This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE0941
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Entrepreneurship “2020 Action Plan” — Reigniting the entrepreneurial spirit in Europe’ COM(2012) 795 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 — Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” COM(2012) 795 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 — Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” COM(2012) 795 final
ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 75–80
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
19.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 271/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 — Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”
COM(2012) 795 final
2013/C 271/14
Relatur: is-Sur LOBO XAVIER
Korelatur: is-Sur LANNOO
Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa
COM(2012) 795 final
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April
Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’61 vot favur, 8 voti kontra u 13-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar u l-ebda Stat Membru m’għandu jonqos milli jikkontribwixxi bi spirtu analitiku sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li ħarġu fid-dieher bil-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-qgħad, irrispettivament mit-tip u l-kategorija ta’ nies fis-soċjetà li jolqot, jirrikjedi sforzi konġunti u komuni mill-Istati Membri kollha organizzati fi strateġija komuni li tiġi applikata b’mod differenti skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet ta’ kull pajjiż. |
|
1.2 |
Huwa f’dan l-isfond li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi l-Pjan ta’ Azzjoni “l-Intraprenditorija 2020” biex tippromovi kultura intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni li tippermetti l-ekonomiji tagħna li jirkupraw u toħloq spirtu ġenwin intraprenditorjali fl-Ewropa bil-kapaċità li jispira lis-soċjetà sabiex tikseb l-għanijiet li jikkonċernaw lil kulħadd. |
|
1.3 |
Din l-opinjoni tanalizza l-valur miżjud tal-ħolqien tal-pjan ta’ azzoni “Intraprenditorija 2020”, li huwa impenn realistiku biex jagħti spinta lill-intraprenditorija u l-intrapriża bħala strument genwinament Ewropew sabiex jikkontribwixxi ħalli tingħeleb il-kriżi, b’enfasi fuq l-investiment f’azzjonijiet speċifiċi u politiki strutturati fil-perjodu qasir, medju u twil b’mod effikaċi biżżejjed biex tinbidel is-sitwazzjoni attwali permezz tat-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ attitudni intraprenditorjali li tagħti kontribut fis-soċjetà bħala mutur tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Din il-politika intraprenditorjali trid tistimola l-ħolqien tal-forom kollha ta’ intrapriżi. Barra minn hekk trid tippromovi l-iżvilupp ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, tal-artiġjani, tal-professjonisti liberi, tan-negozji tal-familja, tal-kooperattivi u tal-intrapriżi soċjali. |
|
1.4 |
Il-KESE jqis li s-soċjetà m’għandhiex tqis l-intraprenditorija bħala s-soluzzjoni għall-problemi kollha iżda iktar bħala għajnuna għal bidla fl-imġiba meħtieġa sabiex tinħoloq kultura ta’ innovazzjoni, iffukata fuq it-tiftix tal-għarfien u tal-opportunitajiet tan-negozju bil-għan li tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll benesseri soċjali fil-forom kollha ta’ intrapriża. |
|
1.5 |
Il-KESE jibża’ li l-qafas finanzjarju pluriniennali approvat mill-Kunsill idgħajjef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” u li dan jispiċċa fil-kapitli tal-intenzjonijiet tajbin mingħajr finanzi adegwati. |
|
1.6 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li jawtorizza r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, b’livelli sustanzjali u sostenibbli, u jistiednu jirrifletti dwar dan, huwa jfakkar li l-fondi strutturali jista’ jkollhom sehem importanti f’dan il-kuntest. |
|
1.7 |
Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li l-“atturi” differenti fil-kamp jingħataw il-mezzi meħtieġa biex ixandru u jwasslu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-intraprenditorija, indipendentement mill-provenjenza tagħhom (settur pubbliku jew privat) jew il-qasam tal-attività. |
|
1.8 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri b’kollaborazzjoni mill-viċin mal-organizzazzjonijiet differenti rappreżentattivi tal-SMEs, minħabba l-firxa tas-settur tagħhom u tal-importanza tagħhom fil-kuntest Ewropew. |
|
1.9 |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-politiki li jippromovu l-intraprenditorija jridu jkunu koordinati mal-politiki tal-edukazzjoni, billi jassoċċjaw il-korp tal-għalliema u billi l-kunċett ta’ intraprenditorija jsir magħruf mill-ewwel snin tal-iskola. Il-KESE jappella wkoll sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, sabiex tiġi assigurata applikazzjoni armonjuża tal-azzjonijiet proposti. |
|
1.10 |
Il-KESE jirrakkomanda li kif ġara b’kampanji simili, il-Kummissjoni tiddikjara li waħda mis-sentejn li ġejjin tiġi dikjarata “Is-sena Ewropea għall-intraprenditorija”, biex tħeġġeġ inizjattivi komuni u biex issaħħaħ il-promozzjoni tal-kunċett tal-“intraprenditorija Ewropea”. Din il-proposta ma tmurx kontra l-implimentazzjoni ta’ “Jum tal-UE għall-Intraprenditorija” imsemmija fid-dokument attwali. |
|
1.11 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-raba’ ass ta’ miżuri mmirat li jsaħħaħ l-azzjonijiet ta’ appoġġ, pariri u għajnuna li jingħataw lill-intrapriżi, l-aktar dawk li huma l-iżgħar, bis-saħħa ta’ organizzazzjonijiet intermedji. |
|
1.12 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill li jirrevedu u jimplimentaw sistemi mmirati li jappoġġjaw lill-anzjani li jixtiequ jibdew attività għal rashom filwaqt li huma rtirati u jissemplifikaw il-qafas tal-attività tagħhom fuq il-bażi tal-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri. |
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
|
2.1 |
Il-KESE jikkunsidra li l-għażla tat-tliet oqsma li jirrikjedu intervent immedjat u li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal żvilupp sostnut ta’ spirtu intraprenditorjali u l-intraprenditorija fl-Ewropa jidhru adegwati iżda jirrikjedu l-appoġġ ta’ miżuri speċifiċi applikati lokalment b’viżjoni li hija kemm Ewropea kif ukoll orjentata lejn is-swieq globali. Iżda għalkemm fil-livell kunċettwali huwa adegwat, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tiggarantixxi finanzi sostenibbli biex l-azzjonijiet jitwettqu. L-oqsma ta’ intervent immedjat huma definiti tajjeb:
Fi kliem ieħor it-teħid ta’ azzjoni għat-tħejjija u t-taħriġ tan-nies, il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba għall-intraprenditorja u l-promozzjoni tal-kunċett abbażi tal-kundizzjonijiet li jinħolqu sadattant. Il-KESE jerġa’ jisħaq li l-kunċett huwa definit tajjeb iżda jirrikjedi l-impenn konġunt tal-Istati Membri u kjarifika dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-pjan. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
L-intraprenditorija fiha nnifisha hija kunċett li diġà ġie identifikat u rikonoxxut bħala fattur li jiddistingwi s-soċjetajiet żviluppati minn oħrajn u li għandu jkun element pożittiv ta’ soċjetà organizzata (1). |
|
3.2 |
L-approċċ tas-soċjetà Ewropea lejn l-intraprenditorija jista’ jinbidel billi jsir użu mill-prattiki tajba u l-eżempji ta’ suċċess li jeżistu flimkiem ma’ kunċetti bażiċi assoċjati mal-kultura tal-intraprenditorija filwaqt li jitqies il-fatt li l-investiment li għandu jsir għandu jiffoka fuq l-isfruttar tal-kapital uman Ewropew li huwa rikk. Ir-riżorsi tal-qafas finanzjarju pluriennali jridu jagħtu kas ta’ din il-ħtieġa ta’ promozzjoni u disseminazzjoni tal-prattiki tajbin li jeżistu fost l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-SMEs fl-Istati Membri differenti. |
|
3.3 |
Biex din il-bidla meħtieġa fl-atteġġjament tirnexxi, iridu jiddaħħlu ċerti ideat li ma jingħatawx l-attenzjoni li tixraqilhom fid-dokument. Eżempju ta’ dan huwa l-kunċett tal-proprjetà intellettwali u d-dritt tal-awtur. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tintegra dawn il-kunċetti essenzjali sabiex jinkisbu l-għanijiet globali tad-dokument (2) fl-abbozzar tal-azzjonijiet ipprogrammati li jridu jiġu żviluppati. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni ferma dwar dan fil-korpi li jiggovernaw il-kummerċ dinji f’dawn l-oqsma. |
|
3.4 |
Minkejja l-intenzjonijiet tajba tad-dokument, ftit għandu xi jgħid dwar il-metodu tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki li għandhom jippromovu l-Istati Membri. Il-KESE jemmen li għandu jittieħed kont tal-fatt li ħafna minn dawn il-politiki jista’ jkollhom effett prattiku biss jekk l-Istati Membri jaqdu rwol attiv fil-proċess tal-bidla kulturali, xi ħaġa li tidher li hija diffiċli fl-ambjent ekonomiku attwali mingħajr rikors lejn il-fondi mill-programmi Ewropej. Il-KESE jisħaq li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” ikun aktar effikaċi jekk jingħaqdu magħha r-rappreżentanti differenti tal-SMEs, biex b’hekk tiġi garantita l-parteċpazzjoni tal-atturi rilevanti għall-kwistjonijiet li jridu jiġu affrontati, fil-persettiva tal-bidla meħtieġa fl-imġiba. |
|
3.5 |
F’dan ir-rigward, il-KESE jinsab imħasseb dwar l-assenza ta’ baġit speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jiddubita kemm il-Pjan jista’ jiġi implimentat mingħajr baġit adatt għall-proposti ppreżentati. Huwa jfakkar ukoll li l-Fondi Strutturali jista’ jkollhom rwol essenzjali fil-proċess u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużawhom b’mod adatt ħalli jippromovu l-intraprenditorija fil-qafas ta’ referenza li jmiss għall-UE. Is-segwitu u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet iridu jitqiesu waqt li jintużaw il-Fondi Strutturali. |
|
3.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li kif ġara b’kampanji simili, il-Kummissjoni tiddikjara li waħda mis-sentejn li ġejjin tkun “Is-sena Ewropea għall-intraprenditorija”, biex tħeġġeġ inizjattivi relevanti u komuni għall-promozzjoni tal-kunċett tal-“intraprenditorija Ewropea”. |
|
3.7 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ it-tnaqqis tal-burokrazija involuta fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi u jitlob lill-Istati Membri li jadottaw miżuri komuni li jħarsu lis-suq Ewropew minn kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi jew reġjuni oħra tad-dinja. |
|
3.8 |
Il-KESE jinnota li l-Istati Membri għandhom, bħala parti mill-programmi tal-promozzjoni tal-intraprenditorija, jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, li jagħtu lill-intraprendituri l-istess tip ta’ protezzjoni bħal ħaddiema oħra u b’hekk titjieb il-protezzjoni ta’ dawk li għalihom ir-riskju huwa ċ-ċavetta tas-suċċess tal-proġetti tagħhom. |
|
3.9 |
Il-KESE jitlob li jitwaqqaf tim virtwali ta’ “ambaxxaturi tal-intraprenditorija” jiġifieri nies li għandhom storja ta’ suċċess intraprenditorjali sabiex jgħinu biex jittejjeb il-profil tal-intraprendituri u tal-persuni tan-negozju u b’hekk jibdlu b’mod pożittiv il-perċezzjonijiet fis-soċjetà. Dan it-tim jista’ jxerred il-valuri tal-intraprenditorija u jippromovi inizjattivi komuni b’mod relattivament koordinat f’kull pajjiż. Il-Kummissjoni diġà ħadet l-ewwel pass f’din id-direzzjoni billi kull sena tippubblika l-ktejjeb “Secret of Success” waqt il-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs li fih ikun hemm ambaxxaturi tal-intraprenditorija li jinsabu fl-Istati Membri. L-istess jgħodd għall-inizjattiva “Start up Europe” fil-qafas tal-aġenda diġitali. |
4. Osservazzjonijiet speċifiċi
4.1 Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-edukazzjoni intraprenditorjali
|
4.1.1 |
Il-KESE jagħraf u jikkonferma li huwa importanti ħafna li ninvestu fil-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali sabiex jinkisbu l-għanijiet proposti b’mod partikolari b’rabta mal-bidla kulturali li hemm bżonn fis-soċjetà. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li dan il-kunċett jiġi promoss mill-ewwel snin tal-iskola; madankollu huwa jfakkar li huwa jkopri realtajiet differenti skont l-istrutturi tas-soċjetà u l-fażijiet differenti tal-ħajja taċ-ċittadini. Huwa għandu jiġi promoss ukoll b’aċċettazzjoni wiesgħa. Pereżempju, is-soċjetà ċivili hija soltu ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-intraprenditorjat soċjali, dimensjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-kunċett ġenerali tal-intraprenditorija. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li dan il-kunċett jiġi rikonoxxut u appoġġjat. |
|
4.1.2 |
Jeżisti korp sostanzjali ta’ prattiki tajba fl-Istati Membri kollha li jista’ u li għandu jitferrex u jiġi applikat skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet ta’ kull Stat Membru. Jekk l-inizjattivi differenti jiġu promossi u mferrxa b’mod tajjeb, dan jista’ joħloq ambjent li jagħti spinta lill-perċezzjonijiet tal-importanza tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali. Huwa importanti li l-qafas finanzjarju pluriennali jimmobilizza riżorsi suffiċjenti biex l-awtoritajiet u r-rappreżentanti differenti tal-SMEs jxerrdu u jippromovu dawn il-prattiki tajbin. |
|
4.1.3 |
Dwar dan il-prinċipju, il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-idea tal-promozzjoni ta’ prattiki tajba f’dawn l-oqsma iżda jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li ma ninsewx il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u nadattaw il-miżuri skonthom. |
|
4.1.4 |
Il-KESE jfakkar li wieħed jista’ janalizza l-possibbiltajiet li huma diġà offruti min-Netwerk tal-Intrapriżi Ewropej għall-promozzjoni fl-Istati Membri u l-informazzjoni għalihom dwar il-pjan ta’ azzjoni. Biex din il-ħidma tkun possibbli, ikun hemm bżonn li titħeġġeġ il-kollaborazzjoni ta’ dan in-netwerk mal-organizzazzjonijiet differenti li huma kkonċernati mill-promozzjoni tal-intraprenditorija, b’mod partikolari dawk marbutin mal-SMEs, filwaqt li jitqies il-fatt li dan in-netwerk huwa xi ftit jew wisq dinamiku skont il-pajjiż. |
4.2 Il-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali
|
4.2.1 |
Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-politiki li jimmiraw li jimmobilizzaw is-soċjetà madwar l-intraprenditorija fuq il-bażi ta’ mudelli li kellhom suċċess u ta’ każijiet li diġà ġew validati. L-eżempji tajbin ġeneralment jiġu kkuppjati mis-soċjetà, dan hu mod effikaċi biex tiġi promossa perċezzjoni pożittiva tal-ispirtu intraprenditorjali mal-gruppi mmirati differenti. |
|
4.2.2 |
Madankollu huwa assolutament meħtieġ, kif diġà ntqal, li l-kultura tal-intraprenditorija tiġi promossa minn kmieni fost iż-żgħażagħ. Teżisti relazzjoni ta’ kawża u effett fil-gruppi mmirati li tħeġġeġ l-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Iż-żgħażagħ huma motivati u jirreaġixxu tajjeb għall-inkoraġġiment tal-promozzjoni ta’ kultura u ta’ ambjent li jiffavorixxi l-ħolqien ta’ xi ħaġa fuq inizjattiva tagħhom u li jkunu responsabbli għaliha huma, huma juru entużjażmu għall-proġetti li jkunu verament personali. Minn kmieni, iż-żgħażagħ jidħlu fi proġetti li waqthom huma jistgħu jitgħallmu b’mod prattiku kif ikunu intraprendituri u jsiru eżempji tajbin ta’ kultura intraprenditorjali u ta’ kooperazzjoni bejn l-individwi li jaqsmu l-istess valuri u jkollhom għanijiet komuni, b’hekk ir-riżultati fil-futur ikunu aħjar. Għaldaqstant ir-rwol tal-għalliem huwa essenzjali biex jinbidel l-atteġġjament u l-KESE jappoġġja inizjattivi li jgħinu lill-korp tal-għalliema jwasslu u jippromovu dan il-kunċett. Eżempju tajjeb ta’ programm li huwa mutur tal-intraprenditorija huwa l-“F1 in Schools” (3) Il-KESE jfakkar ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport “Entrepreneurship in education” (l-intraprenditorija fl-edukazzjoni) li joffri sintesi tal-istrateġiji differenti applikati fl-Ewropa biex jippromovu l-edukazzjoni intraprenditorjali (4). |
|
4.2.3 |
Il-KESE jenfasizza li m’hemmx kultura uniformi tal-intrapriżi iżda kulturi differenti skont id-daqs, in-natura u s-settur tal-attività. Għaldaqstant, l-azzjonijiet ta’ promozzjoni jridu min-naħa jirrigwardaw it-tipi kollha ta’ intrapriżi filwaqt li jkun hemm attenzjoni biex ma jiġix privileġġjat xi mudell wieħed. Huma jridu jindirizzaw ukoll lill-imsieħba tal-intrapriżi, l-aktar il-banek, l-awtoritajiet pubbliċi u l-mezzi tax-xandir biex ikunu jistgħu jagħtu każ tad-differenzi kulturali fl-informazzjoni li jgħaddu u fl-għażliet ta’ politiki tagħhom. |
|
4.2.4 |
Il-KESE jenfasizza u jirrakkomanda lill-Istituzzjonijet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-ħtieġa li tiġi protetta u miżmuma d-diversità tal-forom ta' intrapriżi sabiex is-suq uniku u l-mudell soċjali Ewropew jiżviluppaw u jitħaddmu b'mod sħiħ. Il-forom kollha ta’ intrapriżi jirriflettu aspett tal-istorja Ewropea u kull waħda minnhom tirrappreżenta l-memorja u d-diversi kulturi intraprenditorjali tagħna (5). Anke sabiex l-intraprenditorija Ewropea tiżviluppa u tiġi promossa b'mod sħiħ, jeħtieġ li d-diversità u l-pluraliżmu tal-forom ta' intrapriżi jiġu ċċarati u rikonoxxuti permezz ta' pjan ta' azzjoni Ewropew. |
4.3 Il-promozzjoni ta’ ambjent ekonomiku favorevoli
|
4.3.1 |
Il-bżonn li s-setturi differenti jifhmu li l-ħolqien ta’ negozju huwa r-riżultat tal-isforzi tal-komunità kollha li tirrikonoxxi u tapprezza l-valur miżjud mill-kap ta’ intrapriża u mill-intraprenditur u li hija miftuħa għall-dan il-valur miżjud huwa ċar. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali huwa aktar u aktar essenzjali li r-rwol tagħhom jidher f’dawl pożittiv. |
|
4.3.2 |
Barra minn promozzjoni adatta ta’ kultura kummerċjali, jeħtieġ li jinħolqu wkoll kundizzjonijiet verament sostenibbli fil-livell legali għal dawk li jixtiequ jinvestu u jieħdu r-riskju li jiżviluppaw idea, kunċett jew negozju. |
|
4.3.3 |
Il-KESE jfakkar li huwa ċertament essenzjali li jiġi promoss il-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda jew li jiġi faċilitat it-trasferiment ta’ intrapriżi li huma fil-periklu li jagħlqu jew li jfallu. Barra minn hekk, huwa essenzjali wkoll li jiġu appoġġati l-intrapriżi li diġà jeżistu. Bejn il-ħolqien u l-għeluq ta’ intrapriża hemm il-ħajja sħiħa tagħha, li titlob politiki speċifiċi li joffru regolamentazzjoni aħjar sabiex jinħolqu l-impjiegi u attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, kif ukoll l-innovazzjoni u l-kompetittività fi ħdan suq intern u fl-ekonomija globalizzata. |
|
4.3.4 |
L-Istati Membri għandhom fl-aħħar iwettqu l-armonizzazzjoni pożittiva tal-kundizzjonijiet sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ideali għall-iżvilupp tan-negozji u l-attivitajiet kummerċjali u soċjali, filwaqt li jqisu l-varjetà sħiħa tal-istrutturi kummerċjali. Għal darba oħra, eżempji ta’ suċċess bħat-tipi differenti ta’ appertenenza kollettiva tal-ishma f’intrapriżi jew it-twaqqif ta’ kooperattivi jista’ jservi ta’ xprun għat-tibdil li għandhom iħeġġu l-Istati Membri (6). |
|
4.3.5 |
Il-KESE huwa favur informazzjoni iktar ċara u armonizzata fl-Istati Membri kollha dwar il-kundizzjonijiet tat-twaqqif ta’ intrapriża billi kundizzjonijiet ekwi jħeġġu l-intraprenditorija. Bl-istess mod huwa importanti li jiġi assigurat aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ li jagħtu każ tat-tipi differenti ta’ intrapriża. |
|
4.3.6 |
Il-KESE jaqbel li l-finanzjament huwa kwistjoni Ewropea li l-Istati Membri kollha għandhom jindirizzaw b’kawtela. Il-likwidità finanzjarja hija limitata f’dan il-kuntest u huma l-intraprendituri ż-żgħar li jixitequ jibdew proġett l-iktar li jbatu f’sitwazzjoni bħal din. Għaldaqstant huwa essenzjali li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ finanzjament li jappoġġjaw dan it-tip ta’ inizjattivi, fosthom is-sistemi ta’ garanzija reċiproka jew il-linji ta’ krediti sussidjati, għodod essenzjali għall-intraprendituri ż-żgħar li ma jiksbux finanzi fis-swieq “tradizzjonali” (7). |
|
4.3.7 |
Għaldaqstant, il-KESE japprova l-idea ta’ tisħiħ tal-istrumenti ta’ appoġġ għall-proġetti innovattivi u b’riskju għoli, riskju li huwa direttament proporzjonat mal-grad ta’ innovazzjoni integrata. F’dan ir-rigward, huwa jaqbel ukoll mad-deċiżjoni li jiżdied l-appoġġ finanzjarju għall-ittestjar, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda billi għandu effett multiplikatur fis-soċjetà. |
|
4.3.8 |
F’dawn iż-żminijiet partikolarment diffiċli għall-intrapriżi, il-KESE jaqbel mal-miżuri mmirati li jiġu faċilitati t-trasferimenti kummerċjali billi dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu opportunità għall-appoġġ tal-irkupru ta’ ċerti setturi ekonomiċi li jistgħu jagħtu spinta lis-suq tax-xogħol. |
|
4.3.9 |
F’dan ir-rispett, il-kwalità tal-leġislazzjoni li tapplika fil-kuntest tas-suq intern hija partikolarment importanti. L-Istati Membri għandhom ħafna xogħol quddiemhom iżda ma nistgħux induru lura. |
4.4 Ir-rifjut tal-istigmatizzazzjoni tal-falliment: il-falliment mhuwiex tmiem it-triq, iżda jista’ u għandu jidher bħala fażi ta’ tkabbir, bil-kundizzjoni li jinġibdu l-konklużjonijiet li hemm bżonn.
|
4.4.1 |
Intqal ħafna dwar l-attitudnijiet “Amerikani” u “Anglosassoni” lejn il-falliment u lejn ċans ieħor. Il-KESE jaqbel li s-soċjetà sħiħa għandha tagħmel sforz sabiex tara l-intraprendituri f’dawl differenti f’dak li jirrigwarda r-reżiljenza tagħhom kontra l-ewwel falliment. Għaldaqstant, jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi li jgħinu n-nies li jixtiequ jiżviluppaw xi ħaġa innovattiva sabiex jipperseveraw fl-għażliet tagħhom. Jekk l-ewwel sforz ma jwassal għal imkien, għandu jitqies, b’mod partikolari mis-sistema finanzarja bħala opportunità sabiex jittejbu u jissaħħu l-ħiliet għal proġetti intraprenditorjali futuri mhux bħala tmiem sħiħ. Il-KESE jemmen ukoll li jista’ jkun kontraproduttiv li tiġi enfasizzata żżejjed il-promozzjoni ta’ kultura waħda u li għandhom jiddominaw is-sens tajjeb u l-bilanċ. |
4.5 Tisħiħ tal-appoġġ għall-SMEs u rappreżentanti oħra
|
4.5.1 |
Il-KESE jagħraf li r-regoli li japplikaw għall-intrapriżi jridu jiġu semplifikati u ċċarati għal dawk li għandhom il-ħsieb li jkollhom rwol attiv fil-ħolqien u l-iżvilupp tagħhom. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f’li jnaqqsu l-burokrazija involuta sabiex jinbdew u jiġu modernizzati l-intrapriżi. It-twaqqif ta’ intrapriżi, kemm fis-settur industrijali kif ukoll teknoloġiku għandu jsir b’mod ċar u malajr iżda għandu jirċievi wkoll l-appoġġ adegwat sabiex jiġu evitati l-eżaġerazzjonijiet jew in-nuqqas ta’ ftehim kemm għall-intraprendituri kull ukoll għall-awtoritajiet regolatorji. |
|
4.5.2 |
Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma biex janalizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-professjonijiet ħielsa, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħas-semplifikazzjoni amministrattiva, l-internazzjonalizzazzjoni u l-aċċess għall-finanzi. Il-KESE jfakkar ukoll li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-funzjoni speċifika tal-professjonisti ħielsa f’diversi Stati Membri għandha titqies biex tiġi inkoraġġita “Karta Ewropea għall-professjonisti ħielsa”, simili għall-“Karta tal-UE tal-intrapriżi ż-żgħar”. |
|
4.5.3 |
Il-KESE jaqbel li hemm bżonn ta’ servizzi ta’ pariri u appoġġ għall-intrapriżi madanakollu jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinħolqu gruppi multidixxiplinarji li jifhmu sew is-suq u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Huwa jiġbed l-attenzjoni għalhekk lejn il-possibbilità li tintuża l-esperjenza ta’ intraprendituri irtirati jew ta’ esperjenza li huma disponibbli biex jagħtu l-għarfien espert tagħhom lil intraprendituri ġodda. Dan jippermetti djalogu li jagħti l-frott bejn il-ġenerazzjonijiet. Għalhekk il-KESE jqis li huwa importanti li attivitajiet bħal dawn ma jkunux sempliċiment volontarji iżda jkunu appoġġjati minn inċentivi li jagħmluha possibbli għall-konsulenti u l-intraprendituri li jaqsmu l-benefiċċji tal-ħolqien tal-valur. Dan huwa mezz tajjeb ukoll ta’ kif jiġu integrati nies li għadhom jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà iżda li mhumiex attivi b’mod sħiħ fis-suq tax-xogħol. |
|
4.5.4 |
In-netwerks ta’ kollaborazzjoni bejn l-SMEs iridu jiġu inkoraġġuti għaliex huma jsaħħu b’mod konsiderevoli l-vijabilità tal-SMEs minħabba l-ekonomiji ta’ skala (qsim tal-ispejjeż fil-qafas tal-marketing, ix-xiri jew servizzi komuni oħra, il-kooperazzjoni bejn entitajiet li jipproduċu prodotti jew servizzi komplementarji, il-possibilità tal-innovazzjoni u li wieħed jespandi fis-suq internazzjonali). |
|
4.5.5 |
Barra mill-isforzi ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u ta’ akkumpanjament tal-intraprendituri l-ġodda, il-KESE jinsisti fuq ir-rwol essenzjali tal-pariri (coaching u mentoring) li jsir mill-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi. Mingħajr dawn l-azzjonijiet, l-SMEs b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, ma jistgħax ikollhom aċċess għall-finanzi waħedhom, u l-anqas għall-fondi tal-UE, jew jinnovaw, jiżviluppaw il-kompetittività tagħhom u japplikaw il-miżuri ta’ prijorità tal-Istrateġija UE 2020 anke jekk huma direttament ikkonċernati. Il-KESE huwa diżappuntat li t-tisħiħ tal-azzjoni ta’ coaching u mentoring tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi ma tinsabx fil-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jitlob li jiġi stabbilit ir-raba’ ass ta’ miżuri mmirat biex isaħħaħ dawn l-azzjonijiet bis-saħħa tal-appoġġ tal-organizzazzjonijiet intermedji. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiffokaw b’mod partikolari fuq l-aktar intrapriżi żgħar. |
4.6 Appoġġ għal gruppi speċifiċi
|
4.6.1 |
Il-KESE japoġġja l-isforzi mmirati b’mod partikolari lejn it-tħeġġiġ ta’ ċerti setturi tas-soċjetà li qed jaqdu rwol dejjem iktar importanti fl-isforzi konġunti sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan it-tip. |
|
4.6.2 |
Il-KESE jappoġġja l-politiki li jimmobilizzaw lill-gruppi msemmija fil-pjan (nies qgħida, nisa, anzjani, żgħażagħ, persuni b’diżabbiltà u immigranti) dwar temi li jirrigwardaw l-intraprenditorjat, il-ħolqien ta’ intrapriżi u l-valur tagħhom għas-soċjetà. Il-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin li jeżistu minn dawn il-gruppi jistgħu jikkontribwixxu għal approċċ aktar komplut u l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti. Il-KESE jesprimi s-sudisfazzjoni tiegħu li dawn il-gruppi ġew identifikati li jistgħu jimmobilizzaw is-soċjetà dwar dawn it-temi u jaqbel mal-miżuri ta’ promozzjoni tal-valuri ta’ intraprenditorija u ta’ innovazzjoni fosthom, biex il-parteċipazzjoni tagħhom tiġi mħeġġa bil-għan li niffaċċjaw din l-isfida Ewropea. |
|
4.6.3 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Istituzzjonijiet, b’mod partikolari għat-tendenza li qed tikber li l-anzjani li jkunu rtiraw, joħolqu jew joħolqu mill-ġdid attività oħra indipendenti. Dan l-iżvilupp huwa minħabba li n-nies qed jgħixu aktar fit-tul, il-progress fil-kura tas-saħħa kif ukoll il-ħtieġa li jiżdied id-dħul minħabba l-effetti tal-kriżi fuq il-pensjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill li jirrevedu u jimplimentaw sistemi mmirati li jappoġġjaw lill-anzjani li jixtiequ jaqbdu din it-triq u jissimplifikaw il-qafas tal-attività tagħhom fuq il-bażi tal-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri. |
Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 45.
(2) ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28. “Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) għandhom iżommu r-rwol tradizzjonali tagħhom li jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir.”
(3) http://www.f1inschools.com/
(4) http://eacea.ec.europa.eu/education/Eurydice/documents/thematic_reports/135EN.pdf
(5) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.
(6) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24.
(7) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125 u ĠU C 351, 15.11.2012, p. 45.