Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4374

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sehem tas-settur privat fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015” (Opinjoni esploratorja)

    ĠU C 67, 6.3.2014, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sehem tas-settur privat fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015” (Opinjoni esploratorja)

    2014/C 67/01

    Relatur: is-Sur VOLEŠ

    F’ittra tad-19 ta’ April 2013 mill-Kummissarju Šefčovič, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jħejji opinjoni esploratorja dwar

    Is-sehem tas-settur privat fil-qafas tal-iżvilupp għal wara l-2015

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Settembru 2013.

    Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’100 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Tisħiħ tal-pożizzjoni tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    1.1.1

    Is-settur privat jista' jaqdi rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja, għax joħloq l-impjieg, jipproduċi l-ġid u s-servizzi, jiġġenera d-dħul u l-benefiċċji u, permezz tat-taxxi li jħallas, jikkontribwixxi biex jiġu koperti l-ispejjeż pubbliċi, bil-kundizzjoni li jirrispetta l-prinċipji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp rikonoxxuti fil-livell internazzjonali u li l-impjiegi li jinħolqu jkunu diċenti u skont l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO.

    1.1.2

    Il-Kumitat jitlob li s-settur privat jipparteċipa ħafna aktar fil-programm ta' żvilupp għal wara l-2015 u fis-sħubija dinjija ġdida. Is-sehem tas-settur privat fit-tfassil tal-għanijiet maħsubin għall-qerda tal-faqar u biex niksbu żvilupp sostenibbli u tkabbir ġust u inklużiv li jqis kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità, ser iwassal biex dan is-settur jerfa' l-parti ta' responsabbiltà tiegħu fit-twettiq ta' dawn l-għanijiet.

    1.1.3

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinnutaw mhux biss il-vantaġġi iżda anke r-riskji marbutin mal-azzjoni tas-settur privat: huwa għalhekk li l-għajnuna mis-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipji ta' trasparenza, tal-ftuħ tal-akkwist pubbliku, tal-effiċjenza, tal-effikaċja tar-riżorsi investiti u tar-responsabbiltà tal-korpi pubbliċi lejn il-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' żvilupp adottata. Il-parti totali li qed tikber li qed tieħu l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp iddedikata għall-iżvilupp tas-settur privat m'għandhiex tnaqqas ir-riżorsi finanzjarji li jingħataw fil-qafas tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-aktar foqra.

    1.2   Inħeġġu lis-settur privat għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp

    1.2.1

    F'din l-opinjoni, is-settur privat jinkludi wkoll is-settur soċjali, huwa magħmul minn ħaddiema indipendenti, mikrointrapriżi, negozji żgħar u ta' daqs medju, kumpaniji multinazzjonali kbar, kooperattivi u intrapriżi oħrajn tal-ekonomija soċjali, u jinkludi lill-ħaddiema tal-intrapriżi privati u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jikkooperaw fi proġetti privati. L-għajnuna lis-settur privat u l-kooperazzjoni ma' dan is-settur għandhom iqisu n-natura differenti ta' kull parti interessata. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jeżisti wkoll settur privat informali kbir u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-impjieg informali kif ukoll is-sitwazzjonijiet li jħeġġuh.

    1.2.2

    Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta attivament fid-proċess tad-definizzjoni tar-rwol tas-settur privat u t-twaqqif ta' indikaturi tal-kontribut ta' dan tal-aħħar għall-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp; il-ħolqien ta' pjattaforma wiesgħa fil-livell Ewropew għandha tgħin f'dan ir-rigward, anke bis-sehem tal-partijiet interessati kollha.

    1.2.3

    L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għandha tintuża bħala fattur multiplikatur biex il-kapital privat jingħaqad mal-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi. Għaldaqstant l-għajnuna mogħtija tista' tingħata għanijiet definiti b'mod ċar, bħall-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalità, iż-żieda fil-kwalità tal-produzzjoni, it-trasferiment tal-għarfien dwar il-ġestjoni għas-settur privat, eċċ.

    1.2.4

    Is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat jistgħu jsiru strument essenzjali għat-twettiq tal-istrateġiji ta' żvilupp, sakemm jiġi żgurat minn qabel li l-ammont ikun korrett u li jkun hemm komunikazzjoni tajba mal-partijiet interessati.

    1.3   Appoġġ għall-ħolqien ta' ambjent intraprenditorjali favorevoli

    1.3.1

    Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex is-settur privat ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu fl-iżvilupp, jeħtieġ ambjent intraprenditorjali favorevoli li jinkludi r-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija rikonoxxuti b'mod ġenerali, li jiffaċilita l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi, inaqqas il-burokrazija, isaħħaħ it-trasparenza, iwaqqaf il-korruzzjoni omnipreżenti u jħeġġeġ l-investituri barranin u lokali.

    1.3.2

    Ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi għandha tkun inizjattiva volontarja tal-intrapriżi u s-sħubija tagħhom f'intraprenditorija etika. Għandu jiġi propost qafas definit sew għar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi fil-qasam tal-iżvilupp, b'rispett tal-linji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali (OECD Guidelines for Multinational Enterprises), u prinċipji oħrajn rikonoxxuti mad-dinja.

    1.3.3

    Waqt li jkun qed joħloq impjiegi ġodda, is-settur privat għandu jirrispetta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali, speċjalment il-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO). Il-ħolqien ta' dawn l-impjiegi ġodda għandu jkun konformi mal-Aġenda għal Xogħol Diċenti tal-ILO.

    1.4   Inħeġġu l-potenzjal ta' innovazzjoni tal-intrapriżi għall-iżvilupp

    1.4.1

    Il-programmi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-Istat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jitfasslu f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-NGOs ikkonċernati li huma impenjati fl-għajnuna għall-iżvilupp, u jaqbel li jittejbu l-kundizzjonijiet li fihom in-negozji żgħar u medji b'mod speċjali jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, għax huma dawn li għandhom l-ikbar potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-faqar.

    1.4.2

    Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-organizzazzjonijiet tal-intraprendituri għandhom bżonn jiksbu ħiliet biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw influwenza pożittiva fuq l-ambjent intraprenditorjali. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom għandu jiġi appoġġjat, filwaqt li jsir użu mill-kontribut attiv ta' organizzazzjonijiet sħab fil-pajjiżi żviluppati. Il-programmi Ewropej tal-għajnuna esterna għalhekk għandhom jiffinanzjaw ukoll l-għajnuna teknika li l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-intraprendituri jipprovdu lill-imsieħba tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jżidu l-motivazzjoni tagħhom.

    1.4.3

    L-għajnuna għall-iżvilupp għandha tappoġġja wkoll il-proġetti innovattivi u l-mudelli ta' intrapriżi li jiffavorixxu l-inklużjoni, inkluż l-appoġġ għal soċjetà bla ostakli, għax dan jgħin biex jinqered il-faqar ta' gruppi ta' ċittadini fir-riskju, bħall-persuni b'diżabbiltà, in-nisa, il-persuni mdaħħlin fl-età, eċċ.

    1.4.4

    Hemm lok biex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni tas-settur privat mal-NGOs, billi, pereżempju, jintużaw il-volontarji biex l-għarfien jiġi trasferit lill-intrapriżi lokali fl-oqsma tal-ġestjoni, tat-teknoloġiji, eċċ. Il-proġetti ta' intrapriżi innovattivi li jirnexxu ħafna jistħoqqilhom aktar pubbliċità u anke li din tkun sistematika.

    1.4.5

    L-iżvilupp tas-settur privat jeħtieġ li jiġu appoġġjati aktar it-taħriġ u l-kisba tal-għarfien tat-teknoloġiji essenzjali, speċjalment għal dawk il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi.

    1.4.6

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-programm Erasmus għaż-żgħażagħ intraprendituri jitwessa' għal persuni interessati li jkunu ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew li jinħoloq programm b'għanijiet simili u li jingħatawlu l-mezzi finanzjarji neċessarji.

    1.4.7

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-industrija tal-estrazzjoni u tal-materja prima fejn għandhom jiġu applikati b'mod strett ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u s-sostenibbiltà tal-iżvilupp ekonomiku tal-Istat.

    1.4.8

    Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw sikwit ma jkollhomx strateġiji għall-iżvilupp tan-negozji żgħar u ta' daqs medju; għaldaqstant, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi aħjar biex dan in-nuqqas jitranġa. L-esperjenza miksuba fl-Ewropa fil-qasam tal-għajnuna għan-negozji żgħar u ta' daqs medju għandha tingħadda lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod immirat u pertinenti.

    2.   Punti ewlenin tal-Opinjoni

    2.1

    Is-Sur Šefčovič, Kummissarju Ewropew, indirizza ittra lill-President tal-KESE, li fiha jgħid li l-Kummisjoni qed tħejji xi proposti maħsubin biex is-settur privat jiġi involut aktar fis-sħubija dinjija għall-iżvilupp għal wara l-2015 u għaldaqstant talab li l-Kumitat iħejji Opinjoni esploratorja dwar ir-rwol tas-settur privat sabiex sadanittant jiżdied ir-ritmu tal-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li bħalissa qed jiġi diskuss fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.

    2.2

    Fl-Opinjoni tiegħu REX/372 (1) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli", il-KESE adotta sensiela ta' rakkomandazzjonijiet biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fit-twettiq u s-segwitu tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli għal wara l-2015 fil-livell dinji.

    2.3

    Fil-qafas tal-Opinjonijiet tiegħu (2), il-Kumitat ilu żmien jiddedika għadd ta' ħidmiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-kooperazzjoni esterna, u kiseb bosta esperjenzi u għarfien konkreti permezz tal-inizjattivi tiegħu stess dwar il-kwistjonijiet tal-pajjiżi AKP, il-Euromed, is-Sħubija tal-Lvant, in-negozjati kummerċjali internazzjonali u oqsma oħrajn b'rabta mal-problemi ta' żvilupp. Il-Kumitat għamel użu sħiħ minn dan il-korp ta' għarfien fit-tfassil ta' din l-Opinjoni.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Is-settur privat jista' jaqdi rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja, għax joħloq l-impjieg, jipproduċi l-ġid u s-servizzi, jiġġenera d-dħul u l-benefiċċji u, permezz tat-taxxi li jħallas, jikkontribwixxi biex jiġu koperti l-ispejjeż pubbliċi, bil-kundizzjoni li jirrispetta l-prinċipji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp rikonoxxuti fil-livell internazzjonali. Anke wara l-2015, l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp ser tibqa' xprun importanti tal-iżvilupp, iżda waħidha mhux ser tkun biżżejjed biex jinqered il-faqar (3).

    3.2

    L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju kellhom bżonn ta' definizzjoni aktar ċara tal-mod kif dawn setgħu jintlaħqu. Kien hemm nuqqas ta' konnessjonijiet reċiproċi u ma qisux ir-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp (4). Hemm bżonn li s-settur privat jiġi involut ħafna aktar fil-qafas futur tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għal wara l-2015 bħala msieħeb strateġiku u xprun ta' tkabbir sostenibbli għat-tliet pilastri li jsostnu lil dan it-tkabbir: l-ewwel pilastru ekonomiku, it-tieni wieħed soċjali u t-tielet wieħed ambjentali, u li huma bbażati fuq indikaturi mhux biss kwantitattivi, iżda anke kwalitattivi.

    3.3

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (5) jiġbdu l-attenzjoni kemm fuq il-vantaġġi kif ukoll ir-riskji tas-sehem tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Sabiex jitneħħew dawn ir-riskji, hemm bżonn li l-għajnuna lis-settur privat permezz tar-riżorsi mogħtija għall-iżvilupp tirrispetta l-prinċipji ta' trasparenza, effiċjenza, effikaċja tar-riżorsi investiti, tal-ftuħ tal-akkwist pubbliku u tar-responsabbiltà tal-korpi pubbliċi lejn l-atturi kollha milquta mit-twettiq tal-istrateġija ta' żvilupp adottata.

    3.4

    Is-settur privat iħaddan ħaddiema indipendenti, mikrointrapriżi, negozji żgħar u ta' daqs medju, kumpaniji multinazzjonali kbar, kooperattivi u intrapriżi oħrajn tal-ekonomija soċjali, u istituzzjonijiet finanzjarji. Jekk nieħdu t-terminu 'settur privat' fit-tifsira wiesgħa tiegħu, l-impjegati tal-kumpaniji privati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jieħdu sehem fi proġetti privati wkoll jagħmlu parti minn dan is-settur. Minbarra l-intrapriżi privati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeżisti wkoll settur privat informali vast. Meta tingħata l-għajnuna għall-iżvilupp, jaqbel li ssir differenza bejn kull waħda minn dawn l-entitajiet privati u l-effetti tal-attivitajiet tagħhom fuq l-iżvilupp, skont id-daqs tagħhom, il-qasam ta' attività tagħhom u l-livell ta' żvilupp tal-Istat ikkonċernat (Stat inqas żviluppat, żviluppat sa livell medju, li qed jiżviluppa jew saħansitra vulnerabbli).

    3.5

    Is-settur privat, flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandu jieħu sehem fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet għal dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp f'kull Stat, u jikkontribwixxi għat-twaqqif ta' għanijiet ġodda ta' żvilupp sostenibbli għal wara l-2015, sabiex iġorr il-parti ta' responsabbiltà tiegħu fil-kisba tagħhom. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu marbutin mat-titwil tal-għanijiet ta' żvilupp tal-millennju, għandhom ikunu konkreti u li jistgħu jitkejlu u jinkludu l-oqsma tal-ilma, il-biedja, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-infrastrutturi tat-trasport, l-edukazzjoni, is-settur tas-saħħa, l-ekonomija diġitali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ugwaljanza soċjali.

    3.6

    Is-settur privat għandu jiġi rikonoxxut bħala element kostituttiv essenzjali tas-sħubija dinjija ġdida għall-iżvilupp. Għandha tinħoloq pjattaforma li tgħaqqad flimkien lir-rappreżentanti tal-intraprendituri u lill-impjegaturi Ewropej li tkun miftuħa wkoll għal partijiet interessati oħra, anke r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex isir dibattitu mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej u finanzjarji dwar il-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp.

    3.7

    Is-settur privat tal-Istati donaturi jieħu sehem fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħala fornitur tas-servizzi u ta' tagħmir imħallsin mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, bħala fornitur dirett tal-għajnuna għall-iżvilupp għal raġunijiet filantropiċi, fil-qafas ta' proġetti komuni mas-settur pubbliku u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll bħala investitur fil-proġetti li, minbarra l-interess għall-intrapriża, għandhom ukoll effetti sinifikanti fuq l-iżvilupp. Ikun tajjeb li l-ewwel u qabel kollox jiġu appoġġjati l-proġetti li jimmiraw għall-innovazzjoni permezz tat-twaqqif ta' kapaċitajiet ta' innovazzjoni, servizzi ta' konsulenza, inkubaturi tan-negozju u fergħat ta' intrapriżi fil-pajjiżi benefiċjarji. L-akkwist pubbliku għall-proġetti ta' żvilupp għandu jkun trasparenti u miftuħ.

    3.8

    Il-kontribut tas-settur privat għall-iżvilupp għandu wkoll jinkludi l-appoġġ għal soċjetà mingħajr ostakli, għax din tgħin biex jinqered il-faqar fost il-gruppi ta' ċittadini li jinsabu fir-riskju, bħall-persuni b'diżabbiltà, in-nisa, l-anzjani, jew il-persuni li huma temporanjament imweġġa'. F'dan ir-rigward, il-ftehim-qafas dwar is-suq tax-xogħol inklużiv konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej f'Marzu 2010 jista' jservi ta' ispirazzjoni biex din l-esiġenza tiġi integrata fil-qafas futur tal-iżvilupp.

    3.9

    Is-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ għajnuna sistematika sabiex ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu fl-iżvilupp. Huwa għalhekk li qed tiżdied il-parti tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp iddedikata għall-iżvilupp tas-settur privat. Madankollu dan il-progress m'għandux isir għad-detriment tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp ipprovduta lill-pajjiżi inqas żviluppati, li mingħajrha dawn ma jistgħux isolvu l-problemi l-aktar urġenti tagħhom.

    3.10

    L-investimenti privati tal-kumpaniji multinazzjonali kbar fi proġetti li jkunu ta' interess għall-iżvilupp huma opportunità biex fit-twettiq tagħhom jiġu involuti l-SMEs lokali, li jeżistu diġà jew ġodda, sabiex dawn, permezz tal-kooperazzjoni mal-imsieħba tal-pajjiżi żviluppati, ikunu jistgħu jiksbu ħiliet tekniċi u jkollhom aċċess għat-teknoloġiji avvanzati adegwati. L-intrapriżi multinazzjonali għandhom jirrispettaw il-prinċipji rikonoxxuti min-NU, l-OECD u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħrajn (6).

    3.11

    Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-bqija tad-dinja, l-SMEs jikkostitwixxu l-potenzjal prinċipali għall-iżvilupp, u l-mikrokrediti u s-self sussidjat mill-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-finanzjament tal-iżvilupp għandhom jikkontribwixxu biex jinħeles dan il-potenzjal. Barra minn hekk, it-trasferimenti tat-tfaddil u ta' mezzi finanzjarji oħrajn tal-emigranti huma sors importanti ta' investiment u hemm bżonn li dawn jitħeġġu jorjentawhom aktar lejn il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-Istat ikkonċernat.

    3.12

    Il-Kumitat jinsab sodisfatt bl-ideat li tesprimi l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha "Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli" (7) u jitlob li s-settur privat u s-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti fid-dibattitu propost dwar l-approċċ integrat tal-finanzjament.

    3.13

    L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għandha tintuża bħala fattur multiplikatur biex il-kapital privat jingħaqad mal-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-istrumenti ta' innovazzjoni bħall-"blending" (fejn jingħaqdu flimkien ir-riżorsi), il-varji mekkaniżmi ta' garanzija u r-rati ta' interess imnaqqsa għandhom iservu proprju għal hekk. Fil-kalkolu tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għandhom jitqiesu l-garanziji tal-Istat għall-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant l-għajnuna mogħtija lill-kapital privat tista' tintrabat ma' kundizzjonijiet u indikaturi definiti b'mod ċar li jqisu n-natura sostenibbli tal-iżvilupp, il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija ekoloġika, il-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda fil-kwalità tal-produzzjoni, it-trasferiment tal-għarfien dwar il-ġestjoni għas-settur privat, eċċ.

    3.14

    L-investimenti għandhom jiġu orjentati aktar lejn it-tisħiħ tas-setturi tas-servizzi bħas-settur bankarju, l-assigurazzjonijiet, is-servizzi ta' telekomunikazzjoni, it-trasport u s-servizzi l-oħra li jgħinu lill-intrapriżi, u li mingħajrhom l-industrija u l-biedja ma jistgħux jiżviluppaw b'mod tajjeb. F'dan ir-rigward, l-Istat irid jissorvelja l-kompetizzjoni u jiżgura l-protezzjoni adegwata tal-investimenti.

    3.15

    Is-sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati jistgħu jsiru strument essenzjali għat-twettiq tal-istrateġiji ta' żvilupp, għax huma jgħaqqdu l-mekkaniżmu ta' sussidji tal-fondi pubbliċi u l-inizjattivi ta' investiment privati biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' żvilupp tal-benefiċjarji finali. Is-suċċess ta' dawn il-proġetti jitlob informazzjoni trasparenti u komunikazzjoni miftuħa mal-partijiet interessati.

    4.   Appoġġ għall-ħolqien ta' ambjent intraprenditorjali favorevoli

    4.1

    Fil-pajjiżi benefiċjarji li qed jiżviluppaw, hemm bżonn ta' għadd ta' kundizzjonijiet fundamentali biex is-settur privat ikun jista' jeżisti u jwettaq sewwa l-attivitajiet tiegħu sabiex jaqdi r-rwol tiegħu fl-iżvilupp. Għalhekk il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkun orjentata aktar lejn it-titjib permanenti tal-ambjent intraprenditorjali, li jiffaċilita l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi, inaqqas il-burokrazija, isaħħaħ it-trasparenza u b'hekk iwaqqaf il-korruzzjoni omnipreżenti. L-affermazzjoni tal-istat tad-dritt tistimola lill-investituri barranin u lokali u tikkontrobwixxi għad-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali.

    4.2

    Il-ħolqien ta' ambjent intraprenditorjali b'saħħtu għandu jistrieħ fuq il-mekkaniżmi tas-suq, inklużi l-kompetizzjoni ekonomika, swieq finanzjarji li jimxu tajjeb, l-indipendenza tal-qrati, l-applikazzjoni mifruxa tal-liġijiet fis-seħħ, speċjalment fil-qasam kummerċjali, ir-rispett tar-regoli tal-kummerċ internazzjonali u r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ikun tajjeb li nirrispettaw il-kulturi lokali b'mod li ma jxekklux il-kompetizzjoni ekonomika u fejn ma jwasslux għall-korruzzjoni u għal distribuzzjoni mill-ġdid sterili tal-fondi.

    4.3

    Ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkun inizjattiva volontarja tal-intrapriżi u s-sħubija tagħhom f'intraprenditorija etika. L-intrapriżi jagħżlu huma stess, fil-qafas fundamentali tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell dinji (8), id-dispożizzjonijiet li huma adegwati għall-attività ekonomika tagħhom. Id-definizzjoni ta' dan il-qafas ser twassal għall-garanzija ta' kompetizzjoni ġusta mal-intrapriżi l-oħrajn tas-settur.

    4.4

    Is-settur privat joħloq impjiegi u jista' wkoll jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar; madankollu hemm bżonn li fl-istess ħin jirrispetta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali. Hemm bżonn jiġu applikati b'mod strett il-konvenzjonijiet prinċipali tal-ILO (il-libertà ta' sħubija f'union u ta' negozjati kollettivi, il-projbizzjoni tax-xogħol furzat, ix-xogħol tat-tfal u kull tip ta' diskriminazzjoni fil-qasam tax-xogħol).

    4.5

    L-impjiegi ġodda għandhom jinħolqu b'konformità mal-Aġenda għal Xogħol Diċenti tal-ILO li tgħid li l-impjieg irid jintgħażel b'mod liberu, il-ħaddiem għandu jgawdi minn protezzjoni soċjali, l-impjegatur għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, u li jrid ikun hemm djalogu soċjali. L-investituri kollha, speċjalment dawk li jirrikorru għal għajnuna pubblika għall-iżvilupp, għandhom jirrispettaw b'mod strett dawn il-prinċipji waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom u f'dan is-sens jinfluwenzaw lill-imsieħba tagħhom b'mod pożittiv.

    4.6

    Il-programmi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-Istat fil-pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw għandhom isaħħu l-prinċipji tal-istat tad-dritt u jikkontribwixxu għat-titjib tal-ambjent tal-intrapriżi u biex ikabbru l-kapaċitajiet ta' assorbiment tal-intrapriżi lokali. Dawn il-programmi għandhom jitfasslu f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-NGOs ikkonċernati.

    5.   Kif is-settur privat jista' jiġi involut aħjar fl-iżvilupp

    5.1

    L-organizzazzjonijiet tal-intraprendituri bħall-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet u r-raggruppamenti professjonali, il-federazzjonijiet tal-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali tal-pajjiżi donaturi għandhom ikunu involuti attivament fil-programmi ta' għajnuna għas-settur privat tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw matul il-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-proġett. Għal dan hemm bżonn li jitfassal programm li jappoġġja lill-organizzazzjonijiet lokali inkarigati li jirrappreżentaw lill-intrapriżi żgħar u medji u jippermettu lil dawn jiksbu l-esperjenza, speċjalment fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-integrazzjoni fil-katini tal-provvista, taċ-ċertifikazzjoni, tal-loġistika, eċċ.

    5.2

    Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-organizzazzjonijiet tal-intraprendituri għandhom bżonn jiksbu l-ħiliet biex itejbu l-ambjent intraprenditorjali, isaħħu t-tmexxija demokratika tal-qrati tagħhom, iġibu membri ġodda u jikkomunikaw attivament magħhom. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom għandu jiġi appoġġjat, filwaqt li jsir użu mill-kontribut attiv ta' organizzazzjonijiet sħab simili fl-UE. Il-programmi Ewropej tal-għajnuna esterna għalhekk għandhom jiffinanzjaw ukoll l-għajnuna teknika li l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-intraprendituri jipprovdu lill-imsieħba tagħhom.

    5.3

    L-iżvilupp tas-settur privat għandu jinkludi programmi ta' taħriġ għall-intraprendituri, anke permezz ta' apprendistati f'pajjiż żviluppat. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi studjata l-possibbiltà li l-programm Erasmus għaż-żgħażagħ intraprendituri jitwessa' għal persuni interessati li jkunu ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew li jinħoloq programm b'għanijiet simili u li jingħatawlu l-mezzi finanzjarji neċessarji.

    5.4

    Għandhom jiġu appoġġjati aktar it-taħriġ u l-iżvilupp tal-għarfien marbutin mat-teknoloġiji essenzjali, speċjalment għall-ħaddiema bi kwalifiki baxxi. Il-bżonn ta' programmi ta' taħriġ professjonali ilu jinħass għal żmien twil u l-pajjiżi donaturi jagħtu prinċipalment boroż ta' studju għal edukazzjoni ogħla. Madankollu, fl-industrija u f'setturi oħrajn, is-settur privat għandu bżonn li l-ħaddiema jkollhom il-kompetenzi professjonali attwali li jinkisbu fil-qafas ta' tagħlim tradizzjonali, kif ukoll ċerti drawwiet tax-xogħol neċessarji meta persuna tkun impjegata minn investitur barrani jew minn intrapriża mħallta.

    5.5

    L-għajnuna għall-iżvilupp għandha tappoġġja l-ewwel lill-proġetti innovattivi u lill-mudelli ta' intrapriżi ġodda li jiffavorixxu l-inklużjoni, li joffru spazju kbir ta' kooperazzjoni tas-settur privat mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Hawnhekk nistgħu nsemmu l-eżempju tal-istazzjonar ta' esperti volontarji li jgħinu l-iżvilupp tal-intrapriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (9). Ħaġa oħra li tista' tikkontribwixxi għall-iskambju reċiproku tal-esperjenzi tal-Istati Membri hija żieda fir-reklamar ta' proġetti intraprenditorjali innovattivi favur l-iżvilupp li kienu ta' suċċess.

    5.6

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-industrija tal-estrazzjoni u tal-materja prima. Il-proġetti ta' investiment għandhom iqisu l-isfidi bħall-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u s-sostenibbiltà tal-iżvilupp. Is-servizzi tal-Istat u tal-awtoritajiet lokali tal-pajjiż benefiċjarju għandhom jiddefinixxu qafas adegwat għal kull settur ta' attività u jaraw li dan jiġi rispettat, speċjalment fil-qasam tal-konformità mal-obbligi fiskali. L-għajnuna għandha twassal biex jiġi adottat dan l-approċċ sistematiku, billi jiġu definiti regoli tajbin li jillimitaw il-piż amministrattiv eċċessiv u jipprevjenu l-firxa tal-korruzzjoni.

    5.7

    L-għajnuna għall-iżvilupp għandha tappoġġja biedja sostenibbli u lill-industriji lokali tal-ipproċessar sabiex jittejjeb l-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel u tal-materja prima. Ikun tajjeb li jitħeġġeġ il-ħolqien ta' assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u ta' produtturi żgħar li jipproċessaw il-prodotti agrikoli u li jintegrawhom fil-katini tal-provvista.

    Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar: Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli ĠU C 271, 19.9.2013, p. 144–150.

    (2)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar: L-istrateġija Konġunta UE-Afrika (2009) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156, Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari (2010) ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1–9, Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (2012) ĠU C 43, 15.2.2012, p. 82–88, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla / L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi (2012) ĠU C 229, 31.7.2012, p. 133–139, Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki tal-iżvilupp tal-UE (2012) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 28–34, u Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (2013) (għad mhix ippubblikata fil-ĠU).

    (3)  Huma biss ftit pajjiżi żviluppati li laħqu jew qabżu l-għan miftiehem li jagħtu 0,7 % tal-Prodott Domestiku Gross tagħhom lill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

    (4)  "Preliminary Perspectives for the Post-2015 Development Agenda", Frar 2013.

    (5)  Konfederazzjoni internazzjonali tat-trejdjunjins: http://www.ituc-csi.org, Concord: http://www.concordeurope.org, Kumitat tad-donaturi għall-iżvilupp tal-intrapriżi: http://www.enterprise-development.org/page/french.

    (6)  Il-prinċipji ewlenin tan-NU dwar l-intrapriżi u d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji ewlenin tal-OECD dwar l-intrapriżi multinazzjonali, l-inizjattiva għat-trasparenza fl-industriji estrattivi, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli.

    (7)  COM(2013) 531 final tas-16 ta' Lulju 2013.

    (8)  Pereżempju: l-istandard ISO 26000, l-inizjattiva tan-NU dwar is-sitt prinċipji għall-investiment responsabbli.

    (9)  Ara pereżempju l-assoċjazzjoni ta' utilità pubblika Ex-Change: http://www.ex-change.be.


    Top