EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3206

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal emenda għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 607 final/2 — Għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006” COM(2013) 145 final — 2011/0268 (COD) u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006” COM(2013) 146 finali — 2011/0276 (COD)

ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal emenda għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 607 final/2 — Għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006”

COM(2013) 145 final — 2011/0268 (COD)

u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006”

COM(2013) 146 finali — 2011/0276 (COD)

2013/C 271/19

Relatur ġenerali: is-Sur SOARES

Nhar it-25 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 164 u 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal emenda għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 607/F2 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006

COM(2013) 145 final – 2011/0268 (COD)

u dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006

COM(2013) 146 final – 2011/0276 (COD).

Nhar is-16 ta' April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u s-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tas-22 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur Mário SOARES bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minkejja r-riżervi dwar l-ammont u l-mod kif qed jiġu finanzjati l-inizjattivi għall-impjieg u l-Garanzija għaż-żgħażagħ, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn tibdil skont il-linji ġenerali f'din il-Proposta, ir-Regolamenti tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi strutturali.

1.2

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-politiki li ser jiġu stabbiliti jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità, u li jsaħħu l-koeżjoni soċjali.

1.3

Il-KESE jiddispjaċih li l-fondi destinati għall-finanzjament tal-Inzjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ ma jirriżultawx minn tisħiħ tal-baġit tal-Unjoni imma tneħħew mill-pakkett baġitarju globali destinat għall-koeżjoni, li huwa diġà inqas minn dak li kien disponibbli għall-perjodu 2007/2013

1.4

Il-KESE jinsab konvint li l-ammont previst, jiġifieri EUR 6 biljun, mhuwiex biżżejjed meta jitqies id-daqs tal-problema u l-urġenza li biha għandha tissolva.

1.5

Sakemm il-kriżi ma tkunx għadha ntemmet u l-ħolqien tal-impjiegi ma jkunx għadu beda, il-KESE jipproponi li jkun hemm iktar flessibbiltà fl-iffissar tal-perċentwal tal-qgħad fost iż-żgħażagħ li jagħti aċċess għall-fondi disponibbli, b'tali mod li tkun tista' tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-qgħad taż-żgħażagħ, jew li l-perċentwal jiġi stabbilit għal 20 %.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-ikbar età għall-aċċess għall-Garanzija għaż-żgħażagħ tiżdied għal 30 sena, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ ikunu ogħla.

1.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jnaqqsux l-impenji finanzjarji li l-proposta għal qafas finanzjarju pluriennali tipprevedi għall-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ, u biex jaċċettaw is-suġġeriment tal-Kummisjoni li jużaw riżorsi supplimentari biex jilħqu l-għan li tinqered problema li thedded il-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ Ewropej.

2.   Elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Frar 2013 biex tinħoloq Garanzija għaż-żgħażagħ, il-Kummissjoni qed tressaq żewġ proposti: l-ewwel waħda temenda l-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 607 /F2 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006. filwaqt li t-tieni waħda temenda l-Proposta COM(2012) 496 r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għal diversi fondi u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill (COM(2013) 146 final).

2.2

Dawn il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu l-finanzjament tal-Inizjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-qafas tal-“Garanzija għaż-żgħażagħ”, li tiggarantixxi liż-żgħażagħ kollha ta' 25 sena jew iktar opportunità ta' impjieg diċenti, taħriġ addizzjonali jew apprendistat professjonali fl-erba' xhur wara li jtemmu l-istudji tagħhom jew wara li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom.

2.3

Il-finanzjament totali previst għall-perjodu 2014-2020 huwa ta' EUR 6 biljun, li minnhom EUR 3 biljun huma investimenti tal-Fond Soċjali Ewropew u EUR 3 biljun jiġu allokati speċifikament lill-Inizjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-qafas tas-sottotitolu 1b) “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”.

2.4

Il-finanzjament previst huwa destinat għar-reġjuni tal-livell NUTS 2 li għandhom rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (bejn il-15 u l-25 sena) ta' iktar minn 25 % fl-2012.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Is-sitwazzjoni drammatika tal-qgħad fost iż-żgħażagħ f'bosta Stati Membri tiġġustifika fil-wisa' l-inizjattiva deċiża mill-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013 li tinħoloq Garanzija għaż-żgħażagħ, li ġiet mitluba kemm-il darba u f'forom differenti mill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.2

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-Unjoni għandha 7,5 miljun persuna NEET (1), li jirrappreżentaw 12,9 % taż-żgħażagħ Ewropej bejn il-15 u l-24 sena. Fosthom għadd kbir ma spiċċawx l-istudji sekondarji tagħhom u ħallew l-iskola qabel il-waqt; għadd kbir minnhom huma immigranti jew jiġu minn kategoriji soċjali żvantaġġati. Madankollu, qed jiġi nnotat ukoll li f'ċerti pajjiżi s-sitwazzjoni sejra lura fil-każ ta' żgħażagħ mill-klassi tan-nofs (il-foqra l-ġodda), li għadhom ma spiċċawx l-istudji tagħhom u hemm ir-riskju li ma jistgħux ikompluhom.

3.3

F'Opinjonijiet preċedenti, il-KESE enfasizza ċ-ċifri katastrofiċi tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-UE u talab lill-partijiet kollha interessati biex jadottaw miżuri urġenti, effikaċi u konklużivi biex ikissru ċ-ċiklu vizzjuż li qed jhedded il-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa (2). Din mhix biss kwistjoni ta' problema konkreta li tolqot lill-persuni konċernati imma hija anke theddida li tinfluwenza l-koeżjoni soċjali tal-UE, li fit-tul tista' tikkomprometti t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa.

3.4

Il-KESE jenfasizza li l-politiki deċiżi bħalissa għandhom jikkontribwixxu għall-irkupru tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u stabbli, li jkollhom il-garanziji u l-protezzjoni li tradizzjonalment ikkontribwew għall-kostruzzjoni tal-mudell soċjali Ewropew u l-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin huwa jafferma mill-ġdid l-importanza tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u s-segwitu ta' dawn il-politiki.

3.5

Fir-realtà, l-Inizjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ, integrata fil-Garanzija għaż-żgħażagħ, mhijiex ser tkun effettiva ħlief jekk timxi id f'id ma' sforz korrispondenti għad-domanda tas-suq tax-xogħol (jiġifieri, jekk jeżisti tkabbir ekonomiku). Barra minn hekk, l-edukazzjoni, l-apprendistati professjonali għall-kwalifiki u t-titjib tal-kompetenzi ta' miljuni ta' żgħażagħ bi prospettivi fqar għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol fihom infushom iġibu magħhom riskji enormi.

3.6

Il-KESE jinnota bi tħassib li l-Kunsill Ewropew iqis lid-diffikultajiet ekonomiċi tal-Ewropa essenzjalment bħala problema ta' konsolidazzjoni baġitarja, mingħajr ma jipprova jikkwantifika l-kost tal-għażla jew il-konsegwenzi negattivi, bħall-qgħad tal-massa li qed jolqot liż-żgħażagħ, id-diżillużjoni u d-disprament (3).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-emendi mressqa mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jadattaw ir-Regolament li attwalment jirregola l-Fond Soċjali Ewropew u Regolament Ġenerali dwar id-diversi fondi Ewropej skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar; barra minn hekk, il-kummenti li ġejjin ma jikkonċernawx il-proposti tla-Kummissjoni imma l-linji gwida proposti mill-Kunsill.

4.2

Fil-kuntest ta' kriżi bħal dik li għaddejjin minnha, il-KESE jiddispjaċih li l-Kunsill qed jipproponi baġit tal-Unjoni għall-perjodu 2014-2020 li huwa inqas minn dak tal-perjodu preċedenti, ħaġa li għandha impatt negattiv fuq ir-riżorsi meħtieġa biex tiġi ffaċċata s-sitwazzjoni attwali.

4.3

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-finanzjament propost għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ mhuwiex żieda baġitarja imma tnaqqis fil-krediti destinati għal intestaturi oħra: 3 biljuni għall-Fond Soċjali Ewropew u 3 biljuni għall-politika ta' koeżjoni.

4.4

Barra minn hekk, l-ammont globali allokat ta' EUR 6 biljun, fuq perjodu ta' seba' snin, huwa ċar li mhux biżżejjed (4).

4.5

L-għażla tal-2012 biex jiġi determinat il-perċentwal ta' żgħażagħ (25 %) li għandhom id-dritt għall-fondi allokati llum ma tqisx l-evoluzzjoni tal-kriżi u lanqas tar-riċessjoni attwali u hemm ir-riskju li jiġu injorati s-sitwazzjonijiet drammatiċi li jistgħu jinħolqu matul dan il-perjodu. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn iktar flessibbiltà biex tkun tista' tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-qgħad taż-żgħażagħ, jew, bħala miżura ta' prekawzjoni, li dan il-perċentwal għandu jitbaxxa għal 20 %.

4.6

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ikbar età biex wieħed jikkwalifika għall-Garanzija għaż-żgħażagħ tiżdied għal 30 sena, b'tali mod li ż-żgħażagħ li jispiċċaw iktar tard mill-università jew isibu lilhom infushom f'fażi ta' tranżizzjoni bejn it-taħriġ u l-impjieg ikollhom aċċess. Dan huwa partikolarment importanti għall-pajjiżi b'rati ogħla ta' qgħad fost iż-żgħażagħ.

4.7

Il-KESE japprova d-deċiżjoni li l-Istati Membri jkunu eżentati mill-kofinanzjament fir-rigward tal-għotjiet speċifiċi għall-impjieg taż-żgħażagħ (EUR 3 biljun), kif ukoll li ma tiġix applikata r-riżerva tal-prestazzjoni ta' 5 % tar-riżorsi allokati għall-Inizjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ.

4.8

Fl-aħħar nett, u bħala affermazzjoni mill-ġdid, għad li taħt riżerva tal-kummenti msemmija hawn fuq, li din l-inizjattiva għandha tiġi appoġġjata, il-KESE jirrakkomanda li tinbidel f'miżura strutturali tal-politiki attivi tal-impjieg u ma tiġix limitata għall-istatus ta' strument li jservi biex tiġi konfrontata l-kriżi ekonomika attwali (5).

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  NEETs: dawn huma żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.

(2)  B'mod partikolari ara l-opinjoni tal ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67-72“Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi”, adottata matul is-sessjoni plenarja tal-21 ta' Marzu 2013 u dalwaqt tiġi ppubblikata.

(3)  Il-prezz tan-nuqqas ta' integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, minħabba trasferimenti soċjali eċċessivi jew taxxi li ma jinġabarux, huwa ta' iktar minn EUR 150 biljun.

(4)  Skont l-ILO, li laqa' din l-inizjattiva, għad li b'mod prudenti, il-ħtiġiet finanzjarji biex inkunu nistgħu nistennew żvilupp sinifikanti tas-sitwazzjoni, jilħqu l-EUR 21 biljun.

(5)  B'koerenza mal-opinjoni tal-KESE “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi”ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67-72), adottat fil-21 ta' Marzu 2013 (dalwaqt tiġi ppubblikata), l-Inizjattiva għall-impjieg taż-żagħażagħ trid tintrabat mas-Semestru Ewropew.


Top