EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5315

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta Emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE” COM(2013) 329 final – 2011/0299 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 137–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/137


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta Emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE”

COM(2013) 329 final – 2011/0299 (COD)

2014/C 67/27

Relatur: is-Sur LEMERCIER

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2013 u nhar l-14 ta' Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta Emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE

COM(2013) 329 final – 2011/0299 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’121 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 2 astensjonijiet.

Din l-Opinjoni tkompli fuq is-sitt Opinjonijiet dwar "Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" (CEF) u l-linji gwida dwarha li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011, ir-rapporti TEN/468  (1) dwar is-CEF (relatur: is-Sur Hencks, TEN/469  (2) dwar Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej (relatur: is-Sur Longo), TEN/470  (3) dwar Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (relatur: is-Sur Biermann), TEN/471  (4) dwar Linji gwidi għan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (relatur: is-Sur Back) u TEN/472  (5) dwar L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti tal-Ewropa 2020 għall-proġetti infrastrutturali (relatur: is-Sur Duttine).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Kif tenna f’diversi opinjonijiet, il-KESE huwa konvint li l-aċċess għall-broadband għal kulħadd huwa fattur importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u li issa huwa element essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

1.2

Barra minn hekk, fil-fehma tal-KESE, il-bini tas-suq uniku diġitali, li huwa wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-UE, jeħtieġ l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks nazzjonali. Huwa wkoll element essenzjali għall-aċċessibbiltà ta' ħafna territorji li huma ekonomikament u kulturalment żvantaġġati.

1.3

Madankollu, fit-8 ta' Frar 2013, permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid. il-Kunsill naqqas il-baġit għas-CEF diġitali għal EUR 1 biljun. Il-proposta emendata tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet l-aktar reċenti meħuda mill-Kunsill u mill-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.

1.4

Għaldaqstant, il-KESE jinnota b'dispjaċir li l-proposta riveduta tal-Kummissjoni tipprevedi li l-baġit li inizjalment ġie previst (EUR 9,2 biljun) tnaqqas sew għal EUR 1 biljun u jinnota b'dispjaċir li l-Kummissjoni jkollha tagħmel emendi sostanzjali għall-proġetti ta’ interess komuni għall-iżvilupp tan-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali. Skont il-KESE, l-iffriżar inevitabbli ta' għadd ta' proġetti kkawżat minn din id-deċiżjoni jpoġġi fir-riskju l-avanz teknoloġiku li l-UE kienet kisbet f’ħafna setturi strateġiċi.

1.5

Il-KESE jenfasizza d-diffikultà enormi biex il-Kummissjoni talloka b’mod effettiv u ekwu l-fondi previsti mir-Regolament, minħabba t-tnaqqis drastiku tal-allokazzjoni oriġinali.

1.6

Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li huwa fundamentali għall-internet verament miftuħ, huwa affermat mill-ġdid. Il-KESE jfakkar li r-riżorsi jridu jintużaw għal soluzzjonijiet ta’ netwerks miftuħa u aċċessibbli fuq bażi mhux diskriminatorja bi spiża aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji.

1.7

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta’ mapep Ewropej, nazzjonali u reġjonali li jidentifikaw iż-żoni b'nuqqas ta’ kopertura u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ inizjattivi ġodda, pubbliċi jew privati. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ebda Stat Membru jew investitur mhu lest li jiffinanzja servizzi transkonfinali.

1.8

Barra minn hekk, il-ftuħ għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali huwa importanti biex tittejjeb l-interoperabbiltà bejn in-netwerks rispettivi tat-telekomunikazzjonijiet.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, il-multiplikazzjoni ta’ operaturi alternattivi, għalkemm inkoraġġixxet l-innovazzjoni u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi, naqqset sew il-marġnijiet tal-operaturi pubbliċi u privati diġà stabbiliti u għalhekk illimitat jew saħansitra ġabet fix-xejn il-kapaċità ta' xi wħud minnom għall-investiment. Il-KESE jemmen li hija meħtieġa politika Ewropea ġdida fir-rigward tar-regolamentazzjoni tan-netwerks — msaħħa mill-kompetizzjoni virtuża — u li din għandha twassal għal involviment qawwi u komuni min-naħa tal-operaturi Ewropej ewlenin sabiex, mal-ħruġ mill-kriżi, ilaħħqu mad-dewmien tal-iżvilupp tal-broadband ta' veloċità għolja u veloċità għolja ħafna, u jwaqqfu n-nixfa diġitali.

1.10

Il-KESE jinnota b'dispjaċir li fuq suġġett daqshekk importanti, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni m'għandhomx pożizzjoni unanima. Minħabba l-iskala tal-finanzjament il-ġdid, il-KESE jemmen li l-aċċess għall-internet għaċ-ċittadini kollha u l-iżvilupp tal-broadband u ta' pjattaformi ta' servizzi pan-Ewropej għadhom prijoritarji.

1.11

Il-Kumitat huwa mħassab li l-Kummissjoni, fuq talba tal-Kunsill skont rappreżentant tal-Kummissjoni, fit-test rivedut – l-Artikolu 8 – ħassar ir-referenza għall-Kumitat Ekonomiku u SoċjaliEwropew u għall- Kumitat tar-Reġjuni Il-Kumitat jixtieq li huwa jirċievi dan ir-rapport.

1.12

Fl-aħħar nett, il-Kumitat itenni li minn issa 'l quddiem huwa assolutament essenzjali li l-konnessjoni mal-internet issir parti mis-servizz universali.

2.   Il-punti prinċipali tal-Proposta riveduta tal-Kummissjoni

2.1

L-Aġenda Diġitali tal-UE għandha l-għan li timplimenta servizzi pubbliċi onlajn transkonfinali sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tan-negozji u taċ-ċittadini. Għalhekk il-bini tas-suq uniku jirrikjedi l-interoperabbiltà ta’ dawn is-servizzi diġitali emerġenti.

2.2

L-UE stabbilixxiet miri ambizzjużi għat-tnedija u l-użu tal-broadband sal-2020. Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” marbuta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss (2014-2020), ipproponiet, b'mod partikolari, il-ħolqien tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u li EUR 9,2 biljun jkunu ddedikati għan-netwerks u s-servizzi diġitali.

2.3

Iżda fit-8 ta’ Frar 2013, permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, il-Kunsill naqqas il-baġit għas-CEF diġitali għal EUR 1 biljun. Fuq din il-bażi l-ġdida, il-proposta emendata tqis, sa fejn ikun possibbli, l-iktar pożizzjonijiet reċenti addottati mill-Kunsill u mill-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-Proposta għandha l-għan li terġa' tiffoka l-intervent tas-CEF fuq għadd iżgħar ta’ infrastrutturi tas-servizz diġitali, fuq il-bażi ta’ sett ristrett ta’ kriterji għall-prijoritizzazzjoni, u l-kontribuzzjoni limitata għall-broadband permezz ta' strumenti finanzjarji, sabiex timmobilizza l-investiment privat u l-investimenti minn sorsi pubbliċi oħra għajr is-CEF.

2.4

Minkejja l-kontribuzzjoni finanzjarja limitata prevista għall-broadband, il-Proposta tistabbilixxi qafas li jippermetti li n-negozji u l-atturi istituzzjonali, bħalma huma l-Bank Ewropew tal-Investiment, jipprovdu kontribuzzjonijiet ogħla.

2.5

L-għan ewlieni tar-Regolament huwa li t-trażmissjonijiet diġitali jsiru b'mod iżjed fluwidu u li jintemmu l-konġestjonijiet. Il-linji gwida huma akkumpanjati minn lista ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-użu tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali u n-netwerks tal-broadband. Dawn il-proġetti ser jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, b'mod partikolari tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għall-promozzjoni tal-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà ta’ netwerks nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-aċċess għal dawn in-netwerks u ser jgħinu wkoll biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ suq uniku diġitali.

2.6

F'sitwazzjoni tas-suq diffiċli, l-interess ekonomiku li jsiru invesitmenti fin-netwerks tal-broadband, u li jiġu forniti servizzi essenzjali ta’ interess ġenerali jidher li huwa limitat anke jekk is-suq uniku diġitali għandu potenzjal konsiderevoli għat-tkabbir.

2.7

Huma ppjanati sussidji diretti għall-infrastrutturi tas-servizz diġitali biex jindirizzaw il-konġestjonijiet marbuta mal-użu tas-servizzi fi ħdan l-oqfsa interoperabbli. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn il-pjattaformi huma totalment iffinanzjati mill-UE, billi ma hemmx sidien fiżiċi ta’ infrastruttura Ewropea tas-servizz interoperabbli.

2.8

Issa huwa ċar li l-ebda Stat Membru jew investitur ma huwa lest li jiffinanzja servizzi transkonfinali. Għaldaqstant, il-valur miżjud tal-UE huwa għoli.

2.9

Kull sena, skont il-fondi disponibbli u l-prijoritajiet definiti, madankollu ser jibqgħu jintużaw l-infrastrutturi tas-servizz diġitali. Fid-dawl tal-kuntest baġitarju Ewropew, l-għajnuna pubblika ser tiġi minn sorsi oħra minbarra s-CEF, b’mod partikolari sorsi nazzjonali u l-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment (ESIF). Is-CEF tista' tiffinanzja biss numru limitat ta’ proġetti tal-broadband, iżda ser tiffaċilita l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ESIF, b’mod partikolari billi tuża fondi dedikati għall-programmi operattivi. Madankollu, dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jintużaw biss fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-qasam tal-broadband, din il-proposta hi limitata li tipprovdi għal mekkaniżmi biex jiġu allokati, b'mod partikolari, ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali.

2.10

B'hekk inżamm il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

3.   Kummenti ġenerali tal-KESE

3.1

Il-proġetti “Konnessjonijiet bażi trans-Ewropej ta’ veloċità għolja għall-amministrazzjonijiet pubbliċi” u “Soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal netwerks tal-enerġija intelliġenti u għall-forniment ta’ Servizzi tal-Enerġija Intelliġenti” tħassru.

3.2

L-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda ta' servizzi diġitali li jiffaċilitaw il-moviment minn pajjiż għall-ieħor, il-“Pjattaforma Ewropea għall-interkonnessjoni tas-servizzi tal-impjiegi u tas-sigurtà soċjali”, u “Pjattaformi ta' kooperazzjoni amministrattiva onlajn” ġew abbandunati.

3.3

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew żied infrastrutturi addizzjonali ta' servizzi diġitali dwar "L-użu ta' infrastrutturi fit-trasport pubbliku li jippermettu l-użu ta' servizzi ta' prossimità sikuri u interoperabbli", "Pjattaforma ta' Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim", "Pjattaforma Ewropea ta' Aċċess għar-Riżorsi Edukattivi", u "Servizzi ta' fatturar elettroniċi transkonfinali interoperabbli".

3.4

Madankollu, il-PE daħħal miri ta' veloċitajiet ta' trażmissjoni ambizzjużi ħafna ("1Gbps fejn possibbli u aktar").

3.5

L-għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li timplimenta għal kulħadd infrastruttura diġitali tal-broadband b'veloċità għolja, permezz ta’ teknoloġiji fissi u teknoloġiji mingħajr fili, jitlob għal miżuri biex jiġu eliminati l-“konġestjonijiet diġitali”. Minħabba li l-baġit li inizjalment ġie previst (EUR 9,2 biljun) tnaqqas sew għal EUR 1 biljun, il-Kummissjoni kellha tagħmel emendi sostanzjali għall-proġetti ta’ interess komuni għall-iżvilupp tan-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali.

3.6

Kif il-KESE tenna f’diversi opinjonijiet, huwa konvint li aċċess għall-broadband għal kulħadd huwa fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-ekonomiji moderni, iżda wkoll dan sar element essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, għal koeżjoni aħjar, għall-benesseri u għall-inklużjoni diġitali ta’ individwi u territorji sħaħ li huma ekonomikament u kulturalment żvantaġġati.

3.7

L-iffissar tal-għanijiet u l-prijoritajiet tal-proġetti ta’ interess komuni żviluppati biex dan jitlaħaq jissodisfa rekwiżit essenzjali: l-użu tar-riżorsi finanzjarji bl-aħjar mod possibbli u t-tilħiq ta' għanijiet speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat li l-finanzjament jixxerred wisq/ikun wisq frammentat.

3.8

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li huwa fundamentali għal internet verament miftuħ, huwa affermat mill-ġdid.

3.9

Il-KESE jfakkar li r-riżorsi jridu jintużaw għal soluzzjonijiet ta’ netwerks miftuħa u aċċessibbli fuq bażi mhux diskriminatorja bi spiża aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji. Madanakollu, il-KESE jenfasizza d-diffikultà enormi biex il-Kummissjoni talloka b’mod ekwu l-fondi previsti mir-Regolament, minħabba l-kollass tal-baġit.

3.10

Issa huwa ċar li l-ebda Stat Membru jew investitur ma huwa lest li jiffinanzja s-servizzi transkonfinali. Għaldaqstant, il-valur miżjud tal-UE huwa għoli. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta’ mapep Ewropej, nazzjonali u reġjonali li jidentifikaw iż-żoni b'nuqqas ta’ kopertura u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ inizjattivi ġodda, pubbliċi jew privati. Barra minn hekk, il-ftuħ għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali huwa importanti biex tittejjeb l-interoperabbiltà bejn in-netwerks rispettivi tat-telekomunikazzjonijiet.

3.11

Fil-fehma tal-KESE, il-multiplikazzjoni ta’ operaturi alternattivi, għalkemm tat spinta lill-kompetizzjoni u naqqset il-prezzijiet għall-konsumaturi, naqqset sew il-marġnijiet tal-operaturi diġà stabbiliti u għalhekk illimitat il-kapaċità tagħhom għall-investiment. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm riflessjoni dwar politika Ewropea ġdida għar-regolazzjoni tan-netwerk, li tippermetti l-involviment qawwi u komuni tal-atturi kollha Ewropej fis-settur, sabiex, mal-ħruġ mill-kriżi, ilaħħqu mad-dewmien tal-iżvilupp tal-broadband ta' veloċità għolja u veloċità għolja ħafna.

4.   Kummenti speċifiċi tal-KESE

4.1

Il-KESE jinnota b'dispjaċir li, fuq suġġett daqshekk importanti, hemm oppożizzjoni bħal din bejn il-Kunsill, il-PE u l-Kummissjoni.

4.2

Il-kwistjoni kienet sinifikanti meta l-pakkett tat-telekomunikazzjonijet kien għadu ta' EUR 9 biljun għall-broadband u l-pjattaformi ta’ servizzi. Minħabba l-iskala ta' dan il-finanzjament il-ġdid, jidher ġustifikat li jiġu ddedikati fondi għal proġetti li jikkostitwixxu l-bażi għal proġetti futuri li llum ġew posposti għal raġunijiet baġitarji.

4.3

Il-bini tas-suq uniku diġitali jeħtieġ l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks nazzjonali. F’dan il-kuntest ġdid ta’ baġit li qiegħed kulma jmur jonqos, il-Kummissjoni trid turi rigorożità mill-akbar dwar il-kriterji tal-għażla tal-proġetti li ser ikunu ffinanzjati billi tissorveljhom u tevalwhom bir-reqqa.

4.4

Il-KESE jfakkar li dawn il-proġetti jistgħu jgħinu lill-SMEs biex jaċċessaw l-ekonomija diġitali u biż-żmien joħolqu impjiegi sikuri. Il-Kumitat jitlob li jkun ippubblikat rapport perjodiku dwar l-użu ta’ dawn il-fondi.

4.5

Fl-aħħar nett, il-Kumitat itenni li minn issa 'l quddiem huwa assolutament essenzjali li l-konnessjoni mal-internet issir parti mis-servizz universali.

4.6

Minħabba r-relazzjonijiet interistituzzjonali, huwa ta' sorpriża li saret tħassib, li l-KESE sab li l-Kummissjoni ħassret l-Artikolu 8 fit-test rivedut – ir-referenza għall-KESE u l-KtR. Waqt id-deliberazzjonijiet u fil-Kumitat, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni spjega dan bħala talba mill-Kunsill. Jista' jkun li lużu tal-kelma "mibgħuta" kien problematiku. Jibqa' l-fatt li l-Kumitat jinsisti li jixtieq jirċievu r-rapport.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 116

(2)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 120.

(3)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125

(4)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 130.

(5)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134.


Top