Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5155

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri” COM(2013) 460 final – 2013/0229 (NLE)

    ĠU C 67, 6.3.2014, p. 110–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/110


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri”

    COM(2013) 460 final – 2013/0229 (NLE)

    2014/C 67/22

    Relatur: is-Sur TOPOLÁNSZKY

    Nhar is-26 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikoli 19(1) u 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri

    COM(2013) 460 final – 2013/0229 (NLE).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ottubru 2013.

    Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 4 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u jagħraf, filwaqt li jiddeplora, il-bżonn tas-sensiela ta' miżuri li ġġib magħha u li jistgħu jitqiesu wkoll bħala tip ta' programm minimu ta' implimentazzjoni.

    1.2

    Il-Kumitat jiddeplora wkoll li, bħal ma jindika l-memorandum ta' spjegazzjoni tar-rakkomandazzjoni, fit-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija qafas fil-livell Ewropew qed jiġu ffaċċjati kontinwament diffikultajiet serji fl-implimentazzjoni u l-impenn politiku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

    1.3

    Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal-lakuni enfasizzati fid-dokumenti ta' analiżi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-istrateġija qafas u l-programmi strateġiċi nazzjonali. Huwa essenzjali li, abbażi tal-indikazzjonijiet provduti mill-partijiet interessati, dawn jittieħdu bis-serjetà u jiġu indirizzati billi jitfasslu u jiġu implimentati fi żmien qasir it-tweġibiet effikaċi u fil-livell tal-politika pubblika.

    1.4

    Il-KESE jqis li l-parti tal-Proposta dwar il-miżuri ta' politika orizzontali mhijiex miktuba sew u jistieden lill-Kunsill jiżviluppaha iktar, billi jiddefinixxi l-erba' oqsma msemmija b'mod iktar konkret, filwaqt li jappoġġja l-implimentazzjoni tagħhom bi preżentazzjoni tal-aħjar prattiki.

    1.5

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-konklużjonijiet li nsiltu mir-raġunijiet għall-proposta għal rakkomandazzjoni (1) u d-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjoekonomika minħabba l-kriżi, li l-Kunsill għandu juża s-setgħa tiegħu biex jadotta atti legali vinkolanti biex itaffi b'mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta' miżerja u faqar kbir perikoluż għall-ħajja taċ-ċittadini u għall-ġlieda kontra l-iktar impatti estremi tad-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u s-sentimenti kontra ż-żingari.

    1.6

    Il-KESE jirrakkomanda, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' ħajja estremament żvantaġġati, li jiġu definiti oqfsa ċari ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħolqien fit-tul tal-indiċi ta' referenza u indikaturi li jippermettu l-valutazzjoni ta' din ix-xorta ta' sitwazzjoni.

    1.7

    Il-Kumitat jirrakkomanda li gruppi ta' riċerkaturi indipendenti, li jkollhom il-mezzi legali u l-garanziji neċessarji fir-rigward tal-etika tar-riċerka, jipproċedu għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji u li l-finanzjament u t-trasparenza tal-użu tal-fondi jkunu żgurati.

    1.8

    Għandu jiġi żgurat it-tisħiħ, permezz ta' garanziji legali u oħrajn li huma neċessarji, it-tħaddim tal-awtoritajiet responsabbli għall-ugwaljanza tat-trattament, atturi ewlenin tal-politika tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, tal-punti ta' kuntatt nazzjonali li jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u l-kooperazzjoni ta' dawn id-diversi atturi mal-gruppi tal-popolazzjoni konċernati.

    1.9

    Sabiex tiżdied l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji u tiġi indirizzata l-fiduċja osservata fi ħdan l-ambjenti konċernati, huwa fundamentali li jiġu żgurati l-involviment u l-mobilizzazzjoni effettivi tar-Rom fl-oqsma kollha ta' intervent. Il-Kumitat jissuġġerixxi u jistenna t-twessigħ tal-qafas kunċettwali tal-kooperazzjoni, kultura ta' kunsens li tmur lil hinn minn sempliċi konsultazzjoni, u jifformula proposti f'dan is-sens.

    1.10

    Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn li l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet jitbiegħdu b'mod ċar mill-istqarrijiet preokkupanti fir-rigward tar-Rom, imniġġsa mir-razziżmu, il-vjolenza u li huma serjament diskriminatorji, u jisħaq fuq l-importanza li jiġu denunzjati u monitorjati bil-miftuħ u b'koerenza l-fenomeni ta' vjolenza razzista u d-diskors ta' mibegħda u li jħejju strumenti legali, amministrattivi, regolamentari u pubbliċitarji li jippermettu ġlieda effikaċi kontra dawn il-fenomeni.

    2.   Storja

    2.1

    Nhar il-5 ta' April 2011, il-Kummissjoni adottat qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għall-perjodu sal-2020 (2), li fl-aħħar, wara stennija twila, ħoloq il-possibbiltà li tittieħed azzjoni koordinata biex jitnaqqas il-faqar estrem u s-segregazzjoni li jolqtu lir-Rom. F'Ġunju 2011, il-Kunsill aċċetta dan id-dokument (3) u stieden lill-Istati Membri biex sal-2011 jadottaw strateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom.

    2.2

    B'konformità mad-dispożizzjonijiet previsti mill-qafas, il-Kummissjoni stabbiliet rapport annwali dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Fl-2012, hija pproċediet għall-ewwel valutazzjoni (4) tagħha tal-istrateġiji preżentati mill-Istati Membri u adottat il-konklużjonijiet orizzontali, u f'dokument mehmuż, analizzat il-punti ta' saħħa u ta' dgħufija li jinsabu fl-istrateġija ta' kull Stat Membru (5).

    2.3

    L-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-Rom segwew bir-reqqa l-proċessi ta' tħejjija ta' dawn l-istrateġiji, taw il-fehma tagħhom jew il-punti ta' riżerva tagħhom f'bosta dokumenti u vvalutaw l-istrateġiji tagħhom (6).

    2.4

    Minn dawn l-analiżi kollha ħarġu fid-dieher lakuni importanti fl-istrateġiji tal-Istati Membri. Skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kontenut orizzontali u n-nuqqasijiet tiegħu joħolqu problema kbira. Fost dawn il-lakuni nsibu pereżempu:

    a)

    l-insuffiċjenza ta' miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

    b)

    in-nuqqas ta' miżuri għall-promozzjoni tal-"aċċess sħiħ";

    c)

    in-nuqqas ta' miżuri intiżi għar-rikonoxximent u t-tisħiħ tad-dinjità umana tar-Rom u tal-komunità tagħhom;

    d)

    in-nuqqas ta' miżuri intiżi biex inaqqsu d-disparitajiet u l-iżvantaġġi partikolarment serji fi ħdan is-soċjetà tar-Rom (pereżempju n-nuqqas ta' miżuri intiżi biex inaqqsu d-diffikultajiet partikolari li jolqtu lin-nisa u t-tfal Rom);

    e)

    in-nuqqas ta' miżuri ta' mobilizzazzjoni u inċentivi għar-Rom, il-komunitajiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet tagħhom tas-soċjetà ċivili fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom.

    2.5

    Id-dokumenti ta' analiżi kwotati mill-Kummissjoni Ewropea ma jagħmlux referenza għal-lakuni fundamentali notati fl-istrateġiji tal-Istati Membri. M'hemm kważi l-ebda kundanna, l-ebda appell biex jitnaqqsu jew biex jintemmu l-ħafna demostrazzjonijiet li huma fost l-ikbar żvantaġġi soċjali u soċjetali li kultant ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, m'hemmx insistenza biżżejjed fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem:

    a)

    it-trattament illegali ta' bnedmin li jirriżulta mill-tal-prostituzzjoni u l-problema tal-impjieg ta' persuni bħala "skjavi";

    b)

    id-dritt fundamentali tan-nisa Rom dwar l-użu ta' ġisimhom u li jkollhom aċċess liberu għall-ippjanar tat-tfal, kif ukoll l-isterilizzazzjoni forzata, li ssir mingħajr il-kunsens tal-persuna;

    c)

    il-forom estremi ta' miżerja u faqar li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta' indirizzar tal-bżonnijiet vitali (pereżempju n-nuqqas ta' aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb, jew l-aċċess għall-infrastrutturi tal-iġjene jew l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal dawk li jgħixu fiż-żoni periurbani jew fil-kampijiet, eċċ.);

    d)

    fl-aħħar mill-aħħar, l-għanijiet u l-miżuri tal-ġlieda kontra r-razziżmu, intiżi biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħajja u tal-beni tar-Rom u l-komunitajiet tagħhom, kif ukoll drittijiethom, u biex tissaħħaħ il-protezzjoni kontra l-aggressjoni razzista, mhumiex suffiċjenti.

    2.6

    Il-KESE ddedika żewġ Opinjonijiet għall-istrateġija qafas u l-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom. L-Opinjoni preċedenti (7), li tittratta l-kwistjoni tal-awtonomizzazzjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-Rom, tapprova l-istrateġija qafas, tindika, mil-lat tat-tfassil u l-implimentazzjoni addizzjonali, il-bżonn ta' approċċ triplu (politika ta' integrazzjoni newtrali dwar il-pjan tar-razza u l-etniċità, politika ta' appoġġ għall-awtonomizzazzjoni ta' persuni meqjusa li jagħmlu parti minn komunità Rom u l-progress tas-suċċess tagħhom fir-rigward tal-integrazzjoni soċjali, politika ġenerali antirazzista u pubbliċità) u tifformula proposti oħra.

    2.7

    Fl-Opinjoni addizzjonali, b'referenza għal studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012, il-KESE (8) jiġbed l-attenzjoni għat-telf ta' fiduċja li ntwera mill-persuni li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika fil-komunità tar-Rom u jressaq proposti b'mod partikolari dwar l-integrazzjoni tar-Rom u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-Kumitat jirrikonoxxi, filwaqt li jiddeplora, il-bżonn tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni tar-Rom, dwar l-impatt tal-kriżi u l-impenji varjati ħafna tal-Istati Membri, u japprova l-għanijiet tagħha; barra minn hekk, huwa jqis li l-miżuri li tinkludi jistgħu jitqiesu bħala tip ta' programm minimu ta' implimentazzjoni, u f'ċerti każijiet magħmulin ħażin wisq u li ftit li xejn jistgħu jitħaddmu biex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet previsti mid-dokument.

    3.2

    Skont ir-raġunijiet mogħtija fil-Proposta tal-Kummissjoni, l-għan tagħha huwa li "tħaffef il-progress billi tiffoka l-attenzjoni tal-Istati Membri dwar għadd ta’ miżuri konkreti li huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom b’mod aktar effettiv". Il-Kumitat jiddeplora wkoll li dan ir-riżultat jagħti x'jifhem fl-istess ħin li fit-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija qafas fil-livell Ewropew qed jiġu ffaċċjati kontinwament diffikultajiet serji fl-implimentazzjoni u l-impenn politiku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

    3.3

    Il-Kumitat jirrimarka li jekk ma rridux nerġgħu nitilfu ċ-ċans għal politika favorevoli għall-integrazzjoni tar-Rom - riskju gravi kemm għall-għanijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuni konċernati - għandha tiġi adottata, bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tar-Rom u s-soċjetà ċivili konċernata u rilevanti, u fil-qafas ta' konsultazzjoni mifruxa, lista ta' rakkomandazzjonijiet appoġġjati minn sistema ta' analiżi ta' fatti, ambizzjuża b'mod raġonevoli u li tista' tiġi verifikata ġenwinament, li tkun magħmula minn elementi konkreti biżżejjed u operattivi u li tkun tista' tiġi evalwata.

    3.4

    Il-Kumitat iqis li r-rakkomandazzjonijiet ta' politika inklużi fil-Proposta huma utli u għandhom ikunu appoġġjati b'mod ġenerali bħala lista ta' intervent ristrett u li għandhom jiġu implimentati mingħajr kundizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiddefinixxu qafas ta' azzjoni ristrett wisq u mhumiex dejjem ambizzjużi biżżejjed; għalhekk, huwa jipproponi li minnufih tiġi żviluppata l-lista ta' rakkomandazzjonijiet u li din tiġi komplementata minn strumenti ta' monitoraġġ u segwitu.

    3.5

    Il-Kumitat iqis li l-parti tal-Proposta dwar il-miżuri ta' politika orizzontali hija magħmula ħażin u jistieden lill-Kunsill jiżviluppa iktar l-erba' oqsma msemmija (il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal Rom, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali u l-awtonomizzazzjoni tar-Rom) u tiddefinixxi ħtiġiet ħafna iktar konkreti, filwaqt li f'dan il-kuntest jipprovdi indikazzjonijiet dwar l-aħjar prattiki mistennija.

    3.6

    Il-Kumitat iqis li mhumiex sodisfaċenti l-argumenti mressqa fid-dokument, li skonthom "l-għażla ta’ strument li ma jorbotx għandha l-għan li tipprovdi linji gwida prattiċi lill-Istati Membri fir-rigward tal-problema dwar l-inklużjoni soċjali tar-Rom, iżda mingħajr ma tistabbilixxi regoli vinkolanti stretti" peress li "skont is-sejbiet tal-Kummissjoni, għad m'hemmx miżuri b’saħħithom u proporzjonati fis-seħħ biex jiġu trattati l-problemi soċjali u ekonomiċi tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni tar-Rom fl-UE". F'dan il-perjodu ta' kriżi, jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix ġestita b'mod adatt u mmirat, il-gruppi tar-Rom li jintlaqtu b'mod partikolari mis-segregazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-faqar estrem ser ibatu b'mod sproporzjonat mill-impatt tal-kriżi li diġà tirrappreżenta piż insupportabbli u intollerabbli; il-KESE jqis li din is-sitwazzjoni titlob li minn issa l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet isibu soluzzjonijiet u interventi effikaċi, anke mil-lat li jiġu opposti l-liġijiet.

    3.7

    Għalhekk, il-Kumitat iqis li, fid-dawl tal-konklużjonijiet li nsiltu mir-raġunijiet għall-proposta għal rakkomandazzjoni (9), il-Kunsill għandu juża s0setgħa tiegħu biex jadotta atti legali vinkolanti għall-ġlieda kontra s-sitwazzjoni ta' miżerja u faqar perikoluż għall-ħajja taċ-ċittadini u biex jiġu miġġielda l-iktar impatti estremi tad-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u s-sentimenti kontra ż-żingari. Dawn il-miżuri huma meħtieġa minħabba nuqqasijiet ċari fil-livell tal-Istati Membri, fir-rigward tal-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza (10).

    4.   Proposti speċifiċi

    4.1

    Il-Kumitat jissuġġerixxi lis-servizzi kompetenti tal-Unjoni Ewropea li jevalwaw mill-ġdid il-missjonijiet tagħhom relatati direttament mal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tar-Rom u d-drittijiet tal-minoritajiet, u dan apparti mill-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. F'dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li hemm bżonn li:

    a)

    l-Unjoni tiddefinixxi bi preċiżjoni, fil-qafas tal-attributi tagħha, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom tista' tiddetermina ksur tad-drittijiet tal-bniedem tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni definiti min-NU, u tiċċara bl-istess mod, f'liema każ, meta jkun hemm suspett ta' ksur tad-drittijiet, hi beħsiebha tieħu azzjoni legali fil-qasam tal-kompetenzi proprji tagħha;

    b)

    tinterpreta u tadatta dawn id-drittijiet fundamentali u tal-minoritajiet skont is-sitwazzjoni u l-iżvantaġġi soċjali fejn hemm ir-riskju li r-Rom jintlaqtu iktar mil-medja;

    c)

    bil-parteċipazzjoni tal-Eurostat u bis-saħħa tal-interpretazzjoni tal-istatistika tal-UE dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-ħajja (qafas UE-SILC), tiddeffinixxi indikaturi ta' dħul u deprivazzjoni li ma jurux biss il-limiti tal-faqar estrem u l-miżerja imma anke l-eżistenza ta' kundizzjonijiet li jolqtu d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità umana;

    d)

    il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jintużaw tekniki li s'issa ġew applikati biss b'eċċezzjoni f'dan il-qasam, pereżempju, minbarra l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-popolazzjoni "fqira" bi dħul inqas minn bejn 50 u 60 % tad-dħul medju, issir analiżi wkoll tal-popolazzjoni bi dħul ta' 30 % (25 %), jew aħjar li jintużaw indiċi ta' diskriminazzjoni "aggregati" applikati attwalment, il-miżuri tad-diskriminazzjoni marġinali", li juru esklużjoni partikolarment serja fil-forma ta' deprivazzjoni bis-saħħa ta' indikaturi sensittivi ħafna (bħall-kumdità jew għadd eċċessiv ta' persuni f'dar waħda).

    4.2

    Il-Kumitat jipproponi li wara li l-istrateġiji jiġu analizzati mill-ġdid, tingħata prijorità lill-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet lingwistiċi u kulturali li jikkostitwixxu l-pedamenti tal-identità tar-Rom, kif ukoll l-appoġġ soċjali u baġitarju tagħhom.

    4.3

    Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex jitwettqu l-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom, huwa kruċjali li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni b'mod partikolari lill-iskrutinju leġislattiv u legali tal-politiki marbuta mal-korrezzjonijiet li għandhom isiru fir-rigward tal-impatti li jistgħu jkunu antidiskriminatorji, u dan billi joħolqu mekkaniżmi effikaċi għal dan l-iskop.

    4.4

    Sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tar-Rom u l-indipendenza materjali tagħhom, il-KESE jistenna b'mod partikolari li l-Istati Membri jsibu soluzzjoni għall-ħtiġiet u joħolqu programmi li jippromovu l-impjieg, l-intraprenditorija u l-programmi ta' taħriġ professjonali. Huwa jistedinhom isaħħu l-mezzi legali li jistgħu jservu ta' inċentiv effikaċi biex l-intrapriżi jimpjegaw lir-Rom. Għall-komunitajiet ta' Rom segregati, li ilhom b'rata ta' impjieg baxxa sew u jbatu minn diskriminazzjoni mifruxa ħafna fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li titfassal politika innovattiva tal-impjieg, pereżempju għadd suffiċjenti ta' impjiegi temporanji adatti finanzjati mill-fondi pubbliċi.

    Segwitu u valutazzjoni

    4.5

    Il-Kumitat jiddeplora li l-Aġenzija tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għadu ma rnexxilhomx jiddefinixxu l-indikaturi u l-punti ta' riferiment li jikkostitwixxu l-ewwel kundizzjoni għall-valutazzjoni tal-istrateġiji u l-programmi ta' intervent, u lanqas il-metodoloġiji u r-rekwiżiti f'dan ir-rigward, li jiddeterminaw il-ġbir tal-informazzjoni u kundizzjoni tal-postijiet adegwati u indipendenti (11). Il-prattiki attwali ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-Istati Membri ħafna drabi jkunu limitati għal rapporti li jinħarġu mingħajr metodu ġenwin ta' valutazzjoni, potenzjalment abbażi ta' xi informazzjoni, u mhix ħaġa rari li jipproduċu riżultat mingħajr l-ebda bażi.

    4.6

    Il-Kumitat jipproponi li l-missjonijiet ta' valutazzjoni jkunu limitati għal gruppi ta' riċerkaturi u istituti magħżula b'sejħa għall-offerti, professjonisti u mingħajr rabtiet politiċi, li l-indipendenza tagħhom għandha tkun imsaħħa wkoll permezz ta' diversi strumenti legali (pereżempju, bl-introduzzjoni ta' stqarrija ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess, regoli ta' trasparenza finanzjarja u dwar l-użu tal-fondi, l-iskrutinju tal-komunità xjentifika, is-sorveljanza tal-metodu ta' riċerka, eċċ) (12).

    Rakkomandazzjonijiet ta' politika

    4.7

    Lil hinn mill-finanzjament programmabbli, trasparenti u adatt tal-awtoritajiet għall-ugwaljanza tat-trattament, is-sitwazzjoni ġuridika ta' dawn l-istituzzjonijiet għandha tiġi msaħħa b'tali mod li l-awtoritajiet politiċi jkunu jistgħu jinfluwenzaw it-tħaddim tagħhom mill-inqas imma fl-istess ħin jiżguraw il-kundizzjonijiet. L-awtoritajiet għall-ugwaljanza tat-trattament għandhom jistabbilixxu wkoll rabtiet permanenti u mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet pertinenti li jirrappreżentaw lir-Rom, apparti mill-punti ta' kuntatt għar-Rom.

    4.8

    Il-punti ta' kuntatt nazzjonali għar-Rom għandhom jaqdu l-missjonijiet tagħhom bi trasparenza sħiħa, kemm fit-teorija u kemm fil-prattika. L-attività tagħhom hija kruċjali biex titwettaq l-istrateġija qafas. Id-drittijiet tal-punti ta' kuntatt għandhom jiġu garantiti legalment bħal dawk tal-korpi governattivi inkarigati mill-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali li jikkonċernaw ir-Rom sabiex ikunu jistgħu jservu bħala tip ta' "wens", jagħtu l-fehma tagħhom dwar il-proċeduri leġislattivi relatati mal-politiki governattivi li jolqtu lir-Rom, u jinfluwenzawhom, sabiex l-impatti tagħhom ma jdgħajfuhomx b'mod reċiproku. Il-punti ta' kuntatt tar-Rom għandhom obbligu li jinformaw lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili tar-Rom, ħaġa li tista' ssir pereżempju bil-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali ta' stimaturi indipendenti, li l-kontenut tagħhom ma jkun soġġett għall-ebda influwenza politika, jew billi jiġu organizzati konferenzi speċjalizzati.

    4.9

    Il-Kumitat iqis li ser ikun diffiċli li jitwettaq l-għan stabbilit fil-punt 5.1 tal-proposta għal rakkomandazzjoni, jiġifieri li "l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni sa mhux aktar tard minn 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li tittieħed skont din ir-Rakkomandazzjoni sa dik id-data"; għalhekk għandu jiġi evitat li l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu li jimplimentaw l-istrateġija qafas tal-UE u l-impenji proprji. Il-proposta attwali, fir-rigward tal-kontent, tirrappreżenta biss parti minn sistema ta' rekwiżiti iktar estiża definita mill-istrateġija qafas f'kuntest vast u li l-Kummissjoni hija mitluba tevalwa kull sena.

    Integrazzjoni u parteċipazzjoni tar-Rom

    4.10

    Skont bosta esperti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili - li jaqblu parzjalment mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward - il-politiki u l-mekkaniżmi ta' għajnuna attwali tal-Istati Membri, f'ċerti każijiet, ma jippermettux li tiġi trattata l-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Rom b'effiċjenza biżżejjed u mhux dejjem ikollhom bħala prinċipju approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem (13). Sadattant, b'xorti ħażina, ġiet innotata żieda fl-esklużjoni tar-Rom f'bosta pajjiżi. Din is-sitwazzjoni hija prinċipalment minħabba d-diskriminazzjoni kontinwa fir-rigward tar-Rom, is-sentimenti profondi kontra ż-żingari, li ma jingħatawx attenzjoni adatta mill-entitajiet inkarigati mill-applikazzjoni tal-liġi. Kif indikat fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta għal rakkomandazzjoni: il-qalba tal-problema tinsab fir-relazzjoni mill-qrib bejn id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali li jesperjenzaw ir-Rom (14).

    4.11

    Fil-fehma tal-Kumitat, it-tneħħija tal-impatti negattivi reċiproċi mill-mekkaniżmi għandha tkun l-għan prinċipali tal-politika kollha ta' inklużjoni. F'dan ir-rigward, l-istrumenti ewlenin huma prinċipalment l-integrazzjoni tar-Rom u t-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni tagħhom, kif ukoll l-awtonomizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tar-Rom u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom. Dan mhuwiex possibbli ħlief fil-qafas ta' kultura miftuħa ta' aċċettazzjoni, fejn il-politika dwar ir-Rom tkun ibbażata b'mod effettiv fuq l-oqsma li huma fil-fatt konċernati, fejn ir-Rom mhumiex biss ikkunsidrati bħala benefiċjarji, imma bħala atturi tal-istess valur u li l-parteċipazzjoni tagħhom hija kruċjali. Jeħtieġ li jinbidel l-approċċ paternalista, fejn il-proċessi jkunu definiti mill-persuni li jfasslu l-opinjoni u l-persuni importanti li jieħdu deċiżjonijiet fis-soċjetà, u li r-Rom jiġu rikonoxxuti u aċċettati bħala membri tas-soċjetà responsabbli, kapaċi jinfluwenzaw id-destin tagħhom u lesti li jagħmluh.

    4.12

    Il-Kumitat jirreferi għal Opinjoni preċedenti (15), fejn, abbażi ta' studju, ħareġ fid-dieher nuqqas kbir ta' sodisfazzjon, ċertu frustrazzjoni u nuqqas ta' fiduċja fost għadd sew ta' rappreżentanti tal-komunità tar-Rom u fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tagħhom. Skont din l-Opinjoni tal-KESE, minkejja l-intenzjonijiet iddikjarati, "l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni kkonċernati ma kinux involuti biżżejjed fl-ippjanar strateġiku, li l-mekkaniżmi fundamentali ta’ parteċipazzjoni ma nħolqux, jew saħansitra li l-proċessi attwali ma rnexxilhomx joħolqu l-fiduċja b’mod deċiżiv fost ir-rappreżentanti tal-persuni kkonċernati, minħabba, ta’ spiss, sekulari ta’ diskriminazzjoni u segregazzjoni." Studju li sar fl-istess żmien mill-ERPC wasal għall-istess konklużjonijiet (16).

    4.13

    Fir-rigward tat-tibdil fl-approċċ soċjali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kumitat jenfasizza li dan il-proċess ma kienx ikun previst mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Rom u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ħadmu magħhom fil-fażi tat-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-valutazzjoni tal-politiki fil-livelli kollha. Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jiġu definiti indikaturi li jippermettu li jitkejjel b'mod adegwat il-livell ta' integrazzjoni u parteċipazzjoni tar-Rom (pereżempju l-amministrazzjoni lokali jew ċentrali, informazzjoni dwar l-edukazzjoni, ir-rati ta' parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi, eċċ.).

    4.14

    Il-Kumitat jissuġġerixxi u jistenna t-tkabbir tal-qafas kunċettwali tal-kooperazzjoni, kultura ta' kunsens li tmur lil hinn minn sempliċi konsultazzjoni, l-ikkummissjonar tal-pjattaformi ta' djalogu permanenti (fil-livell lokali wkoll), il-ħolqien ta' mekkaniżmi organizattivi adegwati għall-parteċipazzjoni, trasparenza ikbar fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell lokali), u l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjonijiet (li jagħmlu parti wkoll mid-diverġenzi fl-opinjonijiet u r-riżultati tal-votazzjoni).

    4.15

    Il-Kumitat jipproponi li jiġi garantit, kif diġà indikat, fond ta' għajnuna (pereżempju bħala parti mill-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini") favur l-integrazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tar-Rom u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà tagħhom. Il-programm operattiv tal-FSE, jew aħjar il-garanzija tal-programmi ta' appoġġ li jipprevedu assistenza teknika daqstant importanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-organizzazzjonijiet tar-Rom.

    4.16

    Il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ibiegħdu lilhom infushom b'mod ċar mill-istqarrijiet inkwetanti dwar ir-Rom li jkunu mniġġsa mir-razziżmu, il-vjolenza u diskriminattivi b'mod gravi, il-fenomeni tal-vjolenza razzista u d-diskors ħażin għandhom jiġu denunzjati u monitorjati b'mod miftuħ, u għandhom jitħejjew strumenti ġuridiċi, amministrattivi, regolamentari u pubbliċitarji li jippermettu li dawn il-fenomeni jiġu miġġielda b'mod effikaċi. F'dan ir-rigward, il-persuni li jinfluwenzaw l-opinjoni, b'mod partikolari l-ogħla livelli tal-politika u l-midja, għandhom responsabbiltà partikolari. Il-Kumitat jipproponi li jsiru riċerki sistematiċi dwar il-preġudizzji fil-qafas ta' metodoloġija uniformi u li jinħolqu strumenti adatti; fil-każ li r-riżultati juru tendenza negattiva, għandhom jitħeġġu politiki pubbliċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, jew it-tisħiħ tal-isforzi.

    4.17

    Il-Kumitat jiġbed bil-qawwa l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-fatt li biex tiġi indirizzata segregazzjoni u diskriminazzjoni antika ta' bosta ġenerazzjonijiet u li huma ta' piż għal kull dimensjoni tal-ħajja tal-persuni interessati, mhuwiex biżżejjed li jiġu implimentati programmi fil-forma ta' proġetti li jiffokaw fuq qasam problematiku partikolari. Illum il-ġurnata huwa indispensabbli li nagħżlu approċċ sistemiku biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija.

    Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  "…filwaqt li l-Istati Membri kellhom il-possibilità legali li jaġixxu biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Rom, il-miżuri ppjanati s’issa m'humiex effiċjenti. Minħabba n-nuqqas ta’ approċċ ikkordinat mal-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Rom, hemm diskrepanzi li qegħdin jikbru fost l-Istati Membri."

    (2)  COM(2011) 173 final.

    (3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020”.

    (4)  COM(2012) 226 final.

    (5)  SWD(2012) 133 final.

    (6)  Analysis of National Roma Integration Strategies [Analiżi tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom], ERPC, Marzu 2012.

    (7)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 16–21.

    (8)  ĠU C 011, 15.1.2013, p. 21-26.

    (9)  "…filwaqt li l-Istati Membri kellhom il-possibilità legali li jaġixxu biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Rom, il-miżuri ppjanati s’issa m'humiex effiċjenti. Minħabba n-nuqqas ta’ approċċ ikkordinat mal-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Rom, hemm diskrepanzi li qegħdin jikbru fost l-Istati Membri."

    (10)  "L-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għaldaqstant jistgħu jintlaħqu aħjar permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-UE minflok permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' kamp ta' applikazzjoni, ambizzjoni u effettività varjabbli." 2013/0229 (NLE), memorandum ta' spjegazzjoni.

    (11)  Punt 4.4 tal-Proposta għal rakkomandazzjoni.

    (12)  L-istimatur għandu jagħmel stqarrija ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess fejn jindika li ma kienx impjegat minn gvern u ma użax fondi pubbliċi, affarijiet li jistgħu jnaqqru mill-indipendenza tar-riżultati tal-valutazzjoni.

    (13)  COM(2012) 226 final, SWD(2012)133 final, Analysis of National Roma Integration Strategies [Analiżi tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom], ERPC, Marzu 2012.

    (14)  Il-koalizzjoni għal politika Ewropea fir-rigward tar-Rom (ERPC) tirrakkomanda li l-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom huma bbażati fuq element ċentrali mmirat lejn l-eliminazzjoni tas-sentimenti kontra ż-żingari. Għad li t-tneħħija tad-diskrepanzi fid-dħul, fis-saħħa u fl-edukazzjoni hija importanti, ma jista' jsir l-ebda progress jekk l-eliminazzjoni tas-sentimenti kontra ż-żingari ma ssirx prijorità tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Analiżi finali tal-ERPC.

    (15)  ĠU C 011, 15.1.2013 p. 21-26.

    (16)  “(…) a large majority of respondents across Member States described the drafting process of the NRIS as lacking transparency. In most of the cases, stakeholders’ participation, in particular the involvement of Roma, is still unclear with regard to implementation of the NRIS”. (Maġġoranza kbira tal-kontributuri fl-Istati Membri ddeskrivew il-proċess tal-abbozzar tal-NRIS bħala nieqes mit-trasparenza. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, b’mod partikolari l-involviment tar-Roma, għadha mhix ċara rigward l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni). (mhux disponibbli bil-Malti). Analysis of National Roma Integration Strategies [Analiżi tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom], ERPC, Marzu 2012.


    Top