Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0170

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni u tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni, u t-twaqqif ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom

/* COM/2013/0170 final - 2013/0090 (NLE) */

52013PC0170

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni u tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni, u t-twaqqif ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom /* COM/2013/0170 final - 2013/0090 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

(1) Fil-21 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”)[1].

(2) Fil-11 ta’ Mejju 2012, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Catherine Ashton u Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Iraq Hoshyar Zebari ffirmaw il-Ftehim.

(3) Il-ftehim jimmarka l-ewwel relazzjoni kuntrattwali li qatt saret bejn l-UE u l-Iraq. Jipprovdi qafas legali li jkopri kwistjonijiet bħad-djalogu politiku regolari sar-relazzjonijiet ta' negozju u koperazzjoni regolatorja, u koperazzjoni għall-iżvilupp.

(4) L-għan tal-Ftehim, konkluż għal 10 snin (jiġġedded), huwa li jibni bażi solida għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-Iraq u l-UE. B'mod partikolari, huwa għandu l-għan li jkabbar id-djalogu politiku dwar kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u globali, li jtejjeb l-arranġamenti kummerċjali bejn l-Iraq u l-UE, jappoġġa l-isforzi vitali għar-riforma u l-iżvilupp tal-Iraq nnifsu u jiffaċilita l-integrazzjoni tiegħu fl-ekonomija internazzjonali aktar wiesgħa. Il-Ftehim jissottolinea d-determinazzjoni tal-UE li jkollha rwol sinifikanti fit-tranżizzjoni tal-Iraq u li se jkun il-vejikolu prinċipali tal-appoġġ tal-UE lill-Iraq u biex jkomplu jikbru r-relazzjonijiet bejn l-UE-Iraq.

(5) Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, l-Artikolu 2 (il-klawżola tad-Drittijiet tal-Bniedem) u t-Titoli II (Kummerċ u Investimenti), III (Oqsam ta’ Kooperazzjoni) u V (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali u Finali) huma applikati fuq bażi provviżorja li tibda mill-1 ta’ Awwissu 2012, sa fejn dawn jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-UE.

(6) Fit-Titolu V dwar dispożizzjonijiet istituzzjonali, jiġi stabbilit Kunsill ta’ Koperazzjoni fuq livell ministerjali biex jagħmelis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim skont l-Artikolu 111 tal-Ftehim. Il-Kumitat tal-Koperazzjoni huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 112(1) tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 112(2), il-Kunsill ta’ Koperazzjoni għandu jkun assistit fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Koperazzjoni u jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor biex jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn il-kumitati jew korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.

(7) Bil-għan li jitlesta l-qafas istituzzjonali u li jiġu permessi diskussjonijiet fuq livell ta’ esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, huwa ssuġġerit li jitwaqqfu tliet sottokumitati, maħtura kif ġej: (1) Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; (2)Sottokumitat dwar il-Kummerċ u kwistjonijiet relatati; (3) Sottokumitat dwar l-Enerġija u kwistjonijiet relatati; Sottokumitati addizzjonali jistgħu jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard, wara ftehim tal-Partijiet.

(8) Il-laqgħat fi ħdan is-sottokumitati se jippermettu lill-UE ssaħħaħ ir-rabta mal-amministrazzjoni Iraqqina u tipprovdi opportunità biex jiddiskutu fid-dettall l-iżvilupp tal-Iraq f’oqsma speċifiċi u l-prijoritajiet għal koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, kif ukoll l-assistenza tal-UE lill-Iraq. L-Iraq esprima interess qawwi li x-xogħol tat-tliet sottokumitati jibda mill-aktar fis possibbli.

(9) Kemm l-UE kif ukoll l-Iraq impenjaw ruħhom li implimentaw il-Ftehim b'mod rapidu u effettiv. L-għan ta’ din il-proposta huwa għalhekk li jiġi żgurat li l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ikun stabbilit malajr kemm jista’ jkun, bil-fehma li l-ewwel laqgħat tas-sottokumitati għandhom isseħħu mhux iktar tard minn kmieni fl-2013, segwit minn dawk tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni u l-Kunsill ta’ Koperazzjoni. Sabiex wieħed ikun f’poizzjoni li jipproċedi f’din is-sekwenza hu propost li, bħala l-ewwel att tiegħu l-Kunsill ta’ Koperazzjoni jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu dwar (1) l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-Kunsill ta’ Koperazzjoni u għall-Kumitat tal-Koperazzjoni, u (2) l-istabbiliment ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura proposti tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni.

2013/0090 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni u tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni, u t-twaqqif ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni (“il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra[2], b’mod partikolari l-Artikolu 111(3) u l-Artikolu 112(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 117, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta’ Awwissu 2012.

(2)       Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

(3)       L-Artikolu 111(3) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jwaqqaf ir-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(4)       L-Artikolu 112 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kunsill ta’ Koperazzjoni għandu jkun assistit fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Koperazzjoni u jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor biex jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn il-kumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

1.           Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 111 tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, għandu jiġi hawnhekk stabbilit f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

– l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni u tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni, u

– l-istabbiliment ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom,

skont it-termini tal-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

2.           Tibdiliet minuri fl-abbozz tad-deċiżjonijiet jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni mingħajr xi deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2013 TAL-KUNSILLTA’ KOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ

tal-… 2013

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni

IL-KUNSILL TA’ KOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, fuq in-naħa l-oħra, (“minn hawn 'l hemm imsejjaħ il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 111 tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 117, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta’ Awwissu 2012.

(2) Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

(3) Huwa l-kompitu tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni sabiex jadotta l-miżuri meħtieġa biex dan isir; L-Artikolu 111(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandu jwaqqaf ir-regoli ta' proċedura tiegħu stess. Sabiex il-Kumitat tal-Koperazzjoni jkun operattiv kemm jista’ jkun malajr, il-Kunsill ta’ Koperazzjoni għandu jistabbilixxi wkoll ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni.

(4) F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni, il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(5) Jeħtieġ li din id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tiġi adottata bi proċedura bil-miktub.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni, kif stabbilit fl-Appendiċi A u B rispettivament, huma b’dan adottati.

Magħmul fi..., xxxx.

|| Għall-Kunsill ta’ Koperazzjoni Il-Presidenza

L-APPENDIĊI A TAL-ANNESS I

Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill tal-Koperazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perjodi ta’ 12-il xahar mill-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iraq. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Koperazzjoni u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali darba fis-sena. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill tal-Koperazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill tal-Koperazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Laqgħat tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Koperazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill tal-Koperazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b’dan il-mod, hu/hi għandu/ha j/tinnotifika lill-President rigward l-isem tar-rappreżentant tiegħu/tagħha qabel il-laqgħa li fiha se j/tiġi rrapreżentat/a b’dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill tal-Koperazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

Għal-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kopeazzjoni, meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Bank, għandu jattendi rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħala osservatur.

Meta jkun xieraq u bi ftehim reċiproku, persuni fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Rappreżentant tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Missjoni tal-Iraq għall-Unjoni Ewropea għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill tal-Koperazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill tal-Koperazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill tal-Koperazzjoni fl-indirizz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi trażmessa lill-President tal-Kunsill tal-Koperazzjoni u, fejn xieraq, imqassma lill-membri l-oħra tal-Kunsill tal-Koperazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni tal-Iraq għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill tal-Koperazzjoni għandhom jintbagħtu lid-destinatarji miż-żewġ Segretarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill tal-Koperazzjoni fl-indirizzi indikati fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill tal-Koperazzjoni m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.           Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trażmessa mis-Segretarji tal-Kunsill tal-Koperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda provviżorja. L-aġenda għandha tkun approvata mill-Kunsill tal-Koperazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.           Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:

– id-dokumenti ppreżentati lill-Kunsill tal-Koperazzjoni,

– dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill tal-Koperazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

– ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija, id-dikjarazzjonijiet li sar qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandu jingħata lill-Kunsill tal-Koperazzjoni għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u miż-żewġ segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jservi ta’ depożitarju tad-dokumenti tal-Ftehim. Kopja ċċertifikata għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deliberazzjonijiet

1.           Il-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim komuni tal-Partijiet. Il-każijiet, li fihom il-Kunsill ta’ Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet huma indikati fil-Ftehim innifsu.

Il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Meta l-Kunsill ta’ Koperazzjoni jiddeċiedi li jirrikorri għall-proċedura bil-miktub, data ta’ skadenza tista’ tkun prevista bi ftehim reċiproku tal-Partijiet, li fit-tmiem tagħha l-President tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni jista’ jiddikjara, fuq rapport miż-żewġ Segretarji, jekk intlaħaqx ftehim komuni tal-Partijiet.

2.           Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 111 tal-Ftehim għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b’numru serjali, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jingħaddu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 hawn fuq. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kunsil tal-Koperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

L-ilsna uffiċjali tal-Kunsill tal-Koperazzjoni għandhom ikunu l-ilsna uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill tal-Koperazzjoni se jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f’dawn l-ilsna.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iraq se joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tal-persunal, il-vjaġġi u s-sussistenza kif ukoll man-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjoni. Nefqa li għandha x’taqsam ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa uffiċjali tal-Iraq, li għandhom jitħallsu mill-Iraq. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat tal-Koperazzjoni

1.           Skont l-Artikolu 112 tal-Ftehim, qed jiġi stabbilit Kumitat ta’ Koperazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill tal-Koperazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern tal-Iraq, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ impjegati anzjani taċ-ċivil.

2.           Il-Kumitat tal-Koperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Koperazzjoni fejn xieraq u, b’mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni u t-tħaddim tajjeb tal-Ftehim. Għandu jqis kwalunkwe kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Kunsill tal-Koperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim. Għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet/rakkommandazzjonijiet għal adozzjoni lill-Kunsill tal-Koperazzjoni.

Il-Kunsill ta’ Koperazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni kwalunkwe waħda mis-setgħat tiegħu.

3.           F’każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew possibbiltà ta’ konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni trid issir fi ħdan il-Kumitat ta’ Koperazzjoni. Il-Konsultazzjoni tista’ tkompli fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li jsir hekk.

L-APPENDIĊI B TAL-ANNESS I

Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-Koperazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat tal-Koperazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perjodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Iraq.

L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Koperazzjoni u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Koperazzjoni għandu jiltaqa’ meta jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet, mill-inqas darba fis-sena. Kull laqgħa tal-Kumitat tal-Kooperazzjoni għandha ssir fi żmien u f’post li dwaru jkun hemm qbil miż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kumitat tal-Kooperazzjoni għandhom jissejħu mill-President. Il-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kooperazzjoni għandha tissejjaħ qabel il-laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Koperazzjoni. Għandha titlaqqa’ fi żmien xieraq biex il-Kumitat tal-Koperazzjoni jilħaq jipprepara għall-laqgħa tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President se jkun informat mill-formazzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tal-Iraq għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lill-Presidenza tal-Kumitat tal-Koperazzjoni u mingħandha previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jintbagħtu lis-Segretarji tal-Kumitat tal-Koperazzjoni u lis-Segretarji u lill-President tal-Kunsill tal-Koperazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Koperazzjoni m’għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.           Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trażmessa mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Koperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt m’għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda provviżorja.

Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni jista’ jistieden esperti jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat tal-Koperazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.           Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għandhom jittieħdu l-minuti ta' kull laqgħa u għandhom ikunu bbażati fuq sinteżi mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat tal-Koperazzjoni. Meta jiġu approvati mill-Kumitat tal-Koperazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u s-Segretarji u jiġu ffajljati minn kull waħda mill-Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kunsill tal-Koperazzjoni jagħti s-setgħa lill-Kumitat tal-Koperazzjoni jadotta ċerti deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, dawn l-atti għandhom jiġu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti minn numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet.

Il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Meta l-Kumitat tal-Koperazzjoni jiddeċiedi li jirrikorri għall-proċedura bil-miktub, data ta’ skadenza tista’ tkun prevista bil-ftehim reċiproku tal-Partijiet, li fit-tmiem tagħha l-President tal-Kumitat tal-Koperazzjoni jista’ jiddikjara, fuq rapport miż-żewġ Segretarji, jekk intlaħaqx ftehim komuni mill-Partijiet.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Koperazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji u għandhom jiġu trażmessi lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat tal-Koperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iraq se joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Koperazzjoni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tal-persunal, il-vjaġġi u s-sussistenza kif ukoll għan-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjoni. Nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa uffiċjali tal-Iraq, li għandhom jitħallsu mill-Iraq. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Sottokumitati u gruppi speċjali

B’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, il-Kumitat tal-Koperazzjoni jista’ jiddeċiedi li joħloq sottokumitati jew gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat tal-Koperazzjoni u li għandhom jagħmlulu rapport wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat tal-Koperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp ta’ ħidma eżistenti, jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta’ referenza tagħhom jew joħloq sottokumitati jew gruppi ta’ ħidma oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ta’ ħidma m'għandu jkollhom l-ebda setgħa ta’ teħid ta' deċiżjonijiet.

ANNESS II

ID-DEĊIŻJONI Nru 2/2013 TAL-KUNSILLTAL-KOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ

ta’ .. 2013

dwar l-istabbiliment ta’ tliet sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom,

IL-KUNSILL TAL-KOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, fuq in-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 112 tiegħu,

Billi:

(1)          Skont l-Artikolu 117, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta’ Awwissu 2012.

(2)          Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

(3)          L-Artikolu 112 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kunsill tal-Koperazzjoni għandu jkun assistit fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Kooperazzjoni u jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor biex jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn il-kumitati jew l-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.

(4)          Sabiex jippermettu diskussjonijiet fil-livell ta’ esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, għandhom jiġu stabbiliti tliet sottokumitati . Bi ftehim ulterjuri tal-partijiet kemm il-lista ta’ sottokumitati u l-ambitu tas-sottokumitati individwali jistgħu jiġu mmodifikati.

(5)          F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(6)          Sabiex is-sottokumitati isiru operazzjonali f’ħin xieraq, jeħtieġ li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tiġi adottata bi proċedura bil-miktub.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Is-sottokumitati mniżżla fl-Appendiċi A huma hawnhekk stabbiliti. It-termini ta’ referenza tas-sottokumitati kif stabbiliti fl-Appendiċi B huma b’hekk adottati.

Magħmul fi,

Għall-Kunsill tal-Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

L-APPENDIĊI A GĦALL-ANNESS II

Kunsill tal-Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

Sottokumitati stabbiliti

(1)          Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

(2)          Sottokumitat dwar il-Kummerċ u kwistjonijiet relatati;

(3)          Sottokumitat dwar l-Enerġija u kwistjonijiet relatati;    

L-Appendiċi B tal-ANNESS II

Termini ta’ referenza tas-sottokumitati stabbiliti fl-Appendiċi A, taħt il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Fil-laqgħat tiegħu, kull sottokumitat jista’ jittratta l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni fi kwalunkwe wieħed mill-oqsma jew fl-oqsma kollha li jkopri.

Is-Sottokumitati jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi rigward il-qasam rilevanti ta’ koperazzjoni bilaterali.

Każi individwali jistgħu ukoll jiġu diskussi meta jintalab minn waħda miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 2

Is-Sottokumitati għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat tal-Koperazzjoni. Wara kull laqgħa, huma għandhom jibagħtu l-konklużjonijiet tagħhom lill-Kumitat tal-Koperazzjoni.

Artikolu 3

Is-Sottokumitati għandhom ikunu komposti minn rappreżentanti tal-Partijiet.

Fuq ftehim taż-żewġ partijiet, is-Sottokumitati jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda tal-laqgħat tas-Sottokumitat, kif ikun xieraq.

Artikolu 4

Is-Sottokumitati għandhom ikunu ppreseduti alternattivament mill-Partijiet, skont ir-regoli dwar il-presidenza alternata tal-Kumitat tal-Koperazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Iraq min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika tal-Iraq għandhom jeżerċitaw flimkien il-funzjonijiet ta’ Segretarju Permanenti tas-Sottokumitati. Il-komunikati kollha li jikkonċernaw is-Sottokumitat speċifiku għandhom jiġu mgħoddija liż-żewġ Segretarji Permanenti.

Artikolu 6

Is-Sottokumitati għandhom jiltaqgħu kull meta hekk ikunu jitolbu ċ-ċirkostanzi fuq qbil tal-Partijiet, fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u mill-inqas darba fis-sena. Kull laqgħa għandha ssir f’post li jkun iddeterminat miż-żewġ Partijiet u f’ħin miftiehem minnhom.

Malli jirċievi talba ta’ waħda mill-Partijiet għal laqgħa tas-Sottokumitat, is-Segretarju Permanenti tal-Parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.

F’każ ta’ urġenza partikolari, is-sottokumitat jista’ jitlaqqa’ fi żmien iqsar jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.

Qabel kull laqgħa, il-president għandu jkun informat bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni taż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tas-Sottokumitat jitlaqqgħu b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji Permanenti, li jaġixxu fi ftehim mas-Segretarji tal-Kumitat tal-Koperazzjoni.

Artikolu 7

Il-punti biex ikunu inklużi fl-aġenda għandhom jitressqu quddiem is-Segretarji Permanenti mill-inqas 15-il jum tax-xogħol qabel il-laqgħa tas-Sottokumitat inkwistjoni. Kwalunkwe dokumentazzjoni anċillari għandha tkun ipprovduta lis-Segretarji Permanenti mill-inqas għaxart (10) ijiem tax-xogħol bil-quddiem.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-punti, għandha titfassal u tintbagħat aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumentazzjoni anċillari disponibbli, lis-Segretarji tal-Kumitat tal-Koperazzjoni, kif ukoll lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa tas-Sottokumitat. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, bi qbil bil-miktub taż-żewġ Segretarji Permanenti, jistgħu jiġu miżjuda punti f’limiti iqsar ta’ żmien.

Artikolu 8

Ħlief jekk ikun deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-Sottokumitat m’għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 9

Għandhom jittieħdu l-minuti għal kull laqgħa. Kopja tal-minuti u tal-konklużjonijiet ta’ kull laqgħa tas-Sottokumitat għandhom jiġu trażmessi lis-Segretarji tal-Kumitat tal-Koperazzjoni. Għandhom jintbagħtu kopji wkoll lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri.

[1]               ĠU L 204, 31. 7. 2012

[2]               ĠU L xxx

Top