EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5084

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010” COM(2013) 312 final – 2013/0164 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010”

COM(2013) 312 final – 2013/0164 (COD)

2014/C 67/17

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-1 ta’ Lulju 2013 u nhar is-6 ta’ Settembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010

COM(2013) 312 final – 2013/0164 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta ta2-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010, li forsi waslet sena tard skont il-pjan direzzjonali ottimali relattiv għall-programm stabbilit fl-2011.

1.2

IL-KESE jinsab sodisfatt l-iżjed għaliex il-pożizzjoni b'saħħitha tiegħu favur id-dħul tal-programm GMES, li issa jissejjaħ il-programm Copernicus, fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-finanzjament, ġiet milqugħa mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, u b'hekk il-programm jista' jiġi implimentat, anke jekk bi tnaqqis ta' madwar EUR 2 biljun mill-previżjoni inizjali. Dan it-tnaqqis jista' jhedded il-programm kollu. Il-Kummissjoni wriet flessibilità meta bidlet b'mod tant radikali il-fehma tagħha.

1.3

Il-KESE jisħaq dwar l-appoġġ qawwi u konvinċenti tal-programmi spazjali tal-Unjoni Ewropea. Galileo u Copernicus, żewġ programmi ewlenin li ddaħħlu fil-proġett Orizzont 2020, li jixhdu l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija, u jippermettu li tinżamm il-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-industrija spazjali Ewropea meta mqabbla mal-kompetitutri internazzjonali u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' impjieg ta' kwalità, marbut mal-għarfien u r-riċerka.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, ftit xhur qabel ma tintbagħat fl-ispazju l-ewwel satellita tal-formazzjoni Sentinel, biex tiddefinixxi b'ċarezza x'inhi l-governanza tal-programm Copernicus, li fil-qagħda attwali ftit li xejn tinftiehem. Fl-opinjoni tal-KESE, iż-żewġ atturi ewlenin tal-politiki tal-ispazju tal-Ewropa, l-ESA u l-Eumetsat, iridu jkunu assoċjati b'mod ċar fil-proċess ta' ġestjoni tal-programmi spazjali u meteoroloġiċi u fil-ġestjoni globali tal-programm. Dan mhuwiex spjegat b'mod ċar fil-kummenti tal-Kummissjoni. Il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 12 tal-proposta għal Regolament iridu jinbidlu minn lingwaġġ inċert (tista' tafda) għal ton iktar assertiv (trid tafda).

1.5

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu, kif diġà għamel ħafna drabi oħra, dwar ir-rikors għal atti ddelegati li ma jirriflettux kompletament id-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-fakultà li tiġi eżerċitata d-delega għal perjodu limitat u għal atttivitajiet mhux essenzjali. Dawn l-atti ddelegati jridu jkun dettaljati b'tali mod li jagħtu qafas ta' referenza ċar għall-partijiet interessati kollha.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu dettaljati r-regoli tal-akkwist li se jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impriżi fl-attivitajiet previsti mill-programm Copernicus. Dawn ir-regoli jridu jqisu l-esiġenzi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, abbażi tal-impenji li jaqgħu taħt il-kappa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act - SBA), u l-previżjonijiet ta' żvilupp tas-suq intern li ġew adottati bis-saħħa tal-Att dwar is-Suq Uniku. Se jkun importanti ħafna li jkollna qafas leġislattiv ċar u stabbli fir-rigward tal-investiment privat.

1.7

Il-KESE jaqbel dwar il-valutazzjoni tal-potenzjal ekonomiku li l-programm Copernicus jista' jiżviluppa u dwar il-koerenza tiegħu mal-objettivi tal-proġett Ewropa 2020, u jittama li jkun hemm approvazzjoni rapida tar-regolament inkwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jitniedu minn Jannar 2014 l-attivitajiet previsti mill-qafas finanzjarju pluriennali. Jittama li jkun hemm tisħiħ sinifikattiv tal-attivitajiet ta' appoġġ għad-downstreaming tal-programm Copernicus, li attwalment huwa definit tajjeb fl-objettivi, izda mhux b'mod ċar fl-istrumenti li jridu jiddaħħlu fir-regolament, fejn jingħataw responsabbiltajiet speċifiċi lill-Kummissjoni.

1.8

Il-KESE jqis fundamentali li sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' għadd ikbar ta' impriżi, trid tiġi provduta pjattaforma li tippermetti l-iżvilupp effettiv ta' investiment, impjieg u żvilupp.B'hekk, iqis indispensabbli li d-data disponibbli tkun aċċessibbli u b'xejn għall-operaturi Ewropej kollha, u jsostni b'konvinzjoni l-ħtieġa li jinbdew negozjati ma' pajjiżi terzi sabiex jiġi definit reġim ta' reċiproċità totali mal-industriji ta' dawk il-pajjiżi li għandhom id-data disponibbli.Fin-nuqqas ta' dawn il-ftehimiet, il-KESE jħoss li huwa opportun li jiġi previst għall-industriji ta' dawk il-pajjiżi reġim ta' liċenzji, li jippermetti biss aċċess essenzjali għad-data tal-programm Copernicus.Ir-reġim ta' aċċess ħieles irid ikun garantit għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u kull fejn hemm sitwazzjoni ta' emerġenza.

1.9

Fid-dawl tal-impenn finanzjarju konsistenti u s-sensibilità tad-data, il-KESE jaqbel li l-Unjoni Ewropea għandha tkun sid tas-sistema.Jinnota li l-proposta għal regolament ma tispeċifikax modalitajiet, spejjeż u responsabbiltajiet futuri għall-ġestjoni ta' din il-proprjetà, u għat-trasferiment tagħha.Jittama li jkun hemm iktar ċarezza fir-rigward ta' dan il-punt.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa lill-istituzzjonijiet kollha Ewropej, b'mod partikolari lill-Parlament Ewropew, li baqagħlu biss ftit sessjonijiet utli qabel ma jxolji għall-elezzjonijiet li jmiss, sabiex japprovaw malajr ir-regolament, u jadottaw t-titjib issuġġerit u jippermettu l-implimentazzjoni tal-programm Copernicus.Hemm riskju reali u konkret li l-programm jista' jitneħħewlu l-fondi, fil-każ li ma jiġix approvat fiż-żmien adatt.

2.   Introduzzjoni

2.1

Ir-regolament inkwistjoni jistabbilixxi l-qafas ġuridiku adegwat għall-governanza u għall-finanzjament tal-programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-Dinja, il-GMES (monitoraġġ globali għall-ambjent u s-sikurezza), fil-fażi operattiva ġdida tiegħu mill-2014 'il quddiem. Għal dan il-għan, iħassar ir-regolament (UE) Nru 911/2010, li stabbilixxa l-programm u li huwa fis-seħħ sa tmiem l-2013.

2.2

Il-programm GMES se jiġi msemmi mill-ġdid b'mod uffiċjali, permezz ta' dan ir-regolament, bħala Copernicus.

2.3

Fid-dawl tat-TFUE, b'mod partikolari l-Artikolu 189, il-proposta għal regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tirrigwarda dawn il-punti li ġejjin:

1)

bidla fl-isem għal Copernicus;

2)

governanza fil-fażi operattiva tal-GMES bil-possibilità għall-Kummissjoni li tiddelega attivitajiet lil operaturi speċifiċi;

3)

finanzjament għall-perjodu 2014-2020.

2.4

Kif ġie spjegat fil-qosor fil-Komunikazzjoni, "Copernicus huwa strutturat f’sitt Servizzi: il-monitoraġġ tal-Baħar, tal-Atmosfera, tal-Art u tat-Tibdil fil-Klima kif ukoll l-appoġġ għas-servizzi ta' Emerġenza u ta' Sigurtà. Copernicus juża data minn satelliti u sensuri fil-post bħal bagi, blalen jew sensuri tal-ajru li jipprovdu informazzjoni u tbassir ta’ valur miżjud f’waqtu u affidabbli għas-sostenn ta’, pereżempju, l-agrikoltura u s-sajd, l-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, ir-reazzjoni għad-diżastri, it-trasport marittimu jew il-monitoraġġ tat-tniġġis tal-arja. Copernicus jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku billi jagħti spinta lill-applikazzjonijiet kummerċjali (dawk li jissejħu servizzi downstream) f’ħafna setturi differenti permezz ta’ aċċess sħiħ u miftuħ għal data u permezz ta' prodotti ta’informazzjoni. Huwa wieħed mill-programmi li għandhom jiġu implimentati skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u ġie inkluż fl-inizjattiva tal-politika industrijali tal-Ewropa 2020 minħabba l-benefiċċji tiegħu għal firxa wiesgħa ta’ politiki tal-Unjoni".

2.5

L-istruttura spazjali ġiet finanzjata sal-lum il-ġurnata b'ċifra ta' madwar EUR 3,2 biljun, il-biċċa l-kbira minnha permezz tal-ESA, b'iżjed minn 60 % tal-ammont, u mill-fondi tal-UE, b'madwar 30 %, permezz tas-Seba' Programm Kwadru (FP7).

2.6

Il-finanzjament tal-fażi operattiva, li tipprevedi kemm l-isfruttar tad-data kif ukoll it-tiġdid tal-infrastruttura spazjali, ma jistax ikun ir-responsabbiltà ta' Stati Membri waħedhom minħabba l-ispejjeż involuti. Għaldaqstant, l-UE, permezz ta' dan ir-regolament, qed tieħu r-responsabbiltà tal-fażi operattiva ta' Copernicus/GMES, u l-piż tal-finanzjament tagħha għal EUR 3 786 miljun (prezzijiet tal-2011).

2.7

Fil-Komunikazzjoni "Baġit għall-Ewropa 2020" [COM(2011) 500 final tad-29.6.2011] il-Kummissjoni pproponist li teskludi l-finanzjament tal-GMES mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020.

2.8

Il-KESE ddikjara li huwa kompletament kontra din il-proposta tal-Kummissjoni li testernalizza, ġo fond ad hoc, il-finanzjamenti meħtieġa għall-iżvilupp u għat-tlestija tal-programm GMES (1).

2.9

Dik l-ewwel proposta għal finanzjament estern għalhekk ġiet miċħuda mill-Parlament, permezz tar-riżoluzzjoni P7_TA(2012)0062 tas-16 ta' Frar 2012. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 dwar il-QFP jipprevedu li l-programm għandu jiġi ffinanzjat taħt is-subintestatura 1a tal-qafas finanzjarju, b'livell massimu ta' impenji ta' EUR 3 786 miljun (prezzijiet tal-2011) li jridu jiġu stabbiliti fir-Regolament tal-QFP.

2.10

Anke l-aġenziji spazjali nazzjonali għandhom is-sistemi tagħhom ta' osservazzjoni tad-Dinja. Il-Kummissjoni tinnota fil-komunikazzjoni tagħha li madankollu, dawn ma setgħux isibu mod kif jikkooperaw fir-rigward tal-finanzjament tal-programmi operattivi kontinwi fis-settur tal-monitoraġġ tal-ambjent. Il-bżonn li dawn l-osservazzjonijiet ikomplu jsiru huwa kruċjali, meta wieħed jikkunsidra kemm il-pressjoni politika dejjem ikbar fuq l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jieħdu deċiżjonijiet informati fl-oqsma tal-ambjent, tas-sikurezza u tal-tibdil fil-klima, kif ukoll il-bżonn li jiġu rispettati l-ftehimiet internazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-istruttura spazjali ta' Copernicus/GMES ġiet żviluppata mill-2005 sal-lum mill-ESA, finanzjata b'mod awtonomu bi kważi EUR 2 biljuni, u appoġġata mill-fondi tal-UE taħt it-titolu "Spazju" fis-Seba' Programm Kwadru, kif ukoll mill-fondi għall-operazzjoni inizjali b'madwar EUR 1 biljun ieħor, għal total ta' EUR 3 biljun li tnefqu sal-lum u ppjanati sa tmiem l-2013.

3.2

Fil-premessa (17) huwa nnutat li b'kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tal-programm, ikun jaqbel li l-implimentazzjoni tal-programm tiġi ddelegata lil entitajiet b’kapaċità teknika u professjonali xierqa, li xi wħud minnhom jissemmew fil-premessa ta' wara (18). Għaldaqstant, biex il-fażi operattiva tirnexxi huwa neċessarju li, fil-ftehimiet ta' governanza msejsa fuq dan ir-regolament, jitqiesu l-kapaċitajiet effettivi preżenti fl-Ewropa fil-qasam tas-satelliti u fl-isfruttar tad-data li toħroġ. Il-premessa (18) jonqos milli jsemmi żewġ atturi prinċipali li għandhom il-kapaċità ta' proġett, u operattiva u ġestjonali, f'dak li jirrigwarda satelliti fl-Ewropa, jiġifieri l-ESA u l-Eumetsat.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fis-settur spazjali, xi Stati Membri ngħaqdu f'żewġ organizzazzjonijiet kbar, l-ESA u l-Eumetsat. L-ESA, li għandha baġit ta' iżjed minn EUR 4 biljun fis-sena u ammont ta' persunal li jilħaq madwar l-2 250 (fl-2011), żviluppat u tiġġestixxi sensiela importanti ta' satelliti ambjentali (ERS, Envisat, Cryosat, SMOS, GOCE, SWARM) u żviluppat ukoll is-satelliti meteoroliġiċi Ewropej MeteoSat, MeteoSat Second Generation u Met-OP. L-ESA tarkivja u tiddistribwixxi anke d-data ta' sensiela twila ta' missjonijiet ta' msieħba oħra (Missjonijiet ta' partijiet terzi). L-Eumetsat, l-organizzazzjoni Ewropea għall-użu tas-satelliti meteoroliġiċi, b'baġit annwali ta' madwar EUR 300 miljun u ammont ta' persunal li jilħaq 280 (fl-2011), tanalizza u tiddistribwixxi b'mod speċifiku d-data meteoroloġika.

4.2

Flimkien ma' dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet kbar, hemm Aġenziji oħrajn tal-Unjoni Ewropea li huma involuti fil-politika spazjali Ewropea, kif inhu indikat fit-tabella (2).

Aġenzija

Attivitajiet ewlenin

Baġit u persunal (2007)

Aġenzija Ewropea GNSS (GSA)

Ġestjoni tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (pereżempju Galileo)

5,4 miljun (2009) – 50 persuna

Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC)

Appoġġ lill-UE fir-rigward tal-analiżi tax-xbihat mis-satellita

16-il miljun (2011) – 100 persuna

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

Integrazzjoni ta' kwistjonijiet ambjentali fil-politiki ekonomiċi

41 miljun (2012) – 220 persuna

Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

Għajnuna teknika u xjentifika fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittima u t-tniġġis tal-baħar

54 miljun (2010) – 200 persuna

FRONTEX

Koordinazzjoni operattiva tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-fruntieri

22 miljun (+13 riżerva) – 170 persuna

Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)

Kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet ta' difiża u armamenti

31 miljun (2010) – 100 persuna

Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC)

Parti mill-FP7. Appoġġ għar-riċerka xjentifika u l-eċċellenza fl-Ewropa

32 miljun (2009) – 220 persuna

Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

Valutazzjoni u ġestjoni ta' ħafna programmi fi ħdan l-FP7

31 miljun (2009) – 349 persuna

4.3

Iċ-ċifri hawn fuq huma sinteżi tal-kapaċitajiet operattivi fil-qasam satellitari li jeżistu fl-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, fl-ESA u fl-Eumetsat. B'rabta mal-esiġenzi tal-programm, il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżorsi u l-ħiliet professjonali kollha disponibbli.

4.4

Fil-premessa (18), ma jiġux identifikati b'mod speċifiku l-ESA u l-Eumetsat fost l-atturi li jimplimentaw il-programm Copernicus. Huwa meqjus neċessarju li jiġu inklużi, fid-dawl tal-Artikolu 11 ta' wara.

4.5

Il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 12 tal-proposta għal Regolament iridu jinbidlu minn lingwaġġ inċert (tista' tafda) għal ton iktar assertiv (trid tafda).

4.6

Fil-punt 1) b u fil-punt 4) b tal-Artikolu 2, il-Kummissjoni tidentifika l-objettivi tat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fost l-objettivi prinċipali tal-programm Copernicus.

4.7

Il-KESE jaqbel ma' dan, iżda huwa tal-fehma li għandhom jiġu previsiti inizjattivi speċifiċi u sinifikattivi sabiex dan iseħħ. B'mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri konkreti (downstreaming) li jiddeterminaw il-valur miżjud għall-attivitajiet produttivi. Azzjonijiet ta' disseminazzjoni, ta' tħeġġiġ tal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet possibbli mid-data li toħroġ mis-sistema, ta' tixrid tal-għarfien dwar il-potenzjal ta' Copernicus, huma kollha atti essenzjali li jridu jiddaħħlu fir-regolament, b'referenza espliċita għall-attivitajiet li jridu jitwettqu sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 299, 14.10.2012, p. 72.

(2)  Sors: PACT-European Affairs.


Top