijiet id-disponibilità tagħha li
tuża l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni
tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-partijiet għal ftehim
komprensiv dwar il-kwistjonijiet kollha tal-istatus finali.
Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2013, il-ministri
tal-affarijiet barranin tal-UE qablu li jipprovdu pakkett ta' appoġġ
politiku, ekonomiku u ta' sigurtà Ewropew bla preċedent
għaż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim ta' status
finali. L-UE żammet l-appoġġ tagħha għall-bini
tal-istituzzjonijiet u l-governanza fil-Palestina, l-iżvilupp tas-settur
privat u l-għajnuna umanitarja. L-UE żammet ukoll il-kapaċità
tal-Missjoni EUBAM Rafah li terġa' tiġi stazzjonata fil-punt ta' qsim
ta' Rafah, ladarba l-kundizzjonijiet politiċi u ta' sigurtà jkunu
jippermettu. 3. Id-dimensjonijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-PEV 3.1.
Is-Sħubija tal-Lvant Il-kooperazzjoni
bejn l-UE u s-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha — l-Armenja,
l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Ukraina — intensifikat fl-2013. Bosta pajjiżi sħab
ħadu passi importanti 'l quddiem fil-proċess ta' assoċjazzjoni
politika u integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-UE. Kisba ewlenija
kienet it-Tielet Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnius,
il-Litwanja fit-28-29 ta' Novembru 2013. Is-Summit ta' Vilnius kien
okkażjoni biex jitqies il-progress mit-tieni Summit tas-Sħubija
tal-Lvant f'Varsavja u biex titfassal it-triq' il quddiem għas-sentejn li
ġejjin. Filwaqt li l-fażi li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant se tkun
ikkaratterizzata minn differenzjazzjoni akbar fir-relazzjonijiet bilaterali,
hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar aġenda
komuni ta' rilevanza għas-sitt pajjiżi sħab kollha. Fil-futur,
il-perkors multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant se jkompli jsaħħaħ
il-miri u l-għanijiet tal-perkors bilaterali, filwaqt li
jħeġġeġ id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar sett komuni ta'
kwistjonijiet, kif definiti fil-programmi ta' ħidma tal-erba' pjattaformi
tematiċi tal-EaP. Il-kuntatti ministerjali multilaterali huma essenzjali
f'dan ir-rigward, u prijorità waħda se tkun il-kontinwazzjoni ta' djalogi
informali tas-Sħubija tal-Lvant. Dawn il-laqgħat urew li huma mezz
eċċellenti ta' kif jinbdew skambji informali regolari bejn
il-ministri tal-affarijiet barranin kemm dwar l-aġenda tas-Sħubija
tal-Lvant kif ukoll dwar kwistjonijiet ta' politika barranija li huma ta'
interess komuni, u għalhekk jikkontribwixxu għal aktar
konverġenza u effikaċja politiċi u tal-politika tas-sigurtà
fil-qasam tal-politika barranija. Bl-istess mod, għandhom jiġu
mfittxija opportunitajiet għal laqgħat ministerjali
speċifiċi għas-setturi mmudellati fuq il-laqgħa
ministerjali tat-trasport u l-ġustizzja li saret fl-2013. Fil-Komunikazzjoni
ta' Mejju 2011 dwar il-PEV,[10]
il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ġibdu l-attenzjoni li
l-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea – il-libertà, id-demokrazija,
ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u l-istat
tad-dritt – huma wkoll fil-qalba tal-proċess ta' assoċjazzjoni
politika u integrazzjoni ekonomika. Dawn huma l-istess valuri mnaqqxa
fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li fuqhom huma msejsa
l-Artikoli 8 u 49. Il-prijoritajiet
għal aktar ħidma matul is-snin li ġejjin huma dettaljati fir-Rapport
tal-2013 dwar l-Implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant mehmuż ma'
din il-komunikazzjoni. 3.2 Is-sħubija
għad-demokrazija u l-prosperità kondiviżatan-Nofsinhar tal-Mediterran B'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi
fid-dinja Għarbija fl-2011, l-UE offriet lis-sħab Mediterranji
tagħha sħubija għad-demokrazija u l-prosperità kondiviża.[11] Il-Pjan Direzzjonali
adottat fl-2012 stipula għanijiet li għandhom jiġu segwiti skont
is-sħubija. L-implimentazzjoni
tiegħu fl-2013, madankollu, ġiet influwenzata bil-kbir
mill-iżviluppi politiċi kontinwament importanti fin-Nofsinhar
tal-Mediterran. F'termini politiċi,
l-2013 kienet iddominata minn sitwazzjonijiet dejjem aktar kumplessi u
differenti fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, li l-integrazzjoni
reġjonali tagħhom kompliet tiġi sfidata. Il-kunflitt li jinsab għaddej
fis-Sirja kompla jaffettwa s-sitwazzjoni fir-reġjun kollu, b'effetti
indiretti li jaffettwaw l-istabbiltà politika ta' xi ġirien.
Ir-reġjun iffaċċa influss qawwi ta' refuġjati b'aktar minn
2,5 miljun li ħarbu mis-Sirja lejn pajjiżi ġirien. Il-polarizzazzjoni
politika u reliġjuża taffettwa ħafna pajjiżi Mediterranji,
bħall-Eġittu, fejn l-avvenimenti ta' Lulju wasslu
għat-tneħħija tal-President Morsi. Filwaqt li kompla jsir
progress fuq il-bini u t-tisħiħ tal-bażi istituzzjonali
għad-demokrazija, f'xi pajjiżi dan il-proċess iltaqa' ma'
diffikultajiet bħala riżultat ta' kunflitti interni politiċi.
Madankollu, l-UE tibqa' soda fiż-żamma u saħansitra
fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-assistenza għall-pajjiżi
tan-naħa ta' isfel tal-Mediterran permezz tal-mekkaniżmi disponibbli
fil-qafas ta' djalogi politiċi u programmi ta' għajnuna bilaterali. Il-prijoritajiet
għal aktar ħidma matul is-snin li ġejjin huma dettaljati fir-Rapport
tal-2013 dwar l-Implimentazzjoni tas-Sħubija għad-demokrazija u
l-prosperità kondiviża mehmuż ma' din il-komunikazzjoni. 4. L-UE bħala attur diplomatiku u fornitur ta' sigurtà Il-promozzjoni
tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli tat lok għall-PEV
u tibqa' objettiv prinċipali tal-UE. Is-sigurtà, fl-aktar sens wiesa'
possibbli, titlob governanza trasparenti u responsabbli, ir-rispett
għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u prospetti ekonomiċi u
ta' impjieg. L-UE u s-sħab
tagħha fil-viċinat qed jiffaċċaw sfidi tas-sigurtà li ilhom
hemm u oħrajn emerġenti f'ambjent ġeostrateġiku li qed
jinbidel malajr u li huwa kumpless. Sfidi serji għas-sigurtà jinkludu
wkoll it-terroriżmu, u l-kriminalità organizzata inklużi
l-kuntrabandu tal-bnedmin, id-drogi, u l-armi. Il-qagħda instabbli
tas-sigurtà, flimkien ma' għadd ta' "kunflitti ffriżati" li
jipprevjenu lill-UE u l-imsieħba tagħha milli jiksbu
l-benefiċċji kollha tal-kooperazzjoni taħt il-PEV, jenfasizzaw
il-ħtieġa li l-UE tkompli ssaħħaħ il-kontribuzzjoni
tagħha għas-sigurtà fil-Viċinat tagħha, u b'hekk tkabbar
is-sigurtà tagħha stess. Dan huwa qasam ta' interess komuni għall-UE
u għadd ta' sħab tagħha, anke dawk is-sħab li sa issa wrew
ftit li xejn rieda, jew kapaċità, biex jimpenjaw ruħhom
bis-sħiħ mal-UE fil-qafas tal-PEV imġedda. Madankollu, hemm il-ħtieġa
ċara ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib biex jiġu indirizzati l-isfidi
reġjonali tas-sigurtà. L-UE, u l-Istati Membri tagħha permezz ta'
sforzi bilaterali, għandhom rwol qawwi fuq il-bażi
tal-approċċ komprensiv tal-UE għal kunflitti u kriżijiet
esterni, immirat lejn il-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-kunflitti u
l-kawżi tagħhom. Il-ġestjoni
konġunta tal-kriżijiet tista' tissaħħaħ billi tkompli
titħeġġeġ u titħaffef il-parteċipazzjoni
tas-sħab fil-missjonijiet tal-PSDK. Il-Ftehimiet qafas dwar
il-parteċipazzjoni fil-missjonijiet tal-PSDK (FPAs) li l-UE kkonkludiet
mal-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja għandhom ikomplu jiġu
implimentati. Id-diskussjonijiet dwar FPAs possibbli u parteċipazzjoni
possibbli fil-missjonijiet tal-PSDK għandhom ikomplu, b'mod partikolari
mal-Ġordan u l-Marokk. Sabiex il-PEV tibqa'
relevanti għas-sħab anki fil-kuntest ta' kriżijiet
politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà sostnuti, u li qed jimmultiplikaw,
l-UE permezz tal-PEV, għandha taħtaf l-opportunitajiet għal
azzjoni bbażata fuq id-diplomazija, il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-medjazzjoni.
Din l-azzjoni għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kapaċitajiet
tas-sigurtà tradizzjonali eż. fl-oqsma tal-pariri u t-taħriġ
militari, il-pulizija, il-ġustizzja u l-kooperazzjoni
fl-immaniġġar tal-fruntieri, u għandha tassisti s-sħab,
fejn possibbli, fl-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tagħhom
dwar l-isfidi tas-sigurtà usa' skont it-trattati relevanti. B'mod partikolari,
l-UE għandha bżonn tiffoka aktar fuq l-appoġġ għal
riformi fid-direzzjoni ta' settur tas-sigurtà aktar trasparenti, responsabbli u
kkontrollat demokratikament, sabiex jiġi pprovdut ambjent favorevoli
għad-demokrazija u t-tkabbir inklussiv, kemm fil-Lvant kif ukoll
fin-Nofsinhar. L-effiċjenza u
s-sostenibbiltà tal-appoġġ tal-UE jeħtieġu konsistenza
akbar bejn l-għanijiet strateġiċi globali u dawk politiċi
bilaterali, inkluż fil-qasam tal-PSDK u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi
sħab. L-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u
l-kriżijiet esterni[12] se
jippermetti lill-UE tadatta r-rispons tagħha
għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-imsieħba tal-PEV
f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' wara kriżi permezz
tal-għodod finanzjarji u ta' politika eżistenti kollha tagħha.
Użu aktar koerenti u konġunt tal-istrumenti tal-UE, inklużi
attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri ma' sħab fil-viċinat, se
jtejjeb il-kapaċità tal-UE sabiex tindirizza l-isfidi u
l-ħtiġiet fir-reġjun, kemm dawk fuq perjodu qasir kif ukoll dawk
fit-tul. 5. Konklużjonijiet Il-PEV hija politika ta'
impenn kontinwu. Il-valur tagħha ma jinsabx biss fil-kisbiet
tal-komponenti individwali tagħha (eż. ir-riforma
politika/id-demokratizzazzjoni, l-integrazzjoni tas-suq, mobbiltà aħjar u
kuntatti bejn in-nies, u kooperazzjoni settorjali). Hija tankra wkoll
lill-pajjiżi/soċjetajiet fi tranżizzjoni, u anki f'sitwazzjonijiet
ta' kriżi, mal-UE, billi tipproponi sett ta' valuri u standards biex
tiggwida l-isforzi tagħhom ta' riforma, u ġeneralment permezz
tal-ħolqien ta' netwerks li jgħaqqduhom mal-UE u lil hinn minnha ma
sħab oħra. Il-PEV hija qafas — għall-ħidma favur
id-demokrazija, il-libertà, il-prosperità u s-sigurtà, u għas-salvagwardja
tagħhom, kemm għall-UE kif ukoll għas-sħab tagħha.
Filwaqt li dan jista' jitlob l-iskrutinju kontinwu ta' kemm hija xierqa u
adatta l-politika u l-istrumenti tagħha, hemm raġunijiet
b'saħħithom sabiex din tibqa' l-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE
mal-ġirien tagħha għas-snin li ġejjin. Fl-istess ħin,
jeħtieġ li l-UE tagħmel sforzi sabiex tiżgura koerenza
akbar fl-objettivi ta' politika tal-UE, u se tkun teħtieġ li tkompli
tirrifletti fuq modi aħjar biex tevita l-kriżijiet u tirrispondi
għal sitwazzjonijiet li qed jinbidlu malajr, billi tadatta
l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha u, jekk
xieraq, bl-użu ta' strumenti addizzjonali ta' politika. L-UE u l-Istati
Membri tagħha għandhom jiffokaw fuq kif jagħmluha possibbli
għall-UE biex tkun tista' tirreaġixxi aħjar u aktar malajr
għall-iżviluppi fil-viċinat tagħha, u tirrispondi
għall-bidliet fil-ħtiġijiet tas-sħab tagħha. L-objettiv tal-UE jibqa'
li tiżgura li l-PEV tkun rilevanti u effikaċi għas-sħab
kollha tagħha, inklużi dawk li qed jaffaċċaw pressjonijiet
u kunflitti. Jeħtieġ li l-PEV tikkontribwixxi b'mod effettiv,
għall-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u
li tipprovdi s-sett it-tajjeb ta' inċentivi għas-sħab sabiex
jimxu lejn riformi demokratiċi, ekonomiċi u strutturali. [1] Din il-komunikazzjoni konġunta hija akkumpanjata
minn dawn li ġejjin: tnax-il Rapport dwar il-Progress tal-Pajjiżi li
jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-PEV fl-2013 f'pajjiżi li magħhom
ġie maqbul Pjan ta' Azzjoni għal-PEV jew dokument ekwivalenti;
żewġ rapporti dwar il-progress reġjonali li janalizzaw
il-progress li sar fl-2013 fl-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant u
s-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża; u anness
statistiku. [2] Il-Viċinat Ewropew jinkludi l-Alġerija,
l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bjelorussja, l-Eġittu,
il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja,
ir-Repubblika tal-Moldova (minn hawn' il quddiem il-Moldova), il-Marokk,
il-Palestina (din id-denominazzjoni użata f'dan id-dokument ma
tikkostitwixxix rikonoxximent tal-Palestina bħala stat u hija
mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar
ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat), is-Sirja, it-Tuneżija u
l-Ukraina. [3] SEC(2014) 200 [4] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina,
il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, Brussell,
l-10 ta' Frar 2014 [5] JOIN(2013) 22/2, Lejn strateġija komprensiva
tal-UE fir-rigward tal-kriżi Sirjana [6] COM(2008) 394
finali, "Aħseb l-ewwel fiż-żgħir".
"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa [7] COM(2013)
869 finali dwar il-ħidma tat-Task Force tal-Mediterran, [8] Il-Kunsill Ewropew
tad-19/20 ta' Diċembru 2013, Konklużjonijiet, EUCO
217/13 [9]
Ara
l-pjan direzzjonali tal-EaP 2012-2013, SWD(2012) 109 finali. [10] COM(2011) 303, 25.5.2011 Rispons ġdid għal
Viċinat li qed jinbidel. [11] COM(2011) 200, 8.03.2011 Sħubija
għad-demokrazija u l-prosperità kondiviża. [12] JOIN(2013) 30 finali, L-approċċ komprensiv
tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni.