Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0234

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 lill-Kunsill dwar it-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2013/2034(INI))

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 162–167 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/162


P7_TA(2013)0234

It-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 lill-Kunsill dwar it-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2013/2034(INI))

(2016/C 065/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 34 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Alexander Graf Lambsdorff f'isem il-Grupp ALDE dwar it-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) (B7-0083/2013),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK,

wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE għas-67 Sessjoni tal-AĠNU, kif adottati mill-Kunsill fit-23 ta' Lulju 2012 (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2003 intitolata “L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: l-għażla tal-multilateraliżmu” (COM(2003)0526),

wara li kkunsidra s-67 Sessjoni tal-AĠNU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet ta' dak il-korp dwar “It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi” (2), “Rieżami komprensiv tal-politika kwadriennali tal-attivitajiet operattivi għall-iżvilupp tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti” (3), “Libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin” (4), “Il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali demokratiku u ekwitabbli” (5), “Tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem” (6), “L-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali u internazzjonali” (7) u “In-nisa, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi” (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tal-31 ta' Ottubru 2003 li adottat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (10),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottata fil-31 ta' Ottubru 2000,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Lulju 2012 intitolata “Il-promozzjoni, il-ħarsien u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fl-Internet”, li tirrikonoxxi l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-moviment liberu tal-informazzjoni online,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar is-67 Sessjoni tal-AĠNU (11),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar il-prinċipju tan-NU tar-responsabbiltà ta' protezzjoni (R2P) (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-organizzazzjonijiet multilaterali (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (15),

wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem lis-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bid-data tat-28 u d-29 ta' Ottubru 2012,

wara li kkunsidra l-Artikoli 121(3) u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0202/2013),

A.

billi fid-dawl tal-globalizzazzjoni u l-interkonnessjonijiet dejjem jikbru tal-Istati u s-soċjetajiet hemm ħtieġa u opportunità dejjem jikbru għal regoli u mekkaniżmi deċiżjonali komuni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali emerġenti b'mod konġunt;

B.

billi l-frammentazzjoni tat-tfassil politiku fil-livell globali, flimkien ma' proliferazzjoni ta' forums internazzjonali u transnazzjonali, qed joħolqu kumplessitajiet ġodda fir-relazzjonijiet internazzjonali;

C.

billi l-UE impenjat ruħha favur multilateraliżmu effikaċi, bis-sistema kollha tan-NU fil-qalba tiegħu bħala organizzazzjoni b’saħħitha; billi n-NU qiegħda fiċ-ċentru tal-governanza globali;

D.

billi sħubija soda u stabbli bejn l-UE u n-NU tifforma bażi importanti u kontribut għax-xogħol tan-NU taħt it-tliet pilastri – paċi u sigurtà, drittijiet tal-bniedem u żvilupp – u billi, f’dan ir-rigward, l-UE trid tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha fis-soluzzjoni komuni tal-isfidi globali;

E.

billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem huma pedamenti tal-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali; billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt huma pilastri tal-paċi sostenibbli, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

1.

Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

L-UE bħala attur globali

(a)

li jiġu żgurati kontinwament il-koerenza u l-viżibilità tal-UE bħala attur globali fin-NU; li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi b’mod ikkoordinat, rapidu u komprensiv fl-arena globali u li tipprovdi riżultati b’mod konsistenti u f’waqtu; li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni tal-AĠNU tat-3 ta’ Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti;

(b)

li jiġi promoss multilateraliżmu effikaċi permezz tat-tisħiħ tar-rappreżentanza, tat-trasparenza, tal-obbligu li tagħti rendikont, tal-effiċjenza u tal-effikaċja tan-NU, bil-għan li jittejjeb ir-rendiment tagħha fuq il-post; biex ifakkar il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ istituzzjonali bejn ir-rwol emerġenti tal-G-20, in-NU u l-aġenziji tagħha kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

(c)

li jkun hemm involviment aktar attiv ma’ sħab strateġiċi u sħab bilaterali u multilaterali oħrajn għall-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet effikaċi għall-problemi u, meta possibbli, isiru tentattivi ta’ sforzi kollettivi bil-għan li jinkisbu riżultati aħjar;

L-UE u l-governanza globali

(d)

li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab biex in-NU ssir organizzazzjoni aktar effikaċi u magħquda għas-seklu XXI;

(e)

li tiġi promossa riforma komprensiva u kunsenswali tal-KSNU; li tiġi ppreżentata proposta dwar kif jinkiseb, bħala għan ċentrali fit-tul tal-UE, siġġu komuni tal-UE f'KSNU mwessa'; li tittieħed l-inizjattiva biex tiġi żviluppata pożizzjoni komuni tal-Istati Membri tal-UE għal dak il-għan; li jkun hemm promozzjoni ulterjuri tat-trasparenza u koordinament aħjar tal-politiki u l-pożizzjonijiet bejn il-membri tal-UE tal-KSNU; li jiġi żgurat li dawk l-Istati Membri li għandhom siġġu permanenti fil-KSNU jippromwovu l-fehmiet u l-pożizzjonijiet tal-Unjoni bħala l-mezz biex l-UE taġixxi b'mod koordinat fil-KSNU;

(f)

li jibqgħu jsiru sforzi koordinati biex jissaħħu r-rwol u l-awtorità tal-AĠNU u biex jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha, anke permezz tat-titjib tal-metodi ta' ħidma tagħha;

(g)

li jitrawwem involviment aktar istituzzjonalizzat tal-partijiet interessati l-oħra (ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, is-settur akkademiku) fix-xogħol tal-AĠNU; li tissaħħaħ is-sistema tan-NU billi l-ġabra ta' kapaċità esperta ċivili tiġi estiża u approfondita;

(h)

li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ żvelar obbligatorju pajjiż b’pajjiż tal-pagamenti tal-kumpaniji transnazzjonali, jiġifieri fis-settur bankarju u estrattiv, reġistrati jew elenkati fis-swieq finanzjarji f’ġurisdizzjonijiet nazzjonali tas-sħab;

Il-paċi u s-sigurtà

(i)

li tiġi promossa l-inkorporazzjoni ta' perspettiva ta' bini ta' paċi fl-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u li jissaħħaħ koordinament eqreb bejn l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u t-Timijiet tal-Pajjiżi tan-NU u l-atturi fil-qasam tal-iżvilupp;

(j)

li jkun hemm kooperazzjoni fit-tisħiħ tar-rwol u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet reġjonali fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni ta’ konflitti, fil-ġestjoni ta’ kriżijiet ċivili u militari u fir-riżoluzzjoni ta’ konflitti; li jitrawmu missjonijiet ta’ valutazzjoni konġunti u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab tagħha (inklużi l-Unjoni Afrikana u l-organizzazzjonijiet subreġjonali, in-NATO, l-OSKE, l-ASEAN, is-CELAC, il-Lega Għarbija, eċċ.) fil-prevenzjoni ta’ konflitti u fil-pajjiżi li jkunu f’sitwazzjoni ta’ wara konflitt;

(k)

fuq talba, li n-Nazzjonijiet Uniti jiġu pprovduti b’appoġġ mill-gruppi tattiċi tal-UE għall-missjonijiet ta’ tisħiħ tal-paċi u li tiġi żgurata l-kooperazzjoni sħiħa tal-Isttai Membri fl-użu tagħhom għal missjonijiet li jkunu ġew awtorizzati mill-KSNU jew l-AĠNU;

(l)

li jiġi żgurat li l-mandati tal-missjonijiet taż-żamma tal-paċi jirriflettu l-ħtieġa għall-appoġġ ta’ proċessi elettorali, inklużi missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali;

(m)

li ssir ħidma favur l-istabbiliment tar-Responsabbiltà ta’ Protezzjoni (R2P) bħala standard ġdid tad-dritt internazzjonali, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni li qablu dwaru l-Istati Membri tan-NU fis-Samit Dinji tal-2005;

(n)

li jiġu żgurati l-konsistenza u l-konformità totali mad-dritt umanitarju internazzjonali tal-iżvilupp u l-applikazzjonijiet ulterjuri possibbli tal-prinċipju R2P, waqt li ssir ħidma favur l-universalità tiegħu bħala għodda għad-diplomazija preventiva u bħala mutur għall-iżvilupp tal-bniedem;

(o)

li jingħata segwitu għall-proposti ppreżentati mill-Parlament fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar il-prinċipju tan-NU tar-R2P (16), u li ssir ħidma mas-sħab biex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ R2P jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni wara konflitt li jinvolvi sitwazzjonijiet ta’ tħassib dwar ġenoċidju, tindif etniku, delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità, iżda qatt ma jintuża bħala pretest biex jitmexxew interessi partikolari jew nazzjonali, jew dawk ta’ koalizzjonijiet internazzjonali bbażati fuq konsiderazzjonijiet ġeostrateġiċi jew ekonomiċi bil-għan ta’ bidla fir-reġim; li l-Istati jiġu megħjuna fil-kapaċitajiet ta' kostruzzjoni għal dan il-għan;

(p)

li jiġu żviluppati kriterji li għandhom jiġu segwiti fl-implimentazzjoni tal-R2P, b’mod partikolari t-tielet pilastru, li jinkludi l-interventi militari, bħall-proporzjonalità, iċ-ċarezza ex-ante dwar l-objettivi ta’ politika u l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fil-fond;

(q)

li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur politiku globali billi jkollha rwol attiv fid-diplomazija preventiva;

(r)

li l-partijiet kollha, kemm jekk atturi statali kif ukoll jekk mhux statali direttament jew indirettament involuti f'konflitt armat, jintalbu jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, inklużi l-assigurazzjoni tal-ispazju umanitarju u l-iżgurar tal-aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja lil dawk fil-bżonn, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni taċ-ċivili, u li jħeġġu soluzzjoni paċifika u diplomatika għal kull tip ta' konflitt;

(s)

li jiġu appoġġati r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-KSNU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; li tiġi enfasizzata u żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi; li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ integrazzjoni tal-perspettivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prevenzjoni ta’ konflitti, l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, l-assistenza umanitarja u r-rikostruzzjoni ta’ wara konflitt;

(t)

li jkun hemm kooperazzjoni man-NU biex jiġu indirizzati t-theddidiet ta’ sigurtà globali bħall-proliferazzjoni tal-armi nukleari, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu konklużi n-negozjati dwar konvenzjoni komprensiva dwar it-terroriżmu internazzjonali;

(u)

li jkun hemm kooperazzjoni mas-sħab multilaterali u bilaterali favur iż-żieda ta’ pressjoni aktar robusta u effikaċi sabiex il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza fis-Sirja jintemmu minnufih; li, flimkien mas-sħab, speċjalment l-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega ta' Stati Għarab, jiġu esplorati l-alternattivi kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju R2P għall-assistenza tal-poplu Sirjan u biex jintemm it-tixrid ta' demm; li titqiegħed pressjoni fuq il-Gvern Sirjan u fuq dawk kollha involuti fil-kriżi biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali u biex jippermettu forniment ta’ malajr ta' assistenza umanitarja transkonfinali, servizzi pubbliċi bażiċi kif ukoll aċċess sħiħ għall-organizzazzjonijiet umanitarji; li s-sħab internazzjonali jiġu mistiedna jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna lir-rifuġjati Sirjani, biex b'hekk il-UNHCR u organizzazzjonijiet oħra jkunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna meħtieġa; li jiġu esplorati flimkien mas-sħab modi kif jiġu minimizzati l-impatti tal-kriżi fis-Sirja fuq il-pajjiżi tal-viċinat;

(v)

li jiġu promossi, b'konformità mar-riżoluzzjonijiet relevanti tal-KSNU, l-isforzi tar-reġjun u tal-komunità internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika għall-konflitt fil-Mali u titħeġġeġ tranżizzjoni demokratika bil-konsolidament tal-istituzzjonijiet ta' tranżizzjoni, filwaqt li jiġu promossi – inter alia permezz tal-medjazzjoni – djalogu u rikonċiljazzjoni nazzjonali inklużivi, kif ukoll elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti; li jiġu appoġġati wkoll l-inizjattivi għall-integrità territorjali tal-Mali u s-sigurtà tal-popolazzjoni tal-pajjiż; li tiġi enfasizzata l-importanza taż-żamma tal-istabilità fir-reġjun tas-Saħel u tal-prevenzjoni ta' impatt negattiv fuq l-istabilità tal-pajjiżi ġirien tal-Mali; li l-azzjonijiet tagħha jiġu kkoordinati mill-qrib mas-sħab reġjonali u internazzjonali, inklużi l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS; li jingħata appoġġ għal, u li l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi, missjoni ta' żamma tal-paċi mmexxija min-NU u kompitu li jiġu pprovdut taħriġ militari lill-forzi armati tal-Mali fi ħdan l-EUTM Mali; li tibqa' tingħata għajnuna lill-MISMA (Mission Internationale de Soutien au Mali);

(w)

li jintlaqa' t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) adottat mill-AĠNU fit-2 ta' April 2013, li se japplika għal firxa wiesgħa ta' armi, inkluż il-munizzjon; li jiġu promossi attivament l-iffirmar rapidu, ir-ratifika rapida u l-implimentazjzoni effettiva u universali tal-ATT mill-istati membri kollha tan-NU, inklużi l-pajjiżi li huma l-akbar produtturi ta' armi fid-dinja; li jiġu mmexxija sforzi bl-għan li jiġu stabbiliti l-ogħla standards komuni, anke fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi benefiċjarji, għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazjzonali fl-armi u l-ġlieda kontra t-trafikar illeċitu, biex b'hekk jiġi evitat il-konflitt, jitnaqqsu t-tbatija umana u l-korruzzjoni, u jingħata kontribut għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

(x)

li jiżdiedu l-isforzi tagħha favur impenji multilaterali biex jitnaqqas in-numru ta’ armi nukleari;

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

(y)

li jissaħħu l-isforzi internazzjonali bl-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem kollha miftiehma taħt il-konvenzjonijiet tan-NU jitqiesu bħala universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u li qed jiġi infurzat ir-rispett tagħhom; li jkun hemm oppożizzjoni għal tentattiv biex jiddgħajjef id-dritt umanitarju fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; li tiġi promossa l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertajiet diġitali, u l-libertajiet bażiċi f’kull aspett tal-ħidma tan-NU;

(z)

li jsiru tentattivi biex jissaħħaħ il-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) permezz tal-inkorporazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet fi djalogi bilaterali u multilaterali mal-Istati Membri tan-NU, b’mod partikolari fid-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; li jiġi ffaċilitat ambjent li jippermetti lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi jipprovdu l-kontribut tagħhom fid-diversi stadji tal-EPU;

(aa)

li jiġu miġġielda l-intolleranza, l-isterjotipar negattiv, l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-inċitament għall-vjolenza; li tiġi rikonoxxuta bi tħassib kbir il-vjolenza li qed tikber kontra l-membri ta' komunitajiet reliġjużi u ta' tip ieħor f'bosta nħawi tad-dinja;

(ab)

li jiġu indirizzati restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa u l-midja fid-dinja kollha; li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-bloggers; li tiġi salvagwardjata u promossa l-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline;

(ac)

li jiżdied l-appoġġ universali għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u li ssir ħidma favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ħidma tal-QKI sabiex titnaqqas l-impunità għal delitti kontra l-umanità;

(ad)

li jiġi promoss l-impenn favur ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt bħala essenzjali għall-koeżistenza paċifika tal-istati u għall-bini ta' stati aktar reżiljenti u ta' paċi sostenibbli; li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-appoġġ għad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt huma interkonnessi u għandhom jiġu promossi bħala tali bħala objettiv tal-politika barranija tal-UE;

(ae)

li jissaħħaħ l-appoġġ għall-istati, fuq talba tagħhom, fl-implimentazzjoni domestika tal-obbligi internazzjonali rispettivi tagħhom permezz ta' assistenza teknika msaħħa, kif ukoll tal-bini tal-istituzzjonijiet u tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

(af)

li jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tad-dikjarazzjoni politika adottata fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar l-Istat tad-Dritt f’Settembru 2012; li jingħata appoġġ għall-istabbiliment ta’ punt fokali globali konġunt għall-istat tad-dritt; li jingħata appoġġ sħiħ għar-rwol tal-Grupp għall-Koordinament u r-Riżorsi fil-qasam tal-Istat tad-Dritt fil-koordinament u l-koerenza fuq livell ġenerali, anke sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn is-servizzi (id-Dipartiment għall-Affarijiet Politiċi, il-Programm ta' Żvilupp tan-NU, eċċ.);

(ag)

li jitfakkar li l-korruzzjoni hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Unjoni Ewropea talbet kompetenza esklussiva għall-firma tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; li l-VP/RGħ tintalab tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni biex jiġu mmoniterjati b’mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konvezjoni pereżempju permezz ta' obbligu min-naħa tal-Istati Membri li jippubblikaw u jxerrdu informazzjoni dwar il-korruzzjoni; li jiġu stabbiliti kanali biex dan il-ksur jiġi rrappurtat, qafas legali għall-protezzjoni tax-xhieda u mezz biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

L-iżvilupp sostenibbli

(ah)

li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u għal sforzi determinati biex jiġi miġġieled il-faqar, u għat-titjib tal-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, billi dawn jibqgħu kwistjonijiet kruċjali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs);

(ai)

li jiġu inkorporati fl-istrateġiji ta' żvilupp il-valutazzjoni u l-ġestjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri sabiex jiġu ssalvagwardjati l-ħajjiet u l-mezzi ta' għajxien tal-popolazzjonijiet;

(aj)

li tittejjeb ir-rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru u l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-atturi umanitarji u dawk tal-iżvilupp biex b'hekk tiġi żgurata l-kontinwità tal-għajnuna u tissawwar ir-reżiljenza, fatturi li l-bżonn tagħhom huwa enfasizzat fid-dawl tal-kriżijiet rikorrenti tal-ikel fir-reġjun tas-Saħel u l-Qarn tal-Afrika;

(ak)

li ssir ħidma favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-eżitu tal-Konferenza Rio+20, inter alia permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli bħala l-prinċipju ta' gwida għall-iżvilupp globali fuq żmien twil; li jiġi onorat l-impenn internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri, irrispettivament mill-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq l-UE 27, li jallokaw 0,7 % tal-PDG għall-għajnuna għall-iżvilupp;

(al)

li jkun hemm kooperazzjoni biex il-Forum Politiku ta' Livell Għoli għall-Iżvilupp Sostenibbli jsir operattiv fiż-żmien ippjanat sabiex jikkoordina l-monitoraġġ u l-valutazzjoni li qed isiru tal-progress lejn l-għanijiet iddikjarati;

(am)

li jiġi promoss l-aċċess universali għall-ilma u servizzi tal-enerġija bi prezz li jista' jintlaħaq u sostenibbli, billi dawn huma xpruni ewlenin għall-qerda tal-faqar u għat-tkabbir inklużiv;

(an)

li ssir ħidma favur l-Aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għal wara l-2015 b'mod koerenti u kkoordinat; li jiġi nnegozjat sett wieħed ta' għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli li jkollhom ambitu globali u li jkunu orjentati lejn l-azzjoni, jistgħu jitkejlu, limitati biż-żmien u faċli biex jiġu kkomunikati; li l-mira tiġi ffukata fuq għanijiet li jinkorporaw is-sostenibilità, l-ekwità u l-governanza;

(ao)

li jingħata appoġġ għall-inizjattiva tal-President tal-AĠNU li jippreżenta lis-soċjetà ċivili aġenda għall-iżvilupp wara l-2015 bl-organizzazzjoni ta’ avveniment speċjali dwar l-ilħuq tal-MDGs, li għandu jsir matul it-68 sessjoni tal-AĠNU fl-2013, bħala punt importanti ta' konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, billi dan l-avveniment jista’ jservi biex jgħaqqad l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-proċess ta’ żvilupp wara l-2015 f’“binarju komuni”;

(ap)

li jiġi rikjest li l-qafas ġdid ta' kooperazzjoni għal wara l-2015 jiġi akkumpanjat minn Aġenda ta' Finanzjament prevedibbli u realistika, abbażi tal-objettivi miftehma;

Il-kooperazzjoni globali bejn parlamenti

(aq)

li tiġi promossa interazzjoni dwar kwistjonijiet globali bejn gvernijiet u parlamenti; li tissaħħaħ il-governanza globali u li tiġi prevista aktar parteċipazzjoni pubblika u parlamentari fl-attivitajiet tan-NU;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(ar)

li jittejjeb is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament, anke billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiġi mistieden jirrapporta kull sena dwar l-eżitu tas-sessjoni tal-AĠNU;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.


(1)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 9820/1/12.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/234 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(3)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/226 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(4)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/179 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(5)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/175 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/169 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(7)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/97 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(8)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/67/48 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(9)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(10)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/58/4 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2012)0240.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2013)0180.

(13)  Testi adottati, P7_TA(2011)0229.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2011)0334.

(15)  Testi adottati, P7_TA(2013)0055.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2013)0180.


Top