Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0267

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa’ ta’ għajnuna mill-Istat (2013/2104(INI))

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 79–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/79


P7_TA(2013)0267

Il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa' ta' għajnuna mill-Istat

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa’ ta’ għajnuna mill-Istat (2013/2104(INI))

(2016/C 065/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxu l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji meħtieġa sabiex jinkiseb,

wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(a) u (c) TFUE, li jipprovdi għall-eliġibbiltà għal għajnuna reġjonali mill-Istat biex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti żoni żvantaġġati fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2012)0496), kif emendat (COM(2013)0146),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (1),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Nru 2232/2012 tal-1 ta’ Frar 2013 dwar il-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat reġjonali għall-2014-2020,

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali INT/653 tas-26 ta' Marzu 2013 dwar is-suq intern u l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-għajnuna nazzjonali reġjonali għall-2007-2013 (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2012 bit-titolu “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) (COM(2012)0209)”,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, C(2012)7542, fil-kawża SA 33243 Jornal de Madeira,

wara li kkunsidra d-“Dokument tas-servizzi tad-DĠ Kompetizzjoni li fih l-abbozz ta’ linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020” tal-Kummissjoni (3),

wara li kkunsidra l-Punt 57 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 – Għajnuna Reġjonali (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-1998 dwar ir-rabtiet bejn il-politika reġjonali u l-politika dwar il-kompetizzjoni – għat-tisħiħ tal-konċentrazzjoni u tal-konsistenza reċiproka (COM(1998)0673),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Konġunti T-443/08, T-455/08T, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig/Halle v Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa’, (COM(2008)0394),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0204/2013),

A.

billi l-Kummissjoni qed twettaq il-proċess tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (SAM), li l-objettivi tiegħu huma li jkattar it-tkabbir, jiffoka fuq każijiet ewlenin, u jissimplifika, jiffaċilita u jħaffef l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti;

B.

billi l-bażi ġuridika għall-proposti l-ġodda, kif stipulat fl-Artikolu 109 TFUE, tipprovdi biss għall-konsultazzjoni tal-Parlament, u mhux għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-Parlament m'għandu l-ebda rwol fl-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat lir-Reġjuni għall-2014-2020;

C.

billi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni dwar il-Fondi Strutturali u għall-Investimenti Ewropej għall-2014-2020 għadha ma ġietx konkluża;

D.

billi l-forom l-iktar komuni ta’ skemi ta’ appoġġ mill-Istat jieħdu l-forma ta’ għotjiet u sussidji, tnaqqis tat-taxxa, derogi, premji ta’ inċentiv, self b’rata baxxa ta' imgħaxx, garanziji, rati ta' self preferenzjali, u parteċipazzjoni fil-kapital li tingħata mill-gvern nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll mill-entitajiet ikkontrollati fuq livell pubbliku u permezz ta' numru dejjem jikber ta' forom ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat;

E.

billi jeżistu għadd ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll linji gwida li japplikaw fil-livelli reġjonali, speċifiċi għas-settur u orizzontali, filwaqt li l-għażla dwar liema tip ta’ għajnuna għandha tiġi applikata titħalla sa ċertu punt f’idejn l-Istati Membri;

F.

billi, skont il-Kummissjoni, l-iskop tal-Linji Gwida għal Għajnuna Reġjonali (RAG) tagħha huwa l-promozzjoni ta' suq uniku kompetittiv u koerenti, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-effetti ta' tgħawwiġ tal-għajnuna jkunu kem jista' jkun dgħajfa;

G.

billi l-għajnuna mill-Istat għandha tikkumplimenta u tfittex bilanċ mal-objettivi ta’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Politika ta’ Koeżjoni;

H.

billi l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiddependu wkoll b'mod qawwi mill-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

I.

billi l-eżistenza ta’ mekkaniżmu li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u l-applikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-UE hija waħda mill-kondizzjonalitajiet ex-ante stipulati fl-abbozz ta’ sett ta’ regolamenti dwar il-Politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020;

J.

billi l-impatt ex-post tal-għajnuna mill-Istat u l-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat fuq l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, kif ukoll fuq il-kumpaniji, is-swieq u l-ekonomija b’mod globali, ma ġiex valutat b’mod suffiċjenti, kif tirrimarka l-Qorti tal-Awdituri fir-rapport tagħha bl-isem l-“Effiċjenża tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat” (5);

K.

billi l-anzjetà dwar il-piżijiet amministrattivi hija l-preokkupazzjoni ewlenija li taffettwa lill-benefiċjarji fir-rigward ta’ regoli marbuta mal-għajnuna mill-Istat jew mal-Politika ta’ Koeżjoni;

Il-koordinazzjoni ta’ regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat u l-Politika ta’ Koeżjoni

1.

Jilqa' l-abbozz tal-Kummissjoni ta' linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali għall-perjodu 2014-2020 bħala parti integrali tal-programm għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (SAM); itenni l-appoġġ tiegħu għal approċċ fejn ir-regoli ta' kompatibbiltà għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ikollhom l-għeruq fi prinċipji komuni u jkunu konsistenti fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (6) (GBER) kollu u fil-linji gwida differenti kollha; jiffavorixxi l-adozzjoni ta' regoli ta' kontroll u ta' infurzar tal-għajnuna mill-Istat iktar sempliċi, prevedibbli u effikaċi abbażi ta' analiżi ekonomika soda;

2.

Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni kemm tal-Politika ta’ Koeżjoni kif ukoll tar-regoli dwar l-iskemi ta’ appoġġ mill-Istat biex jiġu rinfurzati l-investiment u sħubiji pubbliċi-privati lokali u reġjonali huma ta’ importanza ewlenija għall-promozzjoni ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-iżvilupp reġjonali u lokali, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u l-ħolqien tal-impjiegi; madankollu, jinsab imħasseb dwar jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat humiex konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewoprej; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura konsistenza tas-SAM mar-regolamenti dwar il-Politika ta' Koeżjoni 2014 – 2020, sabiex ma jkunx hemm varjazzjonijiet kbar fit-trattament ta' oqsma li jappartjenu lill-istess kategorija ta' reġjun fi ħdan il-Politika ta' Koeżjoni;

3.

Jiddispjaċih li l-Artikolu 109 TFUE – il-bażi fit-Trattat li jippermetti r-regolamentazzjoni u, b'mod indirett, il-GBER – jipprevedi biss konsultazzjoni mal-Parlament, u mhux kodeċiżjoni; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit għandu jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arraġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika dwar il-kompetizzjoni, u korrett bit-tibdil li jmiss fit-Trattat; jirrimarka li l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda jipprevedi proposti għal tibdil tat-Trattat sal-2014; iqis li proposta bħal din għandha tinkludi, fost affarijiet oħra, proposta speċifika li temenda l-Artikolu 109 TFUE sabiex jiġu adottati r-regolamenti msemmija f'dak l-Artikolu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' toħroġ linji gwida legali mhux vinkolanti fil-qasam tal-politika dwar il-kompetizzjoni, b'mod partikolari dwar l-għajnuna mill-Istat, billi tieħu kont kif xieraw tal-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiżgura ċerta ċertezza ġuridika għall-partijiet ikkonċernati;

5.

Jenfasizza l-fatt li r-rwol ewlieni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li jiġi żgurat li jkun hemm sitwazzjoni ekwa f'suq intern kompetittiv u koerenti; jappoġġa bis-sħiħ l-għan ġenerali tal-programm SAM li jadatta r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħtieġa li jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku fl-UE; jinnota li huwa partikolarment rilevanti li jiġi promoss tkabbir ekonomiku fl-iktar reġjuni żvantaġġjati tal-UE, billi l-effetti ta' tgħawwiġ tal-għajnuna fi ħdan is-suq intern jinżamm f'livell minimu;

6.

Jenfasizza li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll l-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni, għandhom iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tar-reġjuni l-iktar żoni żvantaġġjati, u li l-proċess SAM għandu jirrifletti l-objettivi tal-koeżjoni madwar l-UE, jiġifieri billi jikkontribwixxi fl-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni u fit-titjib tal-benessri; jemmen li l-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq fehim sħiħ tal-impatt tar-regoli fil-livell subnazzjonali;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz tal-għajnuna mill-Istat tiġi implimentata b'konsistenza ġenerali ma' strateġiji kredibbli għall-konsolidazzjoni fiskali fuq medda twila ta' żmien; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra iktar ir-rabtiet bejn il-politiki ta' għajnuna mill-Istat u s-sorveljanza fiskali fit-tfassil ta' Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, u jitlob lill-Istati Membri jqisu dawn ir-rabtiet meta jfasslu l-Programmi tagħhom ta' Stabilità u Konverġenza u l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali; jenfasizza l-bżonn ta' simplifikazzjoni ta' regoli, u li jkun hemm inqas għajnuna mill-Istat – iżda mmirata aħjar – billi jitqies li l-għajnuna mill-Istat hija maħsuba bħala eċċezzjoni, u mhux bħala regola ġenerali; jenfasizza l-bżonn li jiġu pprevenuti u evitati tlielaq għas-sussidji bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji kbar madwar l-UE;

8.

Jemmen li l-għajnuna reġjonali jista' jkollha rwol effettiv biss jekk tintuża bir-rażan u b'mod proporzjonali, u tkun ikkonċentrata fuq ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati tal-UE fejn tkun tinħtieġ l-aktar; jenfasizza l-kontribut strutturali tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali, b'mod partikolari fil-kuntest attwali ta' kriżi ekonomika qawwija; jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kriterju ta' kriżi ta' “xkiel serju fl-ekonomija ta' Stat Membru” għadu japplika fl-ekonomija reali kif ukoll fis-settur finanzjarju, u biex tiċċara u tistandardizza l-kriterji biex issir din l-evalwazzjoni;

9.

Jinnota li hemm marġni ta' rduppjar bejn il-fondi strutturali tal-Politika ta' Koeżjoni u l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji; jenfasizza li parti sinifikanti min-nefqa taħt il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE fil-perjodu 2014 – 2020 taqa' taħt il-GBER u li mhux biss ir-RAG, iżda wkoll linji gwida oħra orizzontali u skont is-settur huma rilevanti f'dan il-kuntest; jinnota li dawn l-istrumenti kollha ta' għajnuna mill-Istat għandhom ikunu koerenti bejniethom u mal-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni, u li dawn ir-regoli fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiżguraw nefqa effikaċi tal-flus pubbliċi u jippromwovu t-tkabbir;

10.

Jinnota l-importanza tal-GBER fil-proċess kollu tas-SAM peress li eżenzjoni ta’ kategorija mir-rekwiżit tan-notifika għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna tista’ tnaqqas serjament il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u tippermetti lill-Kummissjoni tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq il-każijiet li huma l-aktar ta’ tfixkil u tagħti prijorità aħjar lill-attivitajiet ta’ infurzar tagħha; jemmen, għalhekk, li l-abbozz ġdid tal-GBER u s-sett ta' prinċipji komuni tiegħu kellhom ikunu ppubblikati mill-Kummissjoni qabel kwalunkwe linji gwida speċifiċi;

11.

Jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni fil-proċess SAM li trendi l-prinċipji iktar ċari, sempliċi u faċli; hu tal-fehma li dawn il-prinċipji għandhom ikunu kkoordinati sew ma’ politiki oħrajn tal-UE kif ukoll ikunu ċari, prevedibbli u flessibbli biżżejjed biex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ ċerti Stati Membri u r-reġjuni tagħhom li jħabbtu wiċċhom ma’ żmien ta’ kriżi u tbatija ekonomika gravi; itenni r-rikonoxximent tiegħu tar-rwol tal-għajnuna mill-Istat fl-indirizzar tal-kriżi ekonomika u fil-kisba tal-objettivi ta' tkabbir u impjieg; jemmen f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fir-RAG futuri ma jiġux applikati għas-sussidji pubbliċi mill-Fondi Strutturali u għall-Investiment Ewropej; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-proposta, kif ippubblikata għall-konsultazzjoni, m’għandhiex evidenza suffiċjenti bħala bażi u tista' tmur kontra l-objettiv ta’ simplifikazzjoni;

Kopertura territorjali tal-għajnuna mill-Istat reġjonali 2014-2020

12.

Jinnota li, kuntrarjament għat-tipi l-oħrajn ta' għajnuna mill-Istat li jistgħu jingħataw fl-UE, l-għajnuna reġjonali per definizzjoni għandu jkollha kamp ta' applikazzjoni ġeografiku u kopertura demografika limitati;

13.

Huwa tal-fehma li t-tqassim f'żoni ġeografiċi tar-RAG ġdid 2014-2020 madankollu għandu jinżamm jew għandu jmur oltra l-livell attwali ta' 45 %, u li l-intensità tal-għajnuna għandha tinżamm fil-livell attwali, meta titqies is-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali fl-Istati Membri kif ukoll l-iżvantaġġi naturali, ġeografiċi u demografiċi ta' ċerti reġjuni; jirrimarka li, fil-kuntest globali, l-ekonomiji tal-UE u taż-ŻEE jistgħu jitqegħdu fi żvantaġġ fir-rigward ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn mudelli ta' impjiegi inqas stretti jew minn inqas spejjeż, u dan jagħmilhom inqas attraenti; jindika li, fiż-żoni żvantaġġjati tal-UE, il-ħtieġa għal aġġustamenti fil-karta tal-bilanċ tas-settur privat, qtugħ dovut għall-awsterità fil-finanzi pubbliċi u l-inċertezza ekonomika qed jipperikolaw l-investiment u l-aċċess għall-finanzi, u b'hekk jiżdiedu l-inugwaljanzi madwar ir-reġjun;

14.

Huwa tal-fehma li r-regoli l-ġodda m'għandux ikollhom impatt restrittiv għal regoli ġodda dwar l-investiment u t-tkabbir f’reġjuni kif jitbiegħdu mill-kategorija inqas żviluppata u jersqu lejn dik iktar żviluppata; hu konxju li ċerti reġjuni li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat taħt is-sistema attwali jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji tat-tqassim f’żoni tal-RAG fil-futur u għalhekk jistgħu jiġu esklużi mill-iskema ta' tqassim f'żoni; jemmen li dawk ir-reġjuni għandu jkollhom skema ta' sigurtà speċjali, simili għal dik tar-reġjuni tranżitorji taħt il-Politika ta' Koeżjoni, li tipprovdi għal iktar konsistenza bejn ir-regolamenti tal-Politika ta' Koeżjoni 2014 – 2020 u r-regoli dwar il-kompetizzjoni, u tippermetti lill-Istati Membri jlaħħqu mas-sitwazzjoni l-ġdida tagħhom; f'dan ir-rigward jipproponi li r-reġjuni meqjusa bħala reġjuni “A” fil-perjodu 2007-2013 għandu jkollom stejtus predefinit bħala reġjuni “c” għall-perjodu 2014-2020; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-possibilità li tiżdied kif xieraq l-intensità massima tal-għajnuna fl-eks reġjuni “a”, inklużi r-reġjuni b'effett statistiku, kif ukoll fir-reġjuni “c”;

15.

Jenfasizza r-rwol tal-għajnuna mill-Istat f’ekonomiji li ntlaqtu b’mod partikolari mill-kriżi għal liema ekonomiji l-finanzjament pubbliku taħt il-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jkun l-uniku sors ta’ investiment; b'rabta ma' dan, jipproponi li jitqiesu d-derogi reġjonali speċifiċi lil hinn mill-mapep ta' għajnuna reġjonali, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-effetti negattivi ulterjuri tal-kriżi; jirrimarka li, fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku l-perjodu 2008-2010, u fir-rigward tal-qgħad il-perjodu 2009 – 2011, għandhom jintużaw mill-Kummissjoni bħala bażi għall-eliġibilità għal għajnuna mill-Istat, minkejja l-fatt li dawk is-snin għadhom ma jistgħux jikkostitwixxu element ta' kejl tal-impatt territorjali tax-xkiel dovut għall-kriżi u għad-diżastri naturali; jitlob lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq il-bażi tal-iktar data reċenti u speċifika; jitlob li, sabiex jiġi evitat żbilanċ, il-Kummissjoni testendi l-validità tal-RAG attwali u l-mapep reġjonali b'mill-inqas 6 xhur, billi l-mapep il-ġodda mhux se jiġu approvati f'waqthom; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-mapep reġjonali tar-reġjuni “c” fl-2017;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-effetti ekonomiċi tad-deċiżjonijiet tal-għajnuna reġjonali tagħha f'kuntest ġeografiku usa' peress li r-reġjuni mal-fruntiera jistgħu jikkompetu mat-territorju taż-ŻEE għas-sit tal-attività ekonomika; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis dan il-punt fil-politika tal-viċinat tal-UE tagħha u fin-negozjati ma’ pajjiżi kandidati;

17.

Ifakkar il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew, li ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni li jmissu ma' reġjuni ta' konverġenza jittieħed kont tagħha; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' approċċ ibbilanċjat għad-deżinjazzjoni tal-hekk imsejħa żoni “a” u “c”, bl-għan li jiġu minimizzati l-inugwaljanzi fl-intensità tal-għajnuna bejn reġjuni minn Stati Membri differenti li jaqsmu l-istess fruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reġjuni mhux eliġibbli għal għajnuna tal-Istat li jmissu ma' żoni 'a' ta’ pajjiż ieħor jingħataw allokazzjoni speċifika fit-termini tal-kopertura “c”; iqis li din l-allokazzjoni, permezz ta' deroga mil-limitu ta' kopertura ġenerali, għandha tiġi assenjata lill-Istati Membri minbarra l-allokazzjoni ta' żoni “c” predefiniti u mhux predefiniti; jinsisti li d-differenza fl-intensità tal-għajnuna bejn il-kategoriji kollha ta' reġjun u d-daqsijiet kollha ta' kumpanija għandha tkun limitata għal massimu ta' 15 %;

18.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u b’popolazzjoni baxxa u tar-reġjuni insulari; jipproponi l-għajnuna tal-Istat bħala kumpens adegwat għall-insularità, l-iżolament, id-daqs żgħir, it-tipografija diffiċli, il-klima u l-limitazzjonijiet tas-suq żgħir tagħhom; jitlob għall-allinjament tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-koeżjoni bl-għajnuna operattiva tar-rekwiżiti tal-politika tal-kompetizzjoni għal dawn it-territorji; jirrikjedi li l-Kummissjoni tistqarr mill-ġdid b’mod ċar, fir-RAG il-ġdid, il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ degressività u n-nuqqas ta’ limitu ta’ żmien għal għajnuniet operattivi f’dawn ir-reġjuni; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika d-definizzjoni tagħha ta’ għajnuna tal-Istat għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, b’referenza speċifika għal kostijiet addizzjonali tat-trasport;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi r-reġjuni kollha taħt il-livell 2 NUTS li jikkonsistu biss minn gżira jew bosta gżejjer fil-lista ta' żoni predefiniti “c” koperti mill-Artikolu 107(3)(c) TFUE;

20.

Jipproponi li l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw sett usa’ ta’ parametri biex jiddeterminaw l-iżvantaġġi reġjonali, sabiex apparti d-densità ta’ popolazzjoni baxxa, kriterji oħra bħal żvantaġġi ġeografiċi u demografiċi jew b’riskju akbar ta’ diżastri naturali, jitqiesu meta tkun qed tiġi deċiża l-għajnuna tal-Istat għall-eliġibilità spazjali; huwa tal-fehma li l-għajnuna mill-Istat tirrappreżenta kumpens leġittimu fir-rigward tal-iżvantaġġi tal-insularità, l-iżolament u d-daqs ta’ territorju, u li kundizzjoni bħal din għandha titqies bħala kriterju indipendenti għall-iskopijiet tal-kopertura territorjali tal-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, sabiex it-territorji insulari jkunu jistgħu jegħlbu l-iżvantaġġi strutturali tagħhom u jiżguraw il-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku, soċjali u territorjali;

Ir-restrizzjonijiet amministrattivi tar-regoli dwar l-ġħajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni

21.

Jemmen li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fi ħdan il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tista’ tinkiseb aħjar billi jkun hemm iffukar fuq l-għajnuna fuq skala kbira u mmirata aħjar, regoli ssimplifikati inklużi regoli ta’ notifika, u jiġu estiżi l-kategoriji orizzontali fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni (7) u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ eżenzjoni sħiħa fil-GBER; jirrakomanda żieda fil-limiti de minimis; jieħu nota li ż-żieda tal-limiti de minimis, speċjalment għas-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u t-trasport fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u t-territorji insulari, tista’ tgħinhom biex il-kompetittività tagħhom tilħaq lil dik tar-reġjuni kontinentali;

22.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr linji gwida ċari għal-valutazzjoni ta' x'inhi għajnuna mill-Istat skont id-definizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u x'mhuwiex, kif ukoll għal kriterji dettaljati biex il-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat importanti jkunu jistgħu jintgħażlu minn oħrajn anqas importanti kif imħabbar fil-pjan direzzjonali SAM;

23.

Hu tal-opinjoni li fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet konġunti Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig/Halle v Kummissjoni, huwa importanti li tiġi garantita applikazzjoni korretta tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni, fi proġetti infrastrutturali użati għal attivitajiet ekonomiċi, biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u/jew l-entitajiet pubbliċi tagħhom ma jħabbtux wiċċhom ma’ piżijiet amministrattivi addizzjonali; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti m'għandhiex tiġi pperikolata mir-regoli esiġenti ta’ ġestjoni finanzjarja, inklużi r-regoli dwar id-diżimpenn li jappartjenu għall-Politika ta’ Koeżjoni u l-prattika tal-ilmenti fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat;

24.

Itenni, sabiex jiġi żgurat approċċ semplifikat iżda konsistenti, it-talba tiegħu għall-kjarifika dwar il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li ngħatat taħt ir-Regolamenti dwar l-Eżenzjoni Sħiħa mill-Istati Membri, peress li din probabbli se tippreżenta diffikultajiet partikolari mhux biss għall-SMEs iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-entitajiet tagħhom taħt l-ipprogrammar tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020; jenfasizza li s-semplifikazzjoni m'għandhiex tiġi mfittxija għas-skapitu tal-infurzar;

25.

Jenfasizza li l-kundizzjonalità ġenerali ex-ante rigward l-għajnuna mill-Istat fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tapplika approċċ iktar proattiv għall-każijiet tal-għajnuna mill-Istat, partikolarment jekk jiżdiedu d-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna eżentata min-notifika; jaqbel mal-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tqajjem kuxjenza dwar l-obbligu ta’ notifika, tippromwovi l-aqwa prattiki, tipprovdi informazzjoni mmirata dwar tipi differenti ta’ notifika, tipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ sezzjoni aġġornata regolarment li tindirizza mistoqsijiet frekwenti dwar il-websajt tal-kompetizzjonijiet, u twaqqaf helpdesk li jindirizza mistoqsijiet rigward l-interpretazzjoni tal-linji gwida;

26.

Jemmen li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tagħhom mal-Kummissjoni, f’termini tal-kwalità u l-waqt xieraq tal-informazzjoni li jippreżentaw u n-notifiki li jippreparaw; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-kundizzjonalità ex-ante tal-għajnuna mill-Istat taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, kif ukoll konformità aħjar mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw il-kampanji ta’ informazzjoni tagħhom rigward ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat speċifikament lejn il-korpi reġjonali u lokali, li ħafna minnhom fi ftit okkażjonijiet biss taw għajnuna mill-Istat u għalhekk għandhom għarfien limitat tar-regoli li japplikaw għaliha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta’ dan meta tivvaluta l-kundizzjonalità ex-ante li tapplika għall-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-obbligi amministrattivi, legali u ta’ trasparenza tal-applikazzjoni tar-regoli SAM jibqgħu ċari kemm jista’ jkun; jemmen li ċerti regoli proposti reċentement fl-abbozz tal-RAG għall-2014-2020 – bħax-xenarji kontrofattwali, evidenza ċara li l-għajnuna għandha impatt fuq l-għażla tal-investiment, jew il-kundizzjoni li x-xogħol fuq il-proġett m’għandux jinbeda qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtoritajiet pubbliċi biex tingħata l-għajnuna – li l-Kummissjoni tixtieq timponi fil-perjodu li ġej, kemm fuq kumpaniji li japplikaw għal inċentivi kif ukoll fuq l-Istati Membri u l-istrutturi tal-gvern subnazzjonali tagħhom – imorru kontra l-prinċipju ta’ semplifikazzjoni u “deburokratizzazzjoni” kif promoss fil-Politika ta’ Koeżjoni u politiki nazzjonali u tal-UE oħrajn; itenni li regoli bħal dawn jistgħu jwasslu biex ċerti proġetti jiġu esklużi mill-għajnuna tal-investiment jew li qatt ma jaslu biex jinbdew; Iqis li r-rekwiżit ta’ valutazzjoni regolari tax-xewqa tal-għajnuna mill-Istat fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tista’ tipperikola s-sigurtà u l-prevedibilità li huma meħtieġa jekk l-investituri u l-intrapiżi għandhom ifittxu opportunitajiet tas-suq fir-reġjuni kkonċernati;

Attrattività tar-reġjuni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

29.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati regoli ċari u diretti għal għajnuna reġjonali mill-Istat u għajnuna mill-Istat speċifika għas-settur li jattiraw l-investiment dirett barrani fl-UE u r-reġjuni tagħha u għall-iżgurar tal-kompetittività globali tagħhom, kif ukoll għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

30.

Jilqa’ b’sodisfazzjon r-regoli ġodda proposti (il-paragrafi 127 u 128 tal-abbozz tal-linji gwida); iħeġġeġ l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli u jippubblikaw f’websajt ċentrali informazzjoni kompluta u preċiża dwar l-għajnuna mogħtija;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq aċċess aktar faċli u aktar ċar għall-għajnuna tal-Istat għall-SMEs f’dawk ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati, li jirrikonoxxi l-importanza ta’ dawk l-entitajiet għall-iżvilupp reġjonali; fl-istess ħin, jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha f’każijiet ikbar u li potenzjalment ifixklu aktar;

32.

Jirrikonoxxi l-problemi rigward l-għajnuna ta’ investiment lil intrapriżi kbar indikati mill-Kummissjoni, meta jitqies li l-evidenza tissuġġerixxi nuqqas ta' effett ta' inċentiv. Jemmen li, għalkemm l-għajnuna tal-Istat għandha tingħata primarjament lill-SMEs, esklużi l-intrapriżi l-kbar, kategorija li tinkludi wkoll intrapriżi ta’ proprjetà tal-familja li tmur lil hinn mid-definizzjoni ta' SME jew ta' kumpanija b'kapitalizzazzjoni medja (mid-cap), mir-regoli tal-għajnuna tal-Istat f’oqsma koperti mill-Artikolu 107(3) TFEU mhjiex ġustifikata meta titqies il-kontribuzzjoni tagħhom lill-impjiegi, il-katini ta' forniment li joħolqu, l-involvimwent komuni tagħhom fl-innovazjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u r-rwol pożittiv tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika; hu tal-fehma li l-preżenza ta’ intrapriżi kbar ta’ spiss twassal għal suċċess għall-SMEs li jibbenefikaw mir-raggruppamenti mmexxija minn kumpaniji kbar u mill-attivitajiet ta’ subappalti tagħhom; ifakkar li kienet il-Kummissjoni nnifisha li rrikonoxxiet il-kontribuzzjoni tal-investiment mill-intrapriżi l-kbar bil-ħolqien ta' effetti pożittivi indiretti u l-aċċess tal-UE għas-swieq dinjija; jenfasizza li d-deċiżjoni li teskludi l-intrapriżi l-kbar fiż-żoni “c” tista’ twassal għal telf ta’ impjiegi, tnaqqis tal-attvità ekonomika fir-reġjuni, kompetittività reġjonali mnaqqsa, tnaqqis fl-attrattività għall-investiment barrani u r-rilokazzjoni ta’ kumpaniji għal reġjuni oħra fi ħdan l-UE u lil hinn minnha; iqis, għalhekk, li dawn il-kumpaniji għandhom jibqgħu eliġibbli għall-għajnuna Stati fiż-żoni “c”, soġġetti għal skrutinju partikolari wara notifika individwali u l-kriterju ta' kompatibilità dwar l-effett ta’ inċentiv u l-kontribuzzjoni għal żvilupp reġjonali permezz ta’ raggruppamenti u subappalti;

33.

Jemmen li l-eliġibbiltà ta’ intrapriżi kbar għal inċentivi ta’ għajnuna mill-Istat m’għandhiex tiġi determinata biss abbażi tad-daqs tal-intrapriża jew tas-settur li fih topera, iżda wkoll abbażi tal-għadd stimat ta’ impjiegi li jistgħu jinħolqu u miżmuma taħt l-inċentiv, il-kwalità u s-sostenibilità ta’ dawn l-impjiegi jew tal-proġett ikkonċernat u l-effetti fit-tul tal-iżvilupp tar-reġjun inklużi l-aspetti soċjali; jenfasizza li, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, id-deċiżjonijiet li jiddeterminaw liema proġetti partikolari għandhom l-ogħla potenzjal li jiksbu l-objettivi tal-politiki tal-UE għandhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri, ir-reġjuni kkonċernati u l-gvernijiet lokali;

34.

Jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jiġi evitat li l-għajnuna tal-Istat twassal għal rilokazzjoni ta’ attività minn sit għall-ieħor fi ħdan iż-ŻEE; jesprimi dubji, madankollu, dwar l-abbożż tal-paragrafi 24-25 u 122-124 proposti, peress li jemmen li mhumiex kumplimentari biżżejjed għall-Politika ta’ Koeżjoni u inkompatibbli mal-objettivi tal-semplifikazzjoni; jieħu nota, b’mod partikolari, li ċ-ċifri ta’ sentejn huma neċessarjament arbitrarji u li din ir-regola tista’ tkun impossibbli biex tiġi infurzata, peress li kull rabta każwali u l-eżistenza ta’ pjan sentejn qabel se tkun diffiċli biex tiġi ppruvata; jinsab ikkonċernat li din ir-regola tista' tiffavorixxi kumpaniji mhux Ewropew fuq dawk Ewropej u dan jista' jwassal għal rilokazzjoni barra miż-ŻEE meta attività tista’ tkun attirata minn għajnuna reġjonali liż-żona assistita;

35.

Jieħu nota tar-riskji ta' rilokazzjoni tal-kumpaniji li ngħataw għajnuna mill-Istat, kemm fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, li huma reali ħafna għar-reġjuni; jieħu nota tal-klawżola ta’ salvagwardja proposta mill-Kummissjoni, li tobbliga lill-kumpaniji biex iżommu l-investiment u l-impjiegi maħluqa fiż-żona fejn ingħatat l-għajnuna jew, inkella, isir rimborż tal-għajnuna; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għan-negozjar li għaddej bħalissa dwar ir-regolamenti tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-2020, u jitlob li l-perjodi rispettivi taħt il-Politika ta' Koeżjoni u l-politika tal-kompetizzjoni għaż-żamma tal-investiment u l-impjiegi mill-kumpaniji li ngħataw fondi tal-UE/għajnuna mill-Istat jiġu allinjati;

36.

Jesprimi dubji wkoll dwar l-ineliġibilità għall-għajnuna reġjonali ta' “impriżi f'diffikultajiet fis-sens tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà” (paragrafu 11 tal-abbozz tal-linji gwida); jemmen li kumpaniji li jkunu għaddejjin minn ristrutturar m'għandhomx ikunu esposti għall-miżuri iktar stretti, speċjalment meta evalwazzjoni negattiva a priori ta' talbiet ta' għajnuna minn dawn il-kumpaniji tista' twassal għal rilokazzjoni barra mill-UE; jirrimarka li r-ristrutturar responsabbli tal-kumpaniji fl-ambjent tan-negozju inċert u kontinwament jinbidel tal-lum huwa l-miżura ewlenija biex tkun ipprovduta s-sostenibbiltà fit-tul tal-investiment, l-impjiegi u t-tkabbir; jieħu nota li r-regola proposta kif abbozzata mhijiex biss inkonsistenti mal-għajnuna tal-impriżi milquta mill-kriżi ekonomika fir-reġjuni assistiti, iżda wkoll impossibbli li tiġi implimentata, peress li dawn il-linji gwida b'mod espliċitu ma jinkludu ebda definizzjoni preċiża ta' impriżi f'diffikultà; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar (8), li ssejjaħ għal att legali fuq dawn il-kwistjonijiet, u jitlob li l-Kummissjoni taġixxi mingħajr dewmien;

37.

Huwa konvint li essenzjali li jinżamm xi marġni ta' flessibilità għar-reviżjoni tal-linji gwida. kif imsemmi fl-abbozz tal-paragrafu 177, sabiex ikun permess kwalunkwe aġġustament meħtieġa fil-futur, peress li dawn il-linji gwida huma mfassal biex ikopru perjodu ta' 7 snin;

o

o o

38.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0026.

(2)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(3)  Brussell, 2012 (l-ebda data).

(4)  EUCO 37/13, 08.02.2013, p. 22.

(5)  Rapport Speċjali Nru 15/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitulata: Il-proċeduri tal-Kummissjoni jassiguraw il-ġestjoni effettiva tal-Kontroll tal-għajnuna mill-Istat?

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 (ĠU L 142. 14.5.1998, p. 1).

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0005.


Top