Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5189

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil” COM(2013) 462 final – 2013/0214 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 71–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil”

COM(2013) 462 final – 2013/0214 (COD)

2014/C 67/13

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar l-4 ta' Lulju 2013 u nhar is-17 ta' Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil

COM(2013) 462 final – 2013/0214 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’150 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ r-Regolament propost mill-Kummissjoni biex jistabbilixxi qafas transkonfinali għall-prodotti ta' investiment fuq terminu twil. L-introduzzjoni ta’ Fondi ta’ Investiment Ewropew fuq Terminu Twil (ELTIF) tgħin biex tistimola d-domanda tal-investituri għal assi importanti fuq perjodu ta’ żmien twil.

1.2

Il-fatt li l-ELTIFs jistgħu jiġu offruti biss taħt id-Direttiva dwar maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMD) u jridu jinvestu mill-inqas 70 % tal-fondi fi proġetti fuq terminu twil eliġibbli, bħalma huma l-infrastrutturi fiżiċi u soċjali u l-SMEs għandu jiżgura l-ħolqien ta’ prodotti ta’ investiment stabbli.

1.3

Il-KESE jaċċetta l-parti kbira tal-analiżi tal-Kummissjoni tad-domanda mistennija għall-ELTIFs u tal-ostakli regolatorji li bħalissa jfixklu l-investiment istituzzjonali u individwali fi proġetti infrastrutturali transkonfinali ġodda. Ir-Regolament propost għandu l-potenzjal li jistimula suq uniku tal-investimenti tajjeb għal proġetti fit-tul.

1.4

Il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu introdotti fondi magħluqa (closed-ended), miftuħa kemm għal investituri istituzzjonali kif ukoll għal dawk mhux professjonisti, x'aktarx huwa l-aħjar approċċ, speċjalment minħabba li probabbli jitfaċċa suq sekondarju f’unitajiet jew ishma fl-ELTIFs.

1.5

Billi r-Regolament propost jiftaħ orizzonti ġodda fi swieq Ewropej tal-investiment, hemm bżonn li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi eżaminata bir-reqqa. Il-KESE jilqa’ l-proposta biex jissorvelja l-iżvilupp tas-suq ELTIF. Fil-każ li l-inizjattiva ma jirnexxilhiex tiżviluppa suq tal-investiment transkonfinali fuq terminu twil, ikun hemm bżonn aktar evalwazzjoni, valutazzjoni u riforma biex jindirizzaw in-nuqqasijiet u biex l-ELTIFs isiru iktar attraenti.

2.   Sfond għar-Regolament propost

2.1

Fis-26 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Regolament dwar fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil (ELTIF) flimkien ma’ valutazzjoni tal-impatt dettaljat (1). Il-Kummissjoni tistqarr li l-iskop ewlieni tal-ħolqien ta’ strument transkonfinali ta’ fondi ta’ dan it-tip huwa li jżid l-ammont ta’ finanzjamenti disponibbli minn sorsi oħra għajr banek, għall-kumpaniji fl-UE li jeħtieġu aċċess għal kapital fuq terminu twil għall-finijiet ta’ proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’:

Infrastruttura bħal fil-qasam tat-trasport, il-komunikazzjoni, l-enerġija u l-edukazzjoni;

Investimenti f'kumpaniji mhux elenkati, l-aktar SMEs;

Investimenti f’assi ta' proprjetà immobbli, bħall-bini jew ix-xiri dirett ta’ assi infrastrutturali;

Investimenti fl-infrastruttura soċjali, l-infrastruttura tal-innovazzjoni u l-ħarsien tal-klima.

2.2

Il-proposti tal-Kummissjoni huma konsistenti mal-approċċ tal-Green Paper dwar il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea (2) li ġiet approvata mill-KESE f’Lulju 2013 (3). Kif jidher mit-titolu tar-Regolament, l-enfasi qiegħda fuq l-istimolu u l-faċilitazzjoni ta’ volumi akbar ta’ investiment fuq terminu twil madwar l-Ewropa. Hemm il-ħtieġa li investimenti fuq terminu twil bħal dawn isiru aktar disponibbli b’mod wiesa’ u attraenti għall-investituri.

2.3

Hemm bżonn tittieħed azzjoni fil-livell Ewropew minħabba li r-riċerka tal-Kummissjoni tenfasizza anomaliji, inkonsistenzi u frammentazzjoni fil-forniment ta’ mezzi ta’ investiment fuq terminu twil madwar l-Unjoni. L-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt jistipula fid-dettall dawn l-inkonsistenzi f’sistemi ta’ fondi fuq terminu twil fil-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Irlanda, l-Olanda, l-Italja u l-Lussemburgu. Skont il-Kummissjoni ma hemmx sett ta’ standards transkonfinali miftiehma dwar x'inhuma assi u investimenti fuq terminu twil, għal min jistgħu jkunu adattati u kif jaħdmu.

2.4

Il-qafas transkonfinali eżistenti għall-investimenti – l-impriżi f’investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – huwa marbut ma’ portafolji ta’ titoli likwidi trasferibbli bħall-bonds u l-ishma. Il-klassijiet ta’ assi li huma esklużi mill-UCITS, jiġifieri assi immobbli fuq terminu twil bħalma huma l-infrastruttura u l-proprjetà, huma essenzjali biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli. Strumenti ta’ investiment fit-tul ġeneralment huma nonlikwidi u mhumiex trasferibbli, mingħajr swieq sekondarji disponibbli u spiss jirrikjedu impenji kapitali inizjali sostanzjali. Dawn il-fatturi jistgħu igerrxu saħansitra l-akbar investituri istituzzjonali.

2.5

Il-Kummissjoni tidentifika tliet settijiet ta’ riskji komunement assoċjati ma' investimenti f’assi fuq terminu twil:

ir-riskju li l-investituri jkunu mqarrqa rigward in-natura tar-riskji ta’ assi fuq terminu twil;

ir-riskju assoċjat mal-illikwidità ta’ assi li jservu għal terminu twil; u

ir-riskju li l-fondi fuq terminu twil eżistenti m’għandhomx biżżejjed għarfien espert fl-għażla tal-assi, il-monitoraġġ tal-proġett u t-taqbil tal-profili ta’ redditu mal-ħtiġijiet tal-klijenti potenzali.

2.5.1

Prinċipalment minħabba dawn ir-riskji, il-fondi ta’ investiment fuq terminu twil ma kellhomx ħafna suċċess s’issa. Mhux dejjem żammew il-prestazzjoni mbassra tagħhom u l-investituri kienu mqarrqa dwar ir-redditu mistenni u hemm xi evidenza ta’ bejgħ ħażin ta’ fondi. Il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa ta’ diliġenza xierqa u maniġment professjonali ta’ fondi ta’ investiment fuq terminu twil bħal dawn. Ir-Regolament ipoġġi enfasi kbira fuq it-tfassil ta’ informazzjoni u materjal tal-kummerċjalizzazzjoni xierqa. L-ELTIFs għall-konsumatur se jkunu pakkett ta' prodotti ta’ investiment għall-konsumatur u jeħtieġ li jkollhom Dokument bit-Tagħrif Ewlieni tal-Prodott ta' Investiment għall-Konsumaturi Aggregat (PRIP KID) għat-tqegħid fis-suq għall-konsumaturi. Twissijiet prominenti u ċari se jkunu meħtieġa għall-investituri mhux professjonisti fir-rigward tan-natura magħluqa tal-istrument, l-orizzont tal-investiment tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe tifdija bikrija.

2.6

Il-Kummissjoni tistma li hemm bżonn bejn EUR 1 500 biljun u EUR 2 000 biljun f'finanzjamenti ta’ proġetti infrastrutturali fl-Ewropa sal-2020 u li dan huwa prova tal-ħtieġa għal finanzjamenti fuq skala kbira. L-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni fit-tfassil tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ġabar evidenza sostanzjali ta’ domanda għal fondi bħall-ELTIF fost l-investituri (kemm istituzzjonali u individwali).

3.   L-elementi prinċipali tal-Proposta

3.1

Ir-riżultat ta’ dan kollu kien l-iżvilupp u l-prestazzjoni subottimali tas-suq għal strumenti ta’ investiment fuq terminu twil, madwar l-UE kollha. Speċifikament, huwa sostnut li l-fondi huma inqas milli jistgħu jkunu, l-ispejjeż ta’ ġestjoni huma ogħla minn dak li għandhom ikunu u l-investituri mhux professjonisti għandhom għażla limitata ħafna ta' fondi mill-Istati Membri kollha. Hemm bżonn azzjoni fil-livell Ewropew biex tindirizza s-sitwazzjoni u l-Kummissjoni għalhekk tipproponi li toħloq suq uniku għall-fondi ta’ investiment fuq terminu twil.

3.2

Ġew identifikati seba’ għażliet ta’ politika fuq il-bażi tal-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw dawn l-għanijiet operattivi. Dawn l-għażliet ivarjaw kif ġej: li jibqa' kollox kif inhu; it-tikkettar u l-ikkodifikar volontarju tal-prodott; l-espansjoni tal-UCITS biex tinkludi xi assi fuq terminu twil; it-tnedija ta’ prodott ta' investiment komuni magħluq fuq terminu twil immudellat fuq l-UCITS, miftuħ għall-investituri istituzzjonali biss; l-istess prodott imma miftuħ għal individwi ta’ valur għoli; fond ġdid b'regolament ta' ħarsien aħjar tal-investituri u mingħajr drittijiet tat-tifdija, miftuħ għall-investituri kollha inklużi investituri mhux professjonisti; u fl-aħħar nett, l-istess fond iżda bi drittijiet tat-tifdija wara perjodu inizjali ta’ permanenza obbligatorja.

3.3

Minn dawn is-seba’ għażliet, is-sitt għażla, jiġifieri fond ta’ investiment Ewropew fuq terminu twil ġdid (ELTIF) miftuħ għall-investituri kollha mingħajr drittijiet ta’ tifdija hija l-alternattiva ppreferuta. Din l-għażla hija simili għall-mudelli li jeżistu f’dawk l-Istati Membri li jippermettu investimenti ta’ investituri mhux professjonisti.

3.4

Skont il-proposti tal-Kummissjoni l-ELTIFs se joperaw bir-reġim tad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD) bħala kategorija ġdida ta’ fondi magħluqa awtorizzati. Billi l-qafas leġislattiv tal-ELTIFs ser jieħu l-forma ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, se jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ traspożizzjoni. Hemm ukoll diversi aspetti tar-reġim fejn l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) se tipproduċi standards tekniċi regolatorji.

3.5

L-ELTIFs huma maħsuba għall-investiment f’assi fuq terminu twil xierqa għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-fond. It-tfassil u l-orjentazzjoni ġenerali tal-istruttura se tkun lejn assi fuq terminu twil bħal proġetti ta’ infrastruttura. Il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli dwar kif il-portafoll ta’ ELTIF jista' jiġi investit. Mill-inqas 70 % għandu jkun investit f’assi fuq terminu twil u mhux aktar minn 30 % f’assi eliġibbli għall-investiment minn UCITS. Il-limitu ta' 70 % għall-kompożizzjoni tal-portafoll ma japplikax matul l-ewwel 5 snin tal-ELTIF, matul il-kors tal-ELTIF għal 12-il xahar jekk l-iskema tfittex li ġġib kapital ġdid, u lejn tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, hekk kif jibda jbiegħ l-assi f’konformità mal-politika tat-tifdija tiegħu.

3.6

L-ELTIFs għandhom ikunu magħluqa b’terminu fiss. L-investituri mhux se jkunu jistgħu jitolbu li jifdu l-investiment tagħhom qabel it-tmiem ta’ dak it-terminu fiss. It-tul ta’ żmien fiss se jkun iddeterminat min-natura tal-assi li l-ELTIF jimmira li jakkwista u jżomm. Għalhekk hemm korrelazzjoni bejn l-orizzont tal-investiment tal-assi fuq terminu twil li għandhom jiġu akkwistati u l-orizzont ta' tifdija tal-ELTIF. L-ESMA għandha tiżviluppa standards regolatorji tekniċi biex tkompli tiċċara ċ-ċirkostanzi tat-tqabbil taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ELTIF maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull assi individwali.

3.7

L-Artikolu 17 tar-Regolament propost jipprevedi l-ħolqien ta’ suq sekondarju għal unitajiet jew ishma f’ELTIF. Dan għandu jipprovdi aktar likwidità lill-investituri li jixtiequ jifdu il-parteċipazzjoni tagħhom kollha jew parti minnha, u dan ma jaffettwax il-finanzjament tal-proġetti fl-ELTIF innifsu.

3.8

L-ELTIFs huma prodotti ta’ investiment skont it-tifsira tad-Direttiva dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji (MiFID) u għalhekk soġġetti għar-rekwiżiti kollha ta’ dik id-Direttiva rigward it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ u l-iżvelar.

3.9

L-ELTIFs jidher li huma żvilupp pożittiv f’termini kemm tal-ħolqien ta’ tikketta ta' prodott ġdid kif ukoll bħala passaport għall-konsumaturi fis-settur tal-investimenti magħluqa fuq terminu twil u bħala sors potenzjali ta’ finanzjament għall-kumpaniji mhux elenkati tal-UE. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li hemm domanda mingħand il-maniġers u l-investituri għal dan it-tip ta' prodott u dan se jkun ta’ interess għal dawk fis-settur tal-infrastruttura f’termini ta’ sors alternattiv ta’ finanzjament.

3.10

Minħabba n-natura innovattiva tar-Regolament propost, il-kwistjonijiet tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jassumu importanza ikbar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan u tipproponi li tissorvelja t-tkabbir jew nuqqas ta' tkabbir fis-suq tal-ELTIFs fuq perjodu inizjali ta’ xi erba’ snin. L-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin bħall-għadd ta’ fondi stabbilit li joperaw b’mod transkonfinali, id-daqs medju tal-ELTIFs, l-opinjonijiet tal-investituri u l-proporzjonijiet relattivi tal-finanzjamenti skont l-infrastruttura, il-proprjetà, l-SMEs eċċ. se jkunu jistgħu jagħtu valutazzjoni tas-suċċess jew le ta’ din l-inizjattiva. Fil-każ li l-inizjattiva ma jirnexxilhiex tiżviluppa suq tal-investiment transkonfinali fuq terminu twil, ikun hemm bżonn aktar evalwazzjoni, valutazzjoni u riforma biex jindirizzaw in-nuqqasijiet u biex l-ELTIFs isiru iktar attraenti.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  SWD(2013) 231 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2013) 150 final/2.

(3)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 11-14.


Top