Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0245

    In-Nepal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar in-Nepal

    ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 145–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 236/145


    Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
    In-Nepal

    P7_TA(2010)0245

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar in-Nepal

    2011/C 236 E/26

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu tas-Saħħa u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2010 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar is-sitwazzjoni politika fin-Nepal,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-30 ta’ April 2010 dwar is-sitwazzjoni politika fin-Nepal,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fil-21 ta’ Novembru 2006, Ftehim ta’ Paċi Komprensiv (CPA) bejn l-Alleanza tas-Seba' Partiti u l-Maoisti (UCPN), li kienu jikkontrollaw partijiet kbar tal-pajjiż, temm kunflitt armat li dam sejjer 10 snin u li ħalla 13 000 persuna mejta,

    B.

    billi dan il-ftehim storiku wera x'jista' jinkiseb meta l-forzi politiċi jinnegozjaw b'bona fidi, filwaqt li witta t-triq għall-elezzjonijiet għal Assemblea Kostitwenti (CA), il-ħolqien ta’ gvern interim li jinkludi l-Maoisti, id-diżarm tal-ġellieda Maoisti u l-akkomodazzjoni tagħhom f'kampijiet, kif ukoll l-iżolament tal-armata Nepaliża fil-każermi,

    C.

    billi ħafna mill-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ paċi tal-2006 konklużi wara l-kunflitt armat ta’ għaxar snin bejn il-Maoisti u l-gvern għadhom ma ġewx issodisfati,

    D.

    billi wara l-elezzjonijiet għall-Assemblea Kostitwenti fl-10 ta’ April 2008, li skont il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE ssodisfaw ħafna mill-istandards internazzjonali, jekk mhux kollha kemm huma, u li fihom il-UCPN (M) ġab viċin l-40 % tal-voti, l-Assemblea Kostitwenti ddeċidiet li titneħħa il-monarkija ta’ 240 sena u li tittrasforma lin-Nepal f'Repubblika Demokratika Federali,

    E.

    billi n-Nepal sar inqas paċifiku fis-snin riċenti, speċjalment fl-2009 u fl-2010, skont l-indiċi Globali tal-Paċi (GPI),

    F.

    billi f'Mejju 2009 l-Prim Ministru Pushpa Kamal Dahal (Prachanda) irriżenja u l-partit tiegħu, il-UCPN (M), irtira mill-gvern minħabba tilwima mal-President (Kungress Nepaliż) rigward it-tkeċċija tal-kap tal-armata, li kien f'kunflitt mal-Maoisti rigward l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ dawk li qabel kienu ġellieda fl-Armata Popolari ta’ Liberazzjoni (PLA) fl-armata Nepaliża,

    G.

    billi fl-instabilità politika li rriżultat, li żdiedet bil-kampanji Maoisti ta’ tfixkil ċivili u parlamentari, alleanza fraġli ta’ 22 partit anti-Maoista taħt il-Prim Ministru Madhav Kumar Nepal (CPN-UML) ma rnexxilhiex tissodisfa żewġ aspettattivi ewlenin: kostituzzjoni ġdida aċċettata b'mod ġenerali għar-repubblika federali qabel l-iskadenza ta’ sentejn tat-28 ta’ Mejju 2010 u ftehim dwar l-integrazzjoni mill-ġdid/ir-riabilitazzjoni tal-madwar 20 000 ġellied li qabel kienu fil-PLA,

    H.

    billi t-taħdidiet formali bejn il-mexxejja tal-partiti tal-alleanza tal-partiti u tas-CPN-UML dwar il-formazzjoni ta’ gvern ġdid reġgħu bdew wara li fl-aħħar minuta ntlaħaq ftehim bi tliet punti, li jipprevedi l-estensjoni tal-Assemblea Kostitwenti b'sena, il-formazzjoni ta’ gvern ta’ konsensus nazzjonali u r-riżenja tal-Prim Ministru Madhav Kumar Nepal “malajr kemm jista' jkun”, flimkien ma’ “progress rigward il-ftehim ta’ paċi”,

    I.

    billi l-vidjo Shaktikhor, li deher li ssostanzja l-akkużi ta’ ingann dwar in-numri tal-ġellieda u l-pjanijiet sabiex id-“demokratizzazzjoni” tintuża biex l-armata tiġi ppolitiċizzata, iqajjem mistoqsijiet leġittimi li l-UCPN (M) għadu ma kkjarifikax,

    J.

    billi l-instabilità politika li għadha għaddejja qed ikollha impatt kruċjali fuq l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u turistiku tan-Nepal, li, peress li jinsab fin-nofs bejn l-Indja u ċ-Ċina, l-ekonomiji l-kbar li qed jikbru bl-aktar pass mgħaġġel fid-dinja, jeħtieġ stabilità politika biex japprofitta mill-pożizzjoni strateġika tiegħu,

    K.

    billi n-Nepal għadu qed ibati minn sottożvilupp ekonomiku u soċjali serju; billi “kważi 30 % tal-popolazzjoni taqa” taħt il-linja tal-faqar assolut, 16 % tal-popolazzjoni tbati minn malnutrizzjoni serja, ir-rata tal-illitteriżmu għadha waħda mill-ogħla fin-Nofsinhar tal-Ażja u l-iżvilupp huwa paralizzat b'nuqqasijiet fil-pajjiż kollu ta’ fjuwils bażiċi, li qed jikkawżaw qtugħ fil-provvista tad-dawl, restrizzjonijiet fit-trasport u żidiet fil-prezzijiet tal-ikel,

    L.

    billi s-sitwazzjoni ta’ ħafna refuġjati fin-Nepal, b'mod partikolari t-Tibetjani, hija kawża ta’ tħassib,

    M.

    billi l-awtoritajiet Nepaliżi għandhom jiġu mfaħħra talli onoraw il-Ftehim Informali (Gentlemen's Agreement) dwar ir-refuġjati Tibetjani,

    N.

    billi l-ebda membru tal-forzi tas-sigurtà tal-istat jew tal-ġellieda Maoisti preċedenti s'issa ma nżamm responsabbli skont il-liġi kriminali għall-abbużi serji u sistematiċi tal-liġijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt,

    O.

    billi d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet man-Nofsinhar tal-Ażja wettaq missjoni f'Kathmandu fil-perjodu kruċjali ta’ bejn it-23 u d-29 ta’ Mejju 2010,

    1.

    Jesprimi tħassib serju dwar in-noneżistenza ta’ kostituzzjoni permanenti bbażata fuq il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Nepaliż u mal-familji kollha li tilfu qraba fil-vjolenza ta’ dawn l-aħħar snin;

    2.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-aħħar minuta fit-28 ta’ Mejju 2010 mill-partiti politiċi li jieħdu l-passi neċessarji biex jestendu l-mandat tal-Assemblea Kostitwenti, u jfaħħar b'mod partikolari l-influwenza importanti tal-Kumitat tan-Nisa;

    3.

    Iħeġġeġ lill-Assemblea Kostitwenti u lill-parteċipanti politiċi kollha involuti, biex jinnegozjaw mingħajr prekundizzjonijiet, biex juru flessibilità, biex jevitaw kwalunkwe azzjonijiet provokattivi u biex jaħdmu flimkien għall-unità nazzjonali tagħhom biex isibu struttura ċara għall-kostituzzjoni l-ġdida, biex jistabbilixxu demokrazija federali li taħdem u biex jirrispettaw l-iskadenza l-ġdida li ġiet estiża b'sena fit-28 ta’ Mejju 2010;

    4.

    Jistieden lill-partiti kollha biex jiffaċilitaw u jippromwovu l-ħidma tal-Kumitati Kostituzzjonali rigward il-pjan direzzjonali futur wara l-estensjoni tal-mandat tal-Assemblea Kostitwenti;

    5.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni ċara u pubblika tal-punti kollha miftiehma u għalhekk jilqa' l-white paper imwiegħda biex tispjega lill-popolazzjoni l-progress li nkiseb s'issa fl-abbozzar tal-kostituzzjoni tar-repubblika federali; ifaħħar lit-tliet kumitati tematiċi minn ħdax li lestew ħidmiethom;

    6.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kungress Nepaliż (NC) tal-31 ta’ Mejju 2010 li jimpenja ruħu favur gvern ta’ unità nazzjonali miftuħ għall-partiti kollha, inkluż il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, il-UCPN (M);

    7.

    Jistieden lill-UCPN (M) biex jinvolvi ruħu fi ppjanar kostruttiv u biex isib mod kif jintegra l-ġellieda Maoisti preċedenti fis-soċjetà, inklużi l-gruppi li qed joqogħdu fil-kampijiet immoniterjati mill-UNMIN;

    8.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-isforzi kollha tal-Gvern Nepaliż u tal-partiti biex tinstab soluzzjoni għall-integrazzjoni ta’ dawk li qabel kienu ġellieda Maoisti fl-Armata Nazzjonali jew f'forzi oħra tas-sigurtà u soluzzjonijiet vijabbli oħrajn għal dawk li ma jistgħux jiġu integrati f'dawn l-organizzazzjonijiet;

    9.

    Jistieden lill-partiti politiċi kollha, u b'mod partikolari lis-CPN-M, biex irażżnu lill-fazzjonijiet militanti taż-żgħażagħ tagħhom u biex jieqfu jirreklutaw tfal; jistieden lis-UCPN-M biex jiżgura aċċess mingħajr tfixkil għall-pakketti ta’ riabilitazzjoni għal tfal li ġew rilaxxati riċentament mill-kampijiet tagħhom;

    10.

    Jistieden direttament lin-NU, idealment f'kooperazzjoni mal-gvern, biex tistabbilixxi proċeduri biex jiġu mistħarrġa membri potenzjali tal-forzi tas-sigurtà biex jiġu esklużi dawk li b'mod ċar huma ħatja ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn kwalunkwe pożizzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU; ifakkar lill-armata Nepaliża li, sfortunatament, il-professjonaliżmu u r-reputazzjoni magħrufa tagħha diġà qed jiġu kkontestati u se jibqgħu sakemm il-kwistjonijiet ta’ impunità li ilhom jeżistu u li huma dokumentati sew fost is-suldati tagħha jibqgħu ma jiġux indirizzati mill-ġudikatura;

    11.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta’ reklutaġġi ġodda fl-armata nazzjonali; ifakkar li l-Qorti Suprema qisithom kompatibbli mas-CPA sakemm jinvolvu biss persunal tekniku; jinnota madankollu li dan l-isforz ta’ reklutaġġ jista' jġib għall-agħar id-diffikultajiet li hemm fil-proċess tat-tranżizzjoni;

    12.

    Għadu konvint b'mod qawwi li, sentejn wara t-tneħħija tal-monarkija, l-armata għandha titqiegħed taħt sorveljanza demokratika sħiħa, inklużi l-aspetti baġitarji; jafferma s-solidarjetà tiegħu mal-Assemblea Kostitwenti fi kwalunkwe passi f'dan ir-rigward;

    13.

    Itenni lill-Istati Membri tal-UE li l-esportazzjoni ta’ armi letali lin-Nepal għadha pprojbita skont is-CPA u jistedinhom biex jagħtu appoġġ finanzjarju u tekniku għal soluzzjonijiet kreattivi għar-ristrutturar tal-armata Nepaliża;

    14.

    Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-rwol kruċjali li għandha l-UNMIN, u jemmen li l-mandat tagħha għandu jiġi estiż mill-inqas sakemm il-proċess ta’ paċi jkun daħal f'fażi konsolidata;

    15.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti tal-inċidenza li kulma jmur qed tiżdied ta’ tortura u aggressjoni vjolenti; ifaħħar f'dan il-kuntest il-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nepal;

    16.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Gvern Nepaliż estenda l-mandat tal-UNOHCR b'sena b'mandat rivedut biss, b'mod li l-operazzjonijiet reġjonali tal-korp se jitwaqqfu b'mod gradwali, xi ħaġa li tmur kontra t-tamiet li l-funzjoni ta’ monitoraġġ tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem tista' tiġi intensifikata;

    17.

    Jitlob li jitwaqqfu l-Kummissjoni dwar l-Għibien, il-Kummissjoni dwar il-Verità u r-Rikonċiljazzjoni u l-Kummissjoni dwar il-Paċi Nazzjonali u r-Riabilitazzjoni kif speċifikat fis-CPA;

    18.

    Jiddeplora b'mod qawwi l-fatt li, s'issa, ma kienx hemm prosekuzzjoni waħda fil-qrati ċivili għal kwalunkwe wieħed mid-delitti mwettqa matul il-kunflitt miż-żewġ naħat;

    19.

    Iħeġġeġ lill-partiti u lill-gvern biex itemmu l-interferenza politika fil-proċedimenti kriminali, joħolqu ġudikatura li tkun politikament indipendenti fil-proċess kostituzzjonali u, b'rabta mal-istess ħaġa, jippjanaw ir-ratifika tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    20.

    Jifraħ dwar it-tħabbira fl-2009 min-Nepal li kien se jappoġġa l-abbozz tal-prinċipji u tal-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bejn il-kasti iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prattika kontinwa tax-xogħol f'servitu, b'mod partikolari f'Kamaiya, Haruwa u Charuwa, kif ukoll is-sitwazzjoni inkwetanti tal-miljuni ta’ persuni li m'għandhomx art, li hemm periklu li tiddeterjora aktar minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, u jistieden lill-gvern u lill-partiti biex jinkoraġġixxu l-funzjonament tal-Kummissjoni dwar ir-Riforma tal-Art;

    21.

    Jistieden lill-Gvern Nepaliż biex jindirizza l-problema tat-800 000 Nepaliż apolidi billi jissimplifika l-proċeduri burokratiċi u jnaqqas l-ispiża biex wieħed japplika għal ċertifikati ta’ ċittadinanza; iqis li hu vitali li dawn jitqiesu wkoll matul in-negozjati tal-proċess ta’ paċi;

    22.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Nepaliż biex jiżgura standards ta’ protezzjoni għar-refuġjati kollha u jkompli bl-isforzi biex jipprevjeni u jnaqqas l-apolidità, b'mod partikolari dik tal-poplu Butaniż, f'konformità mal-istandards internazzjonali, biex jiffirma l-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951 jew il-Protokoll tagħha tal-1967 u biex isegwi l-istandards stabbiliti mill-UNHCR;

    23.

    Iqis li l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Informali dwar ir-refuġjati Tibetjani mill-awtoritajiet Nepaliżi hija essenzjali biex jinżamm il-kuntatt bejn il-UNHCR u l-komunitajiet Tibetjani; jilqa' f'dan ir-rigward il-possibilitajiet li jingħata aċċess għat-territorju fil-qafas tal-Ftehim Informali mal-UNHCR u li jiġu previsti soluzzjonijiet aktar dejjiema;

    24.

    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, permezz tad-delegazzjoni tagħha f'Kathmandu, biex timmoniterja mill-qrib is-sitwazzjoni politika fin-Nepal u biex tuża l-influwenza tagħha biex tappella lill-qawwiet ġirien fir-reġjun, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja, biex jappoġġaw in-negozjati biex jinħoloq gvern ta’ unità nazzjonali;

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern tan-Nepal, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Indja u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


    Top