EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5530

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” COM(2013) 451 final – 2013/0218 (COD) u “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” COM(2013) 452 final – 2013/0220 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 104–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”

COM(2013) 451 final – 2013/0218 (COD)

u “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”

COM(2013) 452 final – 2013/0220 (COD)

2014/C 67/21

Relatur ġenerali: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar is-16 ta' Settembru 2013 u l-4 ta' Lulju 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew, rispettivament, b'konformità mal-Artikolu 33, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62, l-Artikolu 64(2), l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 114, l-Artikolu 153(2)(b), l-Artikolu 168(4)(b), l-Artikolu 172, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 207 u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

COM(2013) 451 final – 2013/0218 (COD).

Nhar l-4 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta għadd ta' atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

COM(2013) 452 final – 2013/0220 (COD).

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Pegado Liz relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’110 voti favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għan taż-żewġ proposti għal Regolament COM(2013) 451 final u COM(2013) 452 tas-27 ta' Ġunju 2013, li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) intalab Opinjoni dwarhom, hu li jsir avvanz lejn "l-allinjament kollettiv" tar-reġim il-ġdid tal-atti ddelegati ta' 165 strument leġiżlattivli inizjalment kienu soġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRS).

1.2

Dan l-eżerċizzju ntalab mill-Parlament Ewropew bl-appoġġ tal-Kunsill bil-għan li l-prattiki preċedenti tal-"komitoloġija" jiġu allinjati mal-proċedura ta' delega prevista fl-Artikolu 290 tat-TFUE.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni peress li hija meħtieġa għas-sigurtà tas-sorsi tal-liġi tal-Unjoni u timmira li tikseb l-għan tas-semplifikazzjoni u l-effikaċja.

1.4

Il-KESE jfakkar li r-rapport dettaljat tiegħu dwar il-proċedura ta' delega ġie adottat dal-aħħar u jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat biex din l-Opinjoni tinfiehem.

1.5

Dan l-allinjament kollettiv ta' 165 strument legali (regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet) li jolqtu tnax-il qasam differenti jqajjem bosta kwistjonijiet legali u prattiċi.

1.6

Ċerti elementi tal-proċedura ta' delega għadhom mhumiex ċari. Barra minn hekk, l-idea ta' "elementi mhux essenzjali" għad trid tiġi definita. Għad trid issir ukoll valutazzjoni preċiża tat-tħaddim tal-mekkaniżmu.

1.7

Uħud mill-proposti għal regolament għandhom għażliet li ma jqisux il-qafas stabbilit mill-atti leġiżlattivi bażiċi u jaslu biex jipprevedu li d-delega titwettaq matul perjodu indeterminat jew li jistabbilixxu skadenzi qosra ħafna għall-iskrutinju mill-Parlament u l-Kunsill.

1.8

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ġenerali u partikolari li għamel, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tadatta l-eżerċizzju tagħha ta' "allinjament kollettiv" billi tqis iktar l-ispeċifiċitajiet ta' ċerti atti leġiżlattivi bażiċi.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda wkoll lill-Kunsill u lill-Parlament li jkunu viġilanti kemm jista' jkun u li jevalwaw bir-reqqa l-atti kollha inklużi f'dan l-eżerċizzju ta' "allinjament".

2.   Introduzzjoni

2.1

It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, stabbilixxa distinzjoni bejn is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' natura ġenerali li jikkomplementaw jew li jimmodifikaw ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv, prevista fl-Artikolu 290 tat-TFUE (proċedura ta' delega), u s-setgħa li tadotta atti ta' eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 291 tat-TFUE (proċedura ta' implimentazzjoni).

2.2

Dawn is-setgħat huma soġġetti għal oqfsa legali differenti.

2.2.1

L-implimentazzjoni tas-setgħa ta' delega hija prevista minn strumenti mingħajr ma tkun vinkolanti:

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1);

il-ftehim dwar l-atti ddelegati (common understanding on delegated acts) miftiehem bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni;

l-Artikoli 87(a) u 88 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew, emendat mid-Deċiżjoni tal-10 ta' Mejju 2012 (2).

2.2.1.1

Il-Kumitat dan l-aħħar adotta rapport ta' informazzjoni dettaljat dwar il-proċedura ta' delega, u jirrakkomanda bil-qawwa li dan jinqara biex din l-Opinjoni tinfiehem b'mod sħiħ (3).

2.2.2

L-implimentazzjoni tas-setgħa ta' implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 291 tat-TFUE taqa' taħt il-qafas tal-istrumenti legali vinkolanti:

ir-Regolament 182/2011 (4) (minn issa 'l quddiem ir-Regolament dwar il-komitoloġija) li jipprevedi żewġ proċeduri: il-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta' eżami;

id-Deċiżjoni 1999/468/KE (5) (minn issa 'l quddiem id-"deċiżjoni dwar il-komitoloġija") kif ġiet modifikata fl-2006 sabiex tissaħħaħ is-setgħa tal-iskrutinju tal-Parlament u l-Kunsill, li tipprevedi l-proċedura regolatorja bi skrutinju (minn issa 'l quddiem "PRS").

2.2.3

Il-PRS tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni li jemendaw l-elementi mhux essenzjali tal-atti leġiżlattivi bażiċi. Il-kliem previst fl-Artikolu 5 tad-"Deċiżjoni dwar il-komitoloġija" (6) huwa qrib ħafna tad-definizzjoni tal-atti ddelegati. Att iddelegat bħal dak definit fl-Artikolu 290 tat-TFUE huwa att kważi leġiżlattiv adottat mill-Kummissjoni biex tikkompleta jew timmodifika l-elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

2.2.4

Kien minħabba f'din is-similarità li bejn l-2009 u l-2014 l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni dwar il-komitoloġija u l-PRS baqgħu provviżorji, peress li l-għan tal-Kummissjoni kien li tuża dan il-perjodu limitat biex tadatta d-dispożizzjonijiet eżistenti li jipprevedu PRS għar-reġim tal-atti ddelegati.

2.2.5

Wara li saret "talba" mill-Parlament Ewropew (7), il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta' allinjament ta' xi regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, bl-appoġġ tal-Kunsill (8).

L-għan tal-proposti tar-regolamenti omnibus, li l-Kumitat intalab konsultazzjoni dwarhom, hu li jipproċedu b'mod kollettiv lejn dan l-allinjament.

3.   Proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ proposti għal regolament:

waħda tittratta "għadd ta' atti leġiżlattivi" COM(2013) 451 final;

l-oħra tikkonċerna "għadd ta' atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja" COM(2013) 452 final.

It-tielet pakkett ta' proposti għadu qed jiġi analizzat u għandu jitlesta dalwaqt.

3.2

Il-proposta dwar "għadd ta' atti leġiżlattivi" għandha l-għan li, b'mod kollettiv, tgħaddi 160 att leġiżlattiv (regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet) mill-PRS għall-proċedura ta' delega, minn 11-il qasam differenti:

in-netwerks ta' komunikazzjoni, kontenut u teknoloġiji;

impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni;

azzjoni klimatika;

enerġija;

intrapriża u industrija;

ambjent;

statistika;

suq intern u servizzi;

mobbiltà u trasport;

saħħa u konsumaturi;

tassazzjoni u unjoni doganali;

3.2.1

Hija tikkonsisti f'memorandum ta' spjegazzjoni, proposta għal regolament u anness li jelenka l-atti konċernati mill-trasferiment ta' PRS għall-proċedura ta' delega.

3.3

Il-proposta dwar "għadd ta' atti leġiżlattivi fil-qasam tal-Ġustizzja" hija ttrattata f'test separat peress li l-bażi ġuridika tagħhom tidher fil-Kapitolu V tat-TFUE u ma jikkonċernawx l-Istati Membri kollha. B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-TFUE, dan l-Istat Membru ma jistax jiġi soġġett għar-regolament propost.

3.3.1

Il-proposta għal regolament li tipprevedi l-adattar tal-Artikolu 290 tat-TFUE tal-atti legali fil-qasam tal-ġustizzja tittratta ħames regolamenti dwar:

il-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili u kummerċjali;

l-Ordni Ewropea ta' infurzar għal talbiet mhux kontestati;

il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea;

il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar;

is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali;

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kummissjoni tipproponi regolamenti omnibus għall-allinjament kollettiv ta' ħafna regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, minflok ma tadotta proposta għal regolament għal kull wieħed mill-istrumenti konċernati.

4.1.1

Il-Kummissjoni diġà użat dan il-metodu fl-2006 biex tintroduċi l-PRS. Hija kellha rikors għal komunikazzjoni biex tadatta b'urġenza 25 regolament, fosthom, b'mod partikolari, id-Direttiva 2005/1/KE tad-9 ta' Marzu 2005 intiża biex tiġi organizzata struttura ġdida tal-kumitati kompetenti fis-servizzi finanzjarji (9). Hemm ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-adattar ta' għadd ta' atti speċifikati f'4 annessi għall-PRS (10). Il-KESE kien ħareġ osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar dan (11).

4.1.2

Il-Kummissjoni għadha qatt ma wettqet allinjament daqshekk kbir.

4.1.3

Il-Kumitat jinnota li l-proposti għal regolament juru t-tifrix tal-poteri tal-Kummissjoni peress li jipprevedu l-firxa, it-tifrix u l-perjodu ta' żmien li fihom il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jressqu oġġezzjoni.

4.1.4

Din l-għażla hija loġika mil-lat tas-semplifikazzjoni u r-rapidità tal-proċedura, imma tqajjem bosta kwistjonijiet.

a)   Perjodu indeterminat

4.2

L-Artikolu 2 taż-żewġ proposti għal regolament jipprevedu li s-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati f'dan l-eżerċizzju hija "konferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat".

4.2.1

Il-Kumitat ifakkar li skont l-Artikolu 290 tat-TFUE l-perjodu ta' żmien tas-setgħa ta' delega għandu jiġi previst espliċitament mill-att leġiżlattiv bażiku u li s'issa, apparti eċċezzjonijiet rari, id-delegi, fil-prinċipju, jiġu stabbiliti għal perjodu determinat, jekk hemm bżonn b'tiġdid, permezz ta' rapport dwar l-implimentazzjoni tad-delega.

4.2.2

Huwa jinnota li l-Parlament (12) mhuwiex tal-istess fehma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-preferenza għad-delegi ta' perjodu ta' żmien indeterminat (13). Barra minn hekk, il-proposta għal regolament omnibus tneħħi l-obbligu li jiġu preżentati rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni ta' miżuri previsti fl-atti bażiċi (14).

4.2.3

Għalhekk, il-KESE jistaqsi jekk ir-regolamenti ta' allinjament proposti mill-Kummissjoni jistgħux jaslu biex jipprevedu li d-delega tingħata għal perjodu ta' żmien indeterminat fil-każijiet kollha, ikun xi jkun il-qasam konċernat.

b)   Skrutinju mill-PE u l-Kunsill

4.3

Barra minn hekk, kif speċifika l-Kumitat fir-rapport ta' informazzjoni tiegħu dwar l-atti ddelegati, id-delega tas-setgħa hija soġġetta għall-iskrutinju tal-Kunsill u l-Parlament li jistgħu jirrevokaw is-setgħa ta' delega f'kull ħin, jippreżentaw oġġezzjoni għall-att iddelegat adottat mill-Kummissjoni, fil-prinċipju fi żmien xahrejn minn meta l-Kunsill u l-Parlament jiġu notifikati dwar it-tali att iddelegat, jew jinfurmaw lill-Kummissjoni fl-istess żmien ta' xahrejn dwar l-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjoni. Dan il-perjodu ta' żmien ta' xahrejn fil-prinċipju jista' jiġi estiż fuq talba tal-Parlament jew tal-Kunsill.

4.3.1

L-Artikoli 5bis(3) sa (6), tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, jipprevedu reġim kumpless ta' perjodi ta' żmien differenti skont jekk il-miżuri previsti mill-Kummissjoni humiex konformi jew le mal-Opinjoni tal-Kumitat u dawn jistgħu jinbidlu minn 4 xhur għal xahrejn, skont jekk huwiex ikkonċernat il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew.

B'deroga minn dan ir-reġim "normali" l-Artikolu 5bis(5)(b) jistabbilixxi li dawn il-perjodi ta' żmien jistgħu jitqassru "jekk dan ikun ġustifikat minn raġunijiet ta’ effikaċja" iżda mingħajr ma jistabbilixxi skadenza preċiża.

Barra minn hekk, il-paragrafu 6 jipprevedi reġim speċjali ta' perjodu ta' żmien ta' xahar previst b'mod obbligatorju qabel l-att bażiku, għall-każijiet speċifikati fejn ir-reġim normali ma jkunx jista' jiġi applikat "għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza".

4.3.2

L-Artikolu 2(6) tal-proposta għal Regolament li jadatta għadd ta' atti legali għall-Artikolu 290 tat-TFUE jirreferi għal din il-possibbiltà ta' deroga imma jipprevediha biss f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati, meta l-perjodu ta' żmien normali għal oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill u l-Parlament għal att iddelegat jista' jitnaqqas għal xahar (15).

4.3.3

Ir-reġim il-ġdid jidher li jillimita l-flessibbiltà li għandhom il-Kunsill u l-Parlament biex jeżerċitaw is-setgħat ta' skrutinju.

4.3.4

Il-Kumitat jistaqsi b'mod partikolari dwar kemm huwa possibbli li l-Kunsill u l-Parlament jeżerċitaw b'mod effettiv is-setgħat ta' skrutinju fuq 165 att iddelegat f'perjodi ta' żmien daqshekk qosra.

c)   Elementi mhux essenzjali

4.4

Il-Kumitat ifakkar, kif kien enfasizza fir-rapport ta' informazzjoni tiegħu, li l-proċedura ta' delega hija intiża għall-adozzjoni ta' atti ddelegati li jikkonċernaw elementi "mhux essenzjali" previsti f'atti leġiżlattivi adottati b'mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament.

4.4.1

Il-proposti għal regolament tal-Kummissjoni jikkonċernaw tnax-il qasam differenti.

4.4.2

Peress li n-natura legali eżatta tal-atti ddelegati hija pjuttost vaga u l-oqsma kkonċernati minn dawn il-proposti għal regolament huma kemm mifruxa kif ukoll sensittivi, jista' jkun hemm dubju, kif se nuru iktar 'l isfel, dwar il-karattru "mhux essenzjali" ta' ċerti miżuri.

4.4.3

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-idea ta' "miżura mhux essenzjali" tvarja skont l-oqsma kkonċernati. Nhar il-5 ta' Settembru 2012, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-drittijiet fundamentali tal-persuna ma jaqgħux taħt il-prerogattivi tal-leġiżlatur u għalhekk qatt ma jistgħu jagħmlu parti minn delega lill-Kummissjoni (16).

4.4.4

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għadha ma ħarġitx deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kompetenza ddelegata tal-Kummissjoni. Il-Qorti għadha kif intalbet għall-ewwel darba għal konsultazzjoni fl-hekk imsejħa kawża tal-bijoċidji, ta' rikors għal annullament introdott mill-Kummissjoni kontra l-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) nru 528/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2012 (17).

Ir-rikors sar fid-19 ta' Settembru 2012 u l-Qorti għandha tiddeċiedi sal-aħħar tal-2013/bidu tal-2014, wara li tkun semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Fil-maġġoranza tal-proposti eżaminati f'din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tadotta b'mod adegwat u raġonevoli l-PRS għar-reġim ta' atti ddelegati previst fl-Artikolu 290 tat-TFUE. Madankollu, xi sitwazzjonijiet jqajmu dubji u diffikultajiet partikolari.

a)   Impreċiżjonijiet fir-reġim

5.2

Il-maġġoranza tal-istrumenti legali konċernati għandhom referenza ċara għall-Artikolu 5bis tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 (18), id-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, li tintroduċi l-PRS u tipprevedi l-bżonn ta' rikors għal din il-proċedura għall-adozzjoni ta' miżuri ġenerali li l-għan tagħhom hu li jimmodifikaw elementi mhux essenzjali ta' att bażiku. Minkejja li din il-modifika tar-reġim ġiet stabbilita mid-Deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 1999, ma daħlitx fis-seħħ qabel l-24 ta' Lulju 2006.

5.2.1

B'hekk, l-ebda strument legali intiż għall-eżerċizzju ta' allinjament qabel din id-data ma jispeċifika liema miżuri huma soġġetti għar-reġim tal-PRS. Fil-fatt, kien biss bid-Deċiżjoni ta' Lulju 2006 li żdied paragrafu ġdid nru 2 mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Ġunju 1999. Din tipprevedi għall-ewwel darba l-adozzjoni ta' miżuri ġenerali li l-għan tagħhom hu li jimmodifikaw elementi mhux essenzjali ta' att bażiku.

5.2.2

Għalhekk, kull att leġiżlattiv jinkludi biss frażijiet (19) bħal "ċerti miżuri għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999", "il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat" u "fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha".

5.2.3

Il-Kumitat ifakkar li t-trasferiment tal-PRS għar-reġim tad-delega jfisser li jitneħħew l-opinjonijiet tal-kumitati rekwiżiti fil-qafas tal-PRS. Għall-kuntrarju, dawn jinżammu għall-miżuri ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 291 tat-TFUE.

5.2.4

Għaldaqstant, tneħħa wieħed mill-istadji tal-iskrutinju ta' natura "mhux essenzjali" ta' "ċerti elementi" tal-att leġiżlattiv bażiku.

5.2.5

L-atti preċedenti tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija b'mod partikolari jidhru fil-lista annessa mal-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni. Madankollu, dawn kienu ġew ippubblikati qabel ma l-proċedura ta' komitoloġija ġiet sistemizzata, fejn ir-referenzi għall-miżuri kienu estremament vagi, bħal pereżempju l-adattar għall-progress tekniku (Direttiva tal-20 ta' Mejju 1975 dwar l-aerosols) (20).

b)   Identifikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni

5.3

Għad hemm ħafna xi jsir fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 5bis għall-"elementi mhux essenzjali" ta' ċerti atti leġiżlattivi bażiċi. Pereżempju, il-formulazzjoni ġenerali: "il-miżuri (…) mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament" fir-Regolament KE 661/2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, mingħajr l-ebda preċiżjoni oħra, mhijiex sodisfaċenti.

5.3.1

F'xi partijiet, l-Artikolu 5bis huwa applikat għal elementi li hemm id-dubji dwar kemm il-karattru tagħhom "mhux essenzjali". Dan huwa l-każ, pereżempju:

tar-Regolament KE 715/2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (Artikolu 23);

tar-Regolament KE 714/2009 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku;

tal-Artikoli 23(1) u (4) u 40(3) tad-Direttiva 2006/123 tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, li tippermetti li jiġi definit il-karattru adatt, fir-rigward tan-natura u l-firxa tar-riskju, tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali;

l-Artikoli 12, 34(1) u 35(2) tar-Regolament KE 1371/2007 tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji.

c)   Oqsma relatati mad-drittijiet fundamentali

5.4

Il-miżuri msejħa "mhux essenzjali", bħall-adattar tal-annessi tad-direttivi, madankollu jistgħu jqajmu d-dubji fir-rigward tal-konsegwenzi tagħhom dwar il-protezzjoni ta' ċerti drittijiet fundamentali.

5.4.1

Pereżempju nistgħu nikkwotaw:

l-annessi għar-Regolament KE 1338/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol (Artikolu 9 u 10(2);

it-temi li għandhom jiġu koperti fiċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (Regolament KE 763/2008 tad-9 ta' Lulju 2008);

l-annessi għad-Direttiva 2006/126/KE tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan;

id-derogi għall-annessi għar-Regolament KE 183/2005 tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (Artikoli 28 u 31(2));

l-annessi għar-Regolament KE 852/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (Artikoli 13(2) u 14);

il-modifika tal-annessi li jinkludu formulazzjonijiet għall-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet, bħal pereżempju, fil-każ tal-Ordni Ewropea ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (Regolament KE 805/2004 tal-21 ta' April 2004), il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (Regolament KE 1896/2006 tat-12 ta' Diċembru 2006), il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (Regolament KE 861/2007 tal-11 ta' Lulju 2007) u s-servizz ta' dokumenti ġudizzjarji u ekstra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (Regolament KE 1393/2007 tat-13 ta' Novembru 2007).

5.4.2

Hemm każijiet iktar sensittivi li għandhom jiġu identifikati, bħal dawk li għandhom parti fundamentali fir-regolazzjoni ta' suġġett partikolari previst mill-atti ddelegati, bħal pereżempju:

il-proċedura li tirrigwarda l-ilmenti kontra "l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea", prevista mir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-21 ta’ April 2004;

jew id-definizzjoni ta' elementi tar-rata perċentwali annwali ta' imposta (APR) fil-qafas tal-ftehim ta' kreditu għall-konsumatur (Direttiva 2008/48/KE tat-23 ta' April 2008, Artikoli 19(5) u 25(2)).

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2009) 673 final, 9.12.2009.

(2)  Dok. A7-0072/2012.

(3)  Rapport ta' Informazzjoni dwar "Regolamentazzjoni aħjar: atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati" http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions&itemCode=24245.

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Imdaħħla mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11). (Mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Riżoluzzjoni tal-PE tal-5 ta' Mejju 2010 (P7-TA (2010) 0127) punt 18.

(8)  Stqarrijiet tal-Kummissjoni ĠU L 55, 28.2.2011 p. 19.

(9)  COM(2006) 900 - 926 final.

(10)  COM(2007) 740 final, COM(2007) 741 final, COM(2007) 824 final, COM(2007) 822 final COM(2008) 71 final.

(11)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45 u ĠU C 224, 30.8.2008, p. 35.

(12)  Common Understanding punt IV.

(13)  COM(2009) 673 final, 9.12.2009, punt 3.2.

(14)  Pereżempju, tliet snin, fid-Direttiva 2006/21/KE tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni.

(15)  Għall-kuntrarju, il-proposta għal Regolament li jadatta għadd ta' atti legali fil-qasam tal-Ġustizzja għall-Artikolu 290 ma tipprevedix din il-possibbiltà.

(16)  Kawża C-355/10, il-Parlament vs il-Kunsill, dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar tal-Unjoni u s-setgħa tal-gwardji tal-fruntiera b'mod partikolari l-iżbark tal-persuni immigranti f'pajjiż terz f'każ li l-bastiment spezzjonat ikun telaq.

(17)  Kawża C-427/12, il-Kummissjoni Ewropea vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kawża dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti bijoċidji, fid-dawl tal-adozzjoni ta' att ta' eżekuzzjoni f'termini tal-Artikolu 291 tat-TFUE, sabiex jiġu stabbiliti taxxi dovuti lill-Aġenzija Ewropea għall-prodotti kimiċi, u mhux b'att iddelegat b'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE. Skont il-Kummissjoni l-att li qed tintalab tadotta abbażi tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-fatt hu meqjus bħala att iddelegat fis-sens tal-Artikolu 290 tat-TFUE, li huwa intiż biex jikkompleta ċertu elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

(18)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Ara pereżempju d-Direttiva 2006/25/KE, id-Direttiva 89/391/KEE jew id-Direttiva 2003/10/KE.

(20)  Wieħed mill-modi korretti għal referenza għal progress tekniku u xjentifiku jinsab fir-Regolament KE 1272/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar it-tikkettar u l-imballaġġ jew fid-Direttiva 2008/56/KE tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin.


Top