This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011IP0316
5th Cohesion Report and strategy for the post-2013 Cohesion Policy European Parliament resolution of 5 July 2011 on the Commission's fifth Cohesion Report and the strategy for post-2013 cohesion policy (2011/2035(INI))
Il-5 Rapport ta’ Koeżjoni u l-Istrateġija għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (2011/2035(INI))
Il-5 Rapport ta’ Koeżjoni u l-Istrateġija għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (2011/2035(INI))
ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 21–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 33/21 |
It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
Il-5 Rapport ta’ Koeżjoni u l-Istrateġija għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013
P7_TA(2011)0316
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (2011/2035(INI))
2013/C 33 E/04
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 intitolata “Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” (COM(2010)0642) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konklużjonijiet”), |
— |
wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat “Ninvestu fil-futur tal-Ewropa” (minn hawn 'l quddiem “il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni”), |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari Parti III, Titolu XVIII tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (2), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) (3). |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (4), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (5), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (6), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1906/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (7), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2007 dwar l-impatt tat-tkabbir tal-ġejjieni fuq l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni (8), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (9), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona (10), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta’ żoni li fihom ma tantx jgħixu nies (11), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika reġjonali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea wara l-2013 (12), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew (13), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u s-sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra (14), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004 intitolata "Sħubija aktar b'saħħitha għar-reġjuni l-aktar imbiegħda" (COM(2004)0343) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2008 intitolata "Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa" (COM(2008)0642), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020’ (COM(2010)0553), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 bit-titolu ‘Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020’ (COM(2011)0017), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2011 dwar il-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (06762/2011), |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta’ April 2011 dwar il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni (15), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0222/2011), |
A. |
billi l-politika tal-UE dwar il-koeżjoni tat kontribut sinifikanti biex waqt il-perjodu ta’ finanzjament preċedenti kif ukoll dak attwali ntlaħqet żieda fil-produttività fir-reġjuni kollha tal-UE; u partikolarment billi, barra minn dan, il-valutazzjonijiet ex post urew ukoll tnaqqis sinifikanti tad-differenzi ekonomiċi, soċjali u reġjonali; billi dawn l-iżviluppi qed ikollhom effetti daqstant pożittivi anki fuq is-sigurtà soċjali u fuq l-investimenti fil-ħarsien ambjentali, |
B. |
billi l-politika ta’ koeżjoni kienet maħsuba biex tkun kontroparti għas-suq uniku u biex tippromwovi l-żvilupp ta’ Ewropa innovattiva u protettiva bbażata fuq is-solidarjetà quddiem l-isfidi assoċjati mal-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u l-preservazzjoni tar-riżorsi, u billi l-potenzjal intrinsiku tar-reġjuni kollha għandu jiġi sfruttat biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-koeżjoni reġjonali u soċjali, |
C. |
billi l-politika ta’ koeżjoni hija kwistjoni ġenwina ta’ relevanza għaċ-ċittadini, li ġġib l-Ewropa fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni u tagħmilha tanġibbli u viżibbli fl-UE kollha, |
D. |
billi l-politiki ta’ koeżjoni u strutturali taw prova ta’ flessibilità f'sitwazzjonijiet ta’ kriżi u taw kontribut kruċjali għal programmi nazzjonali differenti ta’ rilanċ ekonomiku u ta’ taħriġ, u billi huwa importanti li tinżamm din il-flessibilità, |
E. |
billi l-politika strutturali Ewropea qed tagħti kontribut kbir biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja, peress li għandha t-tendenza li tkun orjentata lejn l-innovazzjoni u t-tneħħija tad-disparitajiet, b'mod li tinkoraġġixxi b'mod qawwi lir-reġjuni jtejbu l-infrastruttura tagħhom, iżidu l-potenzjal ta’ innovazzjoni reġjonali u jagħtu spinta lill-iżvilupp ambjentalment sostenibbli, |
F. |
billi l-orjentament tal-Fondi Strutturali lejn il-miri tal-Istrateġija ta’ Lisbona ta prova ta’ effikaċja, u xhieda ta’ dan huwa r-rati impressjonanti ta’ impenn fir-rigward tal-objettivi tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u l-Impjiegi, u billi 20 % tal-proġetti tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea huma konformi mal-miri ta’ Lisbona, |
G. |
billi l-kooperazzjoni territorjali għandha l-għan li tgħin lit-territorji u lir-reġjuni jaħdmu flimkien fl-indirizzar tal-isfidi komuni tagħhom, inaqqsu l-ostakoli fiżiċi, amministrattivi u regolatorji għal din il-kooperazzjoni u jnaqqsu "l-effett tal-fruntieri", |
H. |
billi l-falliment parzjali tal-Istrateġija ta’ Lisbona ma ġiex ikkawżat mill-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-politika ta’ koeżjoni, iżda pjuttost min-nuqqas ta’ governanza b'ħafna livelli u ta’ sjieda ta’ din l-istrateġija mil-livelli reġjonali u lokali, l-effetti tal-kriżi finanzjarja u n-nuqqasijiet waqt l-implimentazzjoni tas-suq intern, id-dixxiplina baġitarja insuffiċjenti kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ qafas makroekonomiċi mhux sodisfaċenti f'xi wħud mill-Istati Membri; |
I. |
billi waqt dawn l-aħħar perjodi tnaqqsu b'mod sinifikanti r-rati ta’ żbalji u ta’ abbuż mill-fondi ta’ sostenn; billi ta’ min jiddispjaċih, madankollu, li l-politika strutturali għadha qasam b'livell għoli ta’ irregolaritajiet f'dan ir-rigward, u li xi wħud mill-Istati Membri anki sal-lum m'għandhomx mekkaniżmi effettivi kontra l-abbuż mill-fondi u għall-irkupru ta’ flejjes imħallsa ħażin; billi l-irregolaritajiet jista' jkun li ma jiġux irrappurtati, jew bi traskuraġni jew apposta u billi għandu jiġi nnutat li parti sinifikanti tal-iżbalji fl-isfera tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jiġu attribwiti lir-rekwiżiti leġiżlattivi lil hinn mill-politika ta’ koeżjoni, bħall-akkwist pubbliku, l-ambjent u l-għajnuniet mill-istat, |
J. |
billi b'mod ġenerali, kienet ta’ suċċess is-sistema ta’ objettivi eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni u strutturali (Konverġenza, Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, u Kooperazzjoni Territorjali Ewropea), ikkombinata ma’ approċċ ta’ governanza fuq diversi livelli u sikurezza tal-ippjanar bis-saħħa ta’ riżorsi finanzjarji ta’ min jorbot fuqhom u perjodu ta’ ppjanar miftiehem (seba' snin), iżda billi kien hemm dewmien kunsiderevoli fl-ippjanar tal-programmi kkawżat mit-tul żejjed tan-negozjati finanzjarji u leġiżlattivi fil-proċess ta’ teħed ta’ deċiżjoni tal-UE u bidliet sostanzjali fir-regoli li japplikaw għall-politika ta’ koeżjoni, |
K. |
billi l-appoġġ sostnut lir-reġjuni ta’ konverġenza u l-iżvilupp tagħhom iħallu impatt pożittiv fuq id-domanda għal oġġetti u servizzi fis-swieq tagħhom u b'hekk għandu wkoll effetti benefiċjarji dimostrabbli għall-Istati Membri relattivament għonja tal-UE, |
L. |
billi politika ta’ koeżjoni tal-UE komprensiva u ffinanzjata tajjeb fir-reġjuni kollha Ewropej tibqa' essenzjali, meta jitqiesu l-iżbilanċi bejn l-ekonomiji reġjonali u f'termini soċjali u l-iżvantaġġi ġeografiċi ta’ ċerti reġjuni (b'mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda), kif ukoll il-problemi strutturali speċifiċi u l-ħtieġa li wieħed jadatta ruħu għal sfidi ġodda; billi anki t-Trattat ta’ Lisbona jeżiġi dan, |
M. |
billi, meta titqies l-importanza strateġika tagħha għall-ġejjieni, il-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex issir fattur varjabbli ta’ aġġustament f'negozjati baġitarji futuri, |
Il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni u l-prijoritajiet tal-investiment
1. |
Jitlob li l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u strutturali jenfasizzaw aktar il-valur miżjud Ewropew; iqis li dan il-valur miżjud jinkiseb meta l-proġetti tal-UE jġibu titjib sostenibbli fis-sitwazzjoni ekonomika, infrastrutturali, soċjali u/jew ambjentali ta’ reġjuni żvantaġġati u inqas żviluppati, u fejn dan it-titjib ma setax jitwettaq mingħajr l-istimolu Ewropew; |
2. |
Jirrikonoxxi wkoll li l-iffinanzjar Ewropew iżid valur fejn il-proġetti appoġġjati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali jikkontribwixxu biex jintlaħqu għanijiet pan-Ewropej fl-oqsma tal-integrazzjoni Ewropea, it-tkabbir ekonomiku, ir-riċerka, il-ħarsien ambjentali, il-kultura, il-ġestjoni tar-riżorsi, l-isport, it-tibdil demografiku, is-sostenibilità tal-provvista ta’ enerġija, il-koeżjoni soċjali jew l-iżvilupp transkonfinali, u dan ma kienx jinkiseb mingħajr l-istimolu Ewropew; |
3. |
Jara l-kisba ta’ għanijiet Ewropej bi qbil ma’ approċċ deċentralizzat u l-prinċipju tal-governanza f'aktar livelli u tal-amministrazzjoni maqsuma bħala vantaġġ kbir tal-politika ta’ koeżjoni u b'hekk anki bħala forma ta’ valur miżjud fiha nnifisha; iqis il-governanza f'aktar livelli bi strutturi u responsabilitajiet definiti b'mod ċar bħala r-realizzazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif ukoll rikonoxximent dovut tal-importanza tal-awtoritajiet reġjonali fl-implimentazzjni tal-politika ta’ koeżjoni; jitlob li dan il-prinċipju ta’ sħubija u s-sens ta’ sjieda tal-parteċipanti involuti jissaħħu iktar bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti dettaljati f'Patt Territorjali li għandu jiġi deċiż f'kull Stat Membru, sabiex jiġu żgurati aktar ppjanar orjentat lejn ir-riżultati u implimentazzjoni akbar; |
4. |
Jikkunsidra li t-trasparenza rigward il-politika ta’ koeżjoni u ċ-ċiklu ta’ programmar tagħha, l-allokazzjoni tal-ispejjeż u l-aċċess għal informazzjoni għal benefiċjarji potenzjali ta’ Fondi Strutturali huma prerekwiżiti bażiċi biex jinkisbu l-objettivi ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni, u li t-trasparenza għalhekk għandha tiġi introdotta bħala prinċipju ta’ gwida transsettorjali fil-proċessi ta’ pprogrammar tal-koeżjoni u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-perjodu ta’ ffinanzjar li jmiss; jenfasizza li l-iżvelar tal-lista ta’ benefiċjarji għandu jissokta, l-aktar online, billi huwa mezz effikaċi għat-titjib tat-trasparenza; |
5. |
Iqis li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza (l-obbligu ta’ żvelar tal-benefiċjarju finali) huma strument meħtieġ għall-esperti, il-pubbliku u dawk li jfasslu l-politika, biex jevalwaw jekk l-iffinanzjar strutturali ntużax b'konformità mal-objettivi stabbiliti u b'mod legali; jitlob li d-deskrizzjoni tiġi pprovduta mhux biss fil-lingwa nazzjonali rilevanti iżda wkoll f'waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma (l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) u jirrakkomanda aktar armonizzazzjoni tal-informazzjoni rikjesta; |
6. |
Jenfasizza li, minkejja x-xejra ta’ tnaqqis fid-disparitajiet reġjonali, għadhom jeżistu żbilanċi kbar – li saħansitra jiżdiedu fost/f'xi Stati Membri, inter alia bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja – u li għaldaqstant, il-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa' tiffoka fuq it-tnaqqis tad-differenzi u l-implimentazzjoni armonjuża u l-iżvilupp sostenibbli għar-reġjuni kollha, irrispettivament mill-Istat Membru li jkunu jinsabu fih; |
7. |
Jirrikonoxxi l-bżonnijiet speċjali tar-reġjuni partikolarment żvantaġġati minħabba l-pożizzjoni ġeografika jew il-kundizzjonijiet naturali tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex ikomplu japplikaw forom speċjali ta’ preferenza – sakemm dawn ikunu effettivi u jġibu valur miżjud Ewropew – fir-rigward tat-tipi ta’ reġjuni partikolarment żvantaġġati li jissemmew fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-aktar reġjuni mbiegħda, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni muntanjużi u reġjuni transkonfinali); |
8. |
Jirrikonoxxi l-istatus speċjali ta’ ċerti reġjuni li joriġina mis-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, it-tibdil demografiku jew ir-restrizzjonijiet speċifiċi, bħall-ambjent naturali tagħhom, filwaqt li jagħti attenzjoni wkoll lill-potenzjal tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex ikomplu japplikaw forom speċjali ta’ preferenza fir-rigward tat-tipi ta’ reġjuni, u partikolarment dawk imsemmija fl-Artikoli 349 u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huma partikolarment żvantaġġjati (bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda, inklużi ż-żoni rurali l-aktar imbiegħda, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, li jsofru minħabba distanzi twal u kundizzjonijiet nordiċi u reġjuni insulari, reġjuni muntanjużi u reġjuni transkonfinali), b'termini aktar favorevoli pprovduti għall-investiment f'dawn ir-reġjuni, permezz ta’ assistenza diretta jew eżenzjonijiet fit-taxxa; jitlob ukoll li jsiru studji dwar il-preservazzjoni jew il-ħolqien ta’ ċerti preferenzi għal dawn it-tipi ta’ reġjuni, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-użu ta’ strumenti tal-politika ta’ koeżjoni jiġi adattat għall-ekonomiji tagħhom, fir-rispett dovut tal-importanza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tagħhom u l-bżonn ta’ kompetittività u opportunitajiet ugwali sabiex isiru parti integrali mis-suq intern tal-UE; |
9. |
Jenfasizza li l-Unjoni tista' tkun kompetittiva quddiem il-kompetizzjoni dinjija biss jekk il-politika ta’ koeżjoni tagħha tista' tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ żvilupp tar-reġjuni kollha, iż-żoni urbani u l-ibliet u tippermetti li jingħata rispons reġjonali flessibbli biżżejjed għall-isfidi u l-imblokki identifikati mill-istrateġija Ewropa 2020; jissottolinja f'dan ir-rigward li l-immirar tar-riżorsi tal-Fond Strutturali b'approċċ territorjali wiesa' għandu jservi wkoll biex jikkumpensa għad-dgħufijiet strutturali fir-reġjuni iktar b'saħħithom ukoll; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta’ koeżjoni mhijiex sempliċement għodda ta’ implimentazzjoni għal Ewropa 2020 u li enfażi kontinwu fuq il-prinċipji fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni se jkollu l-valur miżjud li jappoġġja l-kisbiet tal-Ewropa 2020 anke wara li l-istrateġija tkun spiċċat; |
10. |
Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa' taħdem favur il-koeżjoni territorjali u jinnota li t-Trattat ta’ Lisbona, mal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali żied il-koeżjoni territorjali; jafferma li dan l-għan jibqa' intimament marbut mal-isfidi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u jsaħħaħ il-valur miżjud Ewropew tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li “l-koeżjoni territorjali” hija wkoll rilevanti fil-livell subreġjonali, partikolarment fiż-żoni urbani (id-distretti urbani li jiffaċċjaw diffikultajiet, estensjoni mhux kontrollata taż-żoni urbani), anke f'reġjuni meqjusa li huma sinjuri; |
11. |
Jidhirlu li l-istrateġiji makroreġjonali – sakemm l-awtoritajiet reġjonali jkunu involuti fil-governanza tagħhom – jippermettu opportunità kbira biex jinkiseb kontroll foq forom ta’ potenzjal sopranazzjonali, titjieb il-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza u jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi komuni bħall-ħarsien ambjentali jew l-użu ta’ riżorsi u ta’ kapaċitajiet għall-iżvilupp, u b'hekk tingħata possibilità għal żvilupp aktar effiċjenti, ibbilanċjat u sostenibbli; jenfasizza l-bżonn li l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jintrabtu b'mod iktar effettiv mal-istrateġiji territorjali (bħall-pjanijiet għall-iżvilupp reġjonali, l-istrateġiji għall-iżvilupp lokali u l-pjanijiet għall-iżvilupp lokali); iqis li koordinazzjoni aħjar ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti tista' toħloq perspettiva biex il-Fondi Strutturali tal-UE jiġu utilizzati b'mod immirat aħjar, mingħajr ma dan jinvolvi żieda fl-allokazzjoni tar-riżorsi dedikati għal dawn l-oqsma tal-kooperazzjoni interreġjonali; huwa tal fehma, barra minn hekk, li ma għandhom jinħolqu ebda strumenti, riżorsi finanzjarji jew strutturi implimentattivi ġodda għal dawn l-istrateġiji u li l-appoġġ finanzjarju provdut lir-reġjuni għall-proġetti ta’ żvilupp fuq skala iżgħar ma għandux jiġi effettwat; iqis li l-approċċ makroreġjonali jista' jintuża biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politika tal-viċinat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex, f'dan il-kuntest, iqisu iktar id-dimensjoni territorjali tal-FSE, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi; |
12. |
Jiddubita jekk programmi operattivi għal unitajiet ġeografiċi funzjonali bħall-gruppi tal-awtoritajiet li jinkludu żoni lokali jew baċini tal-baħar jew tax-xmajjar joffrux benefiċċji addizzjonali, partikolarment f'każi fejn ma jkunx hemm awtoritajiet politiċi (inklużi awtoritajiet eletti demokratikament) b'responsabilità suffiċjenti fil-kompiti tagħhom għall-implimentazzjoni tal-programmi; jitlob, minflok, koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istrateġiji makroreġjonali, metropolitani, reġjonali jew ambjentali/ġeografiċi f'livelli intergovernattivi u jitlob li jitqiesu kif xieraq dawn l-entitajiet ġeografiċi funzjonali fi ħdan il-programmi operattivi nazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti ta’ żvilupp interreġjonali; iqis li l-programmi operattivi speċifiċi għandhom ikunu opzjoni għall-implimentazzjoni f'dawk ir-reġjuni fejn l-implimentazzjoni subreġjonali tipprovdi valur miżjud fir-rigward tal-programmi nazzjonali u reġjonali u fejn ġew iffurmati sħubiji minn korpi politiċi għal skopijiet ta’ implimentazzjoni; jistieden biex ir-raggruppamenti transkonfinali jiġu involuti fit-tħejjija tal-programmi operattivi għall-programmi transkonfinali, fuq il-bażi tar-Regolament tar-REKT; |
13. |
Jenfasizza r-rwol prinċipali taż-żoni urbani – inklużi l-bliet kapitali u r-reġjuni tagħhom – għall-ilħuq tal-miri ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020; jappoġġja l-proċess dinamiku imniedi matul il-perjodu preċedenti ta’ programmar għall-Programmi Urbani Integrati u jenfasizza l-importanza tal-esperimenti li qed isiru bħalissa; jitlob l-appoġġ għall-ideat u l-proġetti li jistgħu jservu bħala mudelli, kif ukoll proġetti abbażi ta’ pjanijiet integrati ta’ żvilupp, u għal titjib ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-ibliet żgħar u kbar u ż-żoni rurali li huma marbuta magħhom b'mod funzjonali; iqis li koeżjoni akbar bejn dawn iż-żoni hija ta’ importanza speċjali biex jiġu indirizzati l-problemi taż-żoni b'komunitajiet żvantaġġati; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-akbar differenzi soċjoekonomiċi spiss jeżistu fl-ibliet u li l-ibliet b'żoni deprivati u b'oqsma ta’ faqar jinsabu wkoll fir-reġjuni sinjuri; |
14. |
Jenfasizza li l-ibliet żgħar u kbar jistgħu jagħtu kontribut prinċipali, bħala ċentri ta’ tkabbir u muturi tat-tkabbir, għal reġjun speċifiku; fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li l-komunitajiet rurali jipparteċipaw f'soluzzjonijiet integrati għal entità ġeografika funzjonali partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ sħubiji u netwerks; jenfasizza li ċentri urbani ikbar iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi minħabba l-kumplessità tal-kompiti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħhom; jara, f'dan il-kuntest, li l-potenzjal endoġenu taż-żoni rurali u periurbani joffri opportunità għall-iżvilupp, għalkemm mhux biss madwar l-agglomerazzjonijiet u l-ibliet il-kbar; jinnota, barra minn hekk, l-opportunità għall-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni partikolarment żvantaġġjati permezz tal-isfruttament xieraq tal-potenzjal endoġenu taż-żoni rurali u l-appoġġ għalih, inklużi l-assi ambjentali u kulturali tagħhom; iqis ukoll, fil-kuntest tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni, is-sħubijiet ta’ reġjuni rurali u żoni urbani iktar bħala li jipprovdu ż-żoni rurali bl-istess kundizzjonijiet għal żvilupp u bi kwalità tal-ħajja fir-rigward tal-fatturi soċjali u ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-influwenza dinamika tal-bliet fuq l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni u fl-istimulazzjoni tal-ekonomija fiż-żoni rurali ta’ madwar, biex jiggarantixxu r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti urbani u suburbani meħtieġa; |
15. |
Jesprimi ruħu kontra l-kwoti obbligatorji, partikolarment għal allokazzjonijiet nazzjonali fil-qafas tal-programmi FSE/FEŻR, għall-iżvilupp lokali u urban, għaż-żoni rurali u għal tipi oħra ta’ agglomerazzjonijiet spazjali jew żoni funzjonali, peress li dan jista' jiżgura massa kritika ikbar ta’ interventi; iqis li r-rekwiżit li jiġi speċifikat fil-livell ta’ programm operattiv liema żoni urbani jew oħrajn huma eleġibbli għall-appoġġ hija għażla li għandha tingħata prijorità kulfejn dan il-metodu jiżgura valur miżjud u konċentrazzjoni ta’ intensità tal-għajnuna, u li dan għandu jiġi negozjat fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ governanza fuq ħafna livelli; huwa tal-fehma li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jingħataw iktar responsabilità biex jorganizzaw proċeduri ta’ għażla kompetittivi u bbażati fuq ir-rendiment anki f'dan ir-rispett; |
16. |
Jenfasizza li l-politika strutturali u ta’ koeżjoni m'għandhiex twassal għall-preferenza żbilanċjata ta’ ċerti tipi ta’ reġjuni; jitlob li s-sħubijiet ta’ reġjuni rurali u żoni urbani jkunu eżaminati aktar f'kuntesti ta’ spazji soċjali, ekonomiċi u ambjentali; |
17. |
Jenfasizza li l-iffinanzjar strutturali u ta’ koeżjoni għandu jqis ukoll l-isfidi edukattivi, kulturali u soċjopolitiċi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jibqa' konformi mal-objettiv ġenerali tal-UE ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif stabbilit fit-Trattat u fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; huwa tal-fehma, madankollu, li diġà għal raġunijiet finanzjarji biss, l-“Ewropeizzazzjoni” totali tal-oqsma politiċi rilevanti ma tistax tkun ta’ suċċess; għaldaqstant, jitlob li jiġu introdotti approċċi għall-iżvilupp lokali, ibbażati fuq il-lokalità, li jistgħu jservu bħala mudelli, filwaqt li jisseddqu l-kompetenzi tal-livelli nazzjonali u reġjonali; |
18. |
Jenfasizza, bl-istess mod, li l-politika ta’ koeżjoni ma tistax ssir vettura jew strument għas-servizz ta’ kwestjonijiet settorali bħall-politiki dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni industrijali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, peress li dan ifisser li l-objettiv ewlieni tiegħu jitlef mill-essenza tiegħu u li jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-użu tiegħu għall-promozzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp tar-reġjuni, li huwa essenzjali sabiex l-aktar reġjuni żvantaġġjati joqorbu dawk l-aktar żviluppati; |
19. |
Jitlob, fid-dawl tal-bidla meħtieġa lejn riżorsi rinnovabbli fil-qasam tal-enerġija kif ukoll tad-diskussjoni dwar il-klima, li l-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi aktar lejn żvilupp rapidu tat-teknoloġija ambjentali u l-enerġiji li jiġġeddu; iqis li dan għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet jekk ammonti suffiċjenti jkunu disponibbli fil-programmi u konċentrazzjoni fuq l-enerġiji li jiġġeddu tipprovdi valur miżjud għall-UE, abbazi ta’ pjanijiet favur kunċetti ddeċentralizzati dwar l-enerġija li jinvolvu teknoloġiji effikaċi ta’ ħżin fir-reġjuni; huwa favur l-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija reġjonali f'dan il-qasam; |
20. |
Jidhirlu li hemm possibilitajiet biex il-Fondi Strutturali jappoġġjaw investimenti f'infrastruttura speċifika tal-enerġija, għalkemm tali appoġġ għandu jkun disponibbli biss f'reġjuni fejn restrizzjonijiet politiċi u ġeografiċi jxekklu b'mod sinifikanti l-kapaċità tas-suq li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-provvista ta’ enerġija; barra minn hekk, jitlob li s-sostenn mill-Fondi Strutturali jkun marbut dejjem mat-tisħiħ tas-suq intern tal-enerġija u mas-sikurezza tal-provvista, kif ukoll mal-prinċipju ta’ governanza f'diversi livelli fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi; |
21. |
Iqis ukoll li l-politika ta’ koeżjoni għandha r-responsabbiltà li tagħmel dak meħtieġ biex tqerreb id-distakki u tneħħi l-imblokki f'netwerk tal-qalba TEN tar-rotot prinċipali sinifikanti għall-Ewropa, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni tal-konfini li s'issa ġew traskurati b'mod partikolari f'dan ir-rigward; |
22. |
Jenfasizza li n-netwerks tat-trasport Trans-Ewropej għandhom rwol deċiżiv rigward il-koeżjoni tar-reġjuni Ewropej u li, għaldaqstant, għandu jissaħħaħ l-iżvilupp tal-infrastruttura TEN, tal-Awtostradi tal-Baħar u tat-toroq Ewropej ikklassifikati u jtejjeb l-aċċess għalihom, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntieri u r-reġjuni l-aktar imbiegħda; jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti u tiġi garantita l-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġetti ta’ prijorità TEN-T; jissuġġerixxi li ċerta “infrastruttura” traskonfinali titqies bħala proġetti ta’ prijorità eliġibbli għal fondi tal-Objettiv 1, 2 u 3 u jitlob għal dritt obligatorju biex issir l-ewwel proposta f'livell reġjonali għal dan it-tip ta’ azzjoni u għal parteċipazzjoni ugwali tar-reġjuni tal-konfini u tal-awtoritajiet lokali fil-proċess ta’ ppjanar; |
23. |
Iħeġġeġ l-applikazzjoni tar-riżorsi nazzjonali, fid-dawl tal-valur miżjud ta’ tali miżuri fit-tisħiħ tal-konverġenza reġjonali, il-koeżjoni territorjali u l-attivitajiet ta’ żvilupp bħat-turiżmu, li huma importanti għal reġjuni remoti, bħal reġjuni insulari; |
24. |
Jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg fl-SMEs u fil-mikroimpriżi; għalhekk jitlob li l-prinċipji fundamentali tal-Att dwar in-Negozji Żgħar għall-Ewropa (SBAE) – jiġifieri “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” u “darba biss” – jitqiesu bħala waħda mill-bażijiet tal-politika ta’ koeżjoni, u jqis li dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri u mir-reġjuni fid-definizzjoni tal-programmi operattivi tagħhom; |
Sistema tal-objettivi u l-qafas għall-ippjanar tal-programmi
25. |
Jenfasizza li l-elementi prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 (innovazzjoni, edukazzjoni u taħriġ, enerġija, ambjent, impjiegi, kompetittività, kwalifiki, ġlieda kontra l-faqar) diġà qed jiffurmaw parti integrali mill-politika ta’ koeżjoni u strutturali; huwa tal-fehma li l-isfidi tal-istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jkunu integrati b'mod faċli ħafna fis-sistema ta’ tliet objettivi (Konverġenza, Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, u Kooperazzjoni Territorjali Ewropea), li tat prova tas-suċċess tagħha; |
26. |
Jenfasizza li l-investiment fl-innovazzjoni u l-edukazzjoni jista' jippromwovi t-tkabbir; jinnota, madanakollu, li l-infrastruttura rilevanti (trasport, broadband internet, enerġija) u l-istituzzjonijiet xierqa (taħlita bbilanċjata ta’ investiment pubbliku u konsolidazzjoni tal-politika fiskali b'miżuri makroekonomiċi, servizzi tal-gvern elettroniku u tagħlim transkonfinali) għandhom jipprovdu sostenn effettiv; |
27. |
Huwa tal-opinjoni li l-iżvilupp ta’ infrastruttura bażika għandu jitqies ukoll bħala kumpatibbli mal-Ewropa 2020, peress li huwa biss bl-eżistenza ta’ netwerks kompetittivi tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjoni kif ukoll ta’ infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart, li r-reġjuni ta’ konverġenza jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jagħtu l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020, li huwa preċiżament għaliex ir-reġjuni l-inqas b'saħħithom u l-aktar fil-bżonn għandhom jingħataw ċerta flessibilità fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-objettivi; |
28. |
Jenfasizza li l-FSE huwa l-aktar strument importanti għall-implimentazzjoni tad-dimensjoni soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 u li l-fond jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jiġu sodisfatti l-prijoritajiet ċentrali ta’ dik l-istrateġija, jiġifieri l-impjiegi, it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, it-tnaqqis tar-rata ta’ studenti li jabbandunaw l-iskola, il-ġlieda kontra l-faqar, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali u s-sejba ta’ soluzzjonijiet għas-sitwazzjonijiet soċjali differenti li l-persuni jaqgħu fihom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li flimkien mal-PGD, indikaturi soċjali addizzjonali jkunu utli fl-analiżi SWOT; |
29. |
Iqis li l-FSE huwa ta’ importanza kruċjali għall-politika ta’ koeżjoni u li għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-kontribut tagħha lejn il-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020, fosthom fil-qasam tat-tkabbir sostenibbli permezz tal-għoti ta’ sostenn lill-SMEs għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi; |
30. |
Iqis il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, sew jekk relatata mal-ġeneru, l-orjentament sesswali, l-etniċità, l-età, id-diżabilità jew il-post ta’ residenza, bħala kruċjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza ġenwina tal-opportunità; josserva li kulma jmur ir-rata ta’ impjieg tan-nisa hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira relatata mal-impjiegi tal-Ewropa 2020 u li għaldaqstant għandhom jiġu indirizzati bis-sħiħ l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; |
31. |
Iqis li l-PGD għandu jinżamm bħala l-kriterju ċentrali fid-definizzjoni taż-żoni eliġibbli għall-appoġġ massimu (dawk li l-PGD per capita huwa taħt il-75 % tal-medju tal-UE) u, jekk meħtieġ, tal-istati bi ħtiġijiet ta’ koeżjoni (ING per capita taħt id-90 % tal-medja tal-UE); iqis li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti għandhom jingħataw id-diskrezzjoni biex f'livell adegwat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, għal kull objettiv u b'mod li jirrefletti konċentrazzjonijiet ġeografiċi, jagħmlu użu anki minn indikaturi addizzjonali, li għandu jsir qbil fuqhom fil-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment, li bihom jiġu evalwati l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi u ġeografiċi li jiffaċċjaw; |
32. |
Jitlob li, f'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, il-politika ta’ koeżjoni tibqa' timmira primarjament lejn ir-reġjuni li baqgħu l-iktar lura; jenfasizza li r-reġjuni l-aktar fil-bżonn għandhom jingħataw sehem xieraq – fi proporzjon mas-serjetà tal-problemi ta’ żvilupp tagħhom – mill-iffinanzjar disponibbli fil-qafas tal-Objettiv 1 (Konverġenza); |
33. |
Jitlob li jitpoġġa limitu fuq il-perjodi ta’ eliġibilità għal reġjuni li ma jistgħu juru ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom wara bosta perjodi ta’ programmar, minkejja appoġġ massimu; |
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għat-tul tal-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, li tiżgura l-provvista ta’ assistenza tranżitorja aġġustabbli, robusta u proporzjonata għar-reġjuni li ma jaqgħux aktar taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza, sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, u għar-reġjuni bi PGD per capita bejn 75 % u 90 % tal-medja tal-UE, fil-forma ta’ kategorija immedjata, sabiex jiġi evitat trattament inugwali tar-reġjuni minkejja s-sitwazzjoni simili tagħhom; iqis li dan l-arranġament speċifiku għandu jieħu post it-tneħħija gradwali u l-introduzzjoni gradwali tas-sistemi, u b'hekk tinħoloq sistema ġusta li tindirizza aħjar l-impatti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq ir-reġjuni, filwaqt li jissaħħu l-ġustizzja u s-solidarjetà, li huma valuri fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li dawn il-miżuri tranżizzjonali għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss ma għandhomx jiġu stabbiliti għad-detriment tar-reġjuni attwali tal-Konverġenza (Objettiv 1) u l-Kompetittività (Objettiv 2) jew l-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Objettiv 3); |
35. |
Jitlob għat-tisħiħ tal-Objettiv 2 (Kompetittività Reġjonali u Impjiegi) permezz tan-natura orizzontali tiegħu biex jinkisbu riżultati fuq numru limitat ta’ prijoritajiet tal-UE, bħall-appoġġ għall-SMEs, innovazzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiji lokali, edukazzjoni u taħriġ, infrastruttura, mobilità sostenibbli, enerġiji rinnovabbli u provvista ta’ enerġija, effiċjenza fir-riżorsi u inklużjoni soċjali; jenfasizza li s-sistema stabbilita b'suċċes, li tiżgura li aktar reġjuni żviluppati jkunu kapaċi jneħħu nuqqasijiet strutturali reġjonali, inaqqsu d-disparitajiet territorjali, jikkontribwixxu għal objettivi Ewropej komuni u jissodisfaw sfidi futuri meta jużaw strutturi li jistgħu jirrispondu b'mod flessibbli fil-konfront ta’ ċirkostanzi li dejjem qegħdin jinbidlu, inklużi, inter alia, klusters ta’ innovazzjoni u ta’ kompetizzjoni għall-għoti ta’ fondi f'dawn ir-reġjuni, għandha tinżamm u tkun żviluppata aktar; jitlob miżuri addizzjonali għal żoni li ġew affettwati sew minħabba tibdil strutturali, li jistgħu jikkontribwixxu għal titjib soċjoekonomiku u infrastrutturali; jinnota li f'dan il-kuntest l-istrateġiji għandhom jitfasslu bi flessibbiltà suffiċenti sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-problemi u mal-partikularitajiet ta’ kull reġjun individwali; |
36. |
Jitlob azzjoni biex jiġi żgurat li r-reġjuni żviluppati aktar ikunu kapaċi jimmodernizzaw il-kapital soċjali u ekonomiku tagħhom u jindirizzaw żoni speċifiċi ta’ deprivazzjoni u żvilupp ekonomiku insuffiċjenti; |
37. |
Iqis li bla dubju ta’ xejn l-isforzi fil-qafas tal-Objettiv 3 (Kooperazzjoni Territorjali Ewropea) għandhom jissaħħu fil-fruntieri interni kollha tal-UE u fit-tliet livelli kollha ta’ tali kooperazzjoni (transkonfinali, interreġjonali, tranżnazzjonali), u jitlob li s-sehem rilevanti tal-Fond Strutturali jiżdied għal 7 %; jitlob li l-allokazzjoni ta’ finanzjament għal kull programm ta’ kooperazzjoni territorjali tkun ibbażata fuq kriterji armonizzati, sabiex tiġi pprovduta reazzjoni strateġika u integrata għall-bżonnijiet u l-partikolaritajiet tat-territorji u ż-żoni ġeografiċi kollha kkonċernati; jenfasizza l-importanza tar-reġjuni tal-fruntieri għall-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020; iqis li hemm il-ħtieġa li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn in-Netwerks Trans-Ewropej, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-trasport u l-enerġija, u l-infrastruttura transkonfinali, u jitlob żieda korrispondenti fl-iffinanzjar għar-reġjuni konfinali kollha; jitlob is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni li jirregolaw il-programmi tal-Objettiv 3, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sett ta’ regoli komuni ta’ eliġibilità, li kollha huma prekondizzjonijiet għal dawn il-programmi biex isiru iktar effettivi u iktar viżibbli; jenfasizza l-ħtieġa li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali jiġu involuti aktar mill-qrib, minħabba l-fatt li l-programmi jistgħu jitlaħħmu biss jekk dan ikun iggarantit; |
38. |
Jikkunsidra li r-REKTs jirrappreżentaw strument ta’ governanza territorjali uniku u ta’ valur kbir, li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni strutturata, u għandu jiġi promoss bħala mezz biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ governanza transkonfinali, filwaqt li tiġi żgurata s-sjieda tal-politiki differenti fil-livell reġjonali u dak lokali; |
39. |
Jirrifjuta b'mod assolut il-proposti kollha biex il-politika ta’ koeżjoni tiġi nazzjonalizzata jew settorjalizzata; iqis li fondi tematiċi ġodda (għall-klima, l-enerġija u t-trasport) idgħajfu l-prinċipju li diġà ta prova ta’ suċċess ta’ responsabilità maqsuma u ta’ programmi ta’ żvilupp integrati u jipperikolaw id-disponibilità ta’ sinerġiji u l-effikaċja tal-interventi, u għalhekk il-kontribut tar-reġjun biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020; |
40. |
Jinsisti li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' parti mill-politika ta’ koeżjoni, peress li b'dan il-mod biss strateġiji integrati għas-soluzzjoni tal-probemi ekonomiċi u soċjali jistgħu jiġu żviluppati u implimentati; |
41. |
Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-għan tagħha li tiżgura FSE akbtar b'saħħtu, effiċjenti u viżibbli; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu ftehim fin-negozjati tagħhom dwar l-ammont neċessarju ta’ kontribut tal-FSE fi ħdan il-Fondi Strutturali; |
42. |
Huwa tal-fehma li l-miżuri intiżi li jtejbu l-effikaċja tal-FSE għandhom l-ewwel u qabel kollox ikunu bbażati fuq inċentivi aktar milli fuq sanzjonijiet; |
43. |
Jenfasizza li l-kriżi ekonomika għamlet saħansitra aktar urġenti l-bżonn ta’ miżuri fis-setturi koperti mill-FSE, b'mod partikolari għall-promozzjoni tal-impjiegi, ir-riallokazzjoni professjonali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar; |
44. |
Jenfasizza l-fatt li l-FSE jipprovdi sostenn kruċjali għall-politiki tas-suq tax-xogħol partikolarment għall-politiki ta’ prevenzjoni u l-politiki lokali kif ukoll dawk immirati biex jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u li jikkombattu l-qgħad;jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom jużaw il-FSE għall-investiment f'ħiliet ġodda, fl-edukazzjoni (inkluża l-edukazzjoni tat-tfulija bikrija), it-tagħlim tul il-ħajja, l-attivitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ riallokazzjoni professjonali, u jissottolinja li l-fond għandu rwol importanti biex jagħti spinta lid-dimensjoni tal-inklużjoni soċjali għall-gruppi l-aktar żvantaġġjati u vulnerabbli; |
45. |
Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-azzjoni FSE immirata lejn il-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fit-tfal minn età bikrija ħafna permezz tal-edukazzjoni u aktar tard iwaqqfu gwida fl-iskola msejsa fuq l-opportunitajiet lokali u reġjonali ta’ xogħol u taħriġ għal matul il-ħajja ħalli jgħinu lill-ħaddiema jadattaw ħiliethom għall-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jimplimenta l-miżuri għat-taqbida kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jkun trattat il-fenomenu tal-‘foqra li jaħdmu’ u jitwaqqfu programmi mfasslin apposta għalbiex tingħata l-assistenza lill-gruppi żvantaġġjati u vulnerabbli bħalma huma r-Roma, il-migranti, il-persuni b'diżabilità u dawk li ma jkomplux l-iskola, għall-fini tal-promozzjoni tat-tkabbir effettiv u inklussiv u ekonomija msejsa fuq l-għarfien fl-Ewropa; |
46. |
Jitlob azzjonijiet immirati aħjar u aktar appoġġ tekniku għal dawk l-entitajiet milquta minn faqar kbir u spiss minn koeżistenza diffiċli bejn kulturi ta’ maġġoranza u minoranza fil-livelli subreġjonali; iqis li tali entitajiet subreġjonali jistgħu faċilment jibqgħu gruppi ta’ fqar ħafna li jħabbtu wiċċhom mas-segregazzjoni saħansitra fir-reġjuni li mhux neċessarjament għadhom lura meta mqabbla mal-medji statistiċi; josserva li għandhom isiru sforzi konċentrati fuq l-iżvilupp ta’ entitajiet subreġjonali; |
47. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġew stabbiliti wkoll programmi operattivi (OPs) li jkopru s-setturi kollha tal-objettivi għall-ewwel darba għall-FSE f'xi Stati Membri għall-perjodu ta’ finanzjament 2007-2013; |
48. |
Jenfasizza l-fatt li l-esperjenza imprezzabbli miksuba bl-inizjattiva Komunitarja EQUAL hija rilevanti, speċjalment fir-rigward tal-kombinazzjoni tal-miżuri lokali u reġjonali u l-iskambu fuq livell tal-UE tal-aħjar prattiki; |
49. |
Jiġbed l-attenzjoni għas-sinerġiji li jistgħu jinkisbu mill-approċċi integrattivi lokali u reġjonali, b'mod partikolari permezz tat-tgħaqqid tal-FSE mal-FEŻR, u jitlob li jkun hemm regoli komuni ta’ eliġibilità u li jiżdied u jiġi ffaċilitat l-użu tal-għażla tal-finanzjament trasversali bejn dawn il-fondi – l-aktar għal dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar tal-iżvilupp integrattiv; jappoġġja l-introduzzjoni ta’ possibilità ta’ programmi operazzjonali ffinanzjati minn fondi differenti li tkompli tiffaċilita l-approċċi integrati; jitlob, barra minn hekk, sinerġiji aħjar bejn l-FSE u l-FEŻR; |
50. |
Jitlob, għall-iskop taż-żieda fis-sinerġiji, li jkun hemm integrazzjoni akbar tal-politiki settorjali (it-trasport, l-enerġija, ir-riċerka, l-ambjent, l-edukazzjoni) skont il-politiki ta’ koeżjoni u strutturali, ħalli jkun hemm effikaċja akbar u koordinament aħjar bejn il-Fondi Strutturali, iċ-CIP u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp; jissuġġerixxi li l-ipprogrammar multi-fond ikun jista' jikkontribwixxi għal approċċ aktar integrattiv u jkun jista' jkabbar l-effikaċja tal-interazzjoni bejn il-finanzjamenti differenti; jikkunsidra s-sħubiji ta’ żvilupp nazzjonali / reġjonali bħala strument xieraq biex jinġiebu flimkien l-istrumenti varji; f'dan ir-rigward jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti objettivi ċari u li jiġi evalwat jekk intlaħqux l-għanijiet fl-Istati Membri; |
51. |
Jipproponi li l-politiki ta’ żvilupp u riċerka jiġu territorjalizzati; jisħaq, għalhekk, dwar l-importanza tal-adattament tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politiki ta’ riċerka u innovazzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji, billi l-involviment aktar mill-qrib tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tifsil u l-implimentazzjoni tal-fondi ta’ żvilupp reġjonali u tal-programmi ta’ innovazzjoni huwa ta’ importanza kruċjali minħabba fl-impossibilità tal-applikazzjoni tal-istess strateġija ta’ żvilupp fir-reġjuni kollha; |
52. |
Jitlob qafas strateġiku komuni għall-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Programmi Qafas, il-FAEŻR, u l-FES għall-perjodu ta’ finanzjament ta’ wara l-2013; iqis li l-mudell tal-approċċ regolatorju armonizzat (amministrazzjoni, eleġibilità, verifika, rekwiżiti ta’ rrapportar) għandu jissaħħaħ aktar permezz ta’ regolament ta’ qafas komuni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta’ fondi differenti li jaħdmu flimkien bla xkiel sabiex jinkisbu r-riżultati; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel aġġustamenti skont dawn il-kriterji sabiex il-fondi rilevanti, meta jkun possibbli, jikkompletaw lil xulxin; |
53. |
Jitlob li jiġi adottat Qafas Strateġiku Komuni mill-Kunsill u mill-Parlament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja abbażi tal-Artikolu 177 tat-TFUE; |
54. |
Huwa tal-fehma li dan il-Fond Soċjali Ewropew jeħtieġ li jiġi inkluż fil-qafas strateġiku komuni, mingħajr, iżda, ma jbiddel ir-regoli u d-dispożizzjonijiet ta’ funzjonament tiegħu u billi jiżgura l-għoti ta’ riżorsi adegwati; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-FSE, tgħollilu l-profil u tissemplifikalu l-arranġamenti ta’ kontroll baġitarju billi jsiru proċeduri ta’ kooperazzjoni sempliċi u effettivi bejn l-awtoritajiet ġestriċi u d-dipartimenti ta’ kontroll baġitarju; |
55. |
Iħeġġeġ l-eżami tar-reintegrazzjoni tal-programmi tal-FAEŻR relatati mar-reġjuni (l-assijiet ta’ sostenn eżistenti 3 u 4) f'dan il-qafas; jopponi, madankollu, li dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-baġits tal-FEŻR u l-FAEŻR; jitlob rekwiżiti mandatorji għall-Istati Membri u r-reġjuni bil-għan li jinħolqu strutturi amministrattivi armonizzati għall-Fondi Strutturali tal-UE u l-programmi reġjonali tal-iżvilupp rurali; |
56. |
Jitlob li jkun hemm reviżjoni tar-regolament dwar il-koperazzjoni bejn il-fruntieri fil-fruntieri esterni u tal-ENPI kurrenti, ħalli jkunu integrati l-fondi relevanti fl-Objettiv 3 (Kooperazzjoni Territorjali Ewropea); |
57. |
Jilqa' l-għanijiet tal-kuntratti tas-Sħubija għall-Iżvilupp u l-Investiment bejn l-UE u l-Istati Membri proposti mill-Kummissjoni flok il-pjanijiet ta’ qafas strateġiċi nazzjonali ta’ qabel li kienu mħejjijin għall-Istati Membri individwali; jitlob li f'dan il-qafas jiġu stabbiliti prijoritajiet ta’ investiment ewlenin għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u ta’ għanijiet oħra tal-politika ta’ koeżjoni; iqis neċessarju li jiġi ċċarat mill-aktar fis it-tqassim tal-kompetenzi konkreti bejn il-livelli involuti kemm jista' jkun malajr u jitlob li jisseddqu l-kompetenzi nazzjonali, reġjonali u lokali kif stabbiliti mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà; jitlob impenn ċar favur involiment xieraq tas-sħab fil-kuntratti ta’ sħubija ta’ żvilupp u investiment; |
58. |
Jitlob li jinżammu l-Programmi Operattivi bħala strument importanti għat-traspożizzjoni tal-karti strateġiċi fi prijoritajiet ta’ investiment konkreti; f'dan ir-rigward, jitlob miri ċari u li jistgħu jitkejlu; |
59. |
Jitlob li jkun hemm il-koinvolġiment obbligatorju tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, skont is-sistemi kostituzzjonali u istituzzjonali tal-Istati Membri individwali, fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni (pjanar strateġiku, tfassil u negozjar tal-ftehimiet ta’ sħubija u programmi operattivi għall-iżvilupp u l-investiment, monitoraġġ u valutazzjoni), b'mod strutturat u sistematiku; iqis assolutament neċessarji formulazzjonijiet adegwati fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali; |
60. |
Jaħseb li kull strateġija futura ta’ użu tal-FSE se tkun iktar effikaċi jekk tinvolvi l-livelli reġjonali u lokali tal-governanza, kapaċi li jiddeklinaw l-objettivi strateġiċi fuq l-ispeċifiċitajiet territorjali anki permezz ta’ djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha; |
61. |
Jappoġġja s-sistema tal-prijoritajiet tematiċi proposta mill-Kummissjoni; jindika li, aktar ma jkun baxx il-livell ta’ żvilupp ta’ Stat Membru jew reġjun, aktar għandha tkun wiesgħa l-lista ta’ prijoritajiet filwaqt li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet reġjonali speċifiċi ta’ żvilupp u filwaqt li jiġi żgurat li dan l-approċċ tematiku għall-programmazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni ma jkunx jista' jiġi implimentat għad-detriment tal-approċċ integrat ibbażat fuq il-post; |
62. |
Jitlob li l-Istati Membri, fil-każ li ċerti prijoritajiet vinkolanti jiġu imposti għall-Istati Membri kollha, li jinkludi fost il-prijoritajiet tagħhom l-innovazzjoni, l-infrastruttura, it-trasport u l-ġestjoni tar-riżorsi, imma iqis li għandu jkun hemm ċertu marġini għall-manuvrar li għandu jqis l-iskala tal-programmi, ix-xenarju baseline f'kull reġjun u r-riżultati li għandhom jinkisbu, ħalli dawn il-prijoritajiet ikunu mfasslin għall-ħtiġiet partikolari ta’ kull reġjun; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-innovazzjoni għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa b'konformità mal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”; jinnota li l-SMEs huma s-sors prinċipali tal-impjiegi fl-UE u jagħtu lok għal ideat kummerċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-appoġġ għall-SMEs għandu jkun kontinwat u msaħħaħ fid-dawl tar-rwol kjavi li għandhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; jisħaq li, f'dak li għandu x'jaqsma mal-Unjoni tal-Innovazzjoni, jeħtieġ li jkun applikat kunċett wiesa' ta’ ‘innovazzjoni’ filwaqt li l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi għandu jissokta jkun iffaċilitat; jenfasizza li għandu jkun possibbli għall-prijoritajiet addizzjonali li jkunu proposti u implimentati fuq bażi volontarja u konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; jitlob li l-oqsma proposti ta’ prijorità jkunu jinkludu l-enerġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-azzjoni kontra l-faqar; |
63. |
Jitlob li jiġi evitat id-dewmien fit-tnedija tal-programmi u li bħala kwestjoni ta’ prinċipju jitnaqqas iż-żmien tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ valutazzjoni; jenfasizza li dan huwa importanti ħafna, partikolarment għal impriżi ta’ daqs żgħir u medju; jitlob ukoll li jitjieb it-tagħmir tekniku disponibbli għall-awtoritajiet amministrattivi rilevanti u għal dawk l-awtoritajiet li għandhom ikunu aktar interkonnessi mill-qrib, li jkunu ridotti r-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni, u li t-termini għas-sejħiet għall-offerti u l-applikazzjoni jitqassru b'mod sinifikattiv; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jistgħux jiġu stabbiliti oqsma pilota sabiex jiġu ttestjati r-regolamenti l-ġodda fuq skala iżgħar qabel jiġu applikabbli għall-kumplament tar-reġjuni sabiex jiġu identifikati problemi possibbli fl-implimentazzjoni; |
Inċentivi, kundizzjonalità, orjentament lejn ir-riżultati, kofinanzjament, għażliet rigward il-finanzjament
64. |
Jitlob li l-finanzjament fuq is-sħubijiet għall-iżvilupp u l-investiment ikun soġġett għal ċerti impenji speċifiċi predeterminati fi djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; huwa tal-fehma li dawk il-kondizzjonijiet predeterminati għandhom jirrikjedu li l-Istati Membri jwettqu r-riformi ħalli jiżguraw li l-fondi jintużaw b'mod effikaċi fl-oqsma direttament marbutin mal-politika ta’ koeżjoni li, fejn ikun nċessarju, l-Istati Membri għandhom jissejħu ħalli jagħmlu dan, u li l-fondi għandhom ikunu jiddependu minn tali kondizzjonijiet; jitlob li jkun possibbli li l-atturi mdaħħlin fil-ġestjoni tal-programmi operattivi jinfluwenzaw il-kondizzjonalitajiet; iqis ġust l-irbit, b'mod partikolari, mat-traspożizzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni diġà adottata tal-UE (ipprezzar, akkwist pubbliku, trasport, ambjent, saħħa eċċ.) sabiex ikunu evitati irregolaritajiet u biex tkun iggarantita l-effikaċja; madankollu, jiċħad tali rekwiżiti li jitolbu lill-Istati Membri jwettqu riformi soċjali u ekonomiċi fundamentali; il-kundizzjonijiet kollha għandhom b'mod sħiħ jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarità u tas-sħubija; |
65. |
Huwa tal-fehma li kondizzjonalità ġdida m'għandhiex tirriżulta f'piżijiet amministrattivi żejda għall-atturi involuti; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ sistemi konsistenti, standard ta’ kondizzjonalità kemm għall-FEŻR u għall-FSE li għandhom ikunu tali li jistgħu jiġu valutati oġġettivament; |
66. |
Jikkunsidra lill-Kummissjoni responsabbli għall-formolazzjoni tal- kundizzjonalitajiet u biex tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom, u jipproponi pjanijiet rispettivi ta’ azzjoni għall-Istati Membri u r-reġjuni; |
67. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tagħmel politika ta’ koeżjoni aktar orjentata lejn ir-riżultati permezz tal-istabbiliment ex ante ta’ objettivi u indikaturi adegwati; jenfasizza li dawk l-indikaturi għandhom ikunu ftit, iddefiniti b'mod ċar, li jistgħu jitkejlu, li jinsabu f'interazzjoni diretta mas-sostenn u li jkollhom jiftiehmu b'mod konġunt mir-reġjuni/l-Istati Membri; jikkunsidra, madankollu, li l-istrumenti u l-kriterji kollha proposti biex ikejlu l-prestazzjoni għandhom jibqgħu msejsin fuq approċċ kwalitattiv tal-programmi; |
68. |
Jikkunsidra li l-indikaturi li jiddeterminaw sussidji reġjonali mill-fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni għandhom ikunu abbażi tad-data statistika l-aktar reċenti, sabiex jikkunsidraw l-impatt tal-kriżi fuq ir-reġjuni f'termini ekonomiċi u soċjali; |
69. |
Jitlob li l-effikaċja u t-trasparenza tal-FSE titqawwa permezz ta’ azzjonijiet orjentati aktar lejn ir-riżultati u jqis li, għal dan il-għan, jeħtieġ li jkun hemm definizzjoni ex ante ta’ objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu u indikaturi tar-riżultati marbuta direttament mal-iskop tal-iffinanzjar, li jkejlu, partikolarment, is-suċċess fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-integrazzjoni f'impjiegi ta’ kwalità; iqis li dawk interessati li jinsabu fil-livelli kollha ta’ governanza għandhom ikunu mdaħħlin fit-twaqqif ta’ dawn il-miri u indikaturi u li dawn tal-aħħar għandhom ikunu definiti b'mod ċar ferm qabel l-għoti tal-finanzjament, ħalli kemm l-Istati Membri kemm il-Kummissjoni jkunu jistgħu jivvalutaw ir-riżultati miksubin u jużaw l-esperjenza matul il-fażi li jmiss tal-ippjanar; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tagħmel l-allokazzjoni tal-flus mill-FSE dipendenti minn kundizzjonalità ex ante, inkluża prekundizzjoni dwar it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-objettivi tal-UE li huma indispensabbli għas-suċċess tal-miżuri tal-FSE kif ukoll tal-fondi strutturali u tal-kapaċitajiet adegwati fl-amministrazzjonijiet; jenfasizza li l-orjentament lejn ir-riżultati ma għandux iwassal biex il-benefiċjarji ż-żgħar jiġu żvantaġġjati jew esposti għal ostakli ġodda għall-aċċess jew għal riskji; |
70. |
Iqis il-kofinanzjament pubbliku u privat bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni; jitlob eżami tas-sehem massimu tal-UE, li jkollu jirrifletti aktar il-livell tal-iżvilupp reġjonali, il-valur miżjud Ewropew u t-tipi ta’ miżuri u jkollu jiżdied jew jitnaqqas skont dawn il-kriterji; |
71. |
Jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex iħarsu 'l quddiem meta jipprogrammaw il-kofinanzjament tal-approprjazzjonijiet u jippromovuhom permezz tal-inġinerija finanzjarja; |
72. |
Jitlob li, fir-rigward tas-sussidji diretti lill-impriżi, jitqies li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, aktar milli jinfluwenza d-deċiżjoni mill-kumpaniji – u b'mod partikolari mill-kumpaniji l-kbar – li jiftħu impjant f'post partikolari, dawn itendu li jidħlu fil-but tal-kumpaniji li jkunu ġa ħadu tali deċiżjonijiet (effett deadweight) u jitlob, għalhekk, li jingħata appoġġ lil impriżi kbar u privati ħalli jiffokaw fuq l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp jew li jingħata, aktar spiss milli hu l-każ bħalissa, indirettament permezz tal-finanzjament għall-infrastruttura; barra minn hekk, jitlob regoli ċari fir-regolament ġenerali dwar il-Fondi Strutturali li jeskludu l-provvista ta’ kull ħlas ta’ fondi tal-UE għal rilokazzjonijiet ta’ kumpaniji barra mill-UE, kif ukoll tnaqqis fil-limitu ta’ verifika għall-eżami ta’ tali investimenti, li jeskludu impriżi kbar mis-sussidji diretti u t-tqegħid ta’ limitu ta’ 10 snin fuq id-durata tal-operazzjonijiet; |
73. |
Jirrikonoxxi l-effett ta’ lieva u l-potenzjal ta’ mobbilizzazzjoni ta’ strumenti ġodda ta’ finanzjament, ġeneralment jiffavorixxi l-idea li jintuża aktar is-self bħala mezz ta’ finanzjament, u jitlob l-estensjoni tal-istrumenti finanzjarji bbażati fuq ir-rotazzjoni għal dawk iż-żoni eliġibbli għall-iffinanzjar li jagħtu prova li huma xierqa; jitlob li l-proċeduri jkunu ssemplifikati għal dak il-fini u li jkun hemm grad akbar ta’ ċertezza legali matul il-perjodu kollu tal-finanzjament, kif ukoll għat-twaqqif ta’ reġistru tal-UE li juri liema proġetti ngħatalhom is-self u liema s-sussidji; jitlob biex l-istrumenti jkunu adattabbli biex jiġi żgurat li huma vijabbli u fattibbli għar-reġjuni u l-ibliet kollha; iqis li l-aktar tard wara perjodu ta’ finanzjament wieħed, ir-responsabilità għall-użu tal-fondi għandha tgħaddi għal-livell nazzjonali jew dak tal-proġetti individwali; jinnota li matul il-perjodu kurrenti, mhux l-Istati Membri kollha adottaw approċċ deċentralizzat biex jindirizzaw strumenti finanzjarji bħal JESSICA; jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess dirett għall-ibliet; |
74. |
Jenfasizza li s-sostenn permezz ta’ għotjiet għandu jibqa' dejjem il-mezz ippreferut u li r-responsabilità għall-għażla tat-taħlita adattata skont il-ħtiġijiet reġjonali għal kull każ individwali għandha titħalla f'idejn l-atturi lokali; |
75. |
Iqis li l-BEI għandu jkollu rwol aktar b'saħħtu fil-finanzjament ta’ infrastrutturi TEN; jitlob aktar approċċi bbażati fuq soluzzjonijiet fil-qafas ta’ sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat li jipprovdu awtonomija finanzjarja; ġeneralment, huwa tal-idea li l-Parlament Ewropew għandu jingħata responsabilità importanti għall-iżgurar tat-trasparenza meħtieġa kif ukoll għal kompiti relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet u s-sorveljanza; |
76. |
Jilqa' l-kooperazzjoni effettiva bejn il-BEI u l-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tat-tliet inizjattivi konġunti – JESSICA, JEREMIE u JASMINE – li għandhom iżidu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni u jtejbu l-iffunzjonar tal-Fondi Strutturali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tadotta attivament l-inizjattivi konġunti mal-BEI, partikolarment fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni u tiżgura appoġġ finanzjarju lill-SMEs; |
77. |
Jara l-għotjiet globali fil-livell ta’ taħt dak tar-reġjuni bħala strument adattat għal strateġiji ta’ innovazzjoni bbażati fuq l-awtodeterminazzjoni, b'konformità mal-għanijiet tal-politika reġjonali Ewropea; |
78. |
Jiċħad il-kwoti jew l-obbligi għal għotjiet globali, madankollu, peress li jistgħu jmorru kontra l-iffissar ta’ prijoritajiet predominanti mfassla preċiżament għall-ħtiġijiet tar-reġjuni; |
Baġit, proċessi finanzjarji, tnaqqis tal-burokrazija, dixxiplina baġitarja, kontroll finanzjarju
79. |
Iqis li l-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ seba' snin ta prova tal-valur tiegħu fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni u għandu jisseddaq mill-inqas sa tmiem il-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss (2020); madankollu, jitlob sistema għar-rivalutazzjoni strateġika aktar rapida tal-kundizzjonijiet bażiċi biex wieħed ikun jista' jirreaġixxi saħansitra aktar malajr u b'mod aktar flessibbli għal ġrajjiet partikolari (kriżi finanzjarja, kriżi tal-enerġija, diżastri naturali); |
80. |
Jenfasizza, b'danakollu, li l-baġit tal-UE kif inhu strutturat bħalissa u l-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni, u bir-regolamenti bażiċi dwar il-Fondi, ta prova ta’ effikaċja proprju għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u strutturali, jiġifieri jinħtieġu tibdiliet biss fejn xi proċeduri ma wrewx ruħhom ta’ ġid jew fejn hemm kontradizzjonijiet mar-Regolament Baġitarju attwali; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni għall-armonizzazzjoni tar-regoli li jiggvernaw il-fondi kollha disponibbli għall-iżvilupp reġjonali; jitlob, iżda, li kwalunkwe tibdila, tkun kemm tkun żgħira, fl-istrutturi stabbiliti u appruvati jkollha ssir bl-ikbar attenzjoni, sabiex jiġi evitat li jiżdiedu l-burokrazija, id-difetti fil-funzjonament u l-inċertezza għall-entitajiet amministrattivi nazzjonali u reġjonali u oneru akbar għall-benefiċjarji, l-aktar dawk bi strutturi żgħar u kapaċità limitata; |
81. |
Iqis ferm possibbli l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 fl-istrutturi eżistenti ta’ objettivi u fondi u b'hekk anki fil-linji baġitarji; jiċħad il-qsim tal-baġit tal-UE permezz tat-termini teoretiċi li jiddeskrivu t-tkabbir bħala “intelliġenti”, “inklussiv” jew “sostenibbli”, kif ukoll kull frammentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni f'bosta intestaturi baġitarji; iqis li din il-politika għandu jkollha l-intestatura tagħha fil-baġit tal-UE; |
82. |
Iqis il-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 bħala kapaċi li tagħti kontribut saħansitra akbar għal aktar żvilupp sostenibbli tar-reġjuni tal-UE u għal politika deċiżiva għall-implimentazzjoni intrasettorjali tal-istrateġija Ewropa 2020, u għalhekk jitlob li jkunulha allokati mill-anqas l-istess approprijazzjonijiet baġitarji; |
83. |
Ifakkar li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrappurtat għal ħafna snin li pagamenti fl-ambitu tal-koeżjoni huma milqutin minn rata ta’ żball li taqbeż il-5 %, minkejja li tinnota li din ir-rata niżlet minn 11 % fl-aħħar proċedura ta’ kwittanza, kif juri r-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u li s-sistemi tas-superviżjoni u tal-kontroll huma effikaċi parzjalment biss; barra minn hekk jitlob għal kjarifika dwar il-metodu ta’ kif jiġu kkalkulati l-iżbalji, minħabba li diskrepanzi fil-figuri li jkunu pprovduti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Kummissjoni iwasslu għal konfużjoni u nuqqas ta’ fiduċja fiċ-ċifri uffiċjali; |
84. |
Jitlob li jkunu adottati regoli aktar stretti għall-monitoraġġ tal-irregolaritajiet fl-użu tal-Fondi Strutturali vis-à-vis l-Istati Membri li għandhom livell għoli ta’ irregolaritajiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-flejjes mill-Fondi Strutturali u dwar proċedura għall-interruzzjoni sistematika u s-sospensjoni tal-pagamenti hekk kif l-evidenza tkun tissuġġerixxi defiċjenza fil-funzjonament tal-awtoritajiet akkreditati; jitlob, fl-istess ħin, li jitneħħew kontrolli mhux meħtieġa f'dawk l-Istati Membri li għandhom sistema ta’ mmaniġġjar soddisfaċenti tal-fond; jikkunsidra li l-prinċipji ta’ ‘kuntratt ta’ fiduċja’ u l-‘verifika unika’ għandhom jiġu implimentati fejn ikun possibbli; |
85. |
Jitlob li l-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet pubbliċi jinnominaw awtoritajiet jew entitajiet li jkollhom ir-responsabilità esklussiva għall-amministrazzjoni konformi mal-liġi tar-riżorsi mill-Fondi Strutturali; |
86. |
Iqis id-dikjarazzjonijiet annwali ta’ mmaniġġjar ittestjati fil-livell ta’ kap tal-uffiċċju li jamministra l-fondi (uffiċċju tal-ħlasijiet / awtorità amministrattiva) bħala mezz xieraq ta’ tisħiħ tal-katina tar-rappurtar u l-kontroll, u jenfasizza l-bżonn assolut li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu preċiżi f'termini ta’ kontenut; jitlob, għalhekk, li jkun hemm sistema ta’ penali li għandha tapplika għal dikjarazzjonijiet foloz; jibqa' javalla l-iskop tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ assikurazzjoni; |
87. |
Jitlob li l-Kummissjoni, mill-bidu tal-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, ikollha responsabilità ikbar għat-titjib tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali; iqisu, f'dan il-kuntest, li hemm ħtieġa urġenti għas-semplifikazzjoni u l-kjarifika tal-amministrazzjoni tal-programmi ta’ appoġġ, b'mod partikolari fil-qasam tal-implimentazzjoni finanzjarja u l-kontroll finanzjarju; għaldaqstant, iqis li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex twettaq proċeduri ta’ akkredizzjoni għall-amministrazzjonijiet u uffiċċji ta’ verifika nazzjonali jew federali; iqis li l-intitolament għal rapportaġġ semplifikat u anqas frekwenti għandu jkun marbut mal-akkreditament b'suċċess u riduzzjoni fir-rata tal-iżbalji; |
88. |
Barra minn hekk, jitlob biex jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni billi jiddaħħlu l-interruzzjoni u s-sospensjoni awtomatika tal-pagamenti hekk kif evidenza qawwija sew tkun turi nuqqas sinifikanti fil-funzjonament tal-awtoritajiet akkreditati; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjanijiet aktar robusti biex tiżdied ir-rata tal-irkupru ta’ pagamenti żbaljati; |
89. |
Jitlob li s-sistema ta’ ispezzjoni tiġi ssimplifikata u n-numru ta’ livelli ta’ ispezzjoni jitnaqqas u sabiex ir-responsabilitajiet rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu ċċarati; jitlob l–użu ta’ proċedura ta’ ispezzjoni b'livell wieħed, li fil-qafas tagħha l-Istati Membri jispezzjonaw proġetti u l-Kummissjoni tispezzjona s-sistema ta’ ispezzjoni tal-Istati Membri; |
90. |
Huwa tal-fehma li sabiex titjieb l-effettività tal-programmi operazzjonali għandu jsir użu akbar tal-proċeduri kompetittivi għall-għażla tal-proġetti fi ħdan ir-reġjuni; |
91. |
Bil-għan li tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni, jitlob l-estensjoni ta’ proċeduri standardizzati, b'unitajiet ta’ spejjeż standardizzati ogħla u dikjarazzjoni ta’ spejjeż ġenerali fuq bażi ta’ rata fissa fejn din is-sistema tkun xierqa; jitlob li jitqies aktar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li għall-implimentazzjoni ta’ programmi iżgħar jintalbu sinifikantement inqas obbligi ta’ rapportar u ta’ verifika; |
92. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ta’ kull sena u pubblikament “skeda ta’ nuqqasijiet” fir-rigward tar-rispett ta’ rappurtar u żvelar tar-rekwiżiti jew in-nuqqas li dan isir fiż-żmien rikjest u dwar irregolaritajiet, abbuż u frodi fl-użu ta’ flejjes mill-Fondi Strutturali; jitlob li din l-informazzjoni tinqasam skont l-Istat Membru u skont il-Fond; |
93. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-burokrazija qed tostakola lill-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet iż-żgħar milli jkollhom aċċess għall-iffinanzjar strutturali; jitlob li r-regoli relevanti u d-dokumentazzjoni teknika tkun ċara kemm jista' jkun; |
94. |
Jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri annwali ta’ approvazzjoni tal-kontijiet għall-perjodu ta’ pprogrammar il-ġdid, li jkopru wkoll programmi pluriennali; |
95. |
Iqis is-soluzzjonijiet aktar effiċjenti tal-gvern elettroniku (forom armonizzati) bħala neċessarji għas-sistema sħiħa ta’ implimentzzjoni u monitoraġġ; jitlob l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri, ikkoordinat mill-Kummissjoni, u l-implimentazzjoni kkoordinata permezz ta’ raggruppamenti ta’ awtoritajiet amministrattivi u entitajiet ta’ verifika; |
96. |
Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-kumpens għall-infiq għandu jitħallas lill-awtoritajiet nazzjonali biss wara li jkun tħallas lill-benefiċjarju l-kontribut korrispondenti tal-UE; iqis li dan se jaċċelera l-ħlasijiet u se jikkostitwixxi l-inċentiv deċiżiv favur kontrolli nazzjonali stretti; jinnota, iżda, li xi drabi jistgħu jinqalgħu problemi ta’ likwidità fil-livell ta’ Stati Membri u f'dak reġjonali u li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet li jipprovdulhom sigurtà; |
97. |
Iqis li t-talba tal-Kummissjoni li l-pagamenti jkunu marbutin aktar mill-qrib mar-riżultati hija illoġika, billi r-riżultati jinkisbu biss u qabel xejn bil-finanzjament tal-proġetti; huwa mħasseb li l-monitoraġġ x'aktarx se jkun burokratiku ħafna, illi jqis li huma konċepibbli r-rekwiżiti li jagħmlu l-pagamenti kontinġenti fuq konsistenza ppruvati bejn il-proġetti u, ngħidu aħna, l-istrateġija Ewropa 2020; |
98. |
Iqis li, filwaqt li r-rimborż għandu jasal wara li l-iffinanzjar tal-UE jkun tqassam fil-proġetti, l-ebda piż ulterjuri ma għandu jitpoġġa fuq il-benefiċjarji f'termini ta’ rati ta’ interess li ma jirreflettux il-fattur ta’ riskju baxx ta’ tali self minn kwalunkwe bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra; |
99. |
Jitlob id-diversifikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ penali, inkluża, fost aspetti oħra, sistema ta’ bonus għal dawk l-Istati Membri li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni, partikolarment permezz ta’ konċessjonijiet amministrattivi; |
100. |
Ifakkar li għall-kuntrarju tal-fondi strutturali l-oħrajn, l-ispeċifiċità tal-FSE tirreferi għall-fatt li hija marbuta mill-qrib mal-gruppi fil-mira li ssostni u li għandu jissawwar b'tali mod li jippermetti bosta proġetti fuq skala żgħira bbażati lokalment; jitlob li l-Istati Membri jkun rikjest minnhom li jgħaddu l-fondi immedjatament lill-proġetti ħalli jiskansaw il-problemi għall-benefiċjarji ż-żgħar; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu li jkun hemm flessibilità fl-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi, ħalli jittieħdu kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħin u l-isforzi u l-kontribut finanzjarju meta jiġu ffissati l-obbligi ta’ kontroll u verifika, u ħalli jiġu ssemplifikati l-proċeduri u ridotti l-kostijiet amministrattivi eċċessivi u l-ostakli kollha għall-benefiċċju tal-proġetti u l-benefiċjarji potenzjali tagħhom, u b'hekk l-FSE jkun f'qagħda aħjar li jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-UE għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni żżid ix-xelta għall-awtoritajiet ġestriċi u l-benefiċjarji f'dak li għandu x'jaqsam ma’ għażliet ta’ finanzjament u li tipproponi l-possibilità ta’ għażliet standard tal-kostijiet flimkien mal-kontabilità tradizzjonali; |
101. |
Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li r-regoli N+2 u N+3 għandhom, f'ċerti sitwazzjonijiet, jiġu applikati sistematikament, jekk jista' jkun f'livell ta’ allokazzjoni tal-Istati Membri, ħalli tingħata flessibilità akbar, ħlief fl-ewwel sena tal-finanzjament u ħlief għal programmi ta’ bejn il-fruntieri, u li kull deroga oħra mir-regola tar-rilaxx awtoamtiku għandha tirrifletti biss adattament għall-oneri amministrattivi imposti mid-dispożizzjonijiet il-ġodda marbutin mal-ipprogrammar strateġiku, l-orjentazzjoni msejsa fuq ir-riżultati u l-kondizzjonalità ex ante; jappoġġa l-applikazzjoni tar-regola n+3 fil-każ ta’ programmi transkonfinali, sabiex jiġu kkunsidrati l-proċessi amministrattivi li jimxu aktar bil-mod minħabba l-isfidi lingwistiċi u kulturali li jiffaċċjaw; iqis li dan jiggarantixxi bilanċ xieraq bejn investimenti ta’ kwalità għolja u l-implimentazzjoni bla tfixkil u rapida tal-programmi; |
Politiki tal-viċinat u t-tkabbir
102. |
Jenfasizza l-importanza fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) għall-koperazzjoni transkonfinali ma’ stati barra l-Unjoni Ewropea; jieħu nota tal-problemi kurrenti bl-implimentazzjoni tal-programm; huwa konvint li fl-aħħar mill-aħħar se jkun neċessarju li l-programmi ta’ koperazzjoni bejn il-fruntieri tal-ENPI jkunu inkorporati mill-ġdid fil-politika ta’ koeżjoni; iqis li proprju l-konnessjoni infrastrutturali (trasport, enerġija u ambjent) tal-pajjiżi ġirien ikollha effetti pożittivi anki fuq ir-reġjuni mal-fruntiera Ewropea; jitlob li r-riżorsi tal-ENPI jkunu kkonċentrati aktar fuq ħtiġijiet strateġiċi tal-provvista tal-enerġija u tal-infrastrutturi tat-trasport; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-makroreġjuni f'dan il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-fattibilità tal-ħolqien ta’ sinerġiji aħjar bejn l-inizjattivi tal-FEŻR, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jitlob li l-Kummissjoni, barra minn dan kollu, tivvaluta jekk l-istrutturi li ġa qed jintużaw fl-isfera tal-politika reġjonali jistgħu wkoll jiġu applikati għall-amministrazzjoni tal-ENPI; |
103. |
Barra minn dan, jenfasizza r-rilevanza għall-koeżjoni tal-proċess tat-tkabbir tal-UE bis-saħħa tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), li fost l-oħrajn jgħin lill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni biex iħejju strutturi ta’ koeżjoni mil-lat tal-kontenut u minn dak organizzattiv; jiġbed l-attenzjoni lejn il-problemi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri; ifakkar fl-iskop oriġinali tal-istrument IPA, speċjalment dawk immirati lejn il-finanzjament tal-bini ta’ kapaċitajiet u l-bini ta’ istituzzjonijiet u l-appoġġ tat-tħejjijiet tal-pajjiż għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, sabiex jippreparaw il-pajjiżi kandidati għal implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Komunità fil-mument ta’ adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-problemi fil-funzjonament attwali tal-istrument IPA; |
104. |
Jitlob għal darba oħra li l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jkun involut, b'mod li jingħata responsabilità, fl-iżvilupp futur ta’ dawn l-istrumenti; |
*
* *
105. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Presidenti tar-Reġjuni u l-Länder tal-UE. |
(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.
(2) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.
(3) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.
(4) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(5) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.
(6) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.
(7) ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1
(8) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 275.
(9) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 65.
(10) ĠU C 161 E. 31.5.2011, p. 120.
(11) Testi adottati, P7_TA(2010)0341.
(12) Testi adottati, P7_TA(2010)0356.
(13) Testi adottati, P7_TA(2010)0357.
(14) Testi adottati, P7_TA(2011)0286.
(15) ĠU C 166, 7.6.2011, p. 35.