Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0319

    Servizzi soċjali ta' interess ġenerali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (2009/2222(INI))

    ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 65–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 33/65


    It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
    Servizzi soċjali ta' interess ġenerali

    P7_TA(2011)0319

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (2009/2222(INI))

    2013/C 33 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 3( 3 ) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 9, 14, 106, 151, 153(1)(j) u (k), 159, 160, 161 u 345 tiegħu, u l-Protokoll 26 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li ġiet konkluża mill-Komunità Ewropea fis-26 ta’ Novembru 2009 (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar u servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3), b'mod partikulari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (4),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea’ (COM(2006)0177) u d-dokument ta' ħidma li jakkumpanjaha tal-istaff tal-Kummissjoni dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea (SEC(2006)0516),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘Servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid’ (COM(2007)0725),

    wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bl-isem 'Mistoqsijiet li spiss isiru dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna Statali fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil impriżi fdati bit-tħaddim tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna Statali fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku’ (SEC(2007)1516) u ‘Mistoqsijiet li spiss isiru dwar l-applikazzjoni tar-regoli għall-akkwisti pubbliċi għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali’ (SEC(2007)1514),

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titlu “Gwida dwar l-applikazzjoni għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-‘akkwist pubbliku’ u s-‘suq intern’ SEC(2010)1545),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar din il-komunikazzjoni (5),

    wara li kkunsidra l-ewwel ‘Rapport Biennali dwar is-Servizzi Soċjali ta' interess ġenerali’ tal-Kummissjoni (SEC(2008)2179) u t-tieni ‘Rapport Biennali dwar is-Servizzi Soċjali ta' interess ġenerali’ (SEC(2010)1284) (6),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-Inklużjoni Attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (7),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju (COM(2010)0549), kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-istaff li jakkumpanjaha (SEC(2010)1166),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (COM(2010)0608),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu ‘Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi‧ (COM(2011)0020) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li akkumpanjaha (SEC(2011)0102) dwar il-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu ‘Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi" (COM(2011)0011),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Andor dwar id-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat ta’ Liżbona (8),

    wara li kkunsidra r-rapport ta’ Monti tad-9 ta’ Mejju 2010 dwar ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku għas-servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea’ (9),

    wara li kkunsidra r-‘Rapport dwar l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji għall-SSGI’ imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fl-2008 (10),

    wara li kkunsidra r-rapport bit-titlu ‘Qafas Ewropew Volontarju għall-Kwalità għas-servizzi soċjali’ imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fl-2010 (11),

    wara li kkunsidra r-‘Rapport konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010’ imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fl-2010 (12),

    wara li kkunsidra r-rapport bit-titlu ‧Evalwazzjoni tad-Dimensjoni Socjali tal-Istrateġija Ewropa 2020‧ imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali fl-2011 (13),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Forums għas-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali li saru f’Liżbona f’Settembru 2007, f’Pariġi f’Ottubru 2008 u fi Brussell f’Ottubru 2010 (14),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill EPSCO tal-16 u s-17 ta’ Diċembru 2008, tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2009 tas-6 u s-7 ta’ Diċembru 2010 (15),

    wara li kkunsidra s-sentenzi li gejjin tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja:

    tad-19 ta’ April 2007 fil-każ C-295/05 Tragsa,

    tat-18 ta’ Dicembru 2007 fil-każ C-532/03, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Is-Servizzi tas-Salvatagg Irlandizi),

    tat-13 ta’ Novembru 2008 fil-każ C-324/07 Coditel Brabant,

    tad-9 ta’ Ġunju 2009 fil-każ C-480/06, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (Stadtwerke Hamburg),

    tal-10 ta’ Settembru 2009 fil-każ C-206/08 Eurawasser,

    tad-9 ta’ Ottubru 2009 fil-każ C-573/07 Sea S.r.l.,

    tal-15 ta’ Ottubru 2009 fil-każ C-196/08, Acoset,

    tal-15 ta’ Ottubru 2009 fil-każ C-275/08, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (Datenzentrale Baden-Württemberg),

    tal-25 ta’ Marzu 2010 fil-każ C-451/08 Helmut Müller,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Diċembru 2006 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea’ (16),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-futur (17),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-‧White Paper‧ tal-Kummissjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali (18),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-14 ta' Marzu 2007 dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea (19),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (20),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (21),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (22),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi (23),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu fl-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta’ Statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (24),

    wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġiet Eurofound dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-2003 u l-2007 (25),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0239/2011),

    A.

    billi l-Artikolu 3 TUE jafferma li l-objettiv tal-Istati Membri hu t-titjib kostanti tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, u l-objettiv tal-Unjoni bħala l-benessri tal-popli tagħha, li għandhom jinkisbu permezz tal-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq tkabbir ekonomiku ekwilibrat, ekonomija soċjali tas-suq altament kompettittiva, orjentata fuq l-appoġġ tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li timmira lejn l-okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali, il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, it-taqbida kontra l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tal-jeddijiet tal-minuri,

    B.

    billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jistipola li meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli tal-impjiegi, il-garanzija tal-protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-eskluzjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

    C.

    billi l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu espliċitament jindirizzaw is-servizzi ta’ interess ġenerali (SGI) li jinkludu s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSGI); u billi huwa kkonfermat li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom ir-rwol essenzjali u diskrezzjoni wiesgħa fil-għoti, l-ikkummissjonar u l-organizzar tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI), u li t-Trattati ma jaffettwawx il-kompetenza tal-Istati Membri li jagħtu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi non-ekonomiċi ta’ interess ġenerali (SGNEI),

    D.

    billi l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali huwa dritt fundamentali inkluż mad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali rikonoxxuti fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    E.

    billi l-għoti ta’ SSGI universalment disponibbli, ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u li kulħadd jiflaħ iħallas għalihom kif miftiehem fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali għalhekk jista’ jitqies bħala pilastru essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew u bħala s-sies għal kwalità tajba tal-ħajja u għall-ksib tal-objettivi dwar l-impjiegi, dawk soċjali u ekonomiċi tal-UE,

    F.

    billi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, u b'mod partikolari l-aċċess għas-servizzi għall-kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' dipendenti oħrajn, huma essenzjali biex ikun hemm parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

    G.

    billi s-segregazzjoni bejn is-sessi fis-servizzi soċjali, kemm dik settorjali u okkupazzjonali, tħalli impatt negattiv fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-livell tal-pagi u billi x-xogħol domestiku u x-xogħol tal-kura tat-tfal u tal-anzjani mingħajr ħlas fil-parti l-kbira tiegħu jitwettaq min-nisa,

    H.

    billi l-espansjoni tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali kienet forza qawwija biex tattira aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol,

    I.

    billi l-Artikoli 4(2) u 5(3) tat-TUE jħaddnu s-sussidjarjetà f’livell lokali, jagħtu rikonoxximent formali lill-awto-gvern reġjonali u lokali u billi l-Artikolu 1 tal-Protokoll 26 tat-TFUE jirrikonoxxi r-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu l-aktar mfassla speċifikament kemm jista’ jkun possibbli għall-ħtiġijiet tal-utenti,

    Id-drittijiet fundamentali u l-universalità

    1.

    Iqis li l-SSGI, l-utenti u l-fornituri tagħhom għandhom għadd ta’ karatteristiċi speċjali oltre l-karatteristiċi komuni tal-SGI; l-SSGI, kif definiti mill-Istati Membri, jħaddnu servizzi statutorji u servizzi ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali komplementari u li huma universalment disponibbli, mogħtijin direttament lill-persuna, bl-iskop li jseddqu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd; għandhom rwol preventiv, ta' koeżjoni soċjali u ta' inklużjoni u jsawru jeddijiet soċjali fundamentali kif previst fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

    2.

    Jirrikonoxxi li, fil-każ tal-SSGI, jeżistu żewġ fatturi kuntrastanti li jridu jirrikonċiljaw ruħhom: fuq naħa, il-prinċipju tas-sussidjarjetà li jħares il-libertà nazzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddefinixxu, jorganizzaw u jiffinanzjaw l-SSGI kif jidhrilhom xieraq, flimkien mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u fuq in-naħa l-oħra, ir-responsabilità tal-Komunità u l-Istati Membri għall-oqsma rispettivi tagħhom ta’ kompetenza skont it-Trattat;

    3.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu d-disponibilità ta’ servizzi soċjali li jkunu għall-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità għolja l-istess bħal f’matul perjodi ta’ tkabbir ekonomiku mgħaġġel, u sabiex jiggarantixxu aċċess mhux diskriminatorju u mingħajr ma jingħata kont ta' razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, orjentament sesswali jew kundizzjonijiet ta’ xogħol; iqis li s-servizzi soċjali huma fundamentali biex tkun żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri peress li flimkien mas-servizzi tas-saħħa u l-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, dawn jirrappreżentaw wieħed mill-elementi ewlenin fl-isforzi biex jiżdiedu r-rati ta' impjieg tan-nisa u tal-ugwaljanza b'mod ġenerali;

    4.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, kif ukoll il-prospetti ekonomiċi tal-ġejjieni ma jitħallewx jipperikolaw l-iżvilupp tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, peress li dan jista jkun ta' ħsara għat-tkabbir ekonomiku fit-tul fl-UE, għaż-żieda tal-kontribuzzjonijiet fiskali u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru għas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali varji u jiżguraw li l-valutazzjoni tal-attivitajiet proposti tal-UE minn perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi ssir proċess regolari u trasparenti b'riżultati li jidhru, u li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża fil-baġit għall-programmi u l-politiki kollha nazzjonali u tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tinkludi fir-rapporti ta' monitoraġġ tagħha l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    6.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex fil-politiki mmirati sabiex jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, jiżguraw id-disponibilità ta' forom diversifikati ta' servizzi ta' kura tat-tfal li jkunu aċċessibbli, ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli, kif deskritt fl-objettivi ta’ Barċellona, u sabiex itejbu l-provvista ta’ servizzi ta’ kura għall-anzjani u persuni dipendenti bħala pass essenzjali lejn ugwaljanza għall-irgiel u n-nisa, billi s-servizzi ta' kura tat-tfal mhux biss jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, iżda joffru wkoll opportunitajiet ta' xogħol; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni li tirrikonoxxi l-ħaddiema domestiċi u lil dawk li jipprovdu servizzi ta' kura għall-anzjani u t-tfal mingħajr ħlas, li spiss huma nisa, u li għandhom rwol importanti ħafna għas-sostenibilità tas-sistemi soċjali;

    7.

    Jisħaq li n-natura tal-interess ġenerali ta’ servizz soċjali ma tiddependix fuq il-qasam tiegħu iżda fuq il-mod kif jiġi provdut f’termimi ta’ varjetà ta’ fatturi bħalma huma l-istatus ta’ bla profitt u n-nuqqas ta’ għażla tal-benefiċjarji;

    8.

    Jenfasizza li fir-rigward tal-SSGI, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jipprevali fuq ir-regoli tas-suq intern;

    9.

    Jenfasizza li bi prinċipju, il-kompetenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar it-tfassil, il-finanzjament u l-provvista ta’ servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSGI) għandha tkun tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali; il-Parlament Ewropew jirrispetta u jappoġġja dan il-prinċipju u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jimxu ma’ din l-attitudni;

    10.

    Jenfasizza li sabiex l-SSIG jwettqu r-rwol tagħhom, l-aċċess għalihom m’għandux ikun biss għal persuni żvantaġġati jew vulnerabbli, iżda għandhom ikunu aċċessibbli universalment u indipendentemet mir-rekkezzi jew dħul, filwaqt li jiżguraw aċċess ekwu għall-persuni l-aktar vulnerabbli, skont il-liġijiet u l-prattika tal-Istati Membri;

    11.

    Jenfasizza li n-natura tal-SSIĠ li hi fundamentalment waħda inklużiva u ta’ strutturar tikkontribwixxi b’mod rilevanti, utli u effikaċi għall-iżvilupp tar-reġjuni kollha billi tiffaċilita lill-Istat u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jwettqu r-rwol tagħhom bl-użu tal-finanzjament pubbliku u privat; iqis li hu ta’ importanza partikolarment importanti li jinżammu f’reġjuni rurali u vulnerabbli u jenfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tal-SSIĠ fil-limitazzjoni tar-riskji ta’ segregazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati u fratturati;

    12.

    Jenfasizza li l-SSGI fil-biċċa l-kbira huma ffinanzjati mill-Istati Membri minħabba li primarjament jaqgħu fil-kompetenza tagħhom; madankollu, iqis li l-Unjoni Ewropea tista’ taqdi rwol importanti u tgħin lill-Istati Membri fil-modernizzazzjoni u fl-aġġustament tagħhom għal kundizzjonijiet ġodda, u possibbilment tingħata vuċi lill-ħtiġijiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-kwalità u l-ambitu tas-servizzi;

    13.

    Jenfasizza l-importanza li ssir b’urġenza evalwazzjoni tal-konsegwenzi soċjali u tal-impatt fuq il-ħajja tan-nies tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni f’setturi li huma essenzjali għall-progress soċjali;

    14.

    Jisħaq li huwa importanti li tiġi msaħħa d-dimensjoni soċjali tas-suq uniku u tiġi kkunsidrata aħjar in-natura speċjali tal-SSGI, b’enfasi fuq approċċ pragmatiku li permezz tiegħu l-aċċessibilità, l-universalità, l-ekwità, il-kwalità u l-effiċjenza ta’ tali servizzi jitqiesu bħala prijorità;

    15.

    Jilqa' b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni fir-rapport Monti li s-servizzi ta’ broadband internet u bankarji għandhom ikunu rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni Ewropea bħala servizzi li l-Istati Membri jistgħu jiżguraw, ikunu disponibbi universalment u aċċessibbli għal kulħadd;

    Il-kontribut ekonomiku

    16.

    Filwaqt li jenfasizza l-fatt li l-SSGI m’għandhomx ikunu definiti mill-impatt ekonomiku tagħhom, jinnota t-tieni Rapport Biennali tal-Kummissjoni u jikkonferma li l-SSGI jagħtu kontribut ekonomiku maġġuri f’termini ta’ impjiegi, attività ekonomika u kapaċità ta’ akkwist, u li s-settur tas-saħħa u tas-servizzi soċjali jammonta għal 5 % tal-produzzjoni ekonomika u jimpjega 21.4 miljun ruħ; jinnota li l-s-CEEP fir-rapport tagħha “Mapping of public services” tikkonferma wkoll li attivitajiet ta’ saħħa u attivtajiet soċjali jammontaw għal 9.6 % tal-forza tax-xogħol tal-UE u għal 9.4 % tal-PGD; jinnota li l-Istħarriġ fuq il-Forza tax-Xogħol tal-2008 juri li 79 % tal-forza tax-xogħol fis-servizzi tas-saħħa tal-bniedem, 81 % fis-servizzi ta' kura residenzjali u 83 % fl-attivitajiet ta' ħidma soċjali mhux residenzjali, kienu nisa; jinnota wkoll li korp rappreżentattiv tal-SMEs, il-UEAPME, huwa tal-fehma li l-SMEs jeħtieġu SSĠI li jkunu ta’ kwalità għolja u effiċjenti sabiex joperaw b’mod li jirnexxi; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ukoll prinċipji ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota li l-promozzjoni ta' swieq tax-xogħol inklużivi, il-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni, għandhom iwasslu għal iffrankar fl-infiq u jtejbu l-kwalità fir-riżultati fuq medda twila ta' żmien;

    17.

    Jenfasizza li l-SSGI jikkontribwixxu għall-eżerċitar tad-drittijiet taċ-ċittadini u għandhom l-iskop li joħolqu koeżjoni soċjali, territorjali u eknomika permezz tat-twettiq ta’ diversi forom ta’ solidarjetà kollettiva;

    18.

    Jisħaq li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol fundamentali fid-definizzjoni, il-finanzjament, il-għoti u l-attribuzzjoni tal-SSGI fil-qafas tas-servizz soċjali u sistemi ta’ ħarsien soċjali ta’ Stat Membru: huwa stmat li l-gvern lokali u reġjonali jiswa 15.9 % tal-GPD tal-UE-27, waqt li l-gvern lokali waħdu jammonta għal 12.9 % u n-nefqa tiegħu fuq il-ħarsien soċjali tammonta għal 3 % tal-PGD (EUR 378.1 biljun) (26);

    19.

    Jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jestendu l-applikazzjoni ta’ Sħubiji Pubbliċi-Privati għall-qasam tal-SSIĠ sabiex tiżdied l-effiċjenza u d-disponibbiltà tagħhom;

    Il-kontribuzzjoni soċjali

    20.

    Jindika li l-Istħarriġiet tal-Eurofound dwar il-Kwalità tal-Ħajja (27) vverifikaw li wieħed mill-aktar mezzi importanti ta’ kif titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, b’mod li tkun permessa l-inklużjoni sħiħa fis-soċjetà u li jkun hemm il-koeżjoni soċjali u territorjali, huwa permezz tal-għoti u l-iżvilupp tal-SGI inklużi l-SSGI; jenfasizza li s-SSGI huma pilastru kruċjali tal-mudell soċjali Ewropew, billi jagħmlu parti mill-mod kif inhuma organizzati s-soċjetajiet Ewropej u billi l-iskop tagħhom huwa li jinkisbu l-objettivi tal-politika soċjali, hekk li jagħmlu l-jeddijiet soċjali tanġibbli għall-individwi u l-gruppi, bosta drabi permezz tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru;

    21.

    Jenfasizza l-ħtieġa li issir promozzjoni favur politika ta’ progress soċjali li tiżgura l-aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod speċjali l-gruppi żvantaġġati, bħall-ommijiet xebbiet, in-nisa, l-anzjani, it-tfal, il-migranti u dawk li għandhom xi tip ta’ diżabilità;

    22.

    Jenfasizza li mhux xieraq li l-fondi pubbliċi allokati lill-SSGI jintużaw għal xi raġuni oħra għajr dik li jilħqu l-objettivi tas-servizz, u l-ebda parti minn tali fondi, għajr għal spejjeż tal-istaff u spejjeż ġenerali raġonevoli oħra involuti fil-provvista tas-servizz, m’għandha tmur għal xi skop ieħor; huwa tal-fehma li l-objettiv leġittimu tal-massimizzazzjoni tal-profitti jikkunfliġġi b’mod mhux aċċettabbli mal-prinċipji u l-objettivi tal-SSGI; huwa tal-fehma li fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħżlu li jużaw forniment ta’ SSGI indiretti, l-interess ġenerali għandu jitħares, u li filwaqt li dawn jiżguraw il-kwalità, l-innovazzjoni, l-effiċjenza u effettività fin-nefqa, għandhom jappoġġjaw intrapriżi tal-ekonomija soċjali fejn kwalunkwe surplus jiġi investit mill-ġdid fis-servizz u fl-innovazzjoni, u jikkurraġihom sabiex joperaw bħala fornituri;

    23.

    Jenfasizza r-rwol tradizzjonali tal-istat bħala fornitur tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, madankollu jqis li l-ftuħ ta’ dan is-settur għal fornituri privati tas-servizzi jtejjeb l-aċċessibilità u l-kwalità tas-servizzi u jżid l-għażla għall-konsumaturi;

    24.

    Isostni mill-ġdid l-impenn tiegħu għal SSGI moderni u ta’ kwalità għolja, li huma mezz sabiex jiġu implimentati ħafna mill-valuri inkorporati fil-proġett Ewropew, bħall-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-dinjità umana, kif ukoll il-prinċipji ta’ aċċessibilità, is-servizz universali, l-effiċjenza, il-ġestjoni ekonomika tar-riżorsi, il-kontinwità, il-prossimità mal-utenti tas-servizz u t-trasparenza;

    Limitazzjonijiet regolatorji fil-provvista tal-SSGI

    25.

    Jisħaq li l-awtoritajiet nazzjonali, regjonali u lokali mdaħħlin fil-għoti tal-SSGI jew fil-għoti tal-mandati dwarhom jeħtieġu bażi ġuridika ċara għas-servizzi u l-infiq tagħhom, u li għad li s-servizz ta’ tagħrif u kjarfiki u l-gwida ppubblikata reċentement mill-Kummissjoni huma milqugħin tajjeb ħafna, fl-istess waqt ma jipprovdux iċ-ċertezza ġuridika meħtieġa u dan għandu tendenza li jfixkel lill-fornituri ta’ SSIG fit-twettiq tal-missjoni tagħhom;

    26.

    Jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali għandhom ir-responsabbiltà li jiggarantixxu l-funzjonament korrett tal-SSGI, filwaqt li jinżamm livell ta’ kwalità għoli;

    27.

    Iqis li la huwa effiċjenti u lanqas demokratikament aċċettabbli li l-interpretazzjoni leġiżlattiva attwali tirriżulta filli l-QEĠ tintalab tiġġudika dwar il-limiti tar-regoli tas-suq uniku rigward SGI, inklużi SSGI, li hija indikazzjoni ċara ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali; jindika d-djalogu bejn il-partijiet interessati dwar din il-kwistjoni li ilu għaddej ħafna, u jistieden lill-Kummissjoni biex finalment tieħu azzjoni;

    Il-politika ekonomika u baġitarja

    28.

    Jisħaq li s-SSIĠ huma investiment indispensabbli għall-futur ekonomiku tal-Ewropa, u jinsabu taħt pressjoni kbira f'uħud mill-Istati Membri b'riżultat tal-kriżijiet ekonomiċi u bankarji u l-programmi ta’ awsterità governattiva, li qed iwasslu għal domanda akbar għalihom; l-SSGI kienu indispensabbli bħala stabbilizzaturi awtomatiċi soċjoekonomiċi matul dawn il-kriżijiet – speċjalment permezz tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali;

    29.

    Jenfasizza li l-ħtieġa tas-SSGI qed tikber kostantament minħabba l-klima attwali ta’ inċertezza fir-rigward tat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li t-tibdil demografiku qed joħloq ħtiġijiet ġodda; jenfasizza li l-isfida ewlenija tal-mument għall-għotja tas-SSGI hi li jitħarsu l-kwalità u l-ambitu tagħhom u, minħabba l-importanza u n-neċessità assoluta tagħhom, tali servizzi hemm bżonn li jissaħħu sabiex jiġi żgurat li jwettqu r-rwol importanti tagħhom biex jilħqu l-miri soċjali u ekonomiċi tal-UE 2020 għall-impjieg u t-tnaqqis tal-faqar;

    30.

    Jindika li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja u l-politiki ta’ awsterità imposti mill-Istati Membri m’għandhomx jinkoraġġixxu n-nuqqas ta’ investiment fis-SSGI iżda, għall-kuntrarju, minħabba l-importanza u n-natura assoluta tagħhom, tali servizzi għandhom jiġu kkonsolidati sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tan-nies;

    31.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali għal nisa fil-bżonn jew li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni, u għal nisa li sfaw vittmi ta' vjolenza tal-ġeneru, f'kull ċirkostanza u speċjalment meta dawn ikollhom tfal dipendenti;

    32.

    Jinnota l-bżonn li jingħata rikonoxximent akbar lix-xogħol imwettaq minn persuni impjegati fis-settur tas-servizzi soċjali, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, peress li x-xogħol tagħhom hu diffiċli u jitlob attitudni sensittiva u impenn personali qawwi u mhux soċjalment prestiġjuż ħafna;

    33.

    Iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-kriżi, bit-tkabbir li qed iġġib fil-qgħad u l-faqar, għandha tkun indirizzata permezz ta’ użu aktar effiċjenti u effikaċi tal-infiq fil-livell tal-UE u fil-livelli nazzjonali, bit-tisħiħ tal-fond strutturali u, b’mod partikolari, tal-Fond Soċjali Ewropew, u l-applikazzjoni ta' riżorsi ġodda bħalma huma l-bonds ta' proġetti;

    34.

    Jemmen li sabiex jiġi garantit l-għoti ta’ SSGI ta’ kwalità għolja hemm bżonn li l-gvernijiet tal-Istati Membri jiżguraw qafas finanzjarju għas-SSGI, li jiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi u l-finanzjament stabbli, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u taħriġ deċenti għal dawk impjegati jew dawk li jgħinu fl-għotja tas-servizzi;

    35.

    Jenfasizza wkoll li t-trasferimenti kollha ta’ kompetenzi fuq l-SSGI mill-Istati Membri lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jeħtieġ l-introduzzjoni ta' arranġament ta’ koordinazzjoni, biex jiġi evitat kwalunkwe differenza fil-kwalità tas-servizzi pprovduti fl-oqsma differenti, u għandu jkun akkumpanjat mit-trasferiment tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat li jibqa' jkun hemm provvista kontinwa ta' servizzi ta’ kwalità għolja, aċċessibbli universalment u li tista' twieġeb b’mod effikaċi għad-drittijiet u għall-ħtiġijiet tal-utenti;

    36.

    Iqis li, jekk mhux biss sabiex jinżamm l-għoti ta' SSGI ta’ kwalità, l-Istati Membri għandhom bżonn ta' dħul ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi malajr studju tal-fattibilità ibbażat fuq id-deċiżjoniji tal-Kapijiet ta' Stati Ewropej tal- 11 ta' Marzu 2011 (28);

    Nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tal-SSGI

    Ġenerali

    37.

    Jemmen li hemm konsenus Ewropew wiesa’ li l-SSGI huma essenzjali għall-benessri tal-popli tagħna u għal ekonomija effiċjenti u filwaqt li kien hemm xi progress fl-indirizzar tad-diffikultajiet li jaffaċjaw il-fornituri waqt l-għoti u l-iżvilupp ta’ SSGI għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għal-servizzi bħal dawn, s'issa ma hemm l-ebda qbil la fil-Kummissjoni u fil-Kunsill u lanqas bejniethom dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri prattiċi ħalli jegħlbu l-ostakli identifikati mill-partijiet interessati;

    38.

    Jenfasizza li t-Trattat jikkommetti lill-Unjoni u lill-Istati membri sabiex jiżviluppaw ekonomija soċjali u tas-suq u li jinżamm il-mudell seoċjali Ewropew; jisħaq dwar il-fatt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu kif l-SSGI għandhom ikunu ffinanzjati u mogħtijin, hux direttament jew mod ieħor, bl-użu tal-istrumenti disponibbli kollha u speċjalment alternattivi biex jintefgħu l-offerti ħalli jkun żgurat li l-objettivi soċjali tal-Unjoni ma jisfawx dgħajfin minħabba r-regoli tas-suq uniku applikati għal servizz mhux tas-suq; jenfasizza l-bżonn ta’ ambjent ta’ appoġġ li jippromwovi l-kwalità, l-aċċessibilita, l-affordabilità u l-effiċjenza tal-forniment tas-servizzi, filwaqt li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ fornituri ta’ kapaċità ta’ inizjattiva li tippermettilhom jantiċipaw il-bżonnijiet pubbliċi;

    39.

    Jenfasizza li l-kwkalità tas-serivizzi għandha tkun ibbażata fuq konsultazzjoni regolari u integrata tal-utenti peress li s-servizzi għandhom l-ewwel u qabel kollox iwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom;

    40.

    Jinnota d-Dikjarazzjoni msemmija hawn fuq tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta’ Statuti Ewropej għal soċjetajiet mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet u l-ħtieġa ta’ għarfien akbar għal atturi soċjali ekonomiċi, inklużi mudelli bħal koperattivi, li huma attivi fl-għoti ta’ SSGI u l-organizzazzjoni u l-funzjinament tal-ekonomija soċjali, jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa abbażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, biex tintroduċi proposti għall-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet li jippermettulghom joperaw fuq bażi transnazzjonali;

    L-għajnuna tal-Istat

    41.

    Jilqa’ r-reviżjoni tal-għajnuna Statali li l-Kummissarju Almunia wettaq u jitlob kjarfiki tal-prinċipji fundamentali dwar il-kontroll tal-għajnuna Statali sabiex tisseddaq iċ-ċertezza u t-trasparenza għal ċarezza ta’ kunċetti bħalma huma “l-att ta’ affidibilità” u “awroritajiet pubbliċi”; għall-introduzzjoni ta’ differenzazzjoni tar-regoli; għall-kalkolu tal-kumpens tal-obbligi tas-servizz pubbliku, kalkolu tal-kumpens li għandu jikkunsidra wkoll il-kriterji soċjali, tal-karatteristiċi speċifiċi tal-provvista tas-servizzi u ta’ ċertu numri ta’ aspetti esterni assoċjati mal-provvista tas-servizzi, bħall-valur soċjali miżjud u l-involviment tal-komunità;

    42.

    Jilqa’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-impatt tal-pakkett tal-2005 Monti Kroes; jitlob li ssir reviżjoni tal-pakkett sabiex tissaħħaħ is-sikurezza legali, jiġu simplifikati r-regoli bħalma huma dawk dwar kontroll u kumpens żejjed għall-operaturi ta’ SSGI fil-livell lokali u tittejjeb il-flessibilità fl-applikazzjoni tagħhom, u titqies l-espansjoni tal-lista ta’ derogi għal notifiki b’konformità mal-eżempji tal-isptarijiet u l-akkomodazzjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid il-livell xieraq tal-minimu de minimis applikabbli għall-SSGI u biex tipproponi sistema li tikkunsidra l-PGD ta’ Stat Membru fil-kalkolu tal-minimu de minimis, sabiex ikun jista’ jiġi kkalkolat minimu de minimis għal kull Stat Membru u b’hekk jiġu evitati distrosjionijiet ta’ kompettizzjoni ikkawżati mill-eżistenza ta’ minimus madwar l-UE kollha jitlob lill-Kummissjoni li l-kontroll ta’ kumpens żejjed jintuża biss jekk ir-riskju serju tal-ksur li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni jiġi aċċertat;

    43.

    Jiġbed l-attenzjoni li la s-settur, l-istatus ta’ entità li twettaq servizz lanqas il-mod li bih tiġi ffinanzjata, li jiddetermina jekk l-attivitajiet tagħha humiex meqjusa ekonomiċi jew non-ekonomiċi iżda hija n-natura tal-attività nnifisha u l-effett preventiv tagħha;

    44.

    Ifakkar li l-kwistjoni kruċjali hija mhux li ssir distinzjoni bejn SGI ekonomika u non-ekonomika,inkluż SSGI, iżda aktarx il-possibilità għall-awtoritajiet pubbliċi biex jassiguraw it-twettiq aħħari ta’ kompiti partikolari mogħtija lil impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

    45.

    Fil-qafas tal-leġiżlazzjoni attwali, jitlob għal kjarifika ta’ kunċetti u l-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati biex jiddiferenzjaw bejn SSGI ekonomiċi u mhux ekonomiċi, u għal fehim komuni ta’ SGI sabiex ikun żgurat li l-iskop intiż tagħhom jista’ jintlaħaq;

    Inizjattiva għal riforma avvanzata

    46.

    Jirrikonoxxi l-valur għoli tal-iskambju reċiproku tat-tagħlim u l-prattika tajba biex tispira u tippromwovi l-modernizzazzjoni ulterjuri tal-SSGI fi Stati Membri differenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli b’mod proattiv tagħti bidu u tappoġġja tali attivitajiet ma' awtoritajiet reġjunali u lokali, inkluż taħriġ lil dawn, fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għal SSGI; jisħaq li l-problemi li l-fornituri u l-benefiċjarji tal-SSGI identifikaw jeħtieġ li jinstabulhom soluzzjonijiet minnufih bbażati fuq approċċ pragmatiku;

    47.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bħala segwitu għall-komunikazzjoni dwar SGI u r-reviżjoni attwali tar-regoli għall-akkwist pubbliku u l-għajnuna Statali, sabiex twettaq programm ta’ riforma, adattament u kjarifka sabiex jappoġġja u jirrikonoxxi karatteristiċi ta’ SSGI speċifiċi mhux tas-suq, sabiex tkun żgurata konformità mhux biss mad-dispożizzjonijiet tas-suq uniku iżda wkoll mal-obbligi soċjali tat-Trattati;

    48.

    Iqis li regolament ta’ qafas tal-UE dwar SSGI, li huwa permess skont l-Artikolu 14 TFEU, mhuwiex kwistjoni ċentrali attwalment;

    49.

    Iqis li l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ta, u se jkomopli jagħti, kontribut importanti għall-komprensjoni komuni u r-rwol tal-SSGI; jinnota madankollu li il-mandat tat-Trattat tagħħa (Artikolu 160 TFEU) jispeċifika stejtus purament konsultattiv u ma jippermettix li l-membri tiegħu jitwessa’ biex jinkludi s-soċjetà ċivili, il-Parlament Ewropew, l-imsieħba soċjali jew oħrajn;

    50.

    Jipproponi t-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma ta’ multi-stakeholders ta’ livell għoli kif inhu rakkomandat mit-3et Forum SSGI, li huwa miftuħ, flessibbli u trasparenti, li huwa rappreżentattiv b’mod wiesa' tal-partijiet interessati u ffukat fuq it-twaqqif ta’ riformi bħal ma huma l-inizjattivi tal-politika identifikati f’dan ir-rapport u l-opinjonijiet tiegħu, fit-3et rakkomandazzjonijiet tal-Forum SSGI, it-tieni Rapport Biennali tal-Kummissjoni u r-rapporti SPC, kif ukoll kwalunkwe proposta relevanti oħra li jkun hemm bżonn; jipproponi li l-grupp ta’ ħidma jkun presedut b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kummissarju responsabbli għall-Affarijiet Soċjali u jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament, il-Kummissarji relevanti, il-Kunsill, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw utenti u fornituri tal-SSGIs, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-awtoritajiet lokali u partijiet interessanti relevanti oħrajn, il-grupp ta’ ħidma jista’:

    iqis il-merti relattivi li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew jew Ċentru ta’ Riżorsi għall-SSGI biex tinġabar l-informazzjoni minn sorsi varji fl-Istati Membri u biex ikun permess l-iskambju ta’ prattiki tajbin tal-SSGI fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

    ifittex li jilħaq kunsens wiesa’ dwar passi li jiċċaraw l-oskuritajiet legali u l-ambigwitajiet rigward l-SSGI;

    jevalwa jekk ir-regolamenti ta’ suq uniku Ewropew li jkollhom impatt negattiv fuq id-dispożizzjoni tal-SSGI għandhomx bżonn jiġu mfassla mill-ġdid sabiex ikun hemm rispett u appoġġ għar-responsabilitajiet tal-Istati Membri fid-definizzjoni, l-iffinanzjar u l-għoti ta’ SSGI, filwaqt li jitqies ir-rieżami attwali tar-regoli tal-Kummissjoni;

    iwettaq, bl-għajnuna tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, studju komprensiv rigward il-funzjonalità tal-SSGI;

    jeżamina kif l-Istati Membri, meta jiddefinixxu s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, jistgħu jikkunsidraw servizzi speċifiċi għall-ġeneru, speċjalment servizzi konsultattivi u soċjali mfassla b'mod partikolari għan-nisa, u servizzi importanti li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja u għall-ugwaljanza tan-nisa, bħal servizzi tas-saħħa, b'mod partikolari servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva, edukazzjoni u l-kura tal-anzjani;

    iħeġġeġ innovazzjonijiet bħal ma huma reġistru għall-Istati Membri tal-SSGI, skema pilota dwar il-kura għall-anzjani, u programmi ta’ azzjoni bbażati fuq il-Qafas Volontarju Ewropew għall-Kwalità;

    iqis kif l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw forom ta’ għajnuna d-dar inkluż appoġġ għall-anzjani u persuni vulnerabbli, kemm min-nisa kif ukoll l-irġiel, u jnaqqsu l-impatt negattiv tal-impjiegi u l-pensjonijiet fuq dawk li jieħdu ħsieb membri tal-familja dipendenti;

    51.

    Jitlob li jkun hemm ir-4a’ Forum Ewropew dwar l-SSGI, biex ikompli l-inizjattiva tar-rapport Ferreira 2007 u jirrieżamina l-progress dwar ir-riforma; u biex il-grupp ta’ ħidma proposta tippreżenta rapport ta’ progress lir-raba’ Forum, billi lill-Forum tagħtih kontinwità, direzzjoni u sostanza;

    Il-qafas volontarju Ewropew għall-kwalità

    52.

    Jilqa’ l-VQF u jisħaq li l-applikazzjoni tal-prinċipji għandha tkun applikata u monitorjata bl-użu tal-kriterji ta’ kwalità proposti, f’proċess ta’ Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, li fih, il-partijiet interessati jridu jkunu inklużi;

    53.

    Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fl-Inizjattivi Ewlenin annessi mal-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, tipproponi biex jiġi żviluppat, f’livell settorjali, il-Qafas Volontarju Ewropew għall-Kwalità dwar is-servizzi soċjali inkluż fil-qasam tal-kura fit-tul u tal-persuni mingħajr dar; jirrakkomanda li tindirizza wkoll l-oqsma tal-kura għat-tfal, id-diżabilità u l-akkomodazzjoni soċjali, u li tuża l-opportunitajiet ugwali bħala indikatur;

    54.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara l-konnessjoni bejn il-qafas ta’ kwalità deskritt fil-qosor fil-VQF u l-programm Promotheus biex tiġi evitata d-duplikazzjoni; Iħeġġeġ li l-Istati Membri jużaw il-VQF ħalli jfasslu jew itejbu sistemi eżistenti ta’ monitoraġġ u akkreditazzjoni tal-kwalità kif inhu xieraq għal kull Stat Membru; huwa tal-opinjoni li t-tħaddim tal-VQF għandu jiġi evalwat mill-Istati Membri b’referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Protokoll 26 tat-TFUE;

    55.

    Jisħaq li kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti, għan-nisa u l-irġiel, li huma stabbli u konformi mal-liġi u l-prattika tal-Istati Membri, flimkien ma’ taħriġ ta’ kwalità regolari u l-parteċipazzjoni tal-utenti u s-setgħa li għandhom, filwaqt li jitqiesu l-perspettivi tas-sessi, huma essenzjali għall-għoti ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità; jenfasizza li l-volontarjat għandu rwol importanti fis-settur tal-SSGI, iżda m’għandux jissostitwixxi l-preżenza ta’ numru adegwat ta’ speċjalisti mħarrġa b’mod professjonali bħal ma huma l-ħaddiema soċjali u l-istaff ġenerali;

    56.

    Jitlob lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu l-ħolqien tal-impjiegi u l-potenzjal ta’ tkabbir tas-settur tas-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni billi joffru lill-migranti u liċ-ċittadini tal-UE kondizzjonijiet diċenti tax-xogħol u aċċess għas-sistemi komprensivi ta’ protezzjoni soċjali;

    57.

    Jikkunsidra li, fost il-kompiti mwettqa mill-ħaddiema soċjali, għandha tingħata importanza partikolari lil attivitajiet immirati biex tiżdied il-motivazzjoni biex titwettaq attività tax-xogħol, tal-edukazzjoni jew ekonomika bil-għan li jsiru indipendenti u awtosuffiċjenti;

    58.

    Iqis li l-prinċipji tal-VQF jistgħu jintużaw ħalli jgħinu fid-definizzjoni tal-kriterji ta' kwalità tas-servizzi li jiġu applikati għar-regoli riveduti tal-akkwist pubbliku għas-sejħiet għal offerti u l-kuntratti, inklużi s-subkuntratti;

    59.

    Jipproponi li titjib ulterjuri tal-VQF għandu jinkludi referenza għall-qagħda tal-iffinanzjar u l-fornitur tas-servizz;

    *

    * *

    60.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.


    (1)  ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

    (2)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

    (4)  ĠU L 298, 07.11.2008, p. 20.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0223.

    (6)  Dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil COM(2008)0418 - Rapport Biennali dwar is-Servizzi Soċjali ta' interess ġenerali.

    (7)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

    (8)  Dibattiti fil-plenarja, l-Erbgħa 6 ta’ Ottubru 2010 – Brussell, punt 13, Dispożizzjonijiet Soċjali tat-Trattat ta’ Lisbona (dibattitu), dikjarazzjoni ta’ László Andor, Membru tal-Kummissjoni.

    (9)  Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea minn Mario Monti, 9 ta' Mejju 2010.

    (10)  Dokument tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 (16062/2008, ADD1).

    (11)  SPC/2010/10/8 finali.

    (12)  Dokument tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2010 (06500/2010).

    (13)  Dokument tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2011 (06624/2011).

    (14)  L-Ewwel Forum dwar is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali, 17 ta' Settembru 2007, Lisbona, Presidenza Portugiża; it-Tieni Forum dwar is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali (SSGI), 28 u 29 ta' Ottubru 2008, Presidenza Franċiża; it-Tielet Forum dwar is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali (SSGI), 26 u 27 ta' Ottubru, Brussell, Presidenza Belġjana.

    (15)  Kunsill tal-UE, stqarrija għall-istampa (Press 358), laqgħa numru 2916 tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, Brussell, 16-17 ta' Diċembru 2008;

    Kunsill tal-UE, stqarrija għall-istampa 9721/2/09 REV 2 (Press 124), laqgħa numru 2974 tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Lussemburgu, 8-9 ta' Ġunju 2009;

    Kunsill tal-UE, stqarrija għall-istampa 17323/1/10 REV (Press 331 PR CO 43), laqgħa numru 3053 tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, Brussell, 6-7 ta' Diċembru 2010, Servizzi soċjali ta' interess ġenerali, p. 18.

    (16)  ĠU C 57, 10.3.2007, p. 8.

    (17)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 141.

    (18)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 277.

    (19)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 140.

    (20)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

    (21)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.

    (22)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

    (23)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 38.

    (24)  Testi adottati, P7_TA(2011)0101.

    (25)  http://www.eurofound.europa.eu/surveys/eqls/2007/index.htm.

    (26)  European Social Network (2010): "Managing Social Services in Times of Crisis" http://www.esn-eu.org/get-document/index.htm?id=357)

    (27)  Eurofound - Quality of Life Surveys http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef09108.htm.

    (28)  Il-Konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Isat jew Gvern taż-żona Ewro tal-11 ta' Marzu 2011.


    Top