EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4359

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE” COM(2013) 229 final

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 150–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/150


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE”

COM(2013) 229 final

2014/C 67/30

Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar id-29 ta' April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE

COM(2013) 229 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'122 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-akkwakultura tal-UE tista' u għandha tikkontribwixxi b'mod effettiv biex tnaqqas id-dipendenza Ewropea, li qiegħda dejjem tiżdied, mill-importazzjoni tal-prodotti akkwatiċi.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jippromovu miżuri ambizzjużi għall-irkupru tal-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej tal-akkwakultura.

1.3

Il-KESE jemmen li t-tul ta' żmien meħtieġ attwalment sabiex l-intrapriżi tal-akkwakultura jingħataw l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi, li f'ħafna Stati Membri hu aktar minn sentejn jew tliet snin, mhuwiex aċċettabbli. Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-akkwakultura Ewropea, il-KESE jemmen li hu essenzjali li l-proċeduri amministrattivi jkunu aktar rapidi u b'inqas spejjeż.

1.4

Huwa stmat li kull żieda ta' punt perċentwali fil-konsum tal-prodotti akkwatiċi magħmulin internament mis-settur tal-akkwakultura fl-UE tista' toħloq bejn 3000 u 4000 impjieg full-time, u dan huwa partikolarment apprezzat mill-Kumitat, aktar u aktar jekk l-impjiegi jkunu kwalifikati u offruti f'postijiet fejn l-alternattivi f'dak li hu xogħol huma skarsi ħafna.

1.5

L-implimentazzjoni inadegwata tar-regoli tat-tikkettar tal-prodotti akkwatiċi, speċjalment dawk mhux f'pakkett, bl-informazzjoni għall-konsumaturi fil-post fejn jinbiegħu, tinkwieta lill-KESE mhux biss għax hi prattika qarrieqa iżda wkoll għax toħloq kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-prodotturi Ewropej. Għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-pjani strateġiċi jinkludu miżuri effettivi li jirrimedjaw dan in-nuqqas persistenti.

1.6

Il-KESE jilqa' l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' komunikazzjoni sabiex il-konsumaturi Ewropej ikunu konxji tal-istandards għoljin tal-produzzjoni u l-kwalità tal-akkwakultura tal-UE. Dawn il-kampanji għandhom ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) futur.

1.7

Il-KESE jerġa' jħeġġeġ bil-qawwi li jissaħħu l-kontrolli tal-prodotti akkwatiċi li jiġu importati fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li dawn huma traċċabbli b'mod sħiħ u jirrispettaw l-istandards.

1.8

Il-KESE jqis li għandu jiżdied, bi prijorità, il-finanzjament għall-proġetti ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fl-akkwakultura, u li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jiffokaw il-programmi u l-pjani ta' investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-akkwakultura fuq il-ksib tal-għanijiet stabbiliti fid-dokument ta' viżjoni tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea (EATIP), ippubblikat fl-2012.

1.9

Id-diversifikazzjoni ekonomika tal-akkwakultura (pereżempju billi jiġu offruti servizzi għat-turiżmu) għandha tiġi promossa u faċilitata bħala opportunità għall-produtturi tal-akkwakultura, sew kontinentali u sew marittimi, u b'mod partikolari għall-SMEs.

1.10

Il-KESE jisħaq fuq kemm hu importanti li jiġi rikonoxxut li l-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura (KKA) huwa wieħed Ewropew, għall-kuntrarju tal-kunsilli konsultattivi l-oħra li għandhom dimensjoni reġjonali. F'dan ir-rigward, hu jemmen li l-entitajiet li jipparteċipaw fih (b'rabta diretta mal-akkwakultura) għandu jkollhom dimensjoni Ewropea jew għall-inqas sopranazzjonali. Dan għandu jkun rifless fl-istruttura u l-finanzjament tagħhom.

1.11

Il-Kumitat jinnota li, minħabba n-natura multidixxiplinari tal-akkwakultura, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiggarantixxi li l-KKA jkollu relazzjoni diretta u prijoritarja mad-diversi direttorati ġenerali tagħha.

1.12

Peress li l-KKA għandu jwettaq l-ewwel kompiti mogħtija lilu fil-linji gwida strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel xhur tal-2014, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevitaw kull dewmien fit-twaqqif u l-operat tiegħu.

2.   Kuntest

2.1

Ir-riforma li qed issir bħalissa tal-Politika Komuni tas-Sajd tagħti rwol speċjali lill-akkwakultura u tagħti prijorità lill-promozzjoni ta' din l-attività.

2.2

Fil-Proposta tagħha dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li fil-qasam tal-akkwakultura jiġi stabbilit metodu miftuħ ta' koordinazzjoni mal-Istati Membri. Din is-sistema għandha tikkonsisti fi proċess volontarju ta' kooperazzjoni abbażi ta' linji gwida strateġiċi u pjani strateġiċi nazzjonali multiannwali li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE fid-29 ta' April 2013 (COM(2013) 229 final). Dawn il-linji gwida mhumiex vinkolanti, iżda ser isawru l-bażi tal-pjani strateġiċi nazzjonali multiannwali. L-għan tagħhom hu li jgħinu lill-Istati Membri jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom filwaqt li jqisu l-pożizzjoni inizjali ta' kull wieħed minnhom, iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-arranġamenti istituzzjonali.

3.2

Dawn il-linji gwida strateġiċi jindirizzaw erba' oqsma ta' prijorità:

il-proċeduri amministrattivi,

l-ippjanar spazjali kkoordinat,

il-kompetittività,

u l-kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni.

3.3

Il-pjani strateġiċi nazzjonali multiannwali, li jrid ifassal kull Stat Membru kkonċernat mill-akkwakultura, għandhom jistabbilixxu għanijiet komuni u indikaturi biex jitkejjel il-progress li jsir. L-Istati Membri jridu jressqu dawn il-pjani strateġiċi quddiem il-Kummissjoni qabel tintemm l-2013.

3.4

Dawn il-pjani strateġiċi nazzjonali multiannwali għandhom iservu biex jippromovu l-kompetittività tas-settur tal-akkwakultura, jappoġġjaw l-iżvilupp u l-innovazzjoni tiegħu, jinkoraġġixxu l-attività ekonomika, jippromovu d-diversifikazzjoni, itejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali u rurali, u jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-akkwakultura fir-rigward tal-aċċess għall-ilmijiet u l-ispazju.

3.5

Ir-riforma proposta tal-Politika Komuni tas-Sajd tinkludi l-ħolqien ta' Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura li l-missjoni tiegħu ser tkun li jippreżenta rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-akkwakultura, kif ukoll li jinformahom dwar il-problemi tas-settur.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Is-suq tal-UE jikkonsma mat-13,2 miljun tunnellata prodotti akkwatiċi fis-sena, li 65 % minnhom jiġu importati, 25 % jiġu mill-attivitajiet tas-sajd tal-UE, u 10 % biss jiġu mill-akkwakultura Ewropea. Il-Kumitat jaqbel mal-fehma li dan l-iżbilanċ mhux sostenibbli, la mil-lat ekonomiku minħabba d-defiċit kummerċjali li jimplika, u lanqas mil-lat soċjali minħabba li qed jintilfu l-opportunitajiet ta' xogħol.

4.2

Il-KESE jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li kull żieda ta' punt perċentwali fil-konsum tal-prodotti akkwatiċi magħmulin internament mis-settur tal-akkwakultura fl-UE tista' toħloq bejn 3000 u 4000 impjieg full-time.

4.3

Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea li l-akkwakultura għandha tkun wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tat-tkabbir blu tal-Unjoni Ewropea u li l-iżvilupp tagħha jista' jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020. L-akkwakultura tista' twassal għall-iżvilupp u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni kostali u tax-xmajjar tal-Unjoni Ewropea fejn ftit jeżistu alternattivi ekonomiċi.

4.4

Il-konsumatur Ewropew qed jitlob dejjem aktar prodotti akkwatiċi. L-akkwakultura Ewropea toffrihom bi kwalità tajba, minbarra li tirrispetta l-aktar standards stretti tas-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni ta' saħħet il-konsumatur. Il-KESE jemmen li l-provvista ta' prodotti tal-ikel siguri, sani u sostenibbli fl-Unjoni Ewropea għandha titqies bħala waħda mill-isfidi prinċipali tal-għexieren ta' snin li ġejjin.

4.5

Minkejja dawn il-vantaġġi evidenti, il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-Unjoni Ewropea ilha staġnata mis-sena 2000. Fl-istess ħin, din l-istess attività qed tirreġistra tkabbir konsiderevoli f'reġjuni oħra tad-dinja li jesportaw parti mill-produzzjoni tagħhom lejn l-Unjoni.

4.6

Il-KESE jirrikonoxxi li l-leġislazzjoni Ewropea dwar is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur u l-ambjent tagħmel parti mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-leġislazzjoni għandha riperkussjonijiet konsiderevoli fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-akkwakultura Ewropea, u huwa rari li dawn l-ispejjeż żejda jkunu jistgħu jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti li fis-suq iridu jikkompetu ma' importazzjonijiet li huma eżentati minn dan it-tip ta' rekwiżiti.

4.7

Il-KESE ma jemminx li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hi biżżejjed sabiex jerġgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwa bejn l-atturi ekonomiċi tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi. Jidher ċar li dan il-bilanċ mhux ser jerġa' jinkiseb sempliċement permezz ta' azzjonijiet li jiċċertifikaw il-livell ta' sigurtà u sostenibbiltà tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE u jikkomunikaw dan lill-pubbliku inġenerali, u dan ma jeħlisx lill-awtoritajiet pubbliċi milli jitolbu li l-prodotti importati jkollhom l-istess livell ta' sigurtà tas-saħħa bħalma hu mitlub mill-produzzjoni Ewropea, bi traċċabbiltà sħiħa "mill-farm sal-furketta".

4.8

Fil-fehma tal-KESE, l-iżbilanċ fis-suq tal-Unjoni Ewropea bejn il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura Ewropea u dawk prodotti f'pajjiżi terzi u mbagħad esportati lejn l-Unjoni Ewropea hu ħafna aktar kumpless minn sempliċi kwistjoni ta' informazzjoni u deċiżjoni tal-konsumaturi. Għandhom jitqiesu kwistjonijiet oħra bħat-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi żejda, l-aċċess għall-ispazju jew in-nuqqasijiet fis-sistemi tat-traċċabbiltà.

4.9

Fil-prattika, l-informazzjoni obbligatorja li l-konsumatur għandu dejjem ikollu fil-post tal-bejgħ finali sikwit ma tkunx sħiħa u tkun ambigwa. Dan pereżempju jwassal biex minflok prodotti friski Ewropej jinbiegħu prodotti tal-friża importati mingħajr ma x-xerrejja jkunu konxji ta' dan. Din is-sitwazzjoni tillimita l-kapaċità tal-konsumaturi li jixtru b'mod responsabbli, filwaqt li tirrappreżenta kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-produtturi tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-akkwakultura u l-industrija tal-ipproċessar tal-prodotti akkwatiċi tista' żżid il-ħolqien tal-impjiegi u ttejjeb il-kompetittività taż-żewġ setturi ekonomiċi.

5.2

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn tittejjeb l-informazzjoni disponibbli dwar il-proċeduri amministrattivi fir-rigward tat-tul ta' żmien u l-ispejjeż marbutin mal-awtorizzazzjoni ta' farms tal-ħut ġodda fl-Istati Membri.

5.3

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-implimentazzjoni ta' pjani tal-ippjanar spazjali tista' tikkontribwixxi biex tnaqqas l-inċertezza, tiffaċilita l-investimenti, taċċellera l-iżvilupp intraprenditorjali u tippromovi l-ħolqien tal-impjiegi fil-qasam tal-akkwakultura.

5.4

Fil-fehma tal-KESE, l-akkwakultura kontinentali ma tirċevix biżżejjed attenzjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, speċjalment b'rabta mal-ippjanar spazjali.

5.4.1

Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex testendi t-tema tas-seminar dwar l-aħjar prattiki li ser isir fis-sajf tal-2014 b'mod li jinkludi l-koordinazzjoni tal-ippjanar taż-żoni tax-xmajjar (flimkien ma' dik marittima), bil-għan li l-Istati Membri jiġu megħjuna fl-ippjanar tagħhom.

5.5

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-attività produttiva tal-akkwakultura tiġi mfassla u kkontrollata b'mod adegwat sabiex jiġu evitati r-riperkussjonijiet ħżiena fuq l-ambjent. Fl-istess ħin, jifhem li l-ġestjoni settorjali tal-akkwakultura għandha ssegwi approċċ ekosistemiku.

5.6

Il-KESE jirrikonoxxi kemm hu importanti li l-iżvilupp tal-akkwakultura jkun imsejjes bis-sħiħ fuq ir-riċerka u x-xjenza.

5.7

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tas-servizzi ambjentali li tipprovdi l-akkwakultura estensiva bbażata fl-għadajjar, u dan hu eżempju ta' attività ekonomika li tista' tmur id f'id mal-ħtieġa li jiġu kkonservati l-ħabitats u l-ispeċijiet.

5.8

Il-KESE jqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toffri linji gwida biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jimplimentaw aħjar u b'mod uniformi l-leġislazzjoni Ewropea (pereżempju dwar l-ambjent) hija waħda adegwata.

5.9

Il-KESE japprova r-rwol tal-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura u jemmen li dan jista' jgħin sabiex jintlaħqu l-miri tal-pjani strateġiċi nazzjonali u jiggarantixxi l-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Madankollu, il-KESE jixtieq jagħmel enfasi fuq il-karatteristiki li jiddistingwuh mill-kunsilli konsultattivi l-oħra: l-ewwel nett, l-azzjoni tiegħu tikkonċerna riżorsa privata li hi tal-intrapriżi tal-akkwakultura, għall-kuntrarju tas-sajd fejn l-istokkijiet huma riżorsi naturali pubbliċi; it-tieni nett, l-azzjoni tiegħu ma tiffokax fuq il-livell reġjonali iżda fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top