Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0307

Suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (2010/2109(INI))

ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/9


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
Suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust

P7_TA(2011)0307

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (2010/2109(INI))

2013/C 33 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumissjoni tal-5 ta’ Lulju 2010 intitolat “Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020” (COM(2010)0355), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi fis-Suq Intern (SEC(2010)0807),

wara li kkunsidra r-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ monitoraġġ tas-suq tal-konsumaturi (li sar mill-5 ta’ Lulju sal-10 ta’ Settembru 2010),

wara li kkunsidra r-Roundtable dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u ġust għall-kumpanniji u għall-konsumaturi mwaqqaf mill-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fil-25 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar l-“Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ‧Flimkien għal tkabbir ġdid‧ ”(COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 intitolata ”Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna: 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Monti tad-9 ta’ Mejju 2010 intitolat “Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010 dwar “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0543),

wara li kkunsidra r-raba' edizzjoni tat-“Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – biex il-Konsumaturi jkollhom iktar għażla” (edizzjoni tal-ħarifa– Ottubru 2010), u l-ħames edizzjoni tat-“Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur – Konsumaturi f'posthom fis-suq uniku” (edizzjoni tar-rebbiegħa – Marzu 2011),

wara li kkunsidra l-21 edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern ippubblikata fit-23 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (COM(2009)0591),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 intitolata “ ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ ” għall-Ewropa (COM(2008)0394),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (5),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet konsumatur (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-governanza u s-sħubija fis-suq uniku (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar suq uniku għall-impriżi u t-tkabbir (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar suq uniku għall-Ewropej (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (11),

wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (16),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji tal-abbuż ta’ poter min-negozji kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (17),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0217/2011),

A.

billi x-xejra lejn il-protezzjoniżmu fl-Ewropa hi allarmanti,

B.

billi l-ekonomija reali jeħtieġ li terġa' titqiegħed fiċ-ċentru tal-aġenda politika biex tillibera l-potenzjal kollu tas-Suq Uniku,

C.

billi s-suq tal-konsumaturi hu komponent kruċjali tal-impenn tagħna li nerġgħu nvaraw is-Suq Uniku,

D.

billi s-suq tal-konsumaturi, billi hu wieħed minn dawk li l-aktar jużaw l-enerġija u jipproduċu l-iskart, jista' jagħmel kontribut fundamentali lis-sostenibbiltà, inklużi l-miri tal-enerġija UE 20-20-20,

E.

billi l-potenzjal kummerċjali għall-kummerċ transkonfinali onlajn mhux qiegħed jirnexxilu jinħareġ biżżejjed minħabba diversi ostakoli, bħal, ngħidu aħna, l-ostakli tal-lingwi, in-nuqqas ta’ sigurtà fis-sistema, informazzjoni inadegwata u insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ koordinament u kooperazzjoni fil-kamp amministrattiv, li minħabba fihom il-konsumaturi qegħdin joqogħdu lura milli jixtru onlajn minn bejjiegħa fi Stati Membri oħra u l-bejjiegħa qegħdin joqogħdu lura milli jbigħu onlajn lil hinn barra pajjiżhom,

Viżjoni għal aktar kompetittività, tkabbir u impjiegi

1.

Jisħaq li s-settur tal-konsumaturi hu forza motriċi għal tkabbir, kompetittività u impjiegi fl-Ewropa u għandu rwol importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE2020;

2.

Jissottolinja li l-bejjiegħa qed joffru modi diversi u moderni kif jixtru u jbigħu l-prodotti u s-servizzi u jikkontribwixxu għall-għażla usa’ tal-konsumatur u opportunitajiet ta’ impjieg flessibbli u diċenti, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

3.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu l-ogħla prominenza politika lis-settur tal-bejgħ lill-konsumaturi bħala pilastru tal-Att dwar is-Suq Uniku u mezz li jġedded il-fiduċja tal-pubbliku fis-suq uniku;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tinforza koordinazzjoni ta’ politika trażversali u tieħu approċċ olistiku u fit-tul lejn is-settur tal-bejgħ lill-konsumaturi;

5.

Jiddispjaċih li ostakli serji għadhom ixekklu s-settur tal-bejgħ lill-konsumaturi milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu onlajn u offlajn; jisħaq il-bżonn li jindirizzahom mingħajr dewmien;

6.

Jissottolinja li l-bejjiegħa u l-fornituri għandhom responsabbilità konġunta biex jintlaħaq suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti, trasparenti u ġust.

7.

Jikkunsidra li l-mira prinċipali trid tkun fuq l-infurzar effettiv tal-prinċipji tat-Trattati, ir-regolamenti u l-istrumenti eżistenti tas-suq intern, u awtoregolazzjoni, qabel jikkunsidra approċċ regolatorju, jekk dan ikun f’loku;

Tneħħija ta’ ostakli għall-moviment ħieles ta’ prodotti u servizzi

8.

Huwa mħasseb li regoli nazzjonali restrittivi, interpretazzjonijiet diverġenti u infurzar inadegwat jfixklu l-moviment ħieles ta’ prodotti u servizzi fl-UE; jisħaq li r-rekwiżiti għal testijiet u reġistrazzjonijiet addizzjonali, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċertifikati u standards, restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista u miżuri simili joħolqu spejjeż żejda għall-konsumaturi u bejjiegħa, b'mod partikolari lill-SMEs, u b'hekk jillimitaw l-utilità potenzjali tas-suq uniku għaċ-ċittadini Ewropej u għad-dinja tan-negozju;

9.

Jirrikonoxxi l-bżonn li l-Kummissjoni tanalizza ulterjurment ir-raġunijiet tad-differenza fil-prezzijiet fl-UE, abbażi ta’ għodod adekwati tal-istatistika, sabiex tiżgura iktar trasparenza u l-komparabbiltà fil-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju lejn ir-regoli Ewropej u nazzjonali fiskali u tas-suq tal-ħaddiema, u b’hekk tippromwovi għażliet aktar informati u aktar fiduċja fil-kummerċ transkonfinali; ifakkar fil-bżonn ta’ kooperazzjoni attiva bejn l-aġenziji nazzjonali tal-istatistika għal dan il-għan;

10.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ u korrett ir-regoli u l-leġiżlazzjoni tas-suq intern, partikolarment il-Pakkett dwar l-Oġġetti, id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, id-Direttiva tal-Kummerċ elettroniku u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali; jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jeliminaw id-dupplikazzjoni u jnaqqsu l-piżijiet alternattivi u l-ostakli regolatorji li jistgħu jillimitaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-Istati Membri iktar mill-qrib sabiex tnaqqas id-defiċit ta’ traspożizzjoni u tiżgura rikonoxximent reċiproku effettiv ta’ prodotti u servizzi; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura wkoll is-simplifikazzjoni ta’ regoli eżistenti;

12.

Jinnota d-diffiklutajiet li jaffaċċjaw il-bejjiegħa bl-imnut indipendenti tal-Ewropa, u jqis li l-leġiżlazzjoni tas-suq tal-konsumaturi għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza b'mod aktar komprensiv, partikolarment rigward il-bżonn li jkun eżaminat u mifhum adegwatament l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq in-negozji ż-żgħar;

13.

Jinkoraġġixxi federazzjonijiet kummerċjali u assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, megħjuna mill-Kummissjoni, biex jipprovdu iktar informazzjoni, taħriġ u pariri legali lill-partijiet interessati dwar id-drittijiet tagħhom u l-istrumenti li jsolvu l-problemi għad-dispożizzjoni tagħhom, bħas-SOLVIT, u jappoġġaw l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom;

14.

Jisħaq li sistema ta’ ħlasijiet frammentata hija ostaklu għall-kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb is-SEPA sabiex tiżviluppa mezz bażiku tal-ħlas disponibbli għall-kards kollha, trawwem il-kompetizzjoni bejn il-mezzi tal-ħlas billi tneħħi l-ostakli, iżżid it-trasparenza fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tneħħi t-tariffi tal-interkambju mhux ġustifikati; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiżgura trasferimenti bankarja aktar rapidi fi ħdan l-UE; jinnota, barra minn hekk, li s-SEPA tista' titqies bħala strument utli li jista' jintuża biex jiġġieled l-ekonomija informali;

Il-ftuħ tal-aċċess għas-suq lil kumpaniji u konsumaturi

15.

Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib espress minn partijiet mis-soċjetà ċivili u l-SMEs dwar iż-żieda fl-għadd ta’ ċentri kummerċjali u t-tnaqqis f’dak tal-ħwienet u s-swieq lokali f'żoni remoti u fiċ-ċentri tal-bliet;

16.

Jenfasizza li l-ippjanar kummerċjali għandu jipprovdi qafas strutturali għall-kumpanniji biex jikkompetu, isaħħu l-libertà tal-għażla tal-konsumaturi u jippermettu l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, speċjalment f’reġjuni inqas aċċessibbli u bi ftit nies jew meta titnaqqas il-mobilità tal-konsumaturi; Jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rwol soċjali, kulturali u ambjentali tal-ħwienet u s-swieq lokali biex jerġgħu jaħju ż-żoni rurali u urbani; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Istati Membri jinkuraġġixxu komunitajiet lokali sostenibbli billi jrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-SMEs;

17.

Jenfasizza li l-SMEs jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u għandhom rwol uniku x'jaqdu fil-ħolqien tal-impjiegi, partikularment fiż-żoni rurali, kif ukoll fit-trawwim tal-innovazzjoni u tal-żvilupp fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fil-komunitajiet lokali madwar l-UE;

18.

Jikkunsidra li l-aċċessibilità trid tiġi indirizzata fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà;

19.

Jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma responsabbli għall-politiki dwar fejn għandhom jiġu lokalizzati l-ħwienet tagħhom u li s-sostenibilità, il-mobilità, l-ippjanar reġjonali u l-konsolidazzjoni tal-qalba huma fatturi ewlenin li għandhom jitqiesu fid-deċiżjoni dwar l-ammissibilità ta’ siti ġodda għall-ħwienet;

20.

Huwa tal-fehma li l-inċentivi għat-tiġdid tal-patrimonju tal-bini urban, anki bl-użu tal-Fondi Strutturali, ikunu jistgħu jippermettu tnaqqis fil-kera (sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat) u jkunu jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn tan-negozji, partikolarment dawk lokali, li huma strumentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tfassal stħarriġ fuq l-impatt u l-konsegwenzi possibbli tal-ħolqien ta’ hypermarkets jew ċentri kummerċjali rigward is-suq tal-impjiegi, l-SMEs u l-konsumaturi;

22.

Jinnota t-tħassib li għandhom il-bejjiegħa tat-toroq li m'għandhomx post fiss u li jaħdmu f'żoni pubbliċi rigward il-possibbiltà li d-Direttiva 2006/123/KE tiġi infurzata fl-Istati Membri, fejn testendi l-kunċett ta’ ‧riżorsi naturali‧ anki għall-art pubblika, u li r-riżultat tagħha jkun li l-konċessjonijiet kummerċjali f'żoni pubbliċi jingħataw għal żmien limitat; din ikollha effetti negattivi għall-impjiegi, għal-libertà tal-għażla tal-konsumaturi u għall-eżistenza proprja tas-swieq tradizzjonali lokali tat-triq;

23.

Jenfasizza li l-kummerċ elettroniku jikkumplimenta b'mod importanti n-negozju offlajn u azzjoni xierqa trid tittieħed biex tiżviluppa l-potenzjal kollu tiegħu inkluż it-titjib tal-aċċess għall-Internet fiż-żoni l-aktar remoti tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku li ġejja miżuri li jsaħħu l-kunfidenza, b'mod partikolari billi tissimplifika r-reġistrazzjoni ta’ dominji transkonfinali, ittejjeb il-ħlas sikur onlajn, l-iffaċilitar tal-irkupru transkonfinali tad-djun, u ttejjeb l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar drittijiethom, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu mal-kanċellazzjonijiet u mal-opportunitajiet għall-appell;

24.

Jiddispjaċih dwar l-għadd sinifikanti ta’ ostakli għal-libertà ta’ stabbiliment tan-negozjanti bl-imnut fl-UE; hu mħasseb, b'mod partikolari, minħabba ċerti liġijiet nazzjonali dwar il-kummerċ u t-taxxa, li għandhom effett diskriminatorju de facto kontra bejjiegħa barranin;

25.

Jitlob lill-Kummissjoni taġixxi b'aktar saħħa kontra kwalunkwe Stat Membru li jikser il-prinċipji interni tas-suq, tħaffef il-proċeduri ta’ ksur permezz ta’ ‧approċċ rapidu‧ u tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar każi riżolti fil-qasam tal-bejgħ lill-konsumaturi;

Indirizzar ta’ prattiki kuntrattwali u kummerċjali f'relazzjonijiet bejn in-negozji

26.

Jafferma mill-ġdid li l-kompetizzjoni ħielsa u ġusta, il-libertà kuntrattwali u l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni relevanti huma fundamentali għal suq tal-konsumaturi li jaħdem tajjeb;

27.

Jirrikonoxxi li l-kumpaniji għandhom saħħa differenti fis-suq, li jeħtiġilhom jaġixxu b'mod ekonomikament xieraq u li l-UE għandha bżonn kampjuni ekonomiċi biex tikkompeti globalment;

28.

Jenfasizza, madankollu, li hemm tħassib mifrux dwar dominazzjoni tas-suq minn parteċipanti ikbar, spiss ikkunsidrati li jimponu termini inġusti fuq fornituri, bejjiegħa bl-imnut u negozjanti aktar dgħajfa, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi mhux ġustifikati ta’ distribuzzjoni selettiva, prattiki ristrettivi, segmentazzjoni ġeografika, kontroll tal-prezzijiet u tneħħija mil-listi bla preavviż, u prattiki oħra ristrettivi li għaldaqstant ixattru l-kompetizzjoni; jissottolinja li l-katina kollha tal-provvista għall-bejgħ bl-imnut tiġi affettwata min tali prattiki; jikkundanna l-prattiki li jabbużaw mill-iżbilanċ fil-poter bejn l-aġenti ekonomiċi u jaffettwaw il-libertà kuntrattwali ta’ vera; jenfasizza li t-tkattir tal-għarfien tal-aġenti kollha dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom, speċjalment l-SMEs, jikkontribwixxi biex jipprevjeni dawn il-prattiki;

29.

Jirrikonoxxi li l-franchising huwa formula tajba biex il-bejjiegħa bl-imnut indipendenti jissopravvivu f'ambjent b'kompetizzjoni għolja; jinnota bi tħassib li l-kuntratti biex bejjiegħa bl-imnut ikunu parti minn franchise qed isiru aktar u aktar rigorużi;

30.

Jenfasizza li l-marki privati għandhom jiġu żviluppati b’tali mod li jipprovdu għażla mtejba tal-konsumatur, partikolarment f’dak li għandhom x’jaqsmu t-trasparenza, il-kwalità tal-informazzjoni u d-diversità, u biex jipprovdu opportunitajiet tajbin lill-SMEs biex jiġġeddu u jespandu;

31.

Jikkunsidra li ‧kkupjar parassitiku‧, li fost l-oħrajn jista' jirriżulta mir-rwol doppju tal-bejjiegħ bl-imnut bħala fl-istess waqt konsumatur u kompetitur ma’ ditti tal-manufattura, hu prattika inaċċettabbli li għandha tiġi indirizzata mingħajr dewmien; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tagħmel analiżi bil-għan li tiċċara iktar l-oqfsa u l-prattiki legali rigward is-sigirieti kummerċjali u l-‧ikkupjar parassitiku‧ fi ħdan is-27 Stat Membru tal-UE;

32.

Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ relazzjonijiet ibbilanċjati u trasparenza fil-katina tal-forniment tal-bejgħ lill-konsumaturi; jisħaq fuq il-bżonn li ngħaddu mill-konfrontazzjoni għad-djalogu bbażat fuq il-fatti, sabiex tiġi restawrata l-kunfidenza u jiġi permess negozjar aktar ġust u bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, bir-riżultat li l-parteċipanti ekonomiċi kollha fi ħdan il-katini tal-provvista jibbenefikaw mill-valur miżjud tal-prodotti tagħhom u jaħsdu l-benefiċċji totali mis-Suq Uniku;

33.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw u jinfurzaw b'mod koerenti l-liġi dwar il-kompetizzjoni u, fejn hu applikabbli fil-livell nazzjonali, il-liġijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta u kontra l-monopolju;

34.

Jenfasizza li, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli tal-kompetizzjoni u biex ma jitħalliex l-abbuż ta’ xi ħadd li għandu pożizzjoni dominanti, huwa l-ewwel nett meħtieġ li jissaħħu l-awtoritajiet li jgħassu l-kompetizzjoni lokali u li jiġu żgurati wkoll linji ta’ komunikazzjoni kontinwi u bla interruzzjonijiet u ta’ kooperazzjoni bejniethom u d-Direttorat Ġeneral tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni;

35.

Isostni x-xogħol tajjeb tal-Pjattaforma tal-Esperti dwar il-prattiki kuntrattwali B2B tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina ta’ Provvista tal-Ikel, b'mod partikolari biex jiddefinixxu, jelenkaw u jivvalutaw x'jikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta, ibbażata fuq dejta u eżempji konkreti; jitlob appoġġ qawwi ta’ inizjattivi għad-djalogu bejn il-partjiet fuq din il-kwistjoni; huwa mħasseb li l-Parlament Ewropew mhuwiex involut formalment fix-xogħol tal-Pjattaforma u fil-Forum ta’ Livell Għoli; iqis li l-Parlament għandu jindirizza urġentement din il-kwistjoni u għandu jipparteċipa attivament fix-xogħol tal-Forum;

36.

Jappoġġa l-bżonn espress minn xi partijiet interessati biex jittieħed approċċ usa' u orizzontali, li jestendi l-iskop lil hinn mill-industrija agroalimentari. jitlob lill-Kummissjoni u l-federazzjonijiet industrijali, bi tkomplija fuq ix-xogħol li qed jitwettaq fil-Pjattaforma tal-Esperti, biex jesploraw il-possibilitajiet li jinħoloq forum miftuħ ġdid li jiffoka fuq il-bejgħ lill-konsumaturi fl-intier tiegħu;

37.

Jappoġġa bil-qawwa, fl-istess ħin, ix-xogħol intensiv li qed jitwettaq mill-federazzjonijiet tal-bejjiegħa u tal-fornituri biex jistabbilixxu djalogu informali u mekkaniżmi għall-konsultazzjoni regolari fir-rigward tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. jilqa' l-inizjattiva volontarja li jaqblu fuq dikjarazzjoni dwar prinċipji komuni għal prattiki tajbin ta’ negozjar fil-katina tal-forniment għall-bejgħ lill-konsumaturi;

38.

Jilqa' wkoll l-istrument Ewropew tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel (European Food Prices Monitoring tool) kif ukoll inizjattivi simili meħuda minn Stati Membri li jippermettu dħul finanzjarju ġust tul il-katina tal-provvista alimentari b'analiżi fuq l-ispejjeż, il-proċessi, il-valur miżjud, il-volumi, il-prezzijiet u l-marġini fit-taqsimiet kollha tal-katina tal-provvista alimentari;

39.

Jinnota bi tħassib li strumenti legali eżistenti mhux qed jintużaw kif suppost, speċjalment mill-SMEs biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, minħabba dipendenza ekonomika u tħassib dwar telf ta’ kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-federazzjonijiet tan-negozju biex jidentifikaw modi sabiex tiġi restawrata l-kunfidenza u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-sistemi ġuridiċi, inkluża l-possibilità ta’ lmenti anonimi u l-ħatra ta’ Ombudsman tal-UE f'dan il-qasam; huwa konvint, barra minn hekk, li huwa neċessarju wkoll li l-qafas kunċettwali jiġu żviluppat biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fir-rerlazzjonijiet kemm vertikali kif ukoll orizzontali bejn in-negozji, bir-riżultat li twitti t-triq għal ambjent bl-istess kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni għan-negozji kollha;

40.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika, sa tmiem l-2011, komunikazzjoni bil-liġijiet nazzjonali u għodod disponibbli biex jintużaw fil-prattika kummerċjali u relazzjonijiet kuntrattwali, u biex tivvaluta bir-reqqa jekk dawn ir-regoli humiex qed jiġu infurzati kif suppost u jekk jeħtieġx azzjoni ulterjuri;

41.

Jikkunsidra li għandhom jiġu esplorati mekkaniżmi alternattivi u informali tar-riżoluzzjoni tal-kontroversji u ta’ rimedju, u tiġi valutata l-effikaċja tagħhom, peress li jistgħu jkunu mezz ta’ riżoluzzjoni tal-kontroversji għall-bejjiegħa bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri dwar is-soluzzjoni alternattiva tal-kontroversji sa tmiem l-2011 sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni u operaturi fil-katina tal-forniment tal-bejgħ lill-konsumaturi biex jirrappurtaw lill-Parlament kull sena dwar il-progress li jsir fil-pjattaformi eżistenti u dwar mekkaniżmi ta’ djalogu informali; jissuġġerixxi li r-riżultati għandhom jiġu diskussi waqt Laqgħa ta’ Diskussjoni dwar is-Suq tal-Konsumaturi organizzata ta’ kull sena mill-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur;

Tisħiħ tal-effiċjenza u tal-konsum sostenibbli – prattiki innovattivi

43.

Jenfasizza r-responsabbiltà tas-settur tal-bejgħ bl-imnut rigward is-sostenibbiltà; jilqa' l-fatt li l-bejjiegħa u l-fornituri kienu minn ta’ quddiem rigward ir-r-responsabbilità ħadra, partikolarment rigward l-iskart, l-użu tal-enerġija, it-trasport u t-tnaqqis tad-CO2; jappoġġa l-impenji li diġà ħadu favur konsum sostenibbli, imma jqis li hemm bżonn aktar sforzi; iqis li r-responsabbiltà korporattiva għandha tagħti attenzjoni akbar lill-kwistjonijiet soċjali u ambjentali;

44.

Jenfasizza li l-bejjiegħa u l-fornituri jġibu 'l quddiem l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp; jenfasizza li s-settur sħiħ jeħtieġ ikompli jġib 'il quddiem l-livell ta’ investiment f'teknoloġiji u prattiki innovattivi biex itejbu aktar il-kompetittività matul il-katina tal-provvista, li jkunu jkopru l-loġisitika u t-trasport, l-effiċjenza enerġetika, l-imballaġġ, ir-rimi ta’ skart u r-riċiklaġġ tal-prodotti, u biex jiskambjaw bejniethom il-prattiki tajbin;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema komuni ta’ valutazzjoni u ttikkettar, kif indikat fir-riżoluzzjoni tagħha dwar suq uniku għall-impriżi u t-tkabbir, ibbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, partikolarment sabiex tissimplifika, tarmonizza u tegħleb l-ispiża tal-frammentazzjoni għan-negozju u l-konsumaturi;

46.

Jitlob lill-partijiet interessati biex jieħdu inizjattivi ulterjuri biex jiġġieldu l-ħela tal-ikel;

47.

Jilqa' l-ftehim konġunt tal-EuroCommerce u UNI-Europa, li juri li d-djalogu soċjali qed jaħdem tajjeb fil-kummerċ; jirrikonoxxi li hemm bżonn isir iktar biex tiżdied l-informazzjoni lill-konsumatur dwar ir-responsabbilità soċjali tal-bejjiegħa, biex l-investimenti f'teknoloġiji ġodda u l-kapital uman ikunu paralleli, partikolarment permezz tal-iżvilupp tal-kompetenza, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali;

48.

Ifakkar fl-importanza ta’ implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti; jiddispjaċih bl-eżistenza ta’ grad għoli ta’ impjiegi mhux dikjarati, li jinvolvu livell għoli ta’ evażjoni tat-taxxa u ma jippermettux ambjent bl-istess kundizzjonijiet bejn l-operaturi fis-suq intern;

49.

Jindika li t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ġlieda kontra l-ekonomija informali u ż-żamma tal-livelli tal-impjiegi u l-kompetittività billi l-bżonnijiet tal-bejjiegħa bl-imnut jitqabblu b'mod aħjar ma’ dawk tal-ħiliet tal-ħaddiema huma fost l-isfidi ewlenin f'dan is-settur; jenfasizza, għaldaqstant, il-bżonn ta’ investiment fil-bini tat-taħriġ u tal-kompetenza billi dan jgħin lis-settur jadatta malajr għat-teknoloġiji ġodda;

It-Triq 'il quddiem

50.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara, b'konsultazzjoni mas-settur tal-bejgħ bl-imnut, Pjan Ewropew ta’ Azzjoni komprensiv dwar il-Bejgħ bl-Imnut ħalli tfassal strateġija, tibni fuq il-kisbiet u tindirizza l-kwistjonijiet li fadal, b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għas-settur; jilqa' l-fatt li l-Parlament appoġġa din l-inizjattiva fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar suq uniku għall-impriżi u t-tkabbir;

51.

Jenfasizza li dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jinkludi l-inizjattivi diġà żviluppati mill-Kummissjoni, bħall-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina ta’ Provvista Alimentari, inizjattivi dwar is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, u proposti relevanti tal-Att tas-Suq Uniku;

52.

Jipproponi li s-segwitu tal-azzjonijiet rakkomandati fil-Pjan ta’ Azzjoni, inkluż il-progress li sar fid-djalogu fost il-partijiet interessati, ikun ippreżentat u diskuss fl-ewwel Laqgħa ta’ Diskussjoni tas-Suq tal-Konsumaturi;

53.

Jistenna li l-ottimizzazzjoni ulterjuri tal-proċessi tax-xiri u tal-bejgħ tul il-katina tal-provvista tal-bejgħ bl-imnut, mir-riċerka tas-suq u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott sar-relazzjonijiet mal-fornituri, il-loġistika u l-ġestjoni tal-ħażniet, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ oġġetti difettużi, ilmenti minn konsumaturi u ħarsien tal-konsumatur, se ttejjeb il-kompetittività fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, tbaxxi l-prezzijiet għall-konsumaturi u ttejjeb il-kwalità tas-servizz;

54.

Jinkuraġġixxi bejjiegħa u fornituri biex jieħdu sehem b'mod attiv fi djalogu miftuħ, kostruttiv u kontinwu ħalli jintlaħqu soluzzjonijiet pragmatiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet tal-UE biex isostnu dan il-proċess b'mod attiv;

*

* *

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21.

(3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(4)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(5)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0293.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0144.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0146.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2011)0145.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2010)0384.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2010)0320.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2010)0302.

(13)  ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 84.

(14)  ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 1.

(15)  ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 25.

(16)  ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 10.

(17)  ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 23.


Top