Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5161

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni” COM(2013) 348 final – 2013/0188(CNS)

    ĠU C 67, 6.3.2014, p. 68–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/68


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni”

    COM(2013) 348 final – 2013/0188(CNS)

    2014/C 67/12

    Relatur: is-Sur DANDEA

    Amministraturi: is-Sur Klec, is-Sur Jantscher

    Nhar is-27 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    COM(2013) 348 final – 2013/0188 (CNS).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2013.

    Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 142 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal Direttiva (1) li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (AEOI) u jemmen li tirrappreżenta pass importanti 'l quddiem fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa (2).

    1.2

    Fil-fehma tal-Kumitat din il-proposta ma tistax titqies b'mod separat mill-inizjattivi u żviluppi oħra, Ewropej u internazzjonali, li jippromovu skambju aħjar ta' informazzjoni bejn amministrazzjonijiet fiskali. Fost oħrajn nistgħu nsemmul-estensjoni ta d-Direttiva Ewropea dwar it-tfaddil tal-2005, ir-regolament FATCA, fejn għadd ta' pajjiżi Ewropej qed jippruvaw jilħqu ftehim mal-Istati Uniti biex, fost affarijiet oħra, iħarsu drittijiethom, u d-Direttiva eżistenti għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, li qed isir sforz biex tiġi estiża.

    1.3

    Peress li l-Istati Membri jitilfu biljuni ta' Euro kull sena bħala riżultat tal-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni biex jitħaffef il-proċess ta' implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16/UE dwar l-AEOI hija ġustifikata.

    1.4

    Il-Kummissjoni tipproponi li jiżdiedu ħames kategoriji oħra ta' dħul li jkunu suġġetti għall-AEOI. Il-KESE jaqbel li dawn il-kategoriji l-ġodda ta' dħul għandhom jiġu inklużi peress li hemm possibbiltà akbar li jintlaqtu mill-frodi fiskali minn dawk li diġà jinsabu fid-Direttiva.

    1.5

    Peress li l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali huma kwistjonijiet globali, ma jistgħux jiġu miġġielda biss fi ħdan l-UE. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom ta' negozjar, fl-OECD u korpi dinija oħra, biex tiġi promossa l-AEOI bħala standard internazzjonali.

    1.6

    Il-KESE jħeġġeġ b'mod partikolari lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istandard futur għall-AEOI jqis ir-rekwiżiti legali, l-esperjenza u l-għarfien espert tal-UE f'dan il-qasam. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni koordinata biex jilħqu dan sabiex il-pożizzjoni Ewropea fid-dibattiti internazzjonali tissaħħaħ.

    1.7

    Fir-rigward tal-inizjattivi internazzjonali u Ewropej, il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li għandu jsir sforz biex ikun hemm sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs bejn l-ikbar għadd possibbli ta' pajjiżi, sabiex kemm jista' jkun jiġu evitati l-iżvantaġġi ekonomiċi potenzjali u ta' tip ieħor għall-Unjon.

    1.8

    Il-KESE huwa tal-fehma li għal finijiet ta' semplifikazzjoni u effiċjenza, u mil-lat tal-iffrankar tal-ispejjeż, u bħala benefiċċju għal kulħadd, għandu jsir sforz biex is-sistemi differenti ta' skambju ta' informazzjoni li jappartjenu għal kull waħda mill-inizjattivi jiġu armonizzati u jsiru sistema waħda. Dan għandu jsir talinqas fil-livell Ewropew. B'mod ġenerali r-regoli bażiċi applikabbli għandhom ikunu ċari u proporzjonali fir-rigward tal-għanijiet li qed isir sforz għalihom.

    1.9

    Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riżorsi umani, teknoloġiċi u finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-AEOI jkunu disponibbli, minħabba fil-kumplessità u l-volum tal-informazzjoni li jkunu suġġetti għat-trasferiment bejn l-Istati Membri mill-2015. It-taħriġ tal-uffiċjali li se jkunu responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni jrid ikun prijorità.

    1.10

    Biex l-istrumenti l-ġodda għall-ġlieda kontra l-vjolazzjonijiet fiskali jkunu effikaċi, il-KESE jemmen li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jissemplifikaw u jarmonizzaw il-leġislazzjoni tat-taxxa tagħhom.

    2.   Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE

    2.1

    Fid-dawl taż-żieda fil-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa f'dawn l-aħħar snin, u l-impatt gravi li għandhom fuq id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, li qed ittellifhom bijuni ta' Euro fis-sena, il-Kummissjoni fasslet din il-proposta għal Direttiva li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16/UE rigward l-iskambju awtomatiku obligatorju tal-informazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni.

    2.2

    L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tespandi l-ambitu tal-AEOI fl-UE lil hinn minn dak li hu previst fis-sistema attwali.

    2.3

    Il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda l-Artikolu 8 tad-Direttiva biex tintroduċi kategoriji ġodda ta' dħul li jiġu soġġetti għall-AEOI, filwaqt li titneħħa r-referenza għal-livell limitu li taħtu Stat Membru jista' jagħżel li ma jirċevix informazzjoni minn Stat Membru ieħor, u tħaffef l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali dwar l-estensjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

    2.4

    Il-kategoriji l-ġodda ta' dħul li għandhom jiġu soġġetti għall-AEOI huma: dividendi, qligħ kapitali, kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma f'kont finanzjarju, kwalunkwe ammont li fir-rigward tiegħu l-istituzzjoni finanzjarja hija l-obbligant, inkluż kwalunkwe ħlasijiet ta' fidi, u bilanċi tal-kontijiet. L-Istati Membri ser ikollhom jibagħtu informazzjoni dwar dan id-dħul mill-2015.

    2.5

    Fid-dawl tal-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li jitneħħa l-livell limitu li taħtu l-Istati Membri bħalissa jistgħu jagħżlu li ma jirċevux tip partikolari ta' informazzjoni, filwaqt li tindika li dan m'huwiex prattiku u li l-Istati Membri jaqblu li dan għandu jitneħħa.

    2.6

    Għall-kategoriji l-ġodda ta' dħul li jkunu suġġetti għall-AEOI, il-Kummissjoni ma żżommx il-kundizzjoni ta' disponibbiltà tal-informazzjoni li bħalissa hemm għall-kategoriji ta' dħul imsemmija f'Artikolu 8(1). Dan l-approċċ iħaffef l-estensjoni u l-implimentazzjoni tal-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni.

    2.7

    Il-proposta tal-Kummissjoni hija konformi mal-inizjattiva ta' xi Stati Membri li jikkonkludu ftehimiet mal-Istati Uniti b'rabta mal-Att FATCA - Foreign Account Tax Compliance Act (Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin), biex b'hekk jiġu obbligati jipprovdu kooperazzjoni aktar estiża b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva mal-Istati Membri l-oħra.

    3.   Kummenti Ġenerali

    3.1

    Din il-proposta għal Direttiva hija waħda mill-miżuri fil-pjan ta' azzjoni (3) biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa mressqa mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-2012 fuq talba tal-Kunsill Ewropew. Fl-Opinjoni tiegħu (4), il-KESE laqgħa l-preżentazzjoni tal-pjan u esprima l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra dawn il-prattiki li jolqtu s-suq intern.

    3.2

    L-Istati Membri jitilfu biljuni ta' Euro kull sena bħala riżultat tal-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa. Peress li huma jnaqqru mill-bażi tat-taxxa u b'hekk jobbligaw lill-Istati Membri jżidu t-taxxi, il-Kumitat jemmen li l-frodi fiskali (5) u l-evażjoni tat-taxxa (6), barra milli huma illegali, huma prattiki immorali li jolqtu b'mod sinifikanti t-tħaddim tas-suq intern u jgħawġu l-ġustizzja tas-sistemi fiskali fir-rigward ta' dawk li jħallsu t-taxxa.

    3.3

    Il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa huma kwistjonijiet globali. Għalhekk, miżuri li jiġġielduhom fi ħdan is-suq intern għandhom jissaħħu bi ftehimiet mal-OECD, il-G8, il-G20 u korpi oħra, biex jiżviluppaw l-AEOI bħala standard internazzjonali. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' xi Stati Membri li diġà laħqu ftehimiet mal-Istati Uniti b'rabta mal-FATCA. B'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, dawn ser jagħtu lill-Istati Membri l-għażla ta' kooperazzjoni aktar mifruxa fil-qasam tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. Madankollu, il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta għall-iskambju obbligatorju u estiż tal-informazzjoni toffri lill-Istati Membri bażi legali tal-UE uniformi li tiggarantixxi ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. Il-KESE jqis ukoll li huwa importanti li l-istandard globali futur għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni għandu jqis ir-rekwiżiti legali, l-esperjenza u l-għarfien espert tal-UE f'dan il-qasam.

    3.4

    Jista' jirriżulta li l-kumplessità kbira tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri u differenzi kbar bejniethom ikunu ostakli kbar fl-implimentazzjoni tal-AEOI. Il-KESE jemmen li, biex jiġi żgurat li l-istrumenti l-ġodda għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa jaħdmu b'mod effiċjenti u effikaċi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jissemplifikaw u jarmonizzaw il-leġislazzjoni fiskali.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Fil-proposta għal Direttiva, il-Kummissjonit tixtieq iddaħħal ħames kategoriji ġodda ta' dħul fl-AEOI: dividendi, qligħ kapitali, kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma f'kont finanzjarju, kwalunkwe ammont li fir-rigward tiegħu l-istituzzjoni finanzjarja hija l-obbligant, inkluż kwalunkwe ħlasijiet ta' fidi, u bilanċi tal-kontijiet. Il-KESE jaqbel li dawn il-kategoriji l-ġodda għandhom jiġu inklużi peress li, minħabba t-tip u l-iskala tagħhom, hemm possibbiltà akbar li jintlaqtu mill-frodi fiskali minn dawk li diġà jinsabu fid-Direttiva.

    4.2

    Għall-kategoriji l-ġodda ta' dħul li jkunu suġġetti għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, il-Kummissjoni ma żżommx il-kundizzjoni tad-disponibbiltà tal-informazzjoni. Għal dawn il-kategoriji ta' dħul, l-Istati Membri ser ikollhom iressqu d-data reġistrata mis-sena tat-taxxa 2014. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, li ser tħaffef l-implimentazzjoni tal-AEOI stabbilita fid-Direttiva 2011/16/UE.

    4.3

    L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa jirrikjedi li ammont sinifikanti ta' informazzjoni jasal għand kull Stat Membru mill-Istati Membri l-oħra kollha. Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkollhom ir-riżorsi umani, teknoloġiċi u finanzjarji meħtieġa biex jimplimentaw l-AEOI mill-2015.

    4.4

    Minħabba l-kumplessità tad-data li trid tiġi soġġetta għas-sistema tal-AEOI, il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ lill-uffiċjali li se jkunu jaħdmu b'din is-sistema biex jiżguraw li taħdem b'mod effiċjenti.

    4.5

    Fil-proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni m'għamlet l-ebda bidla għall-kundizzjoni ta' disponibbiltà tal-informazzjoni b'rabta mal-kategoriji tad-dħul imsemmija f'Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu sforz biex jiżguraw li din id-data tkun tista' tinġabar mill-2017, meta, b'konformità mad-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva, din għandha tiddaħħal fis-sistema tal-AEOI.

    Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2013) 348 final

    (2)  COM(2012) 722 final

    (3)  Idem.

    (4)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34.

    (5)  Il-frodi tat-taxxa hija forma ta’ evażjoni intenzjonata tat-taxxa li ġeneralment tkun punibbli skont il-liġi kriminali. It-terminu jinkludi sitwazzjonijiet li fihom jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet foloz jew jiġu ppreżentati dokumenti ffalsifikati intenzjonalment. (Definizzjoni meħudha mill-COM(2012 351 final).

    (6)  L-evażjoni tat-taxxa ġeneralment tinkludi arranġamenti llegali fejn l-obbligazzjoni ta' taxxa tkun moħbija jew injorata, jiġifieri l-kontribwent iħallas inqas taxxa milli huwa legalment obbligat li jħallas billi jaħbi xi introjtu jew informazzjoni oħra mill-awtoritajiet tat-taxxa. (Definizzjoni meħudha mill-COM(2012 351 final).


    Top