Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0638

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta’ Novembru 2011

/* COM/2013/0638 final */

52013DC0638

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta’ Novembru 2011 /* COM/2013/0638 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta’ Novembru 2011

Dan ir-rapport jirrevedi l-kisbiet ewlenin fir-rigward tal-aspetti esterni tal-politika tal-UE dwar l-enerġija sa mill-2011. Ir-rapport ġie mħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni f'kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

1.           Introduzzjoni

L-enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva hija ta' importanza fundamentali għall-ekonomija, l-industrija u ċ-ċittadini tal-UE. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet ta’ politika jeħtieġ li jkun hemm azzjoni tal-UE internament u l-istrumenti xierqa għall-promozzjoni tal-interessi tal-UE barra mill-UE.

Biex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE, fis-7 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista u l-kooperazzjoni internazzjonali: "Il-Politika tal-Enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' Pajjiżi lil hinn mill-Fruntieri Tagħna"[1]. Il-Komunikazzjoni stabbiliet għall-ewwel darba politika tal-enerġija esterna komprensiva, u identifikat 43 azzjoni speċifika li għandhom jiġu implimentati. Din il-proposta wieġbet għat-talba tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 biex tkompli ttejjeb il-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna fil-qasam tal-enerġija, minħabba fid-dawl tal-kontribut li dan jagħti għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE.

L-istrateġija esterna dwar l-enerġija stabbilita fl-2011 ipprovdiet momentum sinifikanti għal għadd ta’ inizjattivi tal-UE f’dan il-qasam. Is-sigurtà tal-provvista tal-UE ssaħħet permezz ta' sforzi biex jiġu żviluppati u użati sorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u jiġu ddiversifikati s-sorsi, il-provvisti u r-rotot esterni tal-enerġija u billi tinżamm kooperazzjoni li tkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha mal-fornituri eżistenti tal-Ewropa. Żviluppi riċenti dwar l-għażla tar-rotta għall-Kuritur tan-Nofsinhar qarrbu iktar lill-UE lejn l-implimentazzjoni ta' rabta diretta mar-reġjun tal-Kaspju, li hu għani fir-riżorsi. Il-kooperazzjoni mill-qrib mar-Russja ssuktat. Dan jirrifletti r-rwol ewlieni tagħha bħala l-fornitur tal-enerġija tal-UE. Ingħatat prijorità wkoll lill-modernizzazzjoni tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass tal-Ukraina — il-kuritur ewlieni għat-twassil tal-gass Russu lejn l-UE. Fil-kuntest tal-iżviluppi globali, bħall-produzzjoni tal-gass tax-shale u taż-żejt fl-Istati Uniti u sejbiet ġodda fil-Lvant tal-Mediterran u fl-Afrika, l-isforzi tal-UE għad-diversifikazzjoni se jkomplu. F’dan il-kuntest, aktar titjib fl-interkonnessjonijiet infrastrutturali ma’ pajjiżi ġirien se jkun importanti. L-ewwel elenku tal-UE ta’ proġetti ta’ interess komuni se tinkludi xi rabtiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u se tingħata konsiderazzjoni futura lill-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiżi terzi b’appoġġ għat-twaqqif ta’ suq tal-enerġija tassew pan-Ewropew.

Minbarra s-sigurtà tal-enerġija, il-politika dwar l-enerġija sostenibbli, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll tal-isforzi għar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika kienu fil-qalba tal-kooperazzjoni tal-UE mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Kien hemm żviluppi sostanzjali f’dawn l-oqsma f’ħafna pajjiżi sħab tal-UE, u l-UE kienet f’pożizzjoni tajba biex taqsam l-esperjenza regolatorja u l-approċċi ta’ politika tagħha. Dawn is-suġġetti kienu importanti bl-istess mod fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi konsumaturi bħaċ-Ċina, iżda żdiedu wkoll fil-prominenza f'diskussjonijiet tal-UE ma' pajjiżi produtturi, fosthom il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u fornituri tradizzjonali bħall-Arabja Sawdija.

L-UE baqgħet tippromwovi swieq tal-enerġija globali trasparenti, kompetittivi u likwidi tul l-isforzi kollha ta’ kooperazzjoni tagħha. Prinċipji ewlenin għall-kummerċ u l-investiment, bħan-nondiskriminazzjoni u l-aċċess għas-suq, kienu u għadhom jiġu nnegozjati fi ftehimiet bilaterali u oqfsa legali multilaterali. Dan ġie kkumplimentat b’inizjattivi bħall-kooperazzjoni mal-Ġappun dwar l-iżviluppi fis-swieq globali tal-gass, diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti dwar l-esportazzjonijiet tal-LNG mill-Istati Uniti kif ukoll sforzi biex titjieb il-koperazzjoni industrijali fil-qasam tal-enerġija f’bosta mid-djalogi tal-UE. Azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-UE se jibqgħu jifformaw parti ewlenija mid-djalogi tal-enerġija tal-UE. Il-kompetittività tal-UE fir-rigward tal-kontrapartijiet ekonomiċi globali tagħha se tkun parti kbira tal-analiżi dwar l-evoluzzjoni tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija li bħalissa qegħdin jitħejjew mill-Kummissjoni, fuq talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Mejju 2013.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija[2], adottati f’Novembru 2011, stiednu lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2013 tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija . L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2011. Dan ir-Rapport huwa wkoll kontribut għad-diskussjoni fost l-Istati Membri dwar l-iżviluppi fil-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija, f’konformità mal-ftehim tal-Kunsill Ewropew ta’ Mejju 2013 li l-Istati Membri se jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom b’appoġġ għad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, minħabba r-rabtiet li qegħdin jikbru bejn is-swieq tal-enerġija interni u dawk esterni .

2.           Fatturi li jaffettwaw il-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija

Meta l-Kummissjoni pproponiet il-prijoritajiet tal-politika esterna dwar l-enerġija f’Settembru 2011, il-fatturi ewlenin fit-twaqqif tal-prijoritajiet tal-UE kienu s-sehem dejjem jikber ta’ ekonomiji emerġenti fid-domanda globali għall-enerġija, iż-żieda fid-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet kif ukoll il-ħtieġa ta’ azzjoni globali biex jiġi indirizzat tħassib dwar il-klima, l-ambjent u l-kompetittività.

Sentejn wara, dawn l-iżviluppi globali jibqgħu validi b'mod wiesa' u f’xi każi saru aktar importanti. Iż-żieda fid-domanda fl-Asja emerġenti u f'partijiet oħra tad-dinja kienet bla waqfien, u din xprunat il-l-mixja lejn il-lvant fil-flussi tal-kummerċ globali tal-enerġija. Iċ-Ċina u l-Indja huma responsabbli għal kważi 90 % taż-żieda netta tal-konsum globali tal-enerġija fl-2012[3] u sal-2035 huma proġettati li jaraw id-domanda rispettiva tagħhom għall-enerġija tikber b’madwar 60 % u 100 %.[4]. Fid-dawl ta’ dan it-tkabbir fil-konsum, il-pajjiżi emerġenti qegħdin jibdew jaqdu rwol aktar attiv f’diskussjonijiet globali dwar l-enerġija u mingħajr dubju dan se jikkontribwixxi għal evoluzzjoni fil-governanza globali tal-enerġija. L-implikazzjonijiet ġeopolitiċi ta’ dawn l-iżviluppi u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u interessi tal-politika barranija jeħtieġu iktar valutazzjoni.

Il-projezzjonijiet attwali għadhom jaraw lill-UE tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija fil-ġejjieni, aktar minn 90 % tat-total tal-konsum taż-żejt tal-UE u aktar minn 70 % tat-total tal-konsum tal-gass tal-UE. Għadu ma ntlaħaqx ftehim globali dwar il-klima, iżda ħafna pajjiżi issa qegħdin jimplimentaw azzjoni domestika f’oqsma bħalma huma l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, inklużi miri dwar l-intensità enerġetika u l-konsum fiċ-Ċina, standards dwar il-portafoll rinnovabbli fil-biċċa l-kbira tal-istati tal-Istati Uniti, is-sistema ta' kummerċ obbligatorju għall-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija fl-Indja jew miri tal-enerġija rinnovabbli u miri tal-effiċjenza fl-enerġija fit-Turkija. Sakemm in-negozjati internazzjonali dwar il-klima jinkludu dimensjoni dwar il-politika tal-enerġija, l-enerġija esterna tal-UE għandha tistinka biex tappoġġa dawn in-negozjati internazzjonali fil-kuntatti tagħha mal-pajjiżi konsumaturi ewlenin tal-enerġija .

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika tibqa' volatili u dan jaffettwa s-swieq tal-enerġija. Is-sitwazzjoni ġeopolitika xekklet il-veloċità u l-profondità tal-kooperazzjoni fl-enerġija tal-UE mal-pajjiżi fir-reġjun, filwaqt li kkonfermat li se jkunu meħtieġa azzjonijiet prammatiċi u mmirati.

L-inċident ta’ Fukuxima intensifika s-sejħiet biex jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari globalment, filwaqt li fl-istess ħin wassal biex l-enerġija nukleari titneħħa mil-lista ta’ għażliet b’karbonju baxx f’ċerti pajjiżi. Dan wassal għal kooperazzjoni ikbar dwar is-sikurezza nukleari mas-sħab eżistenti tagħna u fi sforzi internazzjonali bħal fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA - International Atomic Energy Agency).

Forsi l-aktar żvilupp sinifikanti f’dawn l-aħħar sentejn kien iż-żieda qawwija fil-produzzjoni mhux konvenzjonali taż-żejt u tal-gass fl-Amerika ta’ Fuq. Il-gass mhux konvenzjonali kompetittiv ħa post il-faħam fis-settur tal-enerġija tal-Istati Uniti. Dan ikkontribwixxa għal tnaqqis ta’ 3.8 % ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-pajjiż fl-2012, madwar nofs bħala riżultat ta’ din il-qalba[5], u pprovda b'mod partikolari lill-industriji li jużaw ħafna enerġija fl-Istati Uniti (eż. il-petrokimiċi, ir-raffinar, l-aluminju u l-ħadid) b’vantaġġ kompetittiv distint. Fl-Ewropa, id-domanda għall-faħam kibret bi 2.8 % fl-2012 meta mqabbla mal-medja ta’ 1.3 % tnaqqis tul l-aħħar għaxar snin. Dan l-iżvilupp wassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f’xi Stati Membri tal-UE bħall-Ġermanja u r-Renju Unit[6]. Differenzi fil-prezzijiet finali tal-gass u tal-elettriku fis-swieq Amerikani, Ewropej u Asjatiċi wasslu għal tħassib dwar il-kompetittività tal-UE. L-esportazzjonijiet potenzjali ta' gass naturali u żejt mill-Istati Uniti bdew ukoll iqajmu mistoqsijiet dwar l-implikazzjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Istati Uniti u r-rwol tagħha fis-swieq globali tal-enerġija. Aktar minn kull ħaġa oħra, dawn l-iżviluppi kkonfermaw li s-swieq tal-enerġija huma interkonnessi u l-politika tal-enerġija tal-UE trid tqis dak li qiegħed jiġri lil hinn mill-fruntieri tagħha bl-istess mod li tqis l-iżviluppi interni tagħha.

Il-potenzjal tal-gass tax-shale f’pajjiżi oħra qajjem perspettivi ġodda fis-swieq globali tal-enerġija fl-istess waqt li fornituri ġodda ta’ karburanti fossili konvenzjonali qegħdin ifiġġu wkoll mil-Lvant tal-Mediterran sal-Lvant tal-Afrika. Dawn is-sorsi potenzjali ġodda jista’ jkollhom rwol dejjem jikber fl-istrateġija ta' diversifikazzjoni tal-UE fuq terminu medju futur. Barra minn hekk, l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-konsiderazzjonijiet dwar il-politika barranija u tal-enerġija ta' esportaturi ewlenin oħra tal-gass u ż-żejt bħar-Russja, il-Qatar, l-Iraq u oħrajn se jkollhom jiġu kkunsidrati iktar.

F’din ir-realtà kumplessa li ssokktat, is-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività u s-sostenibbiltà se jkomplu jmexxu l-prijoritajiet tal-enerġija esterna tal-UE.

3.           Il-koordinazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE

Biex tittejjeb il-koerenza u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE dwar messaġġi lejn pajjiżi sħab speċifiċi, għadd ta’ azzjonijiet ta’ segwitu ġew proposti mill-Kummissjoni, inkluż dwar żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-ftehimiet intergovernattivi tagħhom (IGAs - intergovernmental agreements) ma’ pajjiżi terzi. Il-proposta għal mekkaniżmu għall-iskambju ta’ tagħrif dwar tali ftehimiet akkumpanjat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’Settembru 2011. Wara negozjati bejn il-koleġiżlaturi, id-Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li jiġi stabbilit il-mekkaniżmu ġiet adottata fil-25 ta’ Ottubru 2012[7].

Trasparenza dwar il-ftehimiet intergovernattivi

Il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ tagħrif fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi (IGAs - intergovernmental agreements) bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija (Id-Deċiżjoni 994/2012/UE) daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Novembru 2012. Dan jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jissottomettu l-ftehimiet legalment vinkolanti eżistenti li għandhom impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-ftehimiet ġodda tagħhom, ladarba jiġu ratifikati. Il-ftehimiet mbagħad jinqasmu ma’ Stati Membri oħrajn, filwaqt li jitqies kull tħassib dwar il-kunfidenzjalità. Il-mekkaniżmu jippermetti wkoll lill-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati tagħhom dwar IGA, jaqblu mal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’tali negozjati u jitolbu għal verifika tal-kompatibbiltà ta’ abbozz ta' IGA.

Mindu ġie adottat il-mekkaniżmu, inħolqot bażi tad-dejta sigura. S'issa 114 IGA waslu għand il-Kummissjoni, li analizzathom għall-kompatibbiltà tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE u qajmet għadd limitat ta' każi mal-Istati Membri kkonċernati. Il-biċċa l-kbira tal-IGAs ġew maqsuma ma' Stati Membri oħra fit-totalità tagħhom.

Ir-reviżjoni tal-IGAs mressqa s’issa ippermettiet l-identifikazzjoni ta’ ftit dispożizzjonijiet fejn jeżisti riskju ogħla ta’ inkompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Qabel tmiem l-2013, il-Kummissjoni se torganizza laqgħa għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri dwar it-tagħlimiet li ħarġu mill-ftehimiet sottomessi, problemi komuni identifikati u azzjonijiet possibbli biex jitnaqqsu l-inkompatibilitajiet.

Minbarra dan l-istrument leġiżlattiv, ittieħdu inizjattivi oħra biex jiżdied l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet pertinenti għar-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija. Isiru diskussjonijiet ta' kull xahar fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Enerġija, fejn il-Kummissjoni taġġorna lill-Istati Membri dwar l-attivitajiet u laqgħat importanti tal-UE u fejn jitħejjew il-pożizzjonijiet tal-UE, meta dawn ikunu meħtieġa. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass ħaffef il-koordinazzjoni tas-sigurtà tal-miżuri ta' provvista fil-livell tal-UE u kellu skambji ma' fornituri, konsumaturi u pajjiżi ta’ tranżitu, bħar-Russja, l-Ukraina, l-Alġerija, l-Isvizzera, l-Istati Uniti u l-Kanada. Bħal fl-imgħoddi, il-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Enerġija jinkludu punt tal-aġenda dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-enerġija, li jippermetti l-kondiviżjoni tat-tagħrif u diskussjoni f’livell ministerjali. Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Mejju 2013, l-Istati Membri ntrabtu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom b’appoġġ għad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u li janalizzaw l-iżviluppi fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija esterna tal-UE.

Il-frekwenza ta’ diskussjonijiet dwar il-politika esterna dwar l-enerġija żdiedet ukoll f’formazzjonijiet tal-Kunsill u gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill u netwerks informali oħra, bħall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, in-netwerk informali tad-Diretturi Ġenerali dwar Kwistjonijiet Globali tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Gruppi ta’ Ħidma ġeografiċi tal-Kunsill. Notevolment, il-politika esterna dwar l-enerġija kienet fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin f’Lulju 2012 u f'April 2013, bil-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE juri interess qawwi fl-identifikazzjoni ta' modi ta’ kif il-politika barranija tista’ tappoġġa l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE.

Biex tipprovdi forum fejn strateġiji u inizjattivi fir-rigward ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu diskussi f’aktar dettall, il-Kummissjoni waqqfet Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar l-Enerġija. L-għan ta’ dan il-Grupp, li jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin u tal-Enerġija u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), huwa li jidentifika u jiddiskuti prijoritajiet komuni, li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta' inizjattivi u pożizzjonijiet konġunti fir-rigward ta’ pajjiżi u reġjuni terzi. Il-Grupp Strateġiku ltaqa’ ħames darbiet sa mit-twaqqif tiegħu fl-2012 u ddiskuta r-relazzjonijiet maċ-Ċina, l-Ukraina, in-Nofsinhar tal-Mediterran, l-Istati Uniti u s-Sħubija tal-Lvant. Dan ippermetta fehim komuni aqwa tal-prijoritajiet komuni u l-passi li jmiss fil-kooperazzjoni dwar l-enerġija ma' dawn is-sħab. Madanakollu, ix-xogħol tal-Grupp Strateġiku jista' jibbenefika minn skambju msaħħaħ ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri dwar l-attivitajiet tagħhom f’pajjiżi terzi, li sa issa kien limitat.

Diġà hemm prattika eżistenti ta’ laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari tal-UE fi Brussell u xi kultant lokalment qabel il-laqgħat tal-korpi governattivi tal-Komunità tal-Enerġija, it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT - Energy Charter Treaty), l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA - International Renewable Energy Agency). Approċċ tal-UE huwa partikolarment meħtieġ dwar kwistjonijiet ta’ importanza strateġika għal dawn l-organizzazzjonijiet, pereżempju l-proċess ta' assoċċjazzjoni tal-IEA u l-modernizzazzjoni u l-ilħiq tal-ECT. Għalkemm ma kien hemm ebda koordinazzjoni formali tal-UE bejn l-Istati Membri parteċipanti tal-UE u l-Kummissjoni fil-kuntest tas-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC - International Partnership for Energy Efficiency Cooperation ), il-Forum Internazzjonali tal-Enerġija (IEF - International Energy Forum), il-Laqgħa Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa (CEM - Clean Energy Ministerial) u l-G8/G20, f’xi każijiet iseħħu skambji informali. Approċċ iktar ikkoordinat ikun jikkontribwixxi biex l-UE taqdi rwol b’saħħtu u effettiv fid-diskussjonijiet u l-organizzazzjonijiet globali tal-enerġija.

Dawn l-isforzi kollha bbenefikaw minn relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-UE u s-SEAE.

Filwaqt li l-isforzi deskritti hawn fuq introduċew livell għola ta’ trasparenza dwar l-attivitajiet tal-UE, għadha teżisti lakuna konsiderevoli fl-għarfien dwar attivitajiet ta’ enerġija proprji tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi. Jista' jkun hemm żieda fl-użu ta' Delegazzjonijiet tal-UE għar-rappurtaġġ u l-analiżi u n-netwerks lokali ta’ konsulenti dwar l-enerġija jistgħu jissaħħu wkoll. L-isforzi biex tiżdied il-kondiviżjoni tat-tagħrif u biex jiġu segwiti għanijiet komuni dwar kwistjonijiet ta’ importanza strateġika għall-UE jkunu ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-għanijiet tal-UE għall-enerġija esterna.

4.           It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien

Ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi fil-viċinat immedjat tal-UE ingħatat post ewlieni fl-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija esterna, f'konformità wkoll mal-għanijiet tal-Politika tal-Viċinat tal-UE. Filwaqt li l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija u l-konverġenza regolatorja tibqa’ għan komuni kondiviż ma' bosta mill-ġirien tagħna, il-pass tal-progress fl-integrazzjoni tal-oqfsa regolatorji u l-infrastruttura fiżika jieħu ż-żmien, għax dan jiddependi kemm fuq il-pass tar-riformi interni u fuq in-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kumplessi legalment vinkolanti. Dan ħtieġ approċċ differenzjat.

Mal-Isvizzera, in-negozjati dwar ftehim dwar l-elettriku bdew fl-2007 u għad iridu jiġu konklużi. Bħalissa ż-żewġ naħat qegħdin jippruvaw jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-proċess, bil-għan li jikkonkludu ftehim dwar l-elettriku fl-2014. Dan huwa meħtieġ għat-tkomplija tal-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji tal-enerġija Svizzeri fis-suq tal-elettriku armonizzat tal-UE. Barra minn kwistjonijiet bħall-kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji mill-istat, l-implimentazzjoni ta' regoli ta' trasparenza u kwistjonijiet tekniċi oħra, mistoqsijiet istituzzjonali, notevolment dwar stanza newtrali ta' arbitraġġ għal tilwim legali, se jkunu kruċjali għall-konklużjoni tal-ftehim.

Il-Komunità tal-Enerġija, bid-dħul tal-Ukraina u l-Moldova fl-2011, l-applikazzjoni riċenti tal-Ġeorġja għas-sħubija u l-istatus ta' osservatur tal-Armenja, in-Norveġja u t-Turkija, kompliet tkun strument ewlieni għall-estensjoni tas-suq intern tal-UE għall-viċinat tagħha. Fl-aħħar sentejn, il-Kunsill Ministerjali kabbar l-acquis tal-Komunità tal-Enerġija biex jinkludi r-regoli tat-Tielet Pakkett dwar is-suq intern għall-elettriku u l-gass, id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2009/119/KE dwar il-ħażniet taż-żejt u r-Regolament 2008/1099/KE u d-Direttiva 2008/92/KE dwar l-istatistika. Barra minn hekk, qegħdin jittieħdu passi lejn l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali Minbarra jkabbru l-acquis kopert permezz tal-Komunità tal-Enerġija, l-attivitajiet matul l-aħħar sentejn iffokaw fuq il-kisba ta' progress tanġibbli fl-integrazzjoni tan-netwerks tal-gass u l-elettriku tal-Partijiet Kontraenti permezz ta’ aktar monitoraġġ intensiv u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-interkonnessjoni, l-aċċess ta’ partijiet terzi u l-iskambji transkonfinali.

Il-promozzjoni attiva ta’ għadd limitat ta’ proġetti ewlenin ta’ investiment li huma neċessarji għaż-żieda fil-flussi transkonfinali u s-sigurtà jew il-forniment, u li tingħeleb is-sitwazzjoni attwali ta’ nuqqas ta’ investiment kienu l-prijorità ewlenija tax-xogħol infrastrutturali. Il-lista ta’ Proġetti tal-Interess Komunitarju tal-Enerġija (PECI - Projects of Energu Community Interest) għandha tiġi adottata mill-Kunsill Ministerjali f’Ottubru 2013 u tinkludi proġetti ta’ interess reġjonali ewlieni u impatt transkonfinali. Konsultazzjoni pubblika estensiva wasslet għal 100 proġett propost, li minnhom 33 tqiegħdu fil-lista tal-PECI.

Fl-aħħar nett, tlesta x-xogħol ta’ tħejjija li jippermetti għal deċiżjoni dwar l-estensjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija lil hinn mill-2016, peress li t-Trattat kien inizjalment previst għal perjodu ta’ 10 snin, u dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli biex jevalwa t-tħaddim tiegħu u titjib possibbli.

Is-Sħubija tal-Lvant hija qafas ieħor li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija għall-UE u għall-imsieħba tal-Lvant filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività. L-attività tal-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant dwar is-Sigurtà Enerġetika ssuktat permezz ta' laqgħat regolari, darbtejn fis-sena, kkumplimentati minn sessjonijiet ta' ħidma u żjajjar fuq is-sit f'faċilitajiet tal-enerġija. Din tiffoka fuq l-iskambju ta’ tagħrif bl-għan li tiżdied il-kuxjenza dwar l-aħjar prattiki, pereżempju fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u tat-tfassil tas-suq tal-elettriku, fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

Il-kooperazzjoni bilaterali kienet rotta importanti oħra għar-relazzjonijiet ma’ ħafna mill-ġirien tagħna. L-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil fil-qasam tal-enerġija kompliet tkun parti importanti tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tħejji għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva.

L-UE tagħti ħafna importanza lill-iżgurar tal-affidabbiltà u t-trasparenza tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass tal-Ukraina u l-Kummissjoni ssuktat l-appoġġ attiv tagħha għat-titjib tal-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-gass fl-Ukraina u sabiex jiġi żgurat li din tibqa' parti ewlenija tan-netwerk tal-enerġija pan-Ewropew. Saru sforzi fuq soluzzjoni trilaterali dwar il-provvisti tal-gass mir-Russja għall-UE li jgħaddu mill-Ukraina. Madankollu l-Ukraina għandha wkoll opportunità biex tkabbar is-sigurtà tal-enerġija tagħha permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u l-iżvilupp lil hinn mir-rwol tradizzjonali importanti tagħha bħala pajjiż ta’ tranżitu minħabba n-netwerk estensiv tal-pipeline tagħha, ir-riżorsi tal-gass konvenzjonali u mhux konvenzjonali, u faċilitajiet importanti ta’ ħażna tal-gass li jikkostitwixxu assi importanti għas-sigurtà tal-enerġija fir-reġjun. Ittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex ikunu jistgħu jseħħu flussi tal-gass bil-kontra mill-UE għall-Ukraina. L-iżvilupp ta’ qafas legali u regolatorju stabbli u mhux diskriminatorju f'konformità mal-impenji tal-Ukraina fir-rigward tal-Komunità tal-Enerġija huwa prekundizzjoni.

Din kienet it-tema ta’ Konferenza ta' Livell Għoli dwar l-evoluzzjoni tas-suq tal-gass Ukrain li ssejħet f’Mejju 2013 mill-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Ministru għall-Fjuwils u l-Enerġija tal-Ukraina. Ġie maqbul li jitwaqqaf grupp magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ukraini, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, l-Istati Membri tal-UE kkonċernati u kumpaniji interessati u istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdi forum biex jappoġġa l-proċess kontinwu ta’ riformi fis-settur tal-gass fl-Ukraina.

Fil-Moldova, permezz ta' strumenti differenti bħall-Appoġġ Baġitarju u l-Għajnuna Teknika, l-UE qed tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq l-għajnuna qiegħda tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija Moldav fis-suq tal-enerġija tal-UE, kemm għas-settur tal-gass kif ukoll dak tal-elettriku. Bħalissa l-UE qiegħda tappoġġa l-bini tal-interkonnettur tal-gass bejn il-Moldova u r-Rumanija li se jkun kapaċi jwassal il-gass fiż-żewġ direzzjonijiet. B'mod ġenerali, l-UE qiegħda tappoġġa l-proċess ta' riforma li jinsab għaddej fis-settur tal-enerġija sa mill-adeżjoni tal-Moldova fit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija fl-2011.

F'Ottubru tal-2012 il-Komunità tal-Enerġija ppubblikat "Ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-acquis skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija" tagħha li, għall-ewwel darba, inkluda lill-Ukraina u l-Moldova.

Fil-qafas tal-aġenda pożittiva għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, ġie miftiehem li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija, bl-attenzjoni tkun iffukata fuq l-ippjanar fit-tul, l-integrazzjoni tas-suq u l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-politika tal-enerġija sostenibbli u teknoloġiji, u s-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Żewġ laqgħat, waħda dwar l-elettriku u l-oħra dwar il-gass, ġew miżmuma fi Frar u f'April tal-2013 rispettivament. Il-laqgħa li jmiss se tindirizza l-kooperazzjoni fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u bħalissa hija ppjanata għall-ħarifa tal-2013. Din il-kooperazzjoni, li għandha l-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni eventwali tas-swieq tal-enerġija tal-UE u t-Turkija, tista’ tikkontribwixxi wkoll għaż-żieda tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta’ negozju għaż-żewġ naħat.

Il-pajjiżi fir-reġjun tal-Kaspju, bir-riżorsi naturali abbundanti tagħhom u l-pożizzjoni ġeografika strateġika tagħhom fil-viċinat usa’ tal-UE, għandhom potenzjal importanti sabiex jiddiversifikaw l-provvista tal-enerġija u r-rotot ta’ tranżitu tal-Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward l-provvisti tal-gass. F'konformità mad-Dikjarazzjoni dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar tal-2011, l-UE ssuktat taħdem mill-qrib mal-pajjiżi u l-kumpaniji fir-reġjun lejn il-ftuħ tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Sar progress sinifikanti fid-dawl tar-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett strateġiku għall-UE fl-2012 bl-iffirmar ta’ Ftehim Intergovernattiv bejn it-Turkija u l-Azerbajġan dwar il-Pipeline Trans-Anatoljan (TANAP) u r-ratifika sussegwenti tiegħu. Fit-28 ta’ Ġunju 2013, il-konsorzju Shah Deniz II ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħżel il-Pipeline Trans Adrijatiku bħala r-rotta ta’ evakwazzjoni Ewropea għall-gass tagħha fil-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Id-deċiżjoni finali dwar l-investiment hija mistennija qabel tmiem l-2013, bl-ewwel l-gass li jibda triqtu lejn l-Ewropa sa Jannar tal-2019.

L-UE se tibqa' taħdem mal-Azerbajġan kif ukoll il-pajjiżi fir-Reġjun tal-Kaspju fuq l-espansjoni tal-kuritur u iktar żieda ta’ provvisti, bil-għan li jipprovdu mill-inqas 10 % tad-domanda Ewropea fuq terminu medju permezz ta’ dan il-Kuritur. Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa b’mod attiv aktar integrazzjoni tas-swieq tal-Ewropa tax-Xlokk f’dan il-kuntest.

Il-Kummissjoni rċeviet id-direttivi tan-negozjati mill-Kunsill f’Settembru 2011 biex tinnegozja ftehim trilaterali dwar it-twegħid tal-Pipeline Trans-Kaspju (TCP) mat-Turkmenistan u l-Azerbajġan u d-diskussjonijiet għadhom sejrin. Il-Kummissjoni ilha taħdem mill-qrib mal-Rappreżentanta Għolja tal-UE u r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Asja Ċentrali fil-komunikazzjoni tal-importanza strateġika tat-TCP għall-pajjiżi fir-reġjun, inkluża r-Russja. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Bank Dinji, nediet Studju dwar l-Ambitu Ambjentali fir-rigward tat-TCP biex jiġi indirizzat it-tħassib espress mill-pajjiżi li qegħdin f'xatt il-Baħar Kaspju dwar il-konsegwenzi ambjentali potenzjali ta' tali pipeline. Dan l-istudju huwa mistenni li jitlesta fl-ewwel xhur tal-2014.

Id-djalogu dwar l-enerġija mar-Russja baqa' intensiv u r-relazzjonijiet dwar l-enerġija jiġu diskussi regolarment fl-ogħla livelli, inklużi fis-Summits bejn l-UE u r-Russja. Skambji kostruttivi wasslu għall-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali 2050 bejn l-UE u r-Russja f’Marzu 2013.

Mill-bidu tal-2012, seħħew regolrment sessjonijiet ta’ negozjati kostruttivi bejn l-UE u r-Russja dwar il-ftehim dwar l-elettriku biex titjieb il-koordinazzjoni bejn sistemi sinkronizzati ta' enerġija tal-Istati Baltiċi, il-Federazzjoni Russa u l-Belarus u biex l-Istati Baltiċi jkunu jistgħu jimplimentaw ir-regoli tas-suq intern għall-elettriku. Dawn in-negozjati għandhom jiġi finalizzat fil-ġejjieni qarib.

Il-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija bejn l-UE u r-Russja fil-qasam tal-enerġija, li jipprovdi għal azzjonijiet konġunti bil-għan li tingħeleb sitwazzjoni ta’ emerġenza, jimmitigaw il-konsegwenzi tiegħu u jipprevjenu tali sitwazzjonijiet fil-futur, ġie aġġornat fi Frar 2011.

Għaddejjin ukoll diskussjonijiet mar-Russja dwar l-implimentazzjoni tat-Tieni u t-Tielet Pakketti[8] fl-UE u fil-Komunità tal-Enerġija, bħas-separazzjoni fil-Litwanja, l-eżenzjoni OPAL, eċċ... Qegħdin jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet prammatiċi, kif ġara fil-każ tal-pipeline ta' Yamal fil-Polonja.

Hemm inċertezza dwar il-qafas legali fit-tul għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja: filwaqt li l-ħtieġa għaċ-ċarezza tad-dritt hija riflessa mill-għadd dejjem jikber ta’ każijiet relatati mal-enerġija bejn l-UE u r-Russja, il-pożizzjonijiet taż-żewġ naħat dwar il-kapitolu tal-enerġija ta’ qafas legali ġenerali ġdid, il-Ftehim il-Ġdid, għadhom ivarjaw b’mod sinifikanti.

Il-Pjan Direzzjonali 2050 bejn l-UE u r-Russja

Matul l-2011 u l-2012, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Russu kkooperaw dwar il-Pjan Direzzjonali dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russjasal-2050 biex jistabbilixxu perpettiva ta' kooperazzjoni fuq terminu twil u biex jintlaħaq livell tollerabbli ta’ inċertezza fir-relazzjonijiet tal-enerġija tagħhom. Il-Pjan Direzzjonali għall-Kooperazzjoni 2050 bejn l-UE u r-Russja ġie ffirmat mill-Kummissarju għall-Enerġija Oettinger u l-Ministru għall-Enerġija Novak f’Marzu 2013.

Il-Pjan Direzzjonali adottat jirrappreżenta interessi u benefiċċji komuni qawwija li jirfdu r-relazzjonijiet dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja. Dan jistabbilixxi l-mira strateġika tal-ħolqien ta’ Spazju tal-Enerġija komuni sal-2050, b’infrastruttura ta’ netwerk integrat li jiffunzjona sew, bi swieq miftuħa, trasparenti, effiċjenti u kompetittivi, li jagħtu l-kontribut meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija u jintlaħqu l-miri ta' żvilupp sostenibbli tal-UE u r-Russja.

Il-Pjan Direzzjonali huwa dokument ħaj li jħares 'il quddiem u ikopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ewlenin fir-relazzjonijiet tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja. B'mod partikolari, dan jindirizza l-kooperazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll fis-setturi tal-elettriku, il-gass, iż-żejt u s-sorsi rinnovabbli. F'kull wieħed minn dawn l-oqsma, il-Pjan Direzzjonali jagħmel rakkomandazzjonjiet speċifiċi għal serje ta' passi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u r-Russja fid-deċennji li ġejjin.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet konkreti proposti permezz tal-Pjan Direzzjonali se jiġu sorveljati - u riveduti - fil-qafas tad-Djalogu dwar l-Enerġija bejn l-UE u r-Russja u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti se jiġu meqjusa fil-programmi ta' ħidma rispettivi tal-Gruppi Tematiċi kollha taħt id-Djalogu dwar l-Enerġija bejn l-UE u r-Russja. Dan se jippermetti s-sorveljenza bir-reqqa tal-implimentazzjoni fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni bilaterali dwar l-enerġija.

L-UE hija impenjata b'mod sħiħ fil-proċess tat-trasformazzjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran, kif deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta ta' Marzu 2011[9] "Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni," fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizjonali sinifikanti, l-għoti ta' iktar opportunitajiet ta' kummerċ u tas-swieq u żieda tal-impenn tagħha mas-soċjetà ċivili. Il-ħoqlien ta' Sħubija dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Mediterran, inizjlament iffukata fuq l-elettriku u l-enerġija rinnovabbli, kienet waħda mill-proposti ewlenin tal-istrateġija dwar l-enerġija esterna tal-2011. Hekk kif il-pajjiżi fir-reġjun qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kuntest politiku u sfidi interni diffiċli ħafna, qafas regolatorju multilaterali reġjonali dwar l-enerġija jibqa' għan fuq terminu twil.

Madanakollu seħħ progress f'diversi aspetti. Programmi importanti ta' appoġġ baġitarju mmirati lejn riformi fis-settur tal-enerġija u programmi ta' ġemellaġ huma implimentati f'għadd ta' pajjiżi fir-reġjun. In-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA - Deep and Comprehensive Free Trade Agreement) bdew mal-Marokk. Dan jinkludi kapitlu sostantiv dwar l-enerġija, b'żewġ sessjonijiet ta' negozjati sa issa fl-2013. L-iffirmar ta' Memorandum ta' Qbil mal-Alġerija dwar l-enerġija fl-Lulju 2013 għandu jqawwi l-kooperazzjoni ma' dan il-pajjiż fornitur ewlieni. L-appoġġ tal-UE huwa mogħti għal proġetti fil-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija permezz ta' għadd ta' strumenti ta' finanzjament mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Kunsill Mediterranju tal-Enerġija, l-ewwel minn dat-tip ta' laqgħat sa mill-2007, huwa skedat li jinżamm fi Brussell f'Diċembru 2013. Il-Kunsill jista' jagħti opportunità għall-approvazzjoni tal-Pjan Solari għall-Mediterran u għad-diskussjoni tal-proġett li titwaqqaf "komunità Mediterranja tal-enerġija".

Is-sejbiet ta' gass naturali fil-Baċir tal-Lvant tal-Mediterrant 'il barra mill-kosta tal-Iżrael u Ċipru fl-2009 u l-2011 rispettivament fetħu perspettivi ġodda għar-reġjun tal-Mediterran tal-Lvant u possibilment jistgħu jippermettu lil xi pajjiżi fir-reġjun li minn importaturi netti tal-gass isiru esportaturi tal-gass. L-UE qiegħda ssegwi l-iżviluppi attwali dwar attivitajiet ta' esplorazzjoni li għaddejin fil-baċir tal-Lvant tal-Mediterran. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun se taqdi rwol ewlieni biex isir l-aqwa użu mill-potenzjal tal-gass tar-reġjun. Barra minn hekk, l-għażla tar-rotot, il-mezzi ta' trasport u l-prezz tal-bejgħ se jkunu determinanti għall-importazzjonijiet potenzjali mill-UE tal-gass minn dan ir-reġjun. F'dan is-sens, fuq quddiem tal-għażliet li diġà qiegħdin jiġu vvalutati, bħal terminal tal-LNG f'Ċipru u pipeline lil hinn mill-kosta ta' Ċipru li jgħaddi minn ġewwa Kreta biex jibqa' sejjer lejn il-Greċja, ir-rotot potenzjali kollha għandhom jiġu kkunsidrati u vvalutati mil-lat tas-sigurtà tal-enerġija.

Inbeda djalogu dwar l-enerġija mal-Iżrael biex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għas-suq tal-gass tal-UE, il-prezz tal-gass u l-infrastrutturi, kif ukoll fuq il-kooperazzjoni fir-riċerka, il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, l-użu ta' grilji intelliġenti u l-ġestjoni tar-reazzjoni għad-domanda. Peress li l-Libanu se jibda l-esplorazzjonijiet dalwaqt, l-UE għandha taqdi rwol importanti fil-proviżjoni ta' appoġġ tekniku u l-bini ta' kapaċità. Fil-kooperazzjoni reġjonali l-UE se jkollha wkoll ir-rwol li tħares l-ogħla livelli ta' esplorazzjoni ta' idrokarburi u sikurezza ambjentali lil hinn mill-kosta.

Interkonnessjonijiet imtejba ma' pajjiżi ġirien jibqgħu għan importanti għall-UE. L-ewwel lista ta' proġetti ta' interess komuni se tiġi adottata fil-ħarifa tal-2013, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Infrastrutturi tal-Enerġija trans-Ewropej[10] Dan il-lista mistennija li tinkludi xi proġetti biex jiġu stabbiliti rabtiet ma' pajjiżi mhux membri tal-UE. Se tingħata kunsiderazzjoni futura għat-titjib fl-interkonnessjonijiet tal-infrastruttura ma' pajjiżi terzi u l-iżvilupp ta' suq tassew pan-Ewropew.

Barra minn hekk l-UE tappoġġa firxa wiesgħa ta' investimenti fis-settur enerġetiku: permezz tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat (NIF - Neighbourhood Investment Fund) il-Kummissjoni diġà kkontribwiet € 150 miljun biex tiffinanzja għotjiet għall-investiment jew għajnuna teknika fir-reġjun tal-PEV f'dan is-settur.Dan jippermetti self ta' madwar EUR 2 biljuni mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej. Din tipprovdi wkoll għajnuna teknika u jħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali dwar l-enerġija permezz ta' diversi programmi bħall-INOGATE[11] u l-Patt tas-Sindki[12].

5.           L-approfondiment ta' sħubijiet tal-enerġija mal-fornituri u l-konsumaturi

Żviluppi tul l-aħħar sentejn fis-swieq globali tal-enerġija juru li l-UE għandha tibqa' tħeġġeġ it-trasparenza, il-kompetittività u s-swieq globali tal-enerġija likwidi fir-relazzjonijiet tagħha mal-fornituri tal-enerġija. L-UE għandha tibqa' miftuħa u flessibbli għall-kooperazzjoni ma' fornituri emerġenti ġodda li għandhom interess jaċċessaw is-suq tal-UE.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-fornituri tal-enerġija, l-isforzi tal-UE baqgħu kkonċentrati fuq ir-relazzjonijiet ma' fornituri tradizzjonali, partikolarment ir-Russja. Ir-relazzjonijiet tal-UE man-Norveġja laħqu tappa ġdida fl-2012, hekk kif l-esportazzjonijiet tal-gass naturali min-Norveġja lejn l-UE żdiedu għal livelli li jistgħu jitqabblu mal-esportazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja. Lil hinn mir-rwol ta' fornitur tal-enerġija, in-Norveġja, li għandha rabta mal-UE permezz taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), baqgħet sieħeb speċjali għall-UE. Kooperazzjoni pożittiva kontinwa ġiet imħeġġa permezz tal-laqgħat Ministerjali annwali bejn l-UE u n-Norveġja, ikkumplimentati b'laqgħat speċjalizzati bħall-konferenza bejn l-UE u n-Norveġja dwar ir-rwol tal-gass li seħħet f'Marzu tal-2013. Huwa importanti li ż-ŻEE u l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, inkluża n-Norveġja, jittrasponu u japplikaw it-Tielet Pakkett tal-Enerġija mill-aktar fis possibbli.

L-ilħiq fil-livell politiku mal-fornituri fil-Lvant Nofsani żdied fl-aħħar sentejn permezz ta' taħdidiet diretti informali ma' pajjiżi bħas-Arabja Sawdija u l-Qatar u l-parteċipazzjoni tal-Kummissarji tal-Enerġija f'avvenimenti ta' livell għoli bħal-laqgħat Ministerjali bejn l-UE u l-OPEC u l-Laqgħa Ministerjali tal-Forum Internazzjonali dwar l-Enerġija. Filwaqt li l-fus tar-relazzjonijiet mal-fornituri tal-enerġija huma relazzjonijiet kuntrattwali bejn operaturi kummerċjali, il-bini ta' fiduċja fil-livell politiku u l-kooperazzjoni mmirata f'oqsma ta' interess partikolari għas-sħab tagħna tista' tgħin fir-relazzjonijiet kummerċjali. Eżempji riċenti ta' attivitajiet fil-livell ta' ħidma jinkludu l-konferenza konġunta bejn l-UE u l-OPEC dwar is-sikurezza tal-industrija taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta, li ltaqgħet f'Novembru tal-2012, u l-kooperazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika mal-Lega tal-Istati Għarab u pajjiżi individwali bhall-Arabja Sawdija.

Produtturi tal-enerġija fl-Afrika, pereżempju n-Niġerja u l-Angola, diġà huma fornituri importanti, fosthom għall-UE. B'sejbiet ġodda ta' żejt u gass fil-kontinent, l-importanza tagħha fil-forniment tal-enerġija u għas-sikurezza tal-enerġija tal-UE aktarx li se tiżdied. L-UE se tissokkta tissorvelja dawn l-iżviluppi u tqishom kif xieraq fl-isforzi ta' kooperazzjoni tagħha.

Iktar progress konkret jista' jidher fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi konsumaturi, speċjalment iċ-Ċina. L-enerġija issa hija waħda mill-kwistjonijiet l-iktar importanti fir-relazzjoni ta' bejn l-UE u ċ-Ċina, mtella' għal dan il-livell permezz tal-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina li seħħet f'Mejju tal-2012 u li ġabet flimkien uffiċjali ewlenin Ċiniżi li jfasslu l-politika u l-Ministri tal-Enerġija tal-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea[13]. Is-sigurtà tal-Enerġija hija qasam ġdid għall-kooperazzjoni li ntlaħaq qbil dwaru fil-Laqgħa ta' Livell Għoli, bil-ftuħ ta' possibbiltà għal diskussjonijiet strateġiċi mal-kontrapartijiet Ċiniżi tagħna bl-għan li jiġu żgurati swieq tal-enerġija globali siguri, stabbli, sikuri u sostenibbli. Is-Sħubija dwar l-Urbanizzazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina kienet imnedija wkoll fil-Laqgħa ta' Livell Għoli. Filwaqt li l-iskop tagħha huwa usa', kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-provvista tal-enerġija, l-effiċjenza u l-ippjanar għandhom rwol importani x'jaqdu. Il-kooperazzjoni maċ-Ċina dwar l-enerġija hija appoġġata wkoll permezz tad-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-Kooperazzjoni dwar l-Innovazzjoni.

Il-prijoritajiet tal-gvern ġdid Ċiniż jaqblu sew mal-prijoritajiet definiti tal-UE għall-kooperazzjoni dwar l-enerġija maċ-Ċina. Fil-livell ta' ħidma, ir-riżultat kien fluss esponenzjali ta' attivitajiet, fosthom dwar ir-regolizzazzjoni tal-elettriku, l-iżvilupp tas-suq tal-gass, l-ippjanar fit-tul, il-governanza globali tal-enerġija, u dwar is-sikurezza nukleari u ftehim possibbli dwar il-Euratom bex jiġi infurzat iktar il-ftehim dwar il-Kooperazzjoni dwar ir-R&Ż fl-Użu Paċifiku tal-Enerġija Nukleari. Il-kooperazzjoni dwar l-enerġija maċ-Ċina se tkun element importanti tad-dokument li jidentifika l-prijoritajiet għas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, li għandha tiġi adottata fis-Summit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina.

Is-Sħubija dwar l-Urbanizzazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina

Is-Sħubija dwar l-Urbanizzazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina, li tnediet f'Mejju 2012 minn Li Keqiang, li dak iż-żmien kien iservi bħala Viċi Prim Ministru, u l-President tal-Kummissjoni Barroso, hija pjattaforma politika miftuħa għall-partijiet interessati Ewropej u Ċiniżi biex jaħdmu flimkien u jaqsmu l-esperjenzi biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-urbanizzazzjoni. Hekk kif il-livell ta' urbanizzazzjoni fiċ-Ċina huwa mistenni jiżdied b'mod mgħaġġel mil-livell tal-lum ta' 50 % u hekk kif tliet kwarti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'kuntest urban, iż-żewġt isħab qegħdin jirsistu biex jiżviluppaw approċċi innovattivi għall-urbanizzazzjoni.

Is-Sħubija hija l-ewwel strument ta' dan it-tip. Din tkopri għadd ta' setturi bħall-ippjanar urban sostenibbli, il-provvista tal-enerġija u l-ġestjoni tad-domanda, il-mobbiltà, il-binjiet ekoloġiċi u l-governanza urbana. Din tinvolvi wkoll varjetà ta' partijiet interessati fosthom awtoritajiet lokali, intrapriżi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, gruppi ta' riflessjoni u assoċjazzjonijiet tal-industrija.

Is-Sħubija hija implimentata permezz ta' Forum għall-Urbanizzazzjoni annwali, li jinkludi għadd ta' sotto-fora tematiċi u Wirja dwar l-Urbanizzazzjoni Sostenibbli. Din tinkludi wkoll inizjattivi privati u lokali. Is-Sħubija hija maħsuba li tibni fuq attivitajiet ta' kooperazzjoni eżistenti u li trawwem oħrajn ġodda, u tirrealizza sinerġiji fejn possibbli.

Mal-Istati Uniti, il-kooperazzjoni ssuktat permezz tal-laqgħat annwali tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti u t-tlett gruppi ta' ħidma dwar is-sikurezza tal-enerġija, it-teknoloġiji tal-enerġija u l-politika tal-enerġija. Diskussjonijiet regolari indirizzaw suġġetti bħas-swieq globali taż-żejt u l-gass, żviluppi fil-viċinat tal-UE inkluż il-Kuritur tan-Nofsinhar tal-Gass, l-effiċjenza tal-enerġija, il-qbid u l-ħażna tal-karbonju, il-grilji intelliġenti, is-sikurezza tal-attivitajiet lil hinn mill-kosta u s-sikurezza nukleari. Oqsma ta' prijorità indirizzati permezz tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka jinkludu wkoll il-grilji u l-ħażna intelliġenti, kif ukoll it-teknoloġiji tal-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil, materjali għall-enerġija u l-fużjoni nukleari. Ittieħdu wkoll inizjattivi konkreti biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-laboratorji bejn il-Programmi Konġunti għall-Alleanzi Ewropej ta' Riċerka, il-JRC u programmi tal-enerġija tal-Istati Uniti rispettivi, bi kwistjonijiet maġġuri bħar-reċiproċità li għad iridu jiġu indirizzati.

Madanakollu, biż-żieda qawwija fil-produzzjoni taż-żejt u l-gass mhux konvenzjonali fl-Istati Uniti, qiegħda tfeġġ dinamika ġdida fir-relazzjonijiet tal-enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti bl-attenzjoni tkun iffukata wkoll fuq kwistjonijiet ta' kummerċ bilaterli u l-kompetittività industrijali. In-negozjati imnedija riċentament dwar is-Sħubija Transatlantika dwar il-Kummerċ u l-Investiment jistgħu jaqdu rwol importanti fl-istabbiliment ta' regoli komuni dwar il-kummerċ u l-investiment fl-enerġija u l-materja prima. Dawn jistgħu sussegwentement jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ regoli u standards globali.

Wara d-diżastru triplu ta' Marzu 2011, mexxejja mill-UE u l-Ġappun talbu għal koperazzjoni msaħħa fl-enerġija. Bħalissa għaddejja kooperazzjoni dwar riforma fis-suq tal-elettriku hekk kif il-Ġappun qiegħed jipprepara proposti legali f'dan il-kamp u dwar is-swieq tal-gass, bil-għan li jaqsam l-analiżi dwar żviluppi riċenti u jiddiskuti modi kif il-gvernijiet ikunu jistgħu jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn suq globali tal-gass iktar likwidu u flessibbli. Ittieħdu l-ewwel kuntatti biex jiġu stabbiliti skambji regolari dwar is-sikurezza nukleari, u qiegħda tiżdied b'mod qawwi l-kooperazzjoni dwar ir-riċerka fis-sikurezza tar-reatturi u l-ġestjoni tal-emerġenzi, hekk kif il-Ġappun qiegħed jevalwa mill-ġdid l-istrateġija tal-enerġija u l-prijoritjajiet ta' riċerka tiegħu.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni msaħħa dwar l-enerġija mal-Indja ġiet adottata fis-Summit bejn l-UE u l-Indja fi Frar tal-2012, bl-attenzjoni tkun iffukata fuq il-produzzjoni u l-użu nadif tal-faħam, l-effiċjenza tal-enerġija fil-prodotti u l-binjiet, il-grilji intelligenti u l-enerġija rinnovabbli. Bdew attivitajiet fil-biċċa l-kbira ta' dawn l-oqsma u l-Kummissjoni dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja tiltaqa' ta' kull sena biex tissorvelja l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-opinjonijiet. L-enerġija hija wkoll waħda mill-prijoritajiet tematiċi tas-sħubija Indo-Ewropea mnedija fl-2012.

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Brażil, li bdiet fl-2007, intlaħaq għarfien tajjeb fil-laqgħa tad-djalogu dwar il-politika tal-enerġija fl-2013 biex jitwessgħu l-iskambji dwar l-enerġija sostenibbli u biex b'mod konġunt jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni trasparenti tal-bijofjuwils. Ġiet stabbilita riċerka konġunta attiva fil-bijofjuwils sostenibbli. Din għandha tiżdied fis-snin li ġejjin.

Fuq naħa multilaterali, l-UE kompliet tappoġġa l-Karta tal-Enerġija bħala qafas importanti għal regoli legalment vinkolanti għall-kummerċ tal-enerġija, it-tranżitu u l-investiment. L-UE ilha tagħti appoġġ vokali għall-politika ta’ konsolidazzjoni, ilħiq u espansjoni tal-Karta tal-Enerġija, approvata f’Lulju tal-2012, kif ukoll tal-intenzjonijiet tagħha li timmodernizza d-Dikjarazzjoni tal-Karta tal-Enerġija tal-1991.

L-UE diġà nnegozjat regoli komprensivi speċifiċi dwar l-enerġija f’għadd ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles. Negozjati speċifiċi dwar l-enerġija mal-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja huma finalizzati; għadhom għaddejin mal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Marokk; u se jibdew mal-Azerbajġan u aktarx il-Messiku. Kwistjonijiet tal-enerġija huma importanti wkoll b’mod orizzontali f'negozjati kummerċjali mal-Kanada u l-Kazakistan u dwar teknoloġija ekoloġika mal-pajjiżi tal-ASEAN.

Kif innutat qabel, l-inċident nukleari ta’ Fukuxima wassal għal sejħiet mill-UE għall-promozzjoni tal-ogħla livell ta’ sigurtà u sikurezza nukleari globalment permezz ta’ oqfsa bilaterali u multilaterali. Il-pajjiżi ġirien tal-UE ġew mistiedna jieħdu sehem fit-test tal-istress tal-UE u l-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari. L-Isvizzera, l-Ukraina u l-Kroazja, qabel l-adeżjoni tagħha fl-UE, ħadu sehem b'mod sħiħ. Pajjiżi ġirien oħra (eż. it-Turkija, il-Belarus u l-Armenja) qablu li jaħdmu abbażi tal-istess metodoloġija iżda fi skedi differenti, filwaqt li r-Russja wettqet il-valutazzjonijiet tagħha. Wara dawn ir-reviżjonijiet, hija ppjanata għajnuna mill-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari għal ċerti pajjiżi.

Qegħdin jittieħdu wkoll passi meħtieġa biex is-sikurezza nukleari tiġi riflessa fil-ftehimiet bilaterali tal-Euratom, bħar-reviżjoni li għaddejja tal-ftehim mal-Kanada u l-ftehim ġdid mal-Afrika t'Isfel, skambji preliminari mar-Russja u f'diskussjonijiet futuri possibbli maċ-Ċina u l-Korea t'Isfel.

Fil-kuntest multilaterali, l-UE tipparteċipa b'mod attiv fl-isforzi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA - International Atomic Energy Agency), bil-Euratom tagħti l-kontribut u l-esperjenza tagħha fit-tħejjija tal-proposti għas-sitt (6) Laqgħa ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, skedata għal Marzu-April 2014. Il-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-IAEA ssaħħet bit-twaqqif ta' mekkaniżmu ġdid ta' kooperazzjoni f'Jannar 2013. Permezz t'hekk inġiebu flimkien uffiċjali għoljin għal diskussjonijiet dwar it-teknoloġiji nukleari, fosthom is-sikurezza u s-sigurtà tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari u attivitajiet ta' riċerka.

B'qafas legali ġdid li qiegħed jiġi stabbilit fl-UE dwar is-sikurezza lil hinn mill-kosta, is-suġġett ġie inkorporat fil-kooperazzjoni bilaterali ma' pajjiżi rilevanti, bħall-Istati Uniti u n-Norverġja kif ukoll il-pajjiżi tal-OPEC, u fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-UE fl-oqfsa internazzjonali, bħall-G20.

6.           Apoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw

L-appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp biex jinqered il-faqar huwa l-għan primarju tal-politika ta' żvilupp tal-UE u prijorità għall-azzjoni esterna tal-UE f'appoġġ għall-interessi tal-UE għal dinja stabbli u għanja. L-UE diġà għamlet ħafna biex tgħin fit-tnaqqis tal-faqar u b'mod partikolari biex tappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. L-UE allokat kontribut finanzjaru ta' mill-inqas EUR 2.5 biljun f'dawn l-aħħar 6 snin għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-faqar enerġetiku u t-tkabbir sostenibbli. In-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli jikkostitwixxi impediment serju għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku.           Mingħajr enerġija sostenibbli huwa diffiċli li jiġi żgurat biżżejjed aċċess għall-ilma nadif, edukazzjoni tajba u kura bażika tas-saħħa. Aċċess akbar għall-enerġija għandu impatt konsiderevoli fuq il-produttività u l-qligħ f’kull stadju fil-katina tal-valur agrikolu, mill-produzzjoni, l-ipproċessar ta’ wara l-ħsad u l-ħżin, sal-kummerċjalizzazzjoni.

Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, l-Aġenda għall-Bidla[14] tistqarr li l-UE għandha toffri tekonoloġija u għarfien espert kif ukoll finanzjament għall-iżvilupp, u għandha tiffoka fuq tliet sfidi ewlenin: il-volatilità tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-enerġija; it-tibdil fil-klima, inkluż l-aċċess għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju; u aċċess għal servizzi tal-enerġija sikuri, affordabbli, nodfa u sostenibbli.

Minħabba l-komplimentarjetà tagħha ma' dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-għanijiet tal-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti l-aċċess universali għall-enerġija sal-2030 flimkien mal-irduppjar tar-rata tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

L-UE qiegħda tikkontribwixxi lejn dawn l-għanijiet permezz tal-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd. Din l-inizjattiva hija mmexxija mill-President tal-Kummissjoni Barroso u għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jipprovdu aċċess għall-enerġija għal 500 miljun ruħ sal-2030.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni mmobilizzat iktar minn EUR 500 miljun għall-perjodu 2012-2013 biex jiżdied l-appoġġ għall-enerġija sostenibbli f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Flimkien mal-Istati Membri, dawn l-isforzi se jiġu approfonditi matul is-snin li ġejjin. Se tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-pajjiżi sħab li għażlu l-enerġija bħala settur fokali għall-kooperazzjoni mal-UE taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tmexxi 'l quddiem l-għanijiet tal-Aġenda għall-Bidla billi tappoġġa l-aċċess għal servizzi sostenibbli tal-enerġija bħala mira speċifika fil-kuntest tas-segwitu tal-Miri ta' Żvilupp tal-Millennju.

Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd tal-UE

Sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita mill-President tal-Kummissjoni Barroso li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jipprovdu aċċess għall-enerġija għal 500 miljun ruħ, għall-2012-2013 il-Kummissjoni allokat:

-          EUR 400 miljun għal azzjonijiet relatati mal-enerġija fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara permezz tat-taħlit. Dan għandu jgħin biex jiġi ingranat investiment konkret ta' € 4-8 biljun.

-          EUR 65 miljun għal Faċilità ta' Għajnuna Teknika ddedikata biex tgħin lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jelaboraw u jimplimentaw programmi ta' riforma biex l-investiment privat ikun jista' jiġi atratt.

-          Madwar EUR 100 miljun qegħdin ikunu disponibbli għat-titjib fl-aċċess għas-servizzi ta' enerġija moderni u sostenibbli għall-fqar f'żoni remoti u rurali.

7.           Konklużjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-forniment u l-kooperazzjoni internazzjonali u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta' Novembru 2011 taw spinta importanti lill-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Fl-aħħar sentejn kien hemm intensifikazzjoni tal-attivitajiet, inklużi ftehimiet politiċi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-enerġija ma' għadd mill-isħab tal-UE kif ukoll it-tnedija ta' negozjati dwar għadd ta' ftehimiet li huma speċifikament dwar l-enerġija u oħrajn li jkopru iktar minn settur wieħed. Is-suċċess ma' kienx l-istess fl-oqsma kollha u mal-isħab kollha, iżda x-xejriet pożittivi osservati jsejħu għal attenzjoni u sforzi ssuktati min-naħa tal-UE.

L-istrateġija u l-prijoritajiet magħżula sentejn ilu għadhom fundamentalment validi. Madanakollu, il-flessibbiltà u l-prammatiżmu fir-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija tal-UE għandhom jinżammu biex ikun hemm hemm aġġustament għat-tibdiliet mgħaġġla li qegħdin iseħħu fis-swieq globali tal-enerġija kif ukoll żviluppi politiċi u ekonomiċi, jekk u meta tali aġġustamenti jkunu meħtieġa. Il-qafas regolatorju tal-UE dwar is-suq intern tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-ambjent, il-kompetizzjoni u oħrajn jibqgħu referenzi importanti għal ħafna mis-sħab tal-UE. Il-qsim tal-esperjenza tal-UE dwar l-iżvilupp tal-politika dwar l-enerġija, is-suċċessi u l-isfidi tagħha, jipprovdi opportunità għall-involviment pożittiv u l-bini tal-fiduċja ma' ħafna mis-sħab tagħna.

L-implimentazzjoni b'suċċess ssoktata tal-prijoritajiet tal-enerġia esterna se jeħtieġu relazzjoni ta' ħidma mill-qrib bejn il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli u l-SEAE, bl-aqwa użu tal-istrumenti u r-riżorsi tagħhom, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE. Se jkunu meħtieġa wkoll sforzi sostnuti biex tiżdied il-koordinazzjoni ma'l-Istati Membri tal-UE u bejniethom. L-attivitajiet tal-UE dwar l-enerġija esterna m'għandhomx, u m'għandux ikollhom l-għan li jibdlu l-kooperazzjoni bilaterali stabbilita mill-Istati Membri, iżda għandhom jikkumplimentawhom, fejn ikun hemm valur tassew miżjud tal-UE. Madanakollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-UE titkellem b'leħen wieħed meta tindirizza lill-isħab tagħha. Fl-aħħar nett, approċċ koordinat jippermetti l-promozzjoni effettiva tal-interessi strateġiċi tal-UE u jżid il-piż u s-saħħa kollettivi tal-UE fin-negozjati fir-rigward tal-isħab tagħha.

[1]               COM(2011)539.

[2]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill TTE tal-24 ta' Novembru, 2011 dwar Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali - "Il-Politika tal-Enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna" (17615/11).

[3]               BP Statistical Review of World Energy 2012, http://www.bp.com/en/global/corporate/about-bp/statistical-review-of-world-energy-2013.html.

[4]               World Energy Outlook 2012, International Energy Agency.

[5]               "Redrawing the Energy-Climate Map," World Energy Outlook Special Report, International Energy Agency, June 2013.

[6]               "Redrawing the Energy-Climate Map," World Energy Outlook Special Report, International Energy Agency, June 2013.

[7]               Id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE, ĠUUE L 299/13 27.10.2012.

[8]               http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/legislation/legislation_en.htm

[9]               COM(2011)200 final.

[10]             Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013, ĠUUE L 115/39 25.4.2013.

[11]             http://www.inogate.org

[12]             http://www.covenantofmayors.eu

[13]             Kien hemm qbil dwar tliet dikjarazzjonijiet fil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina f'Mejju tal-2012, fosthom id-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa dwar is-Swieq tal-Elettriku, id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar is-Sikurezza tal-Enerġija u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Urbanizzazzjoni.

[14]             COM(2011) 637 finali.

Top