Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0335

Preparamenti għall-elezzjonijiet tad-Duma Statali tar-Russja f'Diċembru 2011 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Lulju 2011 dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu

ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 180–181 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/180


Il-Ħamis 7 ta’ Lulju 2011
Preparamenti għall-elezzjonijiet tad-Duma Statali tar-Russja f'Diċembru 2011

P7_TA(2011)0335

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu

2013/C 33 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid,

wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-‘Sħubija għall-Modernizzazzjoni‧ li nbdiet fl-2010,

wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja (1), tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja (2), tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja (3), tat-12 ta'Novembru 2009 (4) qabel is-Samit bejn l-UE u r-Russja fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja (5) u dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija (6),

wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fl-4 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja Russu tat-22 ta' Ġunju 2011 li jirrifjuta l-applikazzjoni tar-reġistrar uffiċjali tal-Partit tal-Libertà tal-Poplu (PARNAS), u għal każi preċedenti simili, li jfisser li se jkun impossibbli li dawn il-partiti jipparteċipaw fl-elezzjonijiet,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (HR/VP), Catherine Ashton, tat-22 ta' Ġunju 2011 dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti fir-Russja,

wara li kkunsidra l-obbligu li jitħarsu l-prinċipji demokratiċi previsti mis-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa u bħala firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-pluraliżmu politiku huwa element fundamentali ta' soċjetà moderna u demokratika, u sors ta' leġittimità politika,

B.

billi fit-12 ta' April 2011 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet il-kritika tagħha dwar il-proċeduri kkumplikati għar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

C.

billi l-osservaturi tal-ODIHR żaru r-Russja waqt l-elezzjoni parlamentari tal-2003 u taw parir li l-missjonijiet standard tal-OSKE għandhom jibdew ħidmiethom sitt ġimgħat qabel l-elezzjonijiet u għandhom ikunu magħmula minn 60 osservatur fuq żmien fit-tul u 400 osservatur fuq żmien qasir,

D.

billi għad hemm tħassib dwar il-progress fir-Russja fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi rikonoxxuti b'mod komuni. billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tan-NU, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif promossi minn dawn l-organizzazzjonijiet,

1.

Jerġa' jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta' kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib fil-viċinat komuni kif ukoll fuq livell globali;

2.

Jerġa jikkonfema r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Rusjja f'Nizhny Novgorod;

3.

Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni tal-Partit tal-Libertà tal-Poplu (PARNAS) fl-elezzjonijiet ta' Duma li se jsiru f'Diċembru 2011; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu elezzjonijiet ħielsa u ġusti u jirtiraw kwalunkwe deċiżjoni u regola li jopponu dan il-prinċipju;

4.

jerġa' jafferma t-tħassib tiegħu rigward id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partiti politiċi biex jirreġistraw għall-elezzjonijiet, diffukultajiet li effettivament jillimitaw il-kompetizzjoni politika fir-Russja, inaqqsu l-għażla disponibbli għall-elettorat tal-pajjiż u juru li għad hemm ostakoli reali għall-pluraliżmu politiku fil-pajjiż;

5.

Jenfasizza li l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat għandhom ikunu bbażati fuq l-implimentazzjoni ta' standards elettorali mwaqqfa mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jawtorizzaw il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali fit-tul tal-OSKE/Kunsill tal-Ewropa u biex jikkooperaw magħha bis-sħiħ sa mill-aktar stadju bikri tal-elezzjonijiet u jistieden lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tinsisti fuq l-istabbiliment ta' missjoni għal dan l-għan; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-missjoni ta' osservazzjoni msemmija u s-soċjetà ċivili u l-gruppi ta' monitoraġġ;

6.

jiddeplora l-projbizzjoni tal-ivjaġġar għal sitt xhur imposta fuq Boris Nemtsov fil-5 ta' Lulju 2011 u jsejjaħ biex titneħħa minnufih;

7.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proposta ta' abbozz ta' liġi, li għandha tiġi diskussa fid-Duma, li permezz tagħha l-qrati Russi jkunu jistgħu jinjoraw s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'xi oqsma, peress li tali inizjattiva tmur kontra l-prinċipji bażiċi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tad-Duma tar-Russja li ma tikkunsidrax dan l-abbozz ta' liġi għal issa u jixtieq li finalment tabbanduna din l-inizjattiva;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.


(1)  Testi adottati f'dik id-data P7_TA(2011)0268.

(2)  Testi adottati f'dik id-data, P7_TA(2011)0066

(3)  Testi adottati f'dik id-data, P7_TA(2010)0234

(4)  ĠU C 271 E, 7.10.2010, p. 2.

(5)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 27.

(6)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 23.


Top