EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0021

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

/* KUMM/2012/021 finali - 2012/0013 (COD) */

52012PC0021

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet /* KUMM/2012/021 finali - 2012/0013 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), fuq naħa, u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti tal-implimentazzjoni), fuq in-naħa l-oħra.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ("il-pjan għall-merluzz") jinġieb f’konformità mar-regoli l-ġodda tat-TFUE. Is-setgħat mogħtija bħalissa lill-Kummissjoni permezz ta’ dak ir-Regolament ġew ikklassifikati mill-ġdid f'miżuri ta’ natura ddelegata u f'miżuri ta’ natura implimentattiva.

L-għan ewlieni ta’ dan il-pjan huwa li jiżgura l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-merluzz fiż-żoni ġeografiċi tal-Kattegat, tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Punent tal-Iskozja u tal-Baħar Irlandiż, abbażi tar-rendiment massimu sostenibbli (l-Artikolu 5(1)). Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-pjan jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment tal-opportunitajiet annwali tas-sajd għal dan l-istokk f'termini tal-qabda totali permissibbli u tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli. Dawn ir-regoli jużaw ċerti parametri tekniċi, li b'referenza għalihom l-istokk jista' jitqies li huwa f'qagħda ta' konservazzjoni aħjar jew agħar, u għaldaqstant eqreb jew aktar ’il bogħod mill-għan tal-pjan. Dawn il-parametri huma bbażati fuq ix-xjenza, u mhumiex għażla ta’ politika. Ix-xjenza għandha mnejn tevolvi u titjieb, u l-pjan irid ikollu d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat li jibqa' pari passu mal-aqwa xjenza disponibbli.

Għaldaqstant, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament jistipula li jekk ikun jidher, fid-dawl tal-parir xjentifiku, li r-rati ta' mortalità mis-sajd u l-livelli relatati tal-bijomassa tal-istokkijiet riproduttivi [l-istokkijiet li jbidu] użati għall-finijiet tal-pjan ma jibqgħux xierqa, il-Kunsill għandu jirrevedi t-tali parametri biex jiżgura li l-pjan ikun jista' jilħaq l-għanijiet ta' ġestjoni tiegħu. B'hekk, ir-Regolament fis-seħħ jagħti s-setgħa lill-Kunsill jemenda dawn l-elementi mhux essenzjali tal-pjan. Tali proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet m'għadhiex possibbli taħt it-TFUE.

B'mod simili, il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll is-setgħa li tadotta atti ddelegati biex temenda elementi oħra mhux essenzjali tar-Regolament KE) Nru 1342/2008, ngħidu aħna, ċerti parametri tekniċi tal-Anness I meta jinqala' l-bżonn, u dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet stretti stipulati minn dak ir-Regolament.

Għandhom jingħataw setgħat iddelegati wkoll sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar l-aġġustament tal-isforz tas-sajd meta grupp ta’ bastimenti jiġi eskluż mir-reġim tal-isforz jew jerġa' jiddaħħal fih, dwar il-metodu għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd, dwar il-metodu għall-kalkolu tal-adattament tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli, u dwar bidliet fil-kompożizzjoni taż-żoni ġeografiċi u tal-gruppi ta’ rkaptu.

Għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-proċedura u l-format tat-trażmissjoni ta’ tagħrif lill-Kummissjoni, kif ukoll il-format tal-permess speċjali tas-sajd u tal-lista tal-bastimenti li għandhom permess speċjali.

Barra minn hekk, il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulata fl-Artikolu 30 għandha tiġi ċċarata wara d-dħul fis-seħħ tat-TFUE.

Għaldaqstant, l-emendi proposti huma mmirati lejn bidliet li għandhom jippermettu t-twettiq effiċjenti tal-pjan fil-qafas il-ġdid tat-teħid ta’ deċiżjonijiet stabbilit mit-Trattat ta' Liżbona.

F’konformità ma' dan t’hawn fuq, tħejja abbozz ta' proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008, u l-Kummissjoni qed tintalab tadotta din il-proposta malajr kemm jista' jkun biex imbagħad tibgħatha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma kienx hemm bżonn li l-partijiet interessati jiġu kkonsultati u lanqas li ssir valutazzjoni tal-impatt.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-motiv ewlieni tal-azzjoni huwa l-identifikazzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala setgħat iddelegati jew ta’ implimentazzjoni.

· Il-bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta temenda miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008, u għaldaqstant il-kwistjoni dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità ma tqumx.

· L-għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-Unjoni.

2012/0013 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004[2] jagħti s-setgħa lill-Kunsill jissorvelja u jirrevedi r-rati massimi ta’ mortalità mis-sajd u l-livelli relatati tal-bijomassa tal-istokkijiet riproduttivi [l-istokkijiet li jbidu].

(2) Skont l-Artikolu 290 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' tingħata s-setgħa tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv permezz ta' atti ddelegati.

(3) Sabiex jiġu emendati jew issupplimentati elementi mhux essenzjali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan li ġej:

– bidliet fil-valuri stabbiliti tar-rati massimi ta’ mortalità mis-sajd u tal-livelli relatati tal-bijomassa tal-istokkijiet riproduttivi [l-istokkijiet li jbidu], meta tkun intlaħqet ir-rata ta' mortalità mis-sajd fil-mira;

– ir-regoli dwar l-aġġustament tal-isforz tas-sajd meta grupp ta’ bastimenti jiġi eskluż mir-reġim tal-isforz jew jerġa' jiddaħħal fih;

– ir-regoli dwar il-metodu għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 14(3) u l-aġġustament tal-livelli massimi tal-kapaċità minħabba t-twaqqif permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u t-trasferimenti tal-kapaċità;

– ir-regoli dwar il-metodu għall-kalkolu tal-adattament tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli b’rabta mal-ġestjoni tal-kwoti;

– ir-regoli dwar il-metodu għall-kalkolu tal-adattament tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli wara t-trasferiment ta’ sforz fost il-gruppi tal-isforz;

– bidliet fil-kompożizzjoni taż-żoni ġeografiċi u tal-gruppi ta’ rkaptu stabbiliti fl-Anness I.

(4) Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Waqt it-tħejjija u t-tfassil tal-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(5) Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat, biex jiġu implimentati atti legalment vinkolanti b'kundizzjonijiet uniformi, l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

(6) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għar-regoli ddettaljati dwar il-proċedura u l-format għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tat-tagħrif mitlub skont dan ir-Regolament u dwar il-format tal-permess speċjali tas-sajd u tal-lista tal-bastimenti li għandhom it-tali permess speċjali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[3].

(7) Il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulata fl-Artikolu 30 għandha tiġi ċċarata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 10(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:    

“1. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a dwar il-bidliet fil-valuri tal-livelli stabbiliti fl-Artikoli 5(2), 6 u 7(2), meta tkun intlaħqet ir-rata ta’ mortalità mis-sajd fil-mira mogħtija fl-Artikolu 5(2), jew jekk id-dejta xjentifika tindika li dik il-mira, jew il-livelli minimi u ta' prekawzjoni ta' bijomassa riproduttiva stabbiliti fl-Artikolu 6, jew il-livelli tar-rati ta’ mortalità mis-sajd mogħtija fl-Artikolu 7(2), m’għadhomx xierqa biex jinżamm f’livell baxx ir-riskju li l-istokkijiet jiġu eżawriti u biex jibqa' jkun hemm rendiment massimu sostenibbli."

(2) L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.     L-Istati Membri għandhom jipprovdu, ta’ kull sena, lill-Kummissjoni t-tagħrif ix-xieraq biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq intlaħqu u għadhom qed jintlaħqu."

(b) Għandhom jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4.     Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a biex tistipula regoli dwar l-aġġustament tal-isforz tas-sajd f’każ li grupp ta’ bastimenti jiġi eskluż mir-reġim tal-isforz jew jerġa’ jiddaħħal fih skont l-Artikolu 11(2), u f’każ li bastiment ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti speċifikati fid-deċiżjoni dwar l-esklużjoni.

5. Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli ddettaljati dwar il-proċedura u l-format għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 11(3), permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 32(2)."

(3) Fl-Artikolu 14 għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bażi għall-kalkolu tal-kapaċità massima tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll dwar kull aġġustament li jsir minħabba t-twaqqif permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u t-trasferimenti tal-kapaċità skont l-Artikolu 16(3)."

(4) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

"Artikolu 14a

Is-setgħat tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a biex tispeċifika r-regoli dwar il-metodu għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 14(3) u l-aġġustament tal-livelli massimi tal-kapaċità minħabba t-twaqqif permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u t-trasferimenti tal-kapaċità skont l-Artikolu 16(3).

2. Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 32(2), il-Kummissjoni tista' tadotta regoli ddettaljati dwar dan li ġej:

(a) il-format tal-permess speċjali tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 14(2) u l-proċeduri biex l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-lista tal-bastimenti li għandhom dak il-permess speċjali kif imsemmi fl-Artikolu 14(4);

(b) il-proċedura u l-format għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 14(5)."

(5) Fl-Artikolu 16 għandhom jiżdiedu l-paragrafi 4, 5 u 6 li ġejjin:

“4. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kull adattament tal-isforz magħmul skont dan l-Artikolu.

5. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a biex tistipula regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu li jippermetti lill-Istati Membri jadattaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli b’rabta mal-ġestjoni tal-kwoti.

6. Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli ddettaljati dwar il-proċedura u l-format għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 4, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 32(2)."

(6) Fl-Artikolu 17 għandhom jiżdiedu l-paragrafi 6, 7 u 8 li ġejjin:

“6. L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kull adattament tal-isforz magħmul skont dan l-Artikolu.

7. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a biex tistipula regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu li jippermetti lill-Istati Membri jadattaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli wara t-trasferiment ta’ sforz fost il-gruppi tal-isforz.

8. Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli ddettaljati dwar il-proċedura u l-format għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tat-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 6, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 32(2)."

(7) L-Artikolu 30 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 30

Il-proċedura għat-teħid ta’ deċiżjonijiet

Fejn dan ir-Regolament jipprovdi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jaġixxi skont it-Trattat."

(8) Fl-Artikolu 31, il-frażi ta’ introduzzjoni għandha tinbidel b’dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 31a biex temenda l-Anness I għal dan ir-Regolament abbażi tal-prinċipji li ġejjin:"

(9) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 31a li ġej:

"Artikolu 31a

Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa li tadotta atti ddelegati qiegħda tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10(1), 11(4), 14(a)(1), 16(5), 17(7) u 31 għandha tingħata għal perjodu taż-żmien indeterminat.

3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10(1), 11(4), 14(a)(1), 16(5), 17(7) u 31 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Tali deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar 'il quddiem speċifikata fiha. M'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li diġà jkun fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 10(1), 11(4), 14(a)(1), 16(5), 17(7) u 31 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk. qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

(10) L-Artikolu 32 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 32

Il-proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Dan il-Kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]              

[2]               ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.

[3]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top