Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4413

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CCMI) dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” COM(2013) 542 final

    ĠU C 67, 6.3.2014, p. 125–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/125


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CCMI) dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti”

    COM(2013) 542 final

    2014/C 67/25

    Relatur: is-Sur VAN IERSEL

    Korelatur: is-Sinjura HRUŠECKÁ

    Nhar it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

    COM(2013) 542 final.

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Settembru 2013.

    Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'172 vot favur, 23 vot kontra u 24 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-Kunsill Ewropew dwar id-Difiża ta' Diċembru li ġej, li ser ikun ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (1) u r-rapport tar-Rappreżentant Għoli/ il-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) (2). Dawn l-inizjattivi huma tweġiba urġenti u f'waqtha għall-isfidi interni u esterni, bil-għan li jitħeġġu l-prevedibbiltà u l-kredibbiltà għat-tul tad-difiża Ewropea.

    1.2

    Billi ħarsu lil hinn mit-tabujiet tradizzjonali, il-Komunikazzjoni u l-fehma (provviżorja) tar-Rappreżentant Għoli kkunsidraw il-qagħda attwali u l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu mill-perspettiva ġusta.

    1.3

    Ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari, jargumenta b'mod konvinċenti li hija indispensabbli strateġija globali fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti Ewropej ta' difiża u sigurtà. Il-KESE jaqbel li l-PSDK ser tipprovdi l-iżjed qafas adatt għal kooperazzjoni effettiva fil-qasam tal-kapaċità militari iżda, barra minn hekk, jenfasizza li din il-kooperazzjoni ser tkun ukoll prerekwiżit għal PSDK kredibbli.

    1.4

    Sabiex din l-inizjattiva tirnexxi, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet politiċi favorevoli. Peress li t-triq lejn tibdil sostanzjali fl-istrutturi tad-difiża (industrijali) Ewropea ser tkun twila u iebsa, u tinvolvi politiki relatati ma' xulxin, il-KESE huwa tal-fehma li l-iżjed kundizzjoni importanti biex ikun hemm il-progress tant meħtieġ huwa impenn konsistenti min-naħa tal-mexxejja tal-gvernijiet tal-UE.

    1.5

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta numru ta' azzjonijiet u miżuri konkreti biex isaħħu l-kompetittività u l-kooperazzjoni fis-settur tad-difiża Ewropea, li jkunu sinjal ċar għall-futur.

    1.6

    Il-KESE jappoġġja l-għan li tiġi sostnuta difiża Ewropea indipendenti li tirrifletti l-piż ekonomiku tal-Ewropa u interessi oħra fid-dinja. L-għanijiet għat-tul għandhom ikunu l-protezzjoni awtonoma taċ-ċittadini Ewropej, l-iżgurar li l-forzi militari jkunu pprovduti b'tagħmir modern fuq bażi kontinwa, u l-garanzija tal-valuri Ewropej (id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija) (3).

    1.7

    Il-fażi l-ġdida tat-tranżizzjoni qed ikollha impatt ukoll fuq id-difiża u s-sigurtà fl-Ewropa. Fi żmien ta' staġnar gravi tal-ekonomija u qgħad li jippersisti fi nħawi kbar tal-Ewropa, qed nesperjenzaw tibdil ġeopolitiku. B'mod parallel, qed jixirfu atturi ġodda fix-xena dinjija. L-iżviluppi fil-livell dinji qed isiru b'ritmu iżjed mgħaġġel mill-iżviluppi fl-Ewropew. Id-distakk qed jikber. L-Ewropa trid tadatta ruħha iżjed malajr biex tkun ras imb'ras pajjiżi oħra.

    1.8

    Barra minn hekk, il-bżonn ta' industrija kompetittiva kif ukoll it-tnaqqis fir-riżorsi finanzjarji jitolbu l-kosteffettività. L-approċċi Ewropej, li jfittxu li jissostwixxu l-irduppjar kontroproduttiv, il-politiki mhux koordinati u d-disparitajiet, iridu jħeġġu l-aħjar valur għall-flus li jintefqu, sabiex b'hekk ikun hemm inqas ħela ta' flejjes u prestazzjoni ikbar għall-benefiċċju tal-kontribwent.

    1.9

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-analiżi preċiża u profonda fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni relattiva tal-Ewropa. Analiżi li tixbahha wasslet lill-KESE s-sena l-oħra biex jitlob għal bidla radikali fil-viżjoni Ewropea lejn kwistjonijiet ta' difiża komuni (4).

    1.10

    B'mod partikolari, il-KESE jaqbel mal-Kapitolu 9 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi essenzjali għall-aġenda tal-Kunsill, li huma: kunċett Ewropew strateġiku, politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (5), u Strateġija Ewropea Industrijali għad-Difiża.

    1.11

    L-Ewropa teħtieġ sew "lingwa komuni fil-qasam tad-difiża". Dan jitlob tranżizzjoni minn riflessjoni fil-livell nazzjonali għal riflessjoni komuni Ewropea dwar il-bżonnijiet strateġiċi, liema ħaġa tippromovi l-idea li l-interessi nazzjonali jiġu ssodisfati permezz tat-tilħiq tal-għanijiet strateġiċi tal-UE.

    1.12

    Jinħtieġ ukoll impenn politiku u ċiviku biex jiġi żgurat li l-opinjoni pubblika tkun infurmata sew dwar l-importanza tal-interessi globali u industrijali strateġiċi Ewropej biex jitħeġġeġ l-appoġġ attiv taċ-ċittadini u l-kontribwenti. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li industrija tad-difiża b'saħħitha bbażata fl-Ewropa ser tagħti wkoll kontribut sostanzjali għall-industrija Ewropea tal-manifattura inġenerali (6).

    1.13

    L-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jintlaħaq dan l-għan ta' importanza kbira. Jekk mhux l-Istati Membri kollha juru r-rieda li jieħdu sehem, il-proċess għandu jitnieda għal dawk li huma lesti jagħmlu dan.

    1.14

    Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni u tal-EDA, li huma mistennijin jaħdmu flimkien mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni. Huwa jappoġġja b'mod wiesa' l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni. Fil-Kapitolu 6 ta' din l-Opinjoni, huwa jagħmel kummenti u rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-proposti.

    1.15

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tiddiskutix politika industrijali proattiva. Għall-kuntrarju, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-pożizzjoni eċċezzjonali tas-settur tad-difiża f'100 % tas-swieq istituzzjonali fid-dinja. Politika industrijali proattiva f'oqsma magħżula, li tiġi implimentata mill-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni, hija indispensabbli biex ikun hemm produzzjonijiet moderni u kosteffettività. Il-kompetenzi kondiviżi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali kif ukoll l-interazzjoni u s-sinerġiji effettivi bejn il-proġetti u t-teknoloġija ċivili u militari ser iwasslu għal benefiċċji u kosteffiċjenza kbar.

    1.16

    Għandhom jiġu identifikati proġetti ġodda fi ħdan qafas Ewropew multilaterali mill-fażi kunċettwali 'l quddiem, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-EDA. Jistgħu jgħaddu deċennji qabel ma proġetti bħal dawn jibdew jaħdmu bis-sħiħ. Iżjed ma jibdew malajr iżjed aħjar.

    1.17

    Ir-R&Z pubbliċi u privati huma attivitajiet essenzjali. F'dan il-qasam, il-livell ta' investiment fid-difiża huwa l-iżjed baxx li qatt kien mill-2006 'l hawn (7). Il-kunċett globali għandu jipprevedi modi għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-investiment u l-implimentazzjoni tiegħu fi proġetti konkreti.

    1.18

    L-ikbar responsabbiltà hija tal-pajjiżi li l-iżjed jipproduċu, fil-kwalità tagħhom ta' xpruni tal-proċess. Għandha tiġi żgurata relazzjoni armonjuża bejn dawn il-pajjiżi u l-Istati Membri l-oħra. L-SMEs u l-faċilitajiet ta' riċerka fil-pajjiżi kollha għandhom ikunu konnessi ma' xulxin b'mod wiesa' sabiex ikun hemm l-akbar għadd ta' Stati Membri possibbli involuti favur strateġija Ewropea.

    1.19

    Fid-dawl tal-ansjetà fost dawk li jaħdmu fis-settur, minħabba riorganizzazzjonijiet mhux strutturati, hemm iżjed u iżjed bżonn ta' politiki predevibbli. Tinħtieġ ukoll koordinazzjoni fl-antiċapazzjoni tal-bidla sabiex jiġu żgurati kuntratti u prospetti ta' xogħol deċenti. Irid jinħoloq djalogu soċjali.

    1.20

    Din l-Opinjoni tiffoka l-iżjed fuq il-prinċipji ta' politika, u tirrakkomanda żvilupp urġenti f'qasam strateġiku li ma jistax jistenna. L-ewwel passi f'Diċembru għandhom iwittu t-triq għal segwitu b'suċċess. Il-Kunsill Ewropew, il-gvernijiet, il-Kummissjoni, l-EDA, il-parlamenti u l-industrija (inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati) għandhom jiġu involuti lkoll fit-tfassil ta' orjentazzjonijiet strateġiċi u proġetti konkreti.

    2.   L-Ewropa qed tiffaċċja sfida

    2.1

    Il-Kummissjoni tgħid sewwa li: "Il-bilanċ tal-poter tad-dinja qed jiċċaqlaq hekk kif qegħdin jitfaċċaw ċentri ġodda ta’ gravità u l-Istati Uniti qiegħda tibbilanċja mill-ġdid l-attenzjoni strateġika tagħha lejn l-Asja". L-hekk imsejħa BRICS (grupp ta' nazzjonijiet emerġenti magħmul mill-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel) qed jintensifikaw l-infiq militari tagħhom. Iċ-Ċina u r-Russja, b'mod partikolari, qed iżidu l-baġits tagħhom b'mod konsiderevoli sal-2015.

    2.2

    Il-pressjoni tal-Istati Uniti fuq l-Ewropa biex tagħti sehem sħiħ fl-infiq militari globali tad-dinja tal-Punent qed tiżdied bla waqfien. Minħabba restrizzjonijiet baġitarji, l-Istati Uniti qed tirrazzjonalizza d-difiża tagħha, u dan qed jaffettwa wkoll il-ftehimiet mal-Ewropej.

    2.3

    Id-distakk bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa huwa enormi. Fl-2010, il-baġit totali tad-difiża Ewropea (ħlief id-Danimarka) kien ta' EUR 196 biljun, meta mqabbel mal-EUR 520 biljun tal-baġit Amerikan (8). Iżjed importanti minn dan, il-baġit Ewopew globali għar-R&Z huwa 1/7 tal-baġit Amerikan, u dan jaffettwa t-tagħmir u l-użu tal-persunal tal-forzi armati.

    2.4

    Sadattant, huma bosta t-theddidiet. It-tensjonijiet politiċi u militari mhux qed jonqsu, u qed ifeġġu tensjonijiet ġodda – xi wħud minnhom qrib ħafna tal-Ewropa. Sabiex atturi dinjin ġodda ambizzjużi jilħqu l-istess livell tas-setgħat tradizzjonali, għandhom jiżguraw li d-difiża nazzjonali tagħhom tirrifletti l-interessi ekonomiċi tagħhom u interessi oħra.

    3.   Approċċi Ewropej

    A.   Approċċi politiċi

    3.1

    L-Ewropej qed jiffaċċjaw żewġ kategoriji ta' problemi li huma marbutin mill-qrib ma' xulxin:

    tnaqqis sostanzjali fl-infiq marbut mad-difiża, li joħloq disparitajiet u ħsara lill-kapaċitajiet u l-effettività nazzjonali ta' difiża, speċjalment minħabba t-tnaqqis kontinwu fl-infiq marbut mar-R&Z;

    tibdil ġeopolitiku, li għandu jwassal għal kooperazzjoni Ewropea ħafna iżjed mill-qrib u livell ogħla ta' indipendenza fid-difiża u s-sigurtà.

    Madankollu, l-istat tad-dibattitu Ewropew fuq dawn iż-żewġ oqsma konnessi ma' xulxin għadu fil-bidu nett tiegħu.

    3.2

    Id-dokumenti tal-gvern (9) kollha jirriflettu tnaqqis fl-infiq marbut mad-difiża (10). Huma jiffukaw l-iżjed fuq l-aġġustamenti fi ħdan qafas nazzjonali: kif tista' tinkiseb l-aqwa kosteffiċjenza possibbli filwaqt li jsir użu biżżejjed tal-kapaċitajiet. L-Istati Membri għadhom 'il bogħod minn viżjoni li tpoġġi l-kapaċitajiet nazzjonali tad-difiża b'mod naturali f'perspettiva Ewropea.

    3.3

    Is-sena li għaddiet il-KESE kkonkluda li: "Il-politika tad-difiża hija influwenzata mill-interessi strateġiċi tal-pajjiżi, (…) li fl-Ewropa huma definiti l-iżjed f’termini nazzjonali. Huwa evidenti li approċċi li għadda żmienhom iwasslu għal żieda fil-frammentazzjoni, lakuni, kapaċità eċċessiva u nuqqas ta’ interoperabbiltà fil-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża" (11).

    3.4

    Sittin sena ta' integrazzjoni Ewropea u s-suq uniku wasslu għal strutturi ekonomiċi u korporattivi reżistenti li jiġġeneraw mudell b'saħħtu fil-livell tal-post ta' attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, rigward viżjoni militari u tad-difiża, biex ma nsemmux l-organizzazzjoni, l-Ewropa għadha fil-bidu.

    3.5

    Id-difiża bħala funzjoni tal-politika estera, li għadha l-aqwa espressjoni tas-sovranità nazzjonali, titfassal, tiġi żviluppata u implimentata skont linji nazzjonali. Kwalunkwe kooperazzjoni multinazzjonali, kemm ma' msieħba Ewropej kif ukoll lil hinn mill-Ewropa, titqies minn dak l-angolu.

    3.6

    L-inizjattivi li ttieħdu biex jingħelbu l-ostakli inerenti sa issa fallew bil-kbir. Il-patt jew ftehim militari Anglo-Franċiż ta' St. Malo dwar il-kooperazzjoni fid-difiża fl-1998 kien mistenni jwassal għal passi sinifikanti fil-kooperazzjoni militari. Wara ħmistax-il sena, u minkejja negozjati oħra, ftit li xejn kien hemm riżultati.

    3.7

    Inizjattiva li ttieħdet minn sitt nazzjonijiet fl-1998 wasslet għal ittra ta' intenzjoni min-naħa tas-sitta l-iżjed pajjiżi tal-produzzjoni importanti – Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja u l-Isvezja – l-hekk imsejħa pajjiżi LoI – ipproduċiet Trattat dwar ir-ristrutturar u l-operazzjoni tal-industrija tad-difiża. Għal perjodu twil ta' żmien, dan it-Trattat dwar l-ippjanar u l-kooperazzjoni mal-industrija kif ukoll dwar il-kapaċitajiet u r-riċerka ma pproduċiex riżultati tanġibbli.

    3.8

    Jeżistu wkoll forom oħra ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju bejn il-Flotot Olandiżi u Belġjani, il-Kooperazzjoni Nordika tad-Difiża (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja) u l-forzi tal-art Ġermaniżi u Olandiżi. Madankollu, dawn ma għandhomx jiġu konfużi mal-kooperazzjoni industrijali, li għadha lura bil-bosta.

    3.9

    L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża twaqqfet fl-2005, bil-ħsieb li jkun hemm kooperazzjoni strutturali b'rabta mad-difiża, idea appoġġjata wkoll mill-inizjattivi tal-Kummissjoni. Minkejja ċertu progress, sa issa ma tnediet l-ebda kooperazzjoni strutturali minħabba nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri.

    3.10

    Biex jikkonkludi, il-KESE josserva li minkejja li hemm iżjed għarfien dwar il-bżonn ta' kooperazzjoni iżjed mill-qrib u viżjoni Ewropea dwar id-difiża, in-nuqqas ta' rieda politika, fehmiet tradizzjonali u interessi qawwija xekklu kwalunkwe progress.

    B.   L-industrija

    3.11

    Ir-reazzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża għall-iżviluppi internazzjonali kienet pjuttost differenti:

    Hija topera f'kuntest dinji. Hija neċessarjament marbuta mal-gvernijiet nazzjonali, iżda hija attiva ferm fis-swieq internazzjonali, li qed isiru dejjem iżjed bażi għal riżultati pożittivi.

    Barra minn hekk, l-industriji ewlenin qed jaħdmu kemm fis-settur militari kif ukoll f'dak ċivili. Il-parti ċivili, li hija iżjed dinamika qed tiżdied minħabba t-tnaqqis fil-bejgħ u d-dħul militari, b'mod speċjali fl-Ewropa.

    3.12

    L-industrija ilha mħassba żmien twil dwar il-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Il-pożizzjoni istituzzjonali tal-industrija tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor: minn kumpanija li huma kompletament tal-istat sa intrapriżi privati u kull tip ta' varjetà oħra. Il-fattur komuni huwa li kullimkien ir-rwol tal-gvernijiet huwa dominanti. Minkejja l-privatizzazzjoni (parzjali) r-rabta bejn l-industrija u l-gvernijiet għadha qawwija ħafna għaliex tiddependi mid-domanda u r-regolazzjoni (monopolistiċi) tal-gvernijiet, u mil-liċenzji għall-esportazzjoni.

    3.13

    Il-preferenza tal-industrija tkun konsolidazzjoni f'livell Ewropew, iżda s-suq huwa limitat wisq. BAE-Systems, Finmeccanica u, pjuttost b'mod inqas qawwi, Thales u EADS huma attivi ħafna fl-Istati Uniti. Madankollu, ma jistgħux joperaw b'mod ħieles fl-Ewropa minħabba li, fid-dawl ta' relazzjonijiet speċjali, il-gvernijiet nazzjonali għad għandhom ir-riedni ta' kwalunkwe deċiżjoni fl-industrija f'idejhom.

    3.14

    Id-dinamika tas-swieq issaħħaħ il-kompetizzjoni fid-dinja kollha. L-industrija Amerikana qed tkattar l-isforzi tagħha fl-esportazzjoni sabiex tikkumpensa għat-tnaqqis ta' ċerti swieq domestiċi. Atturi dinjin ġodda ser jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom dejjem iżjed. Ser jimmiraw ukoll lejn l-esportazzjoni u b'hekk jikkompetu mal-industrija Ewropea fis-swieq tal-pajjiżi terzi.

    3.15

    Fl-aħħar nett, l-industrija tieħu l-pożizzjoni li l-KESE enfasizza bil-qawwa s-sena li għaddiet, jiġifieri li industrija matura tad-difiża qatt ma jista' jkollha pożizzjoni internazzjonali kredibbli mingħajr bażi lokali soda. Fid-dawl tal-aspett teknoloġiku għoli tat-tagħmir militari, l-ebda suq nazzjonali jew baġit għad-difiża fil-livell nazzjonali ma għadu ta' volum biżżejjed. Is-sitwazzjoni ilha hekk għal għoxrin sena, u l-konsegwenzi ta' dan qed isiru iżjed u iżjed serji.

    3.16

    Fit-triq lejn difiża Ewropea indipendenti, il-KESE jenfasizza l-prijorità għolja tal-kapaċitajiet sovrani u l-investimenti b'valur miżjud għoli, li huma kruċjali għall-Ewropa biex taqdi rwol distintiv fid-dinja u ser jikkontribwixxu wkoll għal mod ta' ħsieb ġdid fost l-Ewropej.

    3.17

    Dan l-aħħar, l-industrija tenniet l-argumenti kollha tas-soltu favur teknoloġija stabbli u prevedibbli għat-tul xprunata mill-Ewropa, u skemi ta' produzzjoni fi kwalunkwe qasam importanti.

    3.18

    L-industrija qed tagħti l-allarm. L-alternattiva biex tibqa' ħajja u żżomm il-kapaċità ta' gwadann u l-impjieg tagħha hija li żżid il-produzzjoni ċivili. Madankollu, f'dak il-każ, l-Ewropa tkun nieqsa, b'mod ferm iżjed wiesa', minn industrija tad-difiża domestika, liema ħaġa taffettwa wkoll il-politika estera tagħha.

    3.19

    It-trejdjunjins, rappreżentati minn IndustriAll, jirriflettu l-istess sentimenti ta' ansjetà kbira. Fl-2011, 7330 00 persuna fl-Ewropa (12) kienu impjegati direttament mis-settur tal-ajruspazju u d-difiża u żewġ miljun persuna oħra ddependew minnu. F'dawn l-aħħar għaxar snin, il-manodopera tnaqqset b'mod sostanzjali, u tnaqqis baġitarju addizzjonali qed jhedded l-impjiegi. Iż-żgħażagħ mhumiex attirati biżżejjed lejn is-settur tad-difiża minħabba l-futur imprevedibbli tiegħu.

    3.20

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-impjegati qed ipattu bil-qares għall-falliment tal-gvernijiet li jirristrutturaw l-organizzazzjonijiet tad-difiża tagħhom. Billi jipposponu r-razzjonalizzazzjoni tal-bażi militari, il-gvernijiet qed jitilfu l-opportunità li jinvestu b'mod effettiv fit-tiġdid tal-kapaċitajiet, li għandu impatt negattiv fuq il-manodopera.

    3.21

    Is-sitwazzjoni attwali ser tqanqal iżjed reżistenza, sakemm jibqgħu għaddejjin riorganizzazzjonijiet li la huma ppjanati u lanqas strutturati. Bit-tnedija ta' tibdiliet proattivi tal-politika, ser tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-manodopera fil-livell korporattiv u territorjali sabiex jiġu evitati aġġustamenti għal għarrieda.

    3.22

    L-impjieg, forsi fuq skala iżgħar, ser jitlob ferm iżjed koordinazzjoni Ewropea fit-teknoloġija u l-produzzjoni. F'dan il-proċess, irid jiġi evitat l-impjieg prekarju permezz ta' ħiliet u kompetenzi ġodda sabiex jiġu żgurati bl-aħjar mod possibbli kuntratti u prospetti ta' xogħol deċenti. Jeħtieġ li jitnedew djalogi soċjali effettivi f'livelli diversi.

    3.23

    It-tnaqqis fil-produzzjoni Ewropea dovut għat-tnaqqisiet baġitarji jrid jiġi ġestit b'mod strutturat, bis-saħħa ta' djalogi soċjali deċenti li jkollhom l-għan li jżommu l-impjiegi ujsibu postijiet ġodda ta' impjieg għall-ħaddiema ssensjati. Kemm l-industrija kif ukoll il-persunal imorru aħjar fi ħdan kuntest Ewropew prevedibbli u xprunat mis-suq milli f'riorganizzazzjonijiet fuq perjodu qasir ta' żmien li jkunu ppjanati ħażin fuq bażi purament nazzjonali mingħajr għanijiet ċari (13).

    4.   Kundizzjonijiet politiċi u prospetti potenzjali

    4.1

    Gradwalment, il-prospetti tal-industrija Ewropea tad-difiża tant ser isiru inċerti li jkun hemm bżonn ta' dibattitu fundamentali fost l-Ewropej – u jekk mhux fost kulħadd, tal-inqas fost dawk li juru li għandhom ir-rieda.

    4.2

    Hemm bżonn ta' mentalità ġdida u tal-iżvilupp ta' "lingwa komuni" bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-UE, li jkollhom bħala punt ta' tluq tliet suppożizzjonijiet bażiċi:

    ekonomija Ewropea integrata titlob approċċ komuni għad-difiża u s-sigurtà biex tħares u tipproteġi l-interessi tagħha, iċ-ċittadini tagħha u l-fehmiet tagħha fid-dinja;

    hemm bżonn ta' analiżi komuni tal-iżviluppi dinjin attwali u mistennija (għat-tul) bħala punt ta' tluq biex jiġu żviluppati ideat u approċċi konkreti biex isostnu l-pożizzjoni globali tal-Ewropa fid-dinja;

    jeħtieġ li ssir ir-rabta bejn il-politika estera, it-theddid, id-difiża u s-sigurtà, il-prospetti għat-tul u industrija sostenibbli tad-difiża, inkluż l-impjieg.

    4.3

    Il-KESE huwa konxju bis-sħiħ tal-impatt qawwi ta' dawn is-suppożizzjonijiet interkonnessi li għad mhux qed jiġu diskussi biżżejjed. Il-bosta inizjattivi li tnedew f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena bir-rieda t-tajba fallew minħabba li qatt ma nxteħet dubju fuq is-sovranità nazzjonali, jiġifieri l-perċezzjonijiet nazzjonali tat-theddid u l-pożizzjonijiet, espressi mill-politika estera nazzjonali. Għaldaqstant, bħalissa l-Ewropa qed tgħix b'firxa wiesgħa ta' pożizzjonijiet li, sa ċertu punt, mhumiex kompatibbli. Il-KESE huwa tal-fehma li hija illużjoni li ser ikun hemm progress serju sakemm ma tiġix aċċettata s-sovranità kondiviża fil-qafas tal-UE.

    Id-dibattitu jrid jibda mill-ġdid għal proċessi ġodda u iżjed promettenti.

    4.4

    Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika involuti, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-Kunsill Ewropew dwar id-Difiża ta' Diċembru li ġej. Sa issa, ir-responsabbiltà għad-difiża u s-sigurtà kienet l-iżjed f'idejn il-Ministri tad-Difiża, ġeneralment b'konformità mal-linji gwida ġenerali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, u taħt is-sorveljanza stretta tal-Ministri tal-Finanzi.

    4.5

    Sadattant, il-kuntest qed jinbidel kompletament, minħabba restrizzjonijiet baġitarji drastiċi u l-bżonn tar-razzjonalizzazzjoni flimkien ma' paradigmi ġodda u, għaldaqstant, theddid ġdid. Fid-dawl, fost affarijiet oħra, tar-relazzjoni bejn it-teknoloġija u l-innovazzjoni ċivili u militari, u r-rabta bejn id-difiża u s-sigurtà pubblika, huma involuti wkoll partijiet oħra tal-politika governattiva. Dawn il-fatturi kollha jitolbu approċċ olistiku u globali.

    4.6

    Ħafna nies, b'mod partikolari l-industrijalisti u l-impjegati, qed jiddependu minn mentalità u azzjoni strutturali minn Diċembru 'l quddiem. Jekk l-UE titlef din l-opportunità, hemm mnejn jgħaddu snin qabel ma jirnexxielha twitti t-triq għal proċess pożittiv.

    4.7

    Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru ser ikun l-ewwel Kunsill tal-UE li jindirizza l-kwistjoni tad-difiża minn perspettiva globali. Fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet kbar involuti biex insalpaw lejn direzzjonijiet ġodda, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kunsilli Ewropej sussegwenti ser ikunu indispensabbli biex jipprovdu direzzjoni viżibbli, kredibbiltà u prevedibbiltà.

    5.   Il-politika industrijali

    5.1

    Il-KESE laqa' b'sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Industrijali (14) li għandha l-għan li tħeġġeġ kundizzjonijiet siewja, politiki u programmi għat-twaqqif, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-attivitajiet industrijali fl-Ewropa. L-Ewropa trid tiżgura l-futur industrijali tagħha fi ħdan ambjent miftuħ.

    5.2

    Id-difiża hija settur predominanti u eċċezzjonali. Hija topera, min-natura tagħha, fi swieq dinjin li huma istituzzjonali mija fil-mija. Kemm is-settur kif ukoll il-faċilitajiet ta' riċerka jitwaqqfu u jiġu organizzati abbażi ta' kriterji nazzjonali. Il-pajjiżi ż-żgħar, li ma għandhomx il-produzzjoni industrijali proprja tagħhom, jixtru prodotti disponibbli fis-suq ("off the shelf", li, meta niġu għall-fatti, ifisser li jixtru mill-Istati Uniti.

    5.3

    Permezz tal-konsolidazzjoni fl-industrija – fużjonijiet u take-overs transkonfinali – u l-internalizzazzjoni, b'mod partikolari man-nisġa industrijali tal-Istati Uniti, il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs madwar il-kontinent huma interkonnessi. L-esportazzjonijiet għadhom qed joperaw b'mod pożittiv. L-ikbar ostaklu huwa r-relazzjoni kkumplikata mal-gvernijiet Ewropej minħabba n-nuqqas ta' viżjoni komuni.

    5.4

    Flimkien mal-azzjonijiet tal-EDA, l-UE bdiet b'żewġ direttivi li jirrakkomandaw il-ftuħ tas-swieq intra-Ewropej (15). Id-data tal-għeluq għat-traspożizzjoni kienet is-sajf tal-2011 (16), iżda l-implimentazzjoni fil-prattika qed issir bil-mod.

    5.5

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (17), li turi progress sostanzjali fl-analiżijiet u l-proposti. Il-Kummissjoni ġustament tenfasizza, fil-qafas ta' politika industrijali għas-settur tad-difiża, is-sinifikat tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża, ir-R&Z, ir-rwol tal-SMEs, il-kontribut potenzjali tal-politika reġjonali, u l-iżvilupp ta' ħiliet adatti.

    5.6

    Madankollu, bħala kritika, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni ma tenfasizzax biżżejjed il-pożizzjoni eċċezzjonali tas-settur tad-difiża kif ukoll il-bżonn ta' politika industrijali proattiva. Dan ma jinvolvix biss il-ftuħ tas-swieq, għax dan irid jiġi definit b'mod adatt, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tad-difiża, inkluż l-Artikolu 346 tat-TFUE.

    5.7

    Jinvolvi wkoll il-ħolqien ta' bażi politika fl-Ewropa bil-għan li l-gvernijiet jaħdmu flimkien fuq id-destin komuni tagħhom fuq perjodu twil ta' żmien. B'hekk biss jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex jitnedew programmi komuni serji mill-fażi kunċettwali sal-punt ta' riċerka ffukata, innovazzjoni u produzzjoni fis-suq domestiku Ewropew fuq medda twila ta' żmien.

    5.8

    Ir-R&Z hija fundamentali fil-bidu tal-katina ta' valur li għandha tkun Ewropizzata (18). Dawn kienu r-raġunijiet għala ġiet enfasizzata l-kooperazzjoni fil-qasam tar-R&T (riċerka u t-teknoloġija) u r-R&Z fit-twaqqif tal-EDA, il-preċedessuri tagħha (WEAG u IEPG), kif ukoll fi ħdan in-NATO. Madankollu, għal darb'oħra, għad ma kienx hemm implimentazzjoni.

    5.9

    Għal tletin sena, il-falliment tal-kooperazzjoni kien ir-regola iżjed milli l-eċċezzjoni. Ċerti proġetti nbdew, bħall-NH-90 u l-A400M, iżda l-eżempji juru wkoll li r-rekwiżiti tas-sistema kienu ta' sikwit sempliċement is-somma tar-rekwiżiti nazzjonali, li l-fażijiet tal-iżvilupp kienu twal wisq, u li l-proġetti finali kienu għaljin iżżejjed.

    5.10

    Minbarra xi suċċessi relattivi, inizjattivi oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni, bħall-NF-90, fallew u, b'mod parallel, ġiet implimentata firxa ta' programmi relatati mal-inġenji tal-ajru tal-ġlied (fighter aircraft) – Typhoon, Rafale, Grippen – filwaqt li bosta pajjiżi ssieħbu fil-programm US F-35 kif ukoll f'firxa wiesgħa ta' programmi tal-missili.

    5.11

    Bħalissa mhux qed jiġu implimentati programmi fuq skala wiesgħa u importanti, filwaqt li s-sistemi eżistenti qed jixjieħu u għadda żmienhom. Bħala eżempju, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-vetturi korazzati, is-sottomarini, il-ħelikopters tat-trasport u s-sistemi portabbli tad-difiża tal-ajru. F'każi bħal dawn, jidher li s-sistemi l-ġodda li jaħdmu b'mod awtomatiku joffru opportunità ideali biex jittieħdu inizjattivi komuni, iżda fil-prattika, għadu ma ħareġ l-ebda għan ta' dan it-tip. Possibbiltà oħra hija kooperazzjoni inqas ambizzjuża, bħall-istandardizzazzjoni tal-kapaċitajiet tar-riforniment ta' karburant fl-ajru (air-to-air refuelling).

    5.12

    Il-KESE jitlob li jitnedew programmi Ewropew, b'mod partikolari dwar il-ġenerazzjoni li jmiss tar-RPAS (remotely piloted aircraft systems), li jibnu fuq is-sinerġiji mal-Kummissjoni, u dwar komunikazzjonijiet siguri bis-satellita. Nistgħu neżaminaw ukoll l-oqsma għall-kooperazzjoni (mal-Amerikani), bħall-kapaċitajiet ta' rifiorniment ta' karburant fl-ajru, li huma qasam b'nuqqasijiet kbar u fejn l-EDA qed tanalizza l-possibbiltà ta' soluzzjonijiet Ewropej.

    5.13

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropa ssemmi opportunitajiet li jitolbu appoġġ politiku sħiħ. F'dan ir-rigward, jidher li t-tnedija ta' kapaċità ta' sorveljanza mill-ispazju ta' riżoluzzjoni għolja f'livell Ewropew, li tipprovdi sistemi aġġornati vis-à-vis Helios, RadarSat, eċċ., tkun inizjattiva kruċjali. Kwistjoni prinċipali f'dan il-kuntest hija t-tlaqqigħ flimkien tal-għarfien espert tal-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u ċ-Ċentri tar-Riċerka Konġunta. L-ebda pajjiż Ewropew ma jista' jagħmel dan waħdu.

    5.14

    Jeħtieġ li, fejn hemm bżonn, il-proġetti tad-difiża jkunu marbutin mal-programmi tal-UE fil-qasam tar-R&Z. L-FP7 diġà huwa involut fi proġetti b'użu doppju. Il-fatt li jiifavorixxi l-proġetti transkonfinali joħloq valur miżjud. Il-KESE jitlob li t-teknoloġiji b'użu doppju jiġu kkunsidrati b'mod iżjed sistematiku fil-qafas tal-Orizzont 2020.

    5.15

    Huwa kruċjali li l-politika industrijali fid-difiża tindirizza wkoll id-disparitajiet bejn il-pajjiżi li jipproduċu l-iżjed u pajjiżi oħra. Għandha tiġi promossa b'mod attiv il-parteċipazzjoni tal-industriji mill-pajjiżi kollha sabiex l-ikbar għadd possibbli ta' pajjiżu jimpenjaw ruħhom politikament u jkunu involuti ekonomikament. B'hekk, tintemm bil-mod il-mod il-kwistjoni tal-off-sets, li s-soltu tqanqal tant dibattitu u kritika. Dawn l-elementi għandhom isiru parti integrali ta' strateġija Ewropea globali fil-qasam tad-difiża.

    5.16

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni taħraq tax-xiri ta' prodotti disponibbli fis-suq barra mill-UE. Politiki bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-qafas ta' strateġija Ewropea tad-difiża. Din il-kwistjoni essenzjali u kkumplikati ħafna trid tiġi indirizzata fl-ogħla livell.

    5.17

    Settur Ewropew tad-difiża ġestit kif imiss joffri opportunitajiet ferm aħjar għal kooperazzjoni internazzjonali bbilanċjata, partikolarment mal-Istati Uniti. Meta nqisu li l-Amerika tipproteġi l-interessi strateġiċi tagħha, il-KESE jitlob li s-settur tad-difiża jiġi kkunsidrat bir-reqqa bħala settur eċċezzjonali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku waqt in-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles li jmiss.

    5.18

    F'dan il-qafas ukoll, jeħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista ta' parts kritiċi u sensittivi ta' oriġini Amerikana fil-katina ta' valur Ewropea. Pożizzjoni komuni Ewropea ser tiffaċilita wkoll in-negozjati mal-pajjiżi terzi dwar il-provvista ta' materja prima kritika.

    5.19

    Bl-istess mod, għandhom jiġu żgurati d-drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali meta jsiru esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

    5.20

    Il-kollaborazzjoni b'suċċess bejn l-industriji mill-pajjiżi varji ma għandhiex tiddgħajjef minn deċiżjonijiet unilaterali tal-Istati Membri dwar kontroll tal-esportazzjonijiet li jwasslu għal applikazzjoni ddiversifikata tal-kriterji marbutin mal-kontrolli tal-esportazzjonijiet fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni (19) kif ukoll bejn il-kriterji nazzjonali tal-Istati Membri.

    6.   L-azzjonijiet tal-Kummissjoni

    6.1

    B'mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni. Huwa jqishom bħala pass sostanzjali 'l quddiem. Iżda, dwar ċerti kwistjonijiet, huwa jixtieq jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin:

    6.2

    Il-kooperazzjoni mal-EDA hija kruċjali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni u l-kombinazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni ma' dik tal-EDA, kif propost fl-azzjonijiet differenti rakkomandati fil-Komunikazzjoni, huma kundizzjoni indispensabbli għall-progress u s-suċċess. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-promozzjoni tal-kapaċitajiet ta' użu doppju, bħall-kapaċitajiet tat-trasport bl-ajru.

    6.3

    Il-KESE jenfasizza li, sabiex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha, l-EDA teħtieġ bażi finanzjarja iżjed b'saħħitha u impenn sħiħ min-naħa tal-Istati Membri. Għandha tingħata rwol iżjed prominenti fl-ippjanar tad-difiża bil-għan li jiġu appoġġjati l-Istati Membri.

    6.4

    Il-KESE japprova bil-qawwa l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni li ser jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni transkonfinali fl-industrija kif ukoll l-ispeċjalizzazzjoni reġjonali u n-netwerks tal-eċċellenza. Huwa jħeġġeġ is-sinerġiji bejn l-EDA u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), l-iżjed fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni.

    6.5

    L-SMEs, li huma interkonnessi wkoll mal-kumpaniji l-kbar, huma importanti ħafna għall-innovazzjoni u l-produzzjoni tad-difiża Ewropea. Il-KESE jenfasizza l-bżonn ta' netwerks miftuħa bil-għan li jiġu appoġġjati l-azzjonijiet proposti. Għadd iżgħar ta' proġetti (Ewropej) iżda iżjed iffukati jista' jwassal għal opportunitajiet ġodda.

    6.6

    Is-sehem ta' firxa wiesgħa ta' SMEs mill-Ewropea ser jgħin ukoll biex jiġi involut l-ikbar għadd ta' pajjiżi possibbli. Is-sehem tagħhom jista' wkoll iservi ta' opportunità biex il-pajjiżi jiġu kkumpensati meta jagħmlu l-bidla mix-xiri ta' prodotti disponibbli fis-suq għal dawk Ewropej.

    6.7

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni dwar il-ħiliet, li huma kruċjali. Huwa jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-kontribut pożittiv tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali, u jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-EDA biex tissensibilizza lill-Istati Membri, biex tappoġġja l-iżvilupp ta' proġetti konkreti f'dawn l-oqsma.

    6.8

    Il-KESE jtenni l-appoġġ sod tiegħu għall-azzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-isfruttament attiv tat-teknoloġiji b'użu doppju.

    6.9

    Il-KESE jenfasizza r-rabta potenzjalment pożittiva bejn il-politiki spazjali u d-difiża għal proġetti eżistenti u dawk li ġew żviluppati dan l-aħħar (20).

    6.10

    Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet proposti fil-qasam tal-enerġija. Dawn ser jinvolvu wkoll għadd ta' SMEs.

    6.11

    Id-dimensjoni internazzjonali hija ta' importanza fundamentali, kif inhija wkoll il-Komunikazzjoni ppjanata dwar viżjoni għat-tul għall-kontrolli strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-esportazzjonijiet. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-relazzjonijiet industrijali esterni jirnexxu biss jekk ikun hemm suq intern ġenwin.

    6.12

    Fl-aħħar nett, il-KESE japprova bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi kollha msemmijin fil-Kapitolu 9.2 tal-Komunikazzjoni.

    Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti, COM(542) 2013 final.

    (2)  Dan id-dokument għadu ma ġiex ippubblikat. Hija disponibbli fehma provviżorja tar-Rappreżentant Għoli.

    (3)  ĠU C 229, 4.10.2012, p. 17

    (4)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 17

    (5)  Ara l-Artikolu 42 tat-TUE.

    (6)  F'dan ir-rigward, eżempju li joħroġ dan biċ-ċar fl-industrija ċivili huwa l-iżvilupp b'suċċess u dinamiku tal-Airbus.

    (7)  Ara d-data tal-2011 tal-EDA dwar id-difiża.

    (8)  Sors: EDA, Jannar 2012.

    (9)  Strategic Defence and Security Review, Renju Unit, Ottubru 2010. Livre Blanc sur la Défense et la sécurité nationale (White Paper dwar id-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali), Franza, Mejju 2013.

    (10)  Il-kummenti kritiċi li l-Ministru Franċiż tad-Difiża, Jean-Yves Le Drian, qajjem f'diskors għall-Ecole militaire f'Pariġi fid-29 ta' April ta' din is-sena wrew b'mod miftuħ l-impatt ta' dan it-tnaqqis.

    (11)  Ibid punt 1.2.

    (12)  Rapport Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Ajruspazju u d-Difiża fl-Ewropa (ASD – AeroSpace and Defence Industries Association of Europe), 2012.

    (13)  Ara wkoll "Twelve demands for a sustainable industrial policy", IndustriAll Europe Executive Committee, 12-13 ta' Ġunju 2013.

    (14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika Industrijali, (COM(2012) 582 final) u l-Opinjoni tal-KESE dwar din il-Komunikazzjoni.

    (15)  Pakkett tad-Difiża, 2007.

    (16)  Direttiva 2009/43/KE (ĠU L 146, 10.6.2009) dwar it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża u 2009/81/KE (ĠU L 216, 20.8.2009) dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà. Il-Pakkett tad-Difiża kien jinkludi wkoll Komunikazzjoni dwar “Strateġija għal industrija tad-difiża Ewropea aktar b’saħħitha u kompetittiva”, COM(2007) 764, 5.12.2007.

    (17)  Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.

    (18)  B'konformità ma' bosta dokumenti. Ara wkoll ĠU C 299, 4.10.2012, p. 17

    (19)  2008/944/PESK.

    (20)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar l-ispazju, Settembru 2013.


    Top