This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE2638
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the 2015 International Climate Change Agreement: Shaping international climate policy beyond 2020’ COM(2013) 167 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara 2020” COM(2013) 167 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara 2020” COM(2013) 167 final
ĠU C 67, 6.3.2014, p. 145–149
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/145 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara 2020”
COM(2013) 167 final
2014/C 67/29
Relatur: is-Sur ZBOŘIL
Nhar it-8 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara l-2020
COM(2013) 167 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2013.
Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta ta2-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'120 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jirrakkomanda li b'konformità mal-Opinjoni tiegħu dwar "Ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju – Pjan Direzzjonali 2050" (1), l-impenn Ewropew għandu jkun proattiv, ambizzjuz u realistiku dwar x’ikun jista’ jitwettaq, u adattabbli għall-bidliet fl-ambjent globali. Għandu jirrifletti t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà, it-trasparenza u r-responsabbiltà bħala prerekwiżiti għas-suċċess ta’ kull ftehim futur dwar il-klima. Unjoni Ewropea li hija kapaċi tlaħħaq ma’ sfidi esterni se tkun ukoll tista’ tipprovdi narrativa ġdida għaċ-ċittadini tagħha. |
1.2 |
Id-dokument tal-Kummissjoni jipprovdi bażi komprensiva għad-diskussjoni dwar u l-preparazzjonijiet għan-negozjati li jmiss dwar it-tibdil fil-klima, bil-ħsieb li jinkiseb Ftehim globali plawżibbli fl-2015. |
1.3 |
Il-Kumitat japprezza l-inizjattiva biex jiġu indirizzati l-prinċipji importanti tal-ftehim globali mistenni, jiġifieri li jkun universali, ambizzjuż, effikaċi, ġust u bilanċjat, trasparenti u legalment vinkolanti, u jappoġġja lill-Kummissjoni hi u twettaq aktar ħidma preparatorja meħtieġa biex jiġi stabbilit qafas għal dan il-Ftehim. In-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima għandhom ikunu forum fejn il-pajjiżi jħeġġu lil xulxin biex jimxu 'l quddiem, u ma jżommux lil xulxin lura. |
1.4 |
Ħidma ulterjuri għandha tiffoka fuq l-aċċettazzjoni ġenerali tal-Ftehim globali tal-2015 billi l-mappa ġeopolitika u ekonomika globali nbidlet b’mod sinifikanti f’perjodu ta’ żmien qasir. Dawn il-bidliet profondi jridu jiġu kkunsidrati u r-rwol tal-UE fil-politika dwar il-klima u l-enerġija matul il-perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u fis-snin li ġejjin għandu jiġi eżaminat bir-reqqa. Il-KESE jtenni l-pożizzjoni li ħa fl-Opinjoni dwar Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (2), jiġifieri li l-kawża kemm tal-kriżi finanzjarja u ekonomika kif ukoll tal-kriżi ekoloġika, li toħloq fost affarijiet oħrajn problemi klimatiċi, hi l-użu eċċessiv tar-riżorsi finanzjarji u naturali, u li dawn il-kriżijiet iridu jiġu indirizzati b'approċċ totalment ġdid, kif inhu stabbilit pereżempju fl-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. L-ekonomija tal-futur trid tkun ibbażata l-aktar fuq is-sorsi tal-enerġija mhux fossili. Għalkemm il-politika tal-UE tibqa' ambizzjuża, il-miri għandhom jiġu deċiżi pass pass f'konformità mal-ambjent globali u kwalunkwe kondizzjonalità għandha tkun definita b'mod ċar. |
1.5 |
Is-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali u proċess ta' governanza aċċettat b'mod ġenerali fl-aħħar mill-aħħar se jiffurmaw id-diskussjoni dwar trattat globali futur dwar il-klima. Il-proċess ħa jitmexxa mis-setgħat ekonomiċi ewlenin. L-UE għandha tkun imħejjija sew għar-rwol globali tagħha ta' "mexxejja eżemplari". L-UE però trid toqgħod attenta wkoll li ma titlifx ir-rwol mexxej inkontestabbli tagħha fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp teknoloġiku. Hija meħtieġa aktar analiżi (imparzjali) għall-valutazzjoni globali tal-Protokoll ta’ Kjoto, inklużi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha tiegħu, u l-esperjenza għandha tintuża għat-tfassil tal-Ftehim tal-2015. Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-Bord ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) li ġej ukoll se jkun ta' preparazzjoni għall-Ftehim. |
1.6 |
Il-kunsens xjentifiku ġenerali bħalissa jibqa' li jkun totalment insostenibbli jekk it-temperaturi globali jitħallew jogħlew b'iktar minn 2 gradi fuq il-livelli tal-1990, u li l-livelli tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera se jkollhom jiġu stabbilizzati fil-livelli attwali. Sabiex jinkiseb dan hemm bżonn li jonqsu bil-kbir l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Madankollu, bħalissa il-livelli tal-gassijiet b'effett ta' serra qed ikomplu jogħlew sena wara l-oħra, u minkejja li b'xorti tajba l-isforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet qed jiżdiedu xorta waħda mhux qed jaslu li jilħqu l-istabbiltà meħtieġa. L-għan ġenerali tas-sensiela ta' negozjati ġodda għalhekk għandu jkun li tiddaħħal l-urġenza fil-proċess u li jiġu żgurati impenji ħafna iktar ambizzjużi u azzjoni mill-pajjiżi kollha u minn kull parti tas-soċjetà. |
1.7 |
L-interessi tan-negozjaturi għandhom ikunu analizzati sew u jiġu identifikati sinerġiji fl-istadju preparatorju biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali u biex ikomplu jibnu fuq is-sinerġiji. Miżuri u miri ambizzjużi u realistiċi għandhom jinbnew b’kunsens u permezz tal-interazzjoni ma’ dawk li se jimplimentaw l-azzjonijiet. Waqt li jiġu rakkomandati miżuri u miri, l-inċentivi pożittivi jistgħu jwasslu għal aċċettazzjoni ġenerali u jiżguraw implimentazzjoni tajba. |
1.8 |
Dan jista’ biss jinkiseb permezz ta’ valutazzjoni trasparenti u eżawrijenti tal-effikaċja, l-ispejjeż u l-impatt pożittiv tal-politiki dwar il-klima għall-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tagħha li l-Ftehim tal-2015, jeħtieġ li jkun inklużiv, billi jiżgura l-impenji li huma “applikabbli għall-pajjiżi kollha”, kemm dawk żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw. |
1.9 |
Attivitajiet u azzjonijiet meħuda fil-livell lokali (fil-komunitajiet, is-setturi) mingħajr il-ftehim ġdid globali dwar il-klima huma eżempju perfett ta’ approċċ proattiv tas-soċjetà ċivili inġenerali. Fil-fatt, is-soċjetà ċivili m'għandhiex tkun l-esponent ewlieni biss fit-twettiq tal-politiki u l-miri tal-Ftehim tal-2015. Hi għandha wkoll titlob impenn akbar fil-livell politiku u tara li jinżammu l-wegħdiet politiċi li tittieħed azzjoni aktar qawwija għall-ħarsien tal-klima (bħall-impenn li jitwaqqfu s-sussidji għas-sorsi tal-enerġija fossili). Din hija r-raġuni għala l-politiki adottati għandhom jissodisfaw it-talbiet ta' trasparenza u responsabbilizzazzjoni mistennija mis-soċjetà ċivili u jevitaw l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi. Il-Ftehim tal-2015 jikkostitwixxi l-ewwel pass fil-mogħdija tat-tranżizzjoni tal-enerġija globali. |
1.10 |
Biex tieħu r-rwol ta' mexxej u jkollha influwenza akbar fin-negozjati internazzjonali, l-UE trid tieħu impenn sod għal miri aktar ambizzjużi għall-2020 u l-2030 u turi kif l-implimentazzjoni ta' dawn il-miri hija parti integrali mill-pjani tagħha għall-irkupru tal-ekonomija u t-tranżizzjoni għal futur aktar sostenibbli. Għalhekk, il-Kumitat iżomm il-pożizzjoni tiegħu li jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri kollha attwali marbutin mal-karbonju għall-2020 u li jerġa' jiġi kkunsidrat li tiżdied il-mira għall-gassijiet b'effett ta' serra għall-2020 għal tnaqqis ta' 25 % fit-triq lejn it-tnaqqis miftiehem ta' 80-95 % sal-2050. Il-Kumitat ikompli jħeġġeġ lill-UE sabiex tadotta miri indikattivi għal tnaqqis ta' 40 % tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 u 60 % sal-2040 u sabiex issegwi dan il-pass b'politiki legalment vinkolanti li jwasslu sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis. Hemm bżonn ta' miri indikattivi fuq perjodu twil bħala benchmarks li jagħtu sens ta' previdibbiltà u stabbiltà lill-investituri u lil dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa. Huma jkunu jipprovdu wkoll benchmarks b'saħħithom tal-livell ta' ambizzjoni fin-negozjati internazzjonali. |
1.11 |
Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif l-interessi differenti tal-atturi ewlenin biss jistgħu jiġu rikonċiljati man-negozjati eżistenti bis-sistema "cap and trade". Ħafna partijiet interessati qed jesprimu riżervi u jissuġġerixxi alternattivi ta' kif isiru n-negozjati fil-futur. Għandhom jiġu investigati għażliet oħra possibbli għal kunċett ġdid għal ftehim, ibbażati fuq proġetti bħall-"ibbaġitjar tal-karbonju" jew "imposta globali fuq il-karbonju" jew il-proposta mressqa mill-Indja li jkun hemm dritt tal-emissjoni għal kull bniedem fid-dinja, jew taħlita ta' dawn l-approċċi. |
1.12 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Komunikazzjoni li ma nistgħux nistennew sakemm il-Ftehim tal-2015 jidħol fis-seħħ fl-2020: l-azzjonijiet li se nieħdu bejn issa u l-2020 se jkunu kruċjali biex il-politiki jitqiegħdu fit-triq it-tajba. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba tajjeb u bbażati fuq il-kisbiet realistiċi u tanġibbli fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija u l-iżvilupp, kif wera l-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar "Ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju – Pjan Direzzjonali 2050" (3). |
2. Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni
2.1 |
Fl-2011 il-komunità internazzjonali nediet negozjati dwar ftehim internazzjonali ġdid biex taġixxi b’mod kollettiv għall-ħarsien tas-sistema tal-klima dinjija. Dan il-ftehim, li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2015 u jibda japplika mill-2020 'il quddiem, bħalissa qed jiġi nnegozjat permezz ta' proċess magħruf bħala l-"Pjattaforma ta' Durban għall-Azzjoni Mtejba" (ADP). |
2.2 |
Il-Ftehim tal-2015, sal-2020 se jkollu jlaqqa' flimkien it-taħlita attwali ta' ftehimiet vinkolanti u mhux vinkolanti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Konvenzjoni), f’reġim komprensiv uniku. |
2.3 |
In-natura unilaterali jew “minn isfel għal fuq” tal-proċess tal-wegħdiet ta’ Kopenħagen-Cancun ippermettiet approċċ internazzjonali aktar inklużiv. |
2.4 |
Fit-tfassil tal-Ftehim tal-2015 se jkollna nitgħallmu mis-suċċessi u n-nuqqasijiet tal-Konvenzjoni, il-Protokoll ta' Kjoto, u l-proċess Kopenħagen-Cancun. Se jkollna nimxu lil hinn mill-paradimma tat-Tramuntana-Nofsinhar li kienet tikkaratterizza d-dinja fis-snin disgħin lejn waħda bbażata fuq interdipendenza reċiproka u responsabbiltà kondiviża. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE diġà saħaq fl-Opinjoni tiegħu dwar Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE (4) li jeżistu analoġiji bejn il-kriżi finanzjarja u dik ekoloġika: it-tnejn jirriżultaw mill-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi ekonomiċi jew naturali. Fl-Opinjoni msemmija l-Kumitat jitlob li "fil-każ tal-kriżi ambjentali jkun hemm reazzjoni bħal dik mogħtija bil-miżuri adottati fil-patt fiskali għall-ġlieda kontra l-kriżi finanzjarja: linji gwida u indikaturi ċari, kontrolli u sanzjonijiet". Dan issa japplika wkoll għan-negozjati futuri dwar il-klima li jridu jagħtu sinjal ċar favur l-iżvilupp ta' ekonomija dinjija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti. |
3.2 |
Seħħew bidliet ġeopolitiċi importanti u jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bi preparazzjoni għall-istrateġija tan-negozjati. F’perjodu ta’ żmien qasir, il-mappa ġeopolitika u ekonomika globali għaddiet minn bidliet ewlenin. Dawn il-bidliet profondi rriżultaw parzjalment mill-kriżi finanzjarja, li hija marbuta ma’ kriżi ekonomika fl-UE fejn ir-Rata ta' Investiment fin-Negozju naqset minn 23 punt (2008) għal 18,3 punti (2013, l-ewwel nofs) (Eurostat). Ir-rwol tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jkun eżaminat bir-reqqa meta jitfasslu n-negozjati li jmiss. |
3.3 |
Dawn l-isforzi għadhom mhumiex biżżejjed. Ix-xenarju ekonomiku internazzjonali fl-aħħar mill-aħħar se jsawwar aktar diskussjoni dwar trattat globali għall-ġejjieni dwar il-klima, u l-proċess se jkun xprunat mill-potenzi ekonomiċi ewlenin: iċ-Ċina u l-Istati Uniti, imbagħad l-Indja u l-pajjiżi BRICS l-oħra (li flimkien huma responsabbli għal 61,8 % tal-emissjonijiet globali fl-2012). Fil-fatt, sal-2020 se jibnew l-ekwivalenti ta' 400-600 GWs f'impjanti ġodda ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija li jitħaddmu bil-faħam. L-UE tinsab f’nofs reċessjoni ekonomika li swiet 3,8 miljun impjieg u naqqset il-produzzjoni industrijali b’madwar 20 %, filwaqt li żdied l-għadd ta' impjegati fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli u fil-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija. |
3.4 |
Madankollu, hemm sinjali pożittivi fil-qasam tal-ħarsien tal-klima:
|
3.5 |
Id-dinja mhijiex miexja fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għan miftiehem mill-gvernijiet, li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja globali għal 2 gradi Ċentigradi (°C) fuq medda twila ta’ żmien. L-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra qed jiżdiedu b’mod rapidu, u f’Mejju 2013 il-livelli tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-atmosfera qabżu l-400 partijiet għal kull miljun (ppm). |
3.6 |
Il-politiki li diġà ġew implimentati, jew qed jiġu implimentati bħalissa, x’aktarx li jwasslu għal żieda fit-temperatura medja fit-tul ta' bejn 3,6 °C u 5,3 °C (meta mqabbla mal-livelli preindustrijali), b’ħafna miż-żieda isseħħ f'dan is-seklu (ibbażat fuq l-immudellar tal-klima). |
3.7 |
Biex ikun possibbli li tintlaħaq il-mira ta’ 2 °C, hija meħtieġa azzjoni reali qabel l-2020, meta ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima mistenni jidħol fis-seħħ. L-enerġija hija fil-qalba ta’ din l-isfida: is-settur tal-enerġija jipproduċi madwar żewġ terzi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, peress li aktar minn 80 % tal-konsum globali tal-enerġija huwa bbażat fuq il-fjuwils fossili. |
3.8 |
Minkejja żviluppi pożittivi f’xi pajjiżi, l-emissjonijiet globali tas-CO2 b’rabta mal-enerġija żdiedu b’1,4 % u laħqu 31,6 gigatunnellata (Gt) fl-2012 — massimu storiku. Pajjiżi li mhumiex fl-OECD issa jipproduċu 60 % tal-emissjonijiet globali, żieda minn 45 % fl-2000. Fl-2012, iċ-Ċina ikkontribwiet l-iktar għaż-żieda fl-emissjonijiet globali tas-CO2, iżda dik iż-żieda kienet waħda mill-iktar baxxi fl-aħħar għaxar snin, dan it-titjib xprunat prinċipalment mill-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib sinifikanti fl-intensità tal-enerġija tal-ekonomija Ċiniża. |
3.9 |
Fl-Istati Uniti, bidla mill-użu tal-faħam għall-gass fil-produzzjoni tal-enerġija għenet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’200 miljun tunnellata (Mt), li wassal biex jerġgħu lura għal-livell ta’ nofs is-snin 90. Minkejja ż-żieda fl-użu tal-faħam, l-emissjonijiet fl-Ewropa naqsu b’50 Mt minħabba t-tnaqqis ekonomiku, użu ikbar tal-enerġiji rinnovabbli u limitu fuq l-emissjonijiet mis-setturi industrijali u tal-enerġija. L-emissjonijiet fil-Ġappun żdiedu b’70 Mt, billi l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ma kkumpensawx kompletament l-użu tal-fjuwils fossili biex jikkumpensaw għal tnaqqis fl-enerġija nukleari. Anki jekk wieħed jikkunsidra l-politiki li qed jiġu segwiti bħalissa, l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra marbuta mal-enerġija fl-2020 huma pproġettati li jkunu kważi 4 Gt ekwivalenti tal-CO2 (CO2-eq) ogħla minn livell meħtieġ għall-kisba tal-mira ta’ 2 °C, li juri l-iskala tal-isfida li għad trid tiġi affrontata biss biss f’dawn l-għaxar snin. |
3.10 |
In-negozjati internazzjonali dwar il-klima rriżultaw f’wegħda biex jintlaħaq ftehim globali ġdid sal-2015, li jidħol fis-seħħ sal-2020. Iżda l-kriżi ekonomika kellha impatt negattiv fuq it-tnedija tal-użu tal-enerġija nadifa u fuq is-swieq tal-karbonju. Bħalissa, 8 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 huma soġġetti għal prezz tal-karbonju, filwaqt li 15 % jirċievu inċentiv ta’ $110 għal kull tunnellata fil-forma ta’ sussidji għall-fjuwils fossili (barra mill-pajjiżi tal-UE). Il-KESE jitlob lill-komunità internazzjonali biex il-Ftehim tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima jimplimenta b'mod vinkolanti l-wegħda li saret fl-2012 fid-dokument finali tal-Konferenza Rio+20 tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri li jitwaqqfu s-sussidji għas-sorsi tal-enerġija fossili li jagħmlu ħsara lill-ambjent, li skont stimi tal-Bank Dinji jammontaw għal USD 780 biljun fis-sena. |
3.11 |
Id-dinamika tal-prezzijiet bejn il-gass u l-faħam qed tappoġġa t-tnaqqis fl-emissjonijiet f’xi reġjuni iżda qed iddewimhom f’oħrajn, filwaqt li l-enerġija nukleari qed tiffaċċja diffikultajiet u l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju fuq firxa wiesgħa jibqgħu wisq ’il bogħod. Minkejja l-momentum dejjem jikber biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija, għad hemm potenzjal ekonomiku kbir li għadu ma ġiex sfruttat. Sorsi rinnovabbli mhux mill-ilma, appoġġjati minn miri ta’ politika tal-gvern, qed igawdu minn tkabbir b’żewġ ċifri tal-kapaċitajiet installati. L-investiment fis-sorsi rinnovabbli jeħtieġ ambjent ekonomiku stabbli kemm għall-prezzijiet tal-karbonju u, eventwalment, fit-tassazzjoni f’pajjiżi fejn tintuża t-taxxa fuq il-karbonju. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Kif jista’ jitfassal il-Ftehim tal-2015 biex jiżgura li l-pajjiżi jkunu jistgħu jwettqu żvilupp ekonomiku u sostenibbli filwaqt li jħeġġiġhom jipparteċipaw b'mod ekwu u ġust fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet globali serra sabiex nilħqu l-għan taż-2 °C hawn taħt? L-ewwel nett, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif l-interessi differenti tal-atturi ewlenin biss jistgħu jiġu rikonċiljati man-negozjati eżistenti bis-sistema "cap and trade", madankollu kontribuzzjonijiet ekwi u ġusti minn kull pajjiż huma kundizzjonijiet meħtieġa għal kwalunkwe ftehim futur. Għalhekk, mill-inqas għandhom jiġu żviluppati għażliet oħra possibbli, għal kunċett differenti ta' ftehim, u kwistjonijiet ta' governanza għandhom ikunu rikonoxxuti. Għandhom jinstabu mezzi biex ikun żgurat li l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima jgħinu għat-tkabbir u l-iżvilupp soċjetali, ekonomiku u ambjentali. Dan jista’ biss jinkiseb permezz ta’ valutazzjoni trasparenti u eżawrijenti tal-effikaċja, l-ispejjeż u l-impatt pożittiv tal-politiki dwar il-klima għall-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Għandna nitgħallmu mill-Protokoll ta' Kjoto, bil-kumplessità u l-lakuni kollha tiegħu. Għandu jkun punt ta' tluq utli għal ħidma serja fuq kunċett ġdid. L-estenzjoni għall-Kjoto II u l-kopertura tal-emissjonijiet tiegħu huwa sinjal qawwi ħafna, li jitlob bidla kunċettwali. |
4.2 |
Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 jiżgura bl-aħjar mod il-kontribuzzjoni tal-ekonomiji prinċipali kollha u s-setturi u jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju potenzjali tar-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju bejn ekonomiji kompetittivi ħafna? Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju huwa fenomenu mhux biss marbut mal-industriji li jużaw ħafna enerġija, li potenzjalment qed jonqsu – huwa inerenti fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-twettiq tan-negozju fiż-żona ekonomika individwali. Żbilanċ fil-kundizzjonijiet tal-karbonju, prinċipalment bejn l-aktar reġjuni kompetittivi, naqqas l-investiment fl-UE. Miżuri u miri ambizzjużi u realistiċi għandhom jinbnew b’kunsens u permezz tal-interazzjoni ma’ dawk li se jimplimentaw l-azzjonijiet. Għalhekk Ftehim sempliċi, ekwu u ġust għall-2015 huwa prekundizzjoni għal ambjent kummerċjali ekwu fir-reġjuni kollha tal-ekonomija globali. |
4.3 |
Kif jista' l-Ftehim tal-2015 iħeġġeġ bl-aktar mod effettiv l-inklużjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha relevanti tal-politika? Kif jista’ jħeġġeġ il-proċessi u l-inizjattivi kumplimentari, inkluż dawk imwettqa minn atturi mhux statali? Ovvjament, l-aktar mod effettiv biex jiġi integrat il-Ftehim tal-2015 fl-oqsma kollha ta’ politika relevanti huwa li jkun sempliċi. Kull provvediment eċċessiv immirat għall-organizzazzjoni ta’ dan il-proċess se jagħmel il-Ftehim aktar diffiċli biex jiġi implimentat. Huwa importanti wkoll li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima f’oqsma oħra ta’ politika ssir b'valutazzjoni tal-impatt trasparenti. Meta t-tibdil fil-klima jkun inkluż f’oqsma oħra ta’ politika, huwa importanti li jiġi żgurat li dan isir bl-iktar mod kosteffettiv u prevedibbli, mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-partijiet interessati. Approċċi bbażati fuq is-suq għandhom jiġu privileġġati. |
4.4 |
Liema kriterji u prinċipji għandhom jiggwidaw id-determinazzjoni ta’ distribuzzjoni ekwa ta’ impenji fil-konfront tal-mitigazzjoni tal-Partijiet għall-Ftehim tal-2015 flimkien ma' spettru ta' impenji li jirrifletti ċirkostanzi nazzjonali, huma meqjusa minn ħafna bħala ekwi u ġusti u li huma kollettivament suffiċjenti biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas fl-ambizzjoni? Iż-żamma tal-"cap-and-trade" teħtieġ kriterji u prinċipji, u dejjem se tkun il-kaġun ta' sensazzjonijiet ta’ inġustizzja u trattament inġust. Madankollu, fil-każijiet kollha għandha tingħata konsiderazzjoni lid-dinamiċi tas-suq li jaffettwaw settur, ir-regolamenti dwar it-tibdil fil-klima eżistenti u proposti li jaffettwawh, u l-maturità tas-settur fir-rigward tal-isforzi tiegħu biex jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u juża teknoloġiji b’użu effiċjenti tal-enerġija. Biex dan jirnexxi u jkun sostenibbli, irid ikun hemm ukoll inċentiv għall-parteċipanti kollha li jaħdmu biex jiksbu għanijiet, bħal pereżempju jillimitaw l-emissjonijiet, itejbu l-effiċjenza, jikkoperaw dwar ir-riċerka, jaqsmu l-prattiki tajba, eċċ. Imposta tal-karbonju, iżda, tista’ twassal għal-liffrankar tal-emissjonijiet u żżid il-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u l-adattament bl-aktar mod koordinat u effiċjenti. |
4.5 |
X’għandu jkun l-irwol tal-Ftehim tal-2015 rigward l-indirizzar tal-isfida ta’ adattament u dan kif għandu jibni fuq ix-xogħol li għadu għaddej skont il-Konvenzjoni? Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 jinċentiva aktar l-inklużjoni tal-adattament fl-oqsma relevanti kollha tal-politika? Fil-fatt l-adattament huwa mfassal tajjeb u huwa bbażat fil-biċċa l-kbira fuq programmi eżistenti ta’ mmaniġġjar tar-riskji. Filwaqt li l-adattament mhux se jelimina r-riskji kollha mill-impatt tat-tibdil fil-klima, jagħti kontribut importanti sabiex ikunu limitati r-riskji f’ħafna oqsma. It-tisħiħ tal-kapaċità tal-adattament jeħtieġ analizi ulterjuri, issettjar tal-prijoritajiet, ippjanar u azzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, u jeħtieġ il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u n-negozju. Bir-raġun, l-adattament mistenni li jkun wieħed mill-erba' prinċipji tal-Ftehim tal-2015 futur. B’mod partikolari, in-negozju għandu jkollu rwol permezz ta’ trasferiment teknoloġiku u l-qsim tal-aħjar prassi. |
4.6 |
X’għandu jkun l-irwol futur tal-Konvenzjoni u b’mod speċifiku tal-Ftehim tal-2015 fl-għaxar snin ta' qabel l-2030 fir-rigward tal-finanzi, il-mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u t-teknoloġija? Kif jista' jsir avvanz fuq l-esperjenza eżistenti u kif jistgħu l-oqfsa jittejbu aktar? Il-Konvenzjoni għandha ssir korp ta’ koordinament għall-miżuri klimatiċi ewlenin, li tissorvelja l-prestazzjoni tal-pajjiżi u l-flussi finanzjarji kbar u l-iskambju tat-teknoloġija. Il-kumpaniji huma prinċipalment responsabbli għat-teknoloġija u l-użu tat-teknoloġija. Permezz tal-Kumitat Eżekuttiv tat-Teknoloġija (TEC) u Ċentru u Netwerk tat-Teknoloġija tal-Klima (CTCN), il-Konvenzjoni tista’ tipprovdi analiżi esperta ta’ teknoloġiji u tagħti aċċess sħiħ għall-informazzjoni lin-nazzjonijiet, li b'hekk ikunu jistgħu jagħżlu l-aktar teknoloġiji xierqa. |
4.7 |
Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 itejjeb aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-pajjiżi fuq livell internazzjonali? Safejn għandha tkun standardizzata globalment sistema ta’ kontabbiltà? Kif jistgħu l-pajjiżi jinżammu responsabbli meta jonqsu milli jissodisfaw l-impenji tagħhom? Fi kwalunkwe każ, is-sistema tal-kontabilità jeħtieġ li tkun standardizzata globalment, irrispettivament minn kif dan isir, billi informazzjoni korretta hija essenzjali fejn jidħol il-flus. Dan huwa wkoll ta’ importanza kbira sabiex tinkiseb ir-responsabilità fir-rigward tal-Ftehim tal-2015. |
4.8 |
Kif jista’ l-proċess tan-negozjar tal-klima tan-Nazzjonijiet Uniti jittejjeb b'mod li jiffaċilita l-ksib ta' ftehim inklużiv, ambizzjuż, effettiv u ġust fl-2015 u jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu? Huma meħtieġa parteċipazzjoni wiesgħa mill-partijiet interessati u proċess trasparenti biex jiżguraw li jintlaħaq ftehim b’mod sodisfaċenti u dan jiġi implimentat. In-negozji jistgħu joffru l-għarfien espert tagħhom għan-negozjati dwar il-klima dwar modi effettivi biex jonqsu l-emissjonijiet u jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju b’mod ġenerali tista' wkoll tiżgura li l-isforzi jkunu jistgħu jitqabblu u li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs. Il-Ftehim globali ġdid tal-2015 huwa biss l-ewwel pass u l-implimentzzjoni sħiħa tal-Ftehim jiddependi fuq is-soċjetà ċivili inġenerali. Għalhekk, il-proċess u r-riżultati tal-implimentazzjoni għandhom ikunu trasparenti u konvinċenti, sabiex jirbħu l-fiduċja fost iċ-ċittadini madwar id-dinja. |
4.9 |
Kif tista’ l-UE tinvesti bl-aħjar mod u ssostni proċessi u inizjattivi barra mill-Konvenzjoni biex twitti t-triq għal ftehim ambizzjuż u effettiv fl-2015? Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu li beda minn dan id-dokument tal-Kummissjoni. Analiżi esperta indipendenti tal-aspetti kollha tal-politika dwar il-klima hija ta’ importanza kbira, speċjalment fid-dawl tax-xenarju ġeopolitiku globali li nbidel u qed jinbidel. Xi analiżi hija diġà disponibbli, għalhekk mhuwiex meħtieġ li tinbeda ħidma mix-xejn. Wieħed jista' jibda mill-ittra li ntbagħtet lill-President tal-Istati Uniti mill-Kunsill ta’ konsulenti xjentifiċi tiegħu li ġabret il-kwistjonijiet mqajma mit-tibdil fil-klima. Il-lezzjoni mill-Ftehim ta' Kjoto u n-natura fit-tul tan-negozjati tan-NU jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għall-bidla qabel ma jkun tard wisq. Barra minn hekk, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta’ esperti bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija għandhom u jistgħu jkunu implimentati mingħajr dewmien eċċessiv. Ir-rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija "Redrawing the Energy Climate Map" joffri approċċ prammatiku u fattibbli. Erba’ politiki bażiċi li jistgħu jintlaħqu stipulati fir-rapport huma: it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini, l-industrija u t-trasport; it-tnaqqis fil-bini u użu ta' impjanti tal-faħam mhux effiċjenti; it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-produzzjoni taż-żejt u l-gass naturali u t-tħaffif gradwali ta’ xi sussidji tal-konsum ta’ fjuwils fossili. |
Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 110-116.
(2) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.
(3) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 110-116.
(4) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.