Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0280

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa' (2012/2287(INI))

    ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 65/120


    P7_TA(2013)0280

    Ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika Usa'

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa' (2012/2287(INI))

    (2016/C 065/16)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti fil-qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija Trans-Atlantika (1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-Relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti (2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar is-Summit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011 (3),

    wara li kkunsidra l-eżiti tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-28 ta' Novembru 2011 f’Washington D.C.,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-71 Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) li sar f’Diċembru 2011 f’Jacksonville, u t-72 TLD li sar f’Ġunju 2012 f’Kopenħagen u Strasburgu, u t-73 TLD li sar f’Novembru 2012 f’Washington D.C.,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Istati Uniti (4), li appoġġat l-idea tat-tnedija tan-negozjati għal ftehim ekonomiku komprensiv, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2013 (5) dwar il-mandat ta’ nnegozjar,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Frar 2013 mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso fejn ħabbru li kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Unjoni Ewropea se jniedu l-proċeduri interni neċessarji għat-tnedija tan-negozjati dwar Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana li sar f’Chicago fl-20 ta' Mejju 2012,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (6), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (7), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża (8),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Lulju 2012 maħruġa mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar ir-Reġjun Asja-Paċifiku,

    wara li kkunsidra d-dokument tad-Dipartiment tad-Difiza tal-Istati Uniti ta’ Jannar 2012 intitolat “Iż-żamma tat-Tmexxija Globali tal-Istati Uniti: Il-prijoritajiet għad-Difiża tas-seklu 21”, li jippreżenta l-bidliet fl-istrateġija militari tal-Istati Uniti,

    wara li kkunsidra t-tieni Diskors Inawgurali tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama tal-21 ta' Jannar 2013, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-12 ta' Frar 2013, u r-rimarki mill-Viċi President Joseph Biden fil-Konferenza dwar is-Sigurtà f'Munich tat-2 ta' Frar 2013,

    wara li kkunsidra s-sħubijiet strateġiċi tal-UE mal-Brażil (2007) u l-Messiku (2008), il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Messiku, iċ-Ċilì u l-Amerika Ċentrali, il-Ftehimiet Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù, in-negozjati li għaddejjin mal-Kanada dwar Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv, u n-negozjati attwali mal-Mercosur,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar id-definizzjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ġdida mal-Amerika Latina (9), li tenfasizza l-appoġġ tal-UE għall-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali tal-Amerika Latina, kif rappreżentata mis-CELAC, l-UNASUR, il-Mercosur, il-Komunità Andina, is-SICA, il-CARICOM u l-Alleanza tal-Paċifiku,

    wara li kkunsidra s-summits regolari li l-UE u l-Istati Uniti jagħmlu mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, is-Summit ta’ kull sentejn bejn l-UE u s-CELAC u s-Summit tal-Ameriki, li t-tnejn li huma previsti li jsiru fl-2015,

    wara li kkunsidra r-relazzjoni tal-UE mal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali Afrikani tal-pajjiżi tal-madwar tal-Atlantiku, b’mod partikolari l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS) u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Mexxejja tal-G20, id-dokument finali tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 (“Inwettqu l-Futur li Rridu għal Kulħadd”), u d-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar Żvilupp Sostenibbli (“Il-futur li rridu”),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar, inter alia, ir-Rebbiegħa Għarbija, il-Mali, il-Lvant Nofsani, is-Sirja, l-Iran, l-Afganistan, is-Sħubija tal-Lvant, ir-Russja u ċ-Ċina,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0173/2013),

    A.

    billi fil-Baċir tal-Atlantiku kollu r-relazzjoni politika u ekonomika l-iktar importanti hija dik li toħloq rabta bejn l-UE u l-Istati Uniti; billi l-bidu tal-leġiżlatura l-ġdida tal-presidenza Obama għandha sservi biex issaħħaħ dik ir-relazzjoni permezz ta’ aġenda ambizzjuża ġdida;

    B.

    billi s-sħubija trans-Atlantika hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b’saħħithom, fuq valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u fuq għanijiet komuni bħall-prosperità, ekonomiji miftuħin u integrati, progress soċjali u inklużività, żvilupp sostenibbli, u r-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti;

    C.

    billi t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-infiq għad-difiża kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

    D.

    billi f’dinja globali, kumplessa u dejjem iżjed multipolari, l-UE u l-Istati Uniti, minkejja l-kriżi finanzjarja, għandhom ikomplu jiżvolġu rwolijiet kostruttivi essenzjali fl-ekonomija u l-politiki dinjija u fl-iffurmar tal-ambjent internazzjonali, u għandhom jaffaċċaw flimkien il-kunflitti reġjonali u l-isfidi globali fuq bażi multilaterali, b’mod partikolari fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; billi, għal dak l-għan, għandhom jiżguraw ukoll l-involviment ta’ potenzi prinċipali ġodda – fosthom iż-żewġ Sħab Strateġiċi tal-UE fl-Amerika Latina, jiġifieri l-Brażil u l-Messiku – u tal-Kanada;

    E.

    billi, b’mod parallel mal-bidla fil-pajsaġġ globali li nbdiet bil-qawmien ta’ potenzi emerġenti Asjatiċi, gruppi ta' riflessjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u xi gvernijiet reċentement enfasizzaw l-importanza li qed tikber tal-Baċir tal-Atlantiku b’mod ġenerali, inkluża d-dimensjoni tan-Nofsinhar tiegħu, u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi li jiffurmawh, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-problemi li huma komuni għar-reġjun iktar wiesa’;

    F.

    billi l-Amerika Latina hija reġjun li jikkondividi mal-UE u mal-Istati Uniti bosta valuri, interessi, storja u rabtiet ekonomiċi dejjem ikbar; billi ġie stabbilit għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet reġjonali jew subreġjonali mill-pajjiżi tal-Amerika Latina; billi huwa utli li jiġu studjati oqsma possibbli fejn jistgħu jiġu żviluppati diversi modalitajiet ta’ kooperazzjoni trijangolari; billi dik il-kooperazzjoni tkun tista’ tiġi estiża biex jiġu inklużi l-pajjiżi Afrikani tal-Baċir tal-Atlantiku; billi huwa importanti li l-kooperazzjoni fl-ispazju trans-Atlantiku tkun ibbażata fuq kompromessi bejn l-interessi varji, u billi l-partijiet kollha għandhom iżommu d-dritt tagħhom li jsegwu l-prijoritajiet nazzjonali u l-approċċi ta’ żvilupp tagħhom stess;

    G.

    billi ċerti pajjiżi, b’mod partikolari ċ-Ċina u anki oħrajn bħall-Indja, qed isiru dejjem iżjed attivi fiż-żona tal-baċir tal-Atlantiku, b'mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Atlantiku, fejn l-azzjonijiet tagħhom huma influwenzati mill-ħtieġa tagħhom li jakkwistaw l-ikel u l-materja prima;

    H.

    billi hemm bżonn li s-sħubija trans-Atlantika aktar estensiva taffronta kwistjonijiet bħall-iżvilupp, is-sigurtà, l-enerġija u l-immigrazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta' konverġenza ekonomika u politika gradwali;

    I.

    billi, lil hinn mill-perspettiva Atlantika iktar estensiva, hemm kwistjonijiet u kunflitti attwali oħra li fir-rigward tagħhom huwa essenzjali li tittieħed azzjoni kkoordinata min-naħa tal-UE u l-Istati Uniti;

    J.

    billi żieda fl-għadd u s-sofistikazzjoni ta’ attakki ċibernetiċi b'viżibilità għolja wasslet biex il-leġiżlazzjoni relatata terġa' tiġi eżaminata, bl-adozzjoni min-naħa tal-Istati Uniti ta' mekkaniżmi ta' rapportaġġ volontarju filwaqt li l-UE qed tippjana li tadotta miżuri obbligatorji aktar stretti;

    Relazzjonijiet bilaterali

    1.

    Jifraħ lill-Barack Obama għall-elezzjoni mill-ġdid tiegħu bħala President tal-Istati Uniti tal-Amerika; jistiednu jindirizza lill-Parlament Ewropew fis-seduta plenarja tiegħu fi Strasburgu matul iż-żjara tiegħu li jmiss fl-Ewropa;

    2.

    Jitlob li jsir summit bejn l-UE u l-Stati Uniti kemm jista’ jkun malajr biex tittieħed deċiżjoni dwar aġenda komuni ta’ għanijiet fuq terminu ta’ żmien qasir u fit-tul kemm fir-rigward ta’ kwistjonijiet bilaterali kif ukoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet globali u reġjonali;

    3.

    Jirrikonoxxi l-implikazzjonijiet fit-tul għas-sħubija trans-Atlantika tar-ribilanċjar ġeopolitiku min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Asja; jenfasizza l-ħtieġa ta’ reazzjoni kostruttiva, koerenti u strateġika mill-UE; jemmen li din is-sitwazzjoni tippreżenta wkoll opportunità biex l-UE tinvolvi ruħha b'mod iżjed attiv fir-reġjun Asja-Paċifiku, bħala attur globali awtonomu iżda b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, biex b'hekk tapprofondixxi d-dimensjoni strateġika tas-sħubija trans-Atlantika;

    4.

    Jilqa’ t-tħabbir uffiċjali ta’ negozjati għal Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP); jenfasizza li dan il-ftehim se jirrappreżenta spinta sinifikanti għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti peress li se jerġa’ jsaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejn l-UE u l-Istati Uniti; jinnota li l-impatt globali tiegħu jmur lil hinn mill-implikazzjonijiet bilaterali tiegħu, peress li jipprovdi approċċi komuni għar-regoli u l-istandards fil-kummerċ globali, fl-investiment u fl-oqsma relatati mal-kummerċ; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi eżerċitata rieda politika qawwija u attitudni kostruttività biex in-negozjati jitwettqu b'mod effiċjenti; jistenna li l-proċess tat-TTIP jiġġenera impetu politiku mġedded fir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, li jista' u għandu jintuża għat-tqanqil ta' kooperazzjoni eqreb f'oqsma oħra, inkluża l-politika barranija;

    5.

    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP), il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom tal-politika tal-UE vis-à-vis l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, sabiex jintbagħat messaġġ konvinċenti li l-UE hi attur internazzjonali koerenti u effiċjenti; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ukoll il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, fid-dawl tal-kriżijiet differenti li jistgħu jinqalgħu fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE u l-prinċipju li qed jimxu bih l-Istati Uniti ta’ “tmexxija minn wara l-kwinti”;

    6.

    Ifakkar fis-suġġeriment tiegħu li jinħoloq Kunsill Politiku Trans-Atlantiku biex iservi bħala korp għal konsultazzjoni u koordinazzjoni sistematiċi dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà, immexxi mir-RGħ/VP u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti;

    7.

    Jenfasizza l-kontribuzzjoni tat-TLD, bħala korp kostruttiv ibbażat fuq il-kontenut, għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti li jipprovdi forum għad-djalogu parlamentari, jidentifika l-objettivi u jikkoordina fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta' tħassib komuni; jilqa’ l-ftuħ tal-Uffiċċju ta’ Kollaborazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Washington, u jistieden lill-Kungress tal-Istati Uniti jagħmel l-istess fi Brussell; jiltob li jitkomplew l-iskambji ta' persunal bejn iż-żewġ istituzzjonijijiet;

    8.

    Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi ta’ Boston tal-15 ta' April 2013; iħeġġeġ liż-żewġ sħab biex ikomplu l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u, fl-istess ħin, jirrispettaw u jħarsu d-drittijiet tal-bnieden u l-libertajiet fundamentali; huwa mħasseb ħafna b'dak li ġie żvelat riċentement dwar operazzjonjiet ta' sorveljanza u ġbir ta' data taħt il-programm PRISM, u l-implikazzjonijiet tagħhom għal-libertajiet ċivili ta' ċittadini tal-UE; isejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqajjmu l-kwistjoni fil-laqgħa ministerjali ĠAI UE-USA li jmiss fl-14 ta' Ġunju 2013; jilqa’ l-fatt li l-Ftehim dwar ir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri u l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-Ftehim SWIFT), approvati mill-Parlament Ewropew, diġà qegħdin fis-seħħ; jistieden lis-sħab iżidu l-kooperazzjoni tagħhom rigward il-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iskambju tad-Data sabiex jiffinalizzaw in-negozjati b'tali mod li jiġu żgurati t-trasparenza xierqa tal-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni suffiċjenti tad-data personali;

    9.

    Jinnota l-importanza li qed tiżdied tal-użu ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ; jenfasizza l-ħtieġa ta’ dibattitu vigoruż dwar vetturi tal-ajru armati mingħajr ekwipaġġ u l-limiti, it-trasparenza u l-kontroll tagħhom; jilqa’ d-dibattitu attwali fl-Istati Uniti, u jistenna li jkun jista’ jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv mill-aktar fis; jilqa', f'dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet imħabbra mill-President Obama fid-diskors tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 biex jiġu fformalizzati limiti ġodda għall-użu ta' vetturi tal-ajru bħala armi letali u biex il-Kungress jiġi involut fl-eżami ta' għażliet għal aktar superviżjoni ta' dan l-użu; jistieden liż-żewġ sħab biex jidħlu f'diskussjonijiet dwar vetturi tal-ajru armati mingħajr ekwipaġġ, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi favur regolament internazzjonali futur, fid-dawl tal-implikazzjonijiet globali;

    10.

    Itenni l-fehma tiegħu li l-UE għandha tkompli tqajjem mal-Istati Uniti, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku, il-kwistjoni li ilha pendenti tar-rekwiżit ta’ viża impost fuq iċ-ċittadini ta’ erba’ Stati membri tal-UE;

    11.

    Itenni l-importanza li dejjem qed tikber taċ-ċiberdifiża u jilqa’ l-ħolqien, fis-summit 2010, tal-Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jagħtu prijorità speċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà, b’attenzjoni speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki u mal-promozzjoni konġunta tal-isforzi fuq livell internazzjonali għall-iżvilupp ta' qafas internazzjonali komprensiv u trasparenti li jistabbilixxi l-istandards minimi għall-politiki ta’ ċibersigurtà, filwaqt li jħares ukoll il-libertajiet fundamentali;

    12.

    Jiddispjaċih li l-UE u l-Istati Uniti qed jippjanaw biex jimplimentaw livelli differenti ta' ċibersigurtà fi żmien meta n-NATO qed tinsisti fuq kooperazzjoni intensifikata; jenfasizza li tali inkonsistenzi, mhumiex biss theddida għaċ-ċiberdifiża, iżda jistgħu joħolqu wkoll problemi relatati mal-kummerċ għall-kumpaniji li l-operazzjonijiet tagħhom ikopru ż-żewġ ġurisdizzjonijiet;

    13.

    Jilqa' l-wegħda mġedda tal-President Obama li ċ-ċentru ta' Guantánamo jingħalaq, espressa fid-diskors tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013; itenni l-appell tiegħu li l-persuni detenuti li għadhom ma ġewx akkużati jitħallew imorru lura pajjiżhom jew f'pajjiż sikur ieħor malajr kemm jista’ jkun, li d-detenuti fiċ-ċentru ta' Guantánamo li hemm biżżejjed evidenza ammissibbli kontrihom jiġu pproċessati mingħajr dewmien fi smigħ ġust u pubbliku minn tribunal indipendenti u imparzjali, u li jiġi żgurat li, jekk jinstabu ħatja, jiġu impriġunati fl-Istati Uniti b'mod konformi mal-istandards u l-prinċipji internazzjonali applikabbli;

    14.

    Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-bażi fundamentali tas-sigurtà trans-Atlantika; jappella għal darb'oħra għat-tisħiħ tas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO;

    Aġenda Atlantika u globali

    15.

    Jistieden liż-żewġ partijiet jistudjaw oqsma u oqfsa li permezz tagħhom tkun tista’ titwettaq kooperazzjoni trans-Atlantika usa’ b’mod prammatiku, u jesploraw flimkien ma' pajjiżi Atlantiċi oħrajn l-utilità ta’ din il-kooperazzjoni estiża; jenfasizza, li oqsma possibbli mill-perspettiva tal-UE jinkludu l-kwistjonijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-governanza globali, il-proċess ta’ demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-enerġija; jistieden lis-sħab janalizzaw il-possibilità li jintużaw, għall-fini ta’ dawn id-djalogi trijangolari, l-istrutturi reġjonali u subreġjonali maħluqa fl-Amerika Latina li l-UE tradizzjonalment inkuraġġiet;

    16.

    Jissuġġerixxi li s-sħab jinvolvu ruħhom fi skambji ta’ fehmiet regolari fir-rigward tas-summits rispettivi tagħhom mal-pajjiżi tal-Amerika Latina f’qafas reġjonali, jiġifieri, is-summit ta’ kull sentejn bejn l-UE u s-CELAC u s-Summit tal-Ameriki, organizzat mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;

    17.

    Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu oqfsa multilaterali varji ddedikati għal kwistjonijiet speċifiċi li għandhom komponent trijangolari b'saħħtu, bħalma hi l-Inizjattiva għas-Sigurtà Reġjonali tal-Amerika Ċentrali;

    18.

    Ifakkar fir-rwol pożittiv li l-Kanada – li ż-żewġ sħab għandhom relazzjoni solida magħha – tista' tiżvolġi f'kooperazzjoni trans-Atlantika aktar estensiva;

    19.

    Jistieden ukoll liż-żewġ sħab jistudjaw il-possibilità ta’ kooperazzjoni usa’ li tinkludi l-pajjiżi tal-madwar tal-Afrika tal-Baċir tal-Atlantiku, kif ukoll biex jidentifikaw oqsma u oqfsa pertinenti, filwaqt li jikkunsidraw l-organizzazzjonijiet Afrikani relevanti;

    20.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu b’mod ikkoordinat bl-għan li jikkontribwixxu għal ordni internazzjonali stabbli ta’ paċi u kooperazzjoni, abbażi ta’ multilateraliżmu effikaċi mal-atturi emerġenti, inklużi dawk il-pajjiżi tal-madwar tal-Atlantiku tan-Nofsinhar; iħeġġeġ lis-sħab ikomplu jaħdmu fuq il-programm ta’ riforma tan-NU filwaqt li jinvolvu lill-pajjiżi l-oħra tal-Atlantiku u jikkunsidraw l-interessi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Ameriki fi ħdan in-NU;

    21.

    Ifakkar li l-Qorti Kriminali Internazzjonali hi strument dejjem iżjed indispensabbli tad-dritt internazzjonali u element fundamentali tal-politika barranija tal-UE b’rabta mat-temma tal-impunità; jagħti ġieħ lill-ħidma tal-QKI fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tagħha; jilqa' l-azzjoni li ħadet l-amministrazzjoni Obama biex terġa' tistabbilixxi relazzjoni operattiva mal-Qorti, u jistenna li jittieħdu passi ulterjuri mill-Istati Uniti lejn l-iffrimar mill-ġdid u r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma;

    22.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu b'mod konġunt lejn it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fil-Baċir tal-Atlantiku, fid-dawl tar-rwol importanti li jiżvolġu fil-promozzjoni tal-integrazzjoni ekonomika u politika;

    23.

    Jistieden lis-sħab jagħtu impetus ġdid lill-G20, anki billi, jinvolvu b'mod simultanju u fuq bażi ugwali lill-potenzi Atlantiċi l-oħra li qed jipparteċipaw f’dak il-forum; jenfasizza l-fatt li, minħabba l-elezzjoni mill-ġdid ta' Obama u l-għadd kbir ta' mexxejja ġodda f’pajjiżi ewlenin tal-G20, dan hu l-mument opportun biex il-laqgħa li jmiss tal-G20 tkun aktar ambizzjuża u operattiva, u jistenna li din il-kwistjoni se tiġi indirizzata fis-samit bilaterali li jmiss;

    24.

    Jenfasizza li l-konklużjoni eventwali tat-TTIP se toħloq il-prospett ta’ spazju ekonomiku wiesa’ li jkun jinkludi l-Amerika ta’ Fuq, l-UE, u l-ħafna pajjiżi tal-Amerika Latina li magħhom is-sħab innegozjaw ftehimiet ekonomiċi;

    25.

    Jenfasizza li l-integrazzjoni ta' tnejn mill-akbar ekonomiji tas-suq tista' toħloq mudell ġeopolitiku għall-promozzjoni ta’ valuri demokratiċi;

    26.

    Jenfasizza li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu ta’ importanza ċentrali għall-pajjiżi tal-Baċir tal-Atlantiku; jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri bejn il-programmi tal-UE u tal-Istati Uniti għall-promozzjoni tad-demokrazija, ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

    27.

    Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni biex jiġu missielta r-riskji għas-sigurtà globali, bħalma huma t-terroriżmu, l-istati falluti, it-traffikar tal-bnedmin, l-armi u d-drogi, il-kriminalità organizzata, il-piraterija u ċ-ċibersigurtà, li kollha kemm huma jkkostitwixxu theddid attwali fil-Baċir tal-Atlantiku; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approfondiment ta’ kooperazzjoni komprensiva bejn il-pajjiżi kollha tal-Baċir tal-Atlantiku fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, li huwa fenomenu li qed jiżdied madwar l-Afrika tal-Punent u s-Saħel; jilqa' l-appoġġ tas-sħab għall-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali tal-ECOWAS dwar id-Drogi;

    28.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolarment importanti li s-sigurtà marittima għandu jkollha fl-ispazju Atlantiku; jilqa’ l-isforzi mwettqa mis-sħab, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ECOWAS u l-ECCAS, kontra l-piraterija u favur is-sigurtà marittima fil-Golf tal-Ginea;

    29.

    Jenfasizza l-importanza tad-diversifikazzjoni tar-rotot tat-trasport, is-sorsi, u l-fornituri tal-enerġija; jenfasizza r-relevanza dejjem ikbar tal-pajjiżi tal-Baċir tal-Atlantiku kemm fir-rigward tal-produzzjoni u r-riżervi tal-enerġija kif ukoll fir-rigward tal-materja prima, li kollha kemm huma joffru opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni konsiderevoli; jissuġġerixxi li l-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti, flimkien mal-pajjiżi oħrajn tal-Baċir tal-Atlantiku, għandhom jistudjaw il-possibilità li jaħdmu flimkien dwar kwistjonijiet ta’ sostenibilità u sigurtà tal-enerġija, inklużi t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; bl-istess mod jissuġġerixxi li tiġi studjata l-possibilità ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar ir-riċiklaġġ u l-effiċjenza tal-materja prima;

    30.

    Jilqa’ l-enfasi li għamel il-President Obama fid-diskors inawgurali tiegħu dwar it-tiġdid tal-kapaċità tal-Istati Uniti fil-ġestjoni tal-kriżijiet barra mill-pajjiż, u jispera li l-kooperazzjoni li diġà impenjaw ruħhom fiha l-UE u l-Istati Uniti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, u dejjem iżjed fil-prevenzjoni tal-kriżijiet, fl-Afrika tal-Lvant se tiġi estiża għall-pajjiżi tal-madwar tal-Atlantiku; jistieden liż-żewġ sħab, f'dan il-kuntest, jagħmlu użu sħiħ u kostruttiv mill-Ftehim Qafas tal-2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fil-PSDK; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jinvolvu ruħhom bis-serjetà fi proġetti konġunti ta' akkomunament u kondiviżjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu b'mod awtonomu l-kompiti deskritti fl-Artikolu 43 tat-Trattat ta' Lisbona;

    31.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp, sabiex itejbu l-kwalità u l-effikaċja tal-assistenza tagħhom għall-iżvilupp; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikomplu jippromwovu l-objettiv li jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015; jilqa’ l-fatt li s-sħab waqqfu grupp ta’ riflessjoni biex jaħdem fuq aġenda għal wara l-2015 rigward l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju; iħeġġeġ lis-sħab biex jinvolvu tuħhom f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-madwar tal-Atlantiku fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, fid-dawl tal-importanza speċjali tagħhom għal dak il-grupp; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jindirizzaw, f'dan il-proċess ta' riflessjoni, il-kwistjoni ta’ kif jistgħu jiġu kkollegati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju ta' wara l-2015 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

    32.

    Jilqa’ l-impenn imġedded tal-President Obama favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lis-sħab jaqblu, kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2015, dwar impenji vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet b’effett ta’ serra b’konformità maż-żamma tat-tibdil fil-klima għal anqas minn 2 oC; jistenna li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fis-summit ta’ kull sentejn li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi tal-Atlantiku jkunu involuti f’dan l-isforz, speċjalment minħabba l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima, f’dawk il-pajjiżi u madwar id-dinja, fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-bijodiversità, id-deżertifikazzjoni u l-avvenimenti ta’ temp estrem; iqis li hu essenzjali li l-UE u l-Istati Uniti jmexxu fit-triq lejn ftehim globali dwar ir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet mil-linji tal-ajru fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tal-ICAO; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni trans-Atlantika mill-qrib fil-qasam tal-isfruttament tal-gass tax-shale;

    33.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jadottaw strateġija komuni fil-fora internazzjonali, b’mod speċjali n-NU, dwar it-tnaqqis tal-istokkijiet ta’ armi ta’ qerda massiva u armi konvenzjonali, u biex jinvolvu lill-pajjiżi tal-Atlantiku f’dawk l-isforzi; jistenna li l-Istati Uniti u r-Russja jagħmlu progress ulterjuri dwar id-diżarm nukleari; jilqa bil-qalb l-approvazzjoni reċenti tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-Istati Uniti biex jiffirmawh malajr;

    34.

    Iħeġġeġ lill-gruppi ta’ riflessjoni u r-riċerkaturi jkomplu jistudjaw il-kooperazzjoni trans-Atlantika iktar wiesgħa, li tgħin ukoll biex titrawwem l-idea ta’ komunità Atlantika usa’;

    35.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-iskambji kulturali permezz ta' programmi edukattivi huma fundamentali għall-bini ta’ valuri komuni u, għaldaqstant, għall-bini ta’ pontijiet bejn is-sħab tal-baċir tal-Atlantiku;

    Kunflitti u kwistjonijiet attwali

    36.

    Jistieden lis-sħab jagħtu prijorità lill-koordinazzjoni mill-qrib favur it-tranżizzjoni demokratika fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani abbażi ta’ strateġija komprensiva u kondizzjonali ta' assistenza u inċentivi marbuta ma' riformi demokratiċi; iħeġġeġ lis-sħab jikkoordinaw kemm jista’ jkun mill-qrib fir-rigward tal-appoġġ għall-oppożizzjoni fis-Sirja, u jżommu l-pressjoni fuq ir-Russja u ċ-Ċina sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi traġika f’dak il-pajjiż; jappoġġa l-appell għal konferenza ta' paċi dwar is-Sirja f'Ġinevra; jenfasizza, bl-istess mod, il-ħtieġa ta’ reazzjoni komuni għall-instabilità politika u l-kriżi ekonomika li qed titfaċċa fl-Eġittu; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bħala appoġġ għall-programmi ta' demokratizzazzjoni fir-reġjun;

    37.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha, l-Istati Uniti, l-UA, l-ECOWAS, in-NU u atturi oħrajn favur l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni f’Mali, kif ukoll il-ħtieġa ta’ appoġġ finanzjarju u loġistiku għall-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għal Mali taħt tmexxija Afrikana (AFISMA), li mistennija titrasferixxi l-awtorità tagħha lill-Missjoni ta’ Stabbilizzazzjoni Integrata u Multidimensjonali tan-NU f’Mali (MINUSMA), skont ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2100 kif adottata fil-25 ta' April 2013;

    38.

    Jiddispjaċih rigward il-waqfien tal-proċess tal-paċi tal-Lvant Nofsani; jilqa' l-fatt li l-President Obama żar l-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana u l-Ġordan matul l-ewwel żjara tiegħu barra mill-pajjiż wara li reġa' ġie elett, u jilqa' l-fatt li għal darb'orħa l-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani reġa' sar priojrità ewlenija, kif jidher mill-isforzi attwali li saru mis-Segretarju tal-Istat, John Kerry; jilqa' l-impenn tal-President Obama favur soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden lin-naħa tal-Istati Uniti biex tinsisti biex il-kostruzzjoni ta' insedjamenti tiġi ffriżata u biex taħdem flimkien mal-UE biex in-negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestina jerġgħu jibdew; jikkondividi l-fehma tal-President Obama dwar il-kostruzzjoni attwali ta' insedjamenti min-naħa tal-Iżrael u dwar l-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà ta’ Iżrael;

    39.

    Iħeġġeġ liż-żewġ sħab biex ikomplu jaħdmu favur soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari tal-Iran bil-ħsieb li tinkiseb malajr soluzzjoni innegozjata, komprensiv u fit-tul li trawwem fiduċja internazzjonali fin-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet leġittimi tal-Iran għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari b'konformità mat-TNP; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, fil-kuntest tan-negozjati UE 3+3 (P5 +1) mal-Iran, biex jikkunsidraw it-tneħħija koordinata u kondizzjonali tas-sanzjonijiet bi skambju għal azzjoni maqbula reċiprokament u verifikabbli mill-gvern Iranjan lejn ir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti kollha rigward il-programm nukleari tiegħu, b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-TNP, il-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll l-eżiġenzi stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA); jistieden liż-żewġ sħab jadottaw approċċ aktar komprensiv lejn ir-relazzjonijiet mal-Iran li jindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-istampa aktar estensiva tas-sigurtà reġjonali, u sabiex jinvolvu lill-NGOs u s-soċjetà ċivili tal-Iran, kull fejn ikun applikabbli;

    40.

    Iħeġġeġ lis-sħab jiżviluppaw approċċ komprensiv b’mod konġunt għall-Afganistan għal wara l-perjodu tal-2014, b’koordinazzjoni mal-gvern tal-Afganistan; jenfasizza li, forzi armati u tal-pulizija Afgani mħarrġa u mgħammra sew, fimkien ma’ żvilupp uman u soċjoekonomiku, governanza tajba u politiki favur l-istat tad-dritt, se jkunu ta’ importanza vitali għall-paċi, l-istabilità u s-sigurtà fil-pajjiż, filwaqt li se jkun meħtieġ impenn ferm iktar b’saħħtu min-naħa tal-ġirien tal-Afganistan lejn dawn l-għanijiet; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ proċess politiku demokratiku u inklużiv fil-pajjiż; jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li kellha n-NATO fil-koordinament tar-reazzjoni ta' sigurtà għat-theddida terroristika fl-Afganistan, inklużi r-rikostruzzjoni u riabilitazzjoni, u jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tan-NATO fil-perjodu wara l-2014;

    41.

    Jenfasizza l-importanza tas-Sħubija tal-Lvant għall-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun tal-viċinat jitqarrbu, politikament u ekonomikament, mal-UE u mal-valuri komuni tas-sħab trans-Atlantiċi; jistieden lill-UE u lil-Istati Uniti biex jikkoordinaw b’mod attiv f’dan ir-rigward, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi miftiehma għall-promozzjoni tar-riformi demokratiċi, il-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u t-tisħiħ tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti; jappreżża l-fappoġġ kontinwu tal-Istati Uniti għall-proċess ta' tkabbir tal-Balkani tal-Punent, u jinkoraġġixxi liż-żewġ sħab iżommu approċċ ikkoordinat lejn il-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun;

    42.

    Iħeġġeġ liż-żewġ sħab jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom rigward l-involviment ta’ importanza kritika mar-Russja; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mar-Russja dwar sfidi globli, fosthom id- diżarm u n-nonproliferazzjoni; jistieden lill-UE u l-Istati Uniti jikkontribwixxu għall-proċess ta’ modernizzazzjoni tar-Russja, b'enfasi partikolari fuq il-konsolidament tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u fuq il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku diversifikat u soċjalment ekwitabbli; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-kuntatti bejn in-nies; f’dan ir-rigward, jiddipjaċih dwar il-liġijiet restrittivi l-ġodda fuq l-NGOs u l-pressjoni dejjem ikbar li qed tiġi applikata mill-awtoritajiet Russi fuq l-uffiċċji tal-NGOs ibbażati fir-Russja; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-impenji li ħadet ir-Russja meta ngħaqdet mad-WTO hi parti importanti mill-aġenda għall-modernizzazzjoni tal-pajjiż; jistieden liż-żewġ sħab jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi mar-Russja dwar il-kunflitti ffriżati; jilqa’ l-approvazzjoni tal-lista Magnitsky mill-Kungress tal-Istati Uniti, u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu stess ta’ Ottubru 2012;

    43.

    Jinnota ċ-ċaqliqa fl-attenzjoni internazzjonali lejn l-Asja tal-Lvant minħabba t-tkabbir politiku u ekonomiku tar-reġjun Asja-Paċifiku; jilqa’ l-fatt li reċentement ġiet stabbilita konsultazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar dak ir-reġjun, u jemmen li dan jaf iwassal għal kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti rigward l-Asja; jinnota, b’mod partikolari, il-ħtieġa ta’ reazzjoni kkoordinata għall-kwistjonijiet li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ tfixkil għall-paċi fir-reġjun, speċjalment fil-każ tal-kunflitt fil-Baħar tax-Xlokk taċ-Ċina, li qed iżid in-nazzjonaliżmu aggressiv f’ċerti pajjiżi Asjatiċi u huwa ta’ theddida għas-sigurtà marittima;

    44.

    Jikkundanna bil-qawwa r-retorika tal-gwerra li qed teskala min-naħa tal-Korea ta' Fuq u t-theddid dirett riċenti li għamlet kontra l-Istati Uniti b'reazzjoni għar-riżoluzzjoni 2087 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fejn ġew adottati sanzjonijiet aktar iebsa kontra l-Korea ta' Fuq; jistieden lil Pjongjang sabiex jiġu segwiti r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jitolbu l-waqfien tal-programmi tagħha dwar l-armi nukleari u l-missili ballistiċi; iħeġġeġ liż-żewġ naħat iżommu l-kalma u jipprovaw jilħqu l-paċi b’mezzi diplomatiċi; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Uniti u lill-Korea t'Isfel biex iżommu djalogu mill-qrib maċ-Ċina sabiex jitrażżan ir-reġim ta' Pjongjang;

    45.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jagħmlu sforz ikkoordinat sabiex jimpenjaw lit-tmexxija Ċiniża l-ġdida biex tindirizza b’mod iktar attiv il-kunflitti u l-kwistjonijiet tal-aġenda globali; jilqa' l-fatt li l-UE u ċ-Ċina qablu li jorganizzaw djalogu regolari dwar il-politika għad-difiża u s-sigurtà, kif ukoll li jżommu kuntatti regolari bejn ir-rappreżentanti speċjali u l-mibgħuta speċjali; ifakkar fl-importanza li jinżamm djologu miftuħ maċ-Ċina dwar il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

    o

    o o

    46.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvern tal-Istati Uniti u lill-Kungress tal-Istati Uniti.


    (1)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 226.

    (2)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 198.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0510.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0388.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0227.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2012)0334.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0455.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2012)0457.

    (9)  Testi adottati, P7_TA(2012)0235.


    Top