Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0234

    Il-konklużjonijiet tas-Samit UE/Russja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Ġunju 2010 dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja (mill- 31 ta' Mejju sal- 1 ta' Ġunju 2010 )

    ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 101–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 236/101


    Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
    Il-konklużjonijiet tas-Samit UE/Russja

    P7_TA(2010)0234

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Ġunju 2010 dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja (mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju 2010)

    2011/C 236 E/15

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa (1), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

    wara li kkunsidra l-objettiv komuni tal-UE u tar-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar f'St Petersburg fil- 31 ta' Mejju 2003, li jinħoloq spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, ta’ sigurtà u ta' ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (l-“erba’ spazji komuni”),

    wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat- 12 ta’ Novembru 2009 (2), qabel is-samit ta’ Stokkolma bejn l-UE u r-Russja li sar fit- 18 ta’ Novembru 2009, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas- 17 ta’ Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija (4),

    wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet konġunti maħruġa waqt is-samit bejn l-UE u r-Russja li sar f’Rostov-na-Donu mill- 31 ta’ Mejju sal- 1 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-UE tibqa' kommessa favur l-approfondiment u l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif juri l-impenn tagħha li tagħmel sforzi serji biex tinnegozja ftehim ta' qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

    B.

    billi l-UE u r-Russja, li hi membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandhom responsabilità konġunta biex iżommu l-istabbiltà dinjija, u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza partikolari għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa,

    C.

    billi l-konklużjoni ta' ftehim ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' tal-akbar importanza għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ sħab,

    D.

    billi huwa importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u li dawk ir-relazzjonijiet jissejsu fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

    E.

    billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja huma evidenza tal-interdipendenza reċiproka dejjem akbar ta' bejniethom, li teħtieġ sforz u impenn konġunt biex it-tkabbir sostenibbli tagħha jkun żgurat,

    F.

    billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ir-Russja kkommettiet ruħha li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat ta’ dritt, u li tirrispetta s-sovranità tal-ġirien Ewropej tagħha, billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ħabbtu wiċċhom ma' għadd ta' sfidi serji f'dawn l-aħħar snin, partikolarment f'dak li jirrigwarda tħassib dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja,

    G.

    billi l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tagħti kontribut sostanzjali għat-titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja, dejjem jekk ikun hemm impenn vinkolanti rigward il-konformità sħiħa tar-Russja mal-impenji u l-obbligi tad-WTO, u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom min-naħa tagħha, u twitti t-triq għal ftehim ta' integrazzjoni ekonomika profonda u komprensiva bejn iż-żewġ partijiet abbażi ta' reċiproċità ġenwina; u billi fl- 1 ta’ Jannar 2010 r -Russja stabbiliet unjoni doganali mal-Kazakistan u mal-Bjelorussja,

    H.

    billi l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi (START) il-ġdid bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fit- 8 ta' April 2010 u t-tqarrib tal-pożizzjonijiet tagħhom dwar in-nonproliferazzjoni u l-kwistjoni tal-Iran, il-proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Afganistan u l-Pakistan huma jixhdu l-klima mtejba ta' djalogu mar-Russja dwar aspetti differenti ta' relazzjonijiet barranin u ta' sigurtà,

    I.

    billi hemm kriterji ċari u oġġettivi għall-introduzzjoni ta’ reġim ħieles mill-viżi; billi ċ-ċittadini Ewropej u Russi għandhom interess leġittimu li jingħataw id-dritt tal-moviment ħieles kemm fil-pajjiżi tagħhom kif ukoll meta jaqsmu l-fruntieri,

    1.

    Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha fost l-aktar sħab importanti tal-UE fil-bini ta’ kooperazzjoni sostenibbli u impenn li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni permezz ta' approċċ bilanċjat u orjentat lejn ir-riżultati bbażat fuq id-demokrazija u fuq l-istat tad-dritt, fil-qsim mhux biss ta' interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-objettiv li jaħdmu mill-qrib flimkien kemm fil-livell dinji kif ukoll mal-pajjiżi ġirien komuni tagħhom, skont id-dritt internazzjonali;

    2.

    Jistieden lill-UE u lir-Russja biex jintensifkaw in-negozjati tagħhom dwar ftehim ġdid ta’ sħubija u kooperazzjoni, u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehim wiesa’, komprensiv u vinkolanti li jmur lil hinn mill-kooperazzjoni ekonomika weħidha u jinkludi wkoll bħala komponenti integrali, l-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jieħu nota tal-ftehim dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni li għandha tħaddan kemm l-ekonomija kif ukoll is-soċjetà. Huwa favur id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Russa u tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u r-Russja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu biex jiżviluppaw is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni f'aktar dettall; jenfasizza l-ħtieġa li jitħejja bil-ħeffa pjan ta’ ħidma konkret konformi mar-riżultati miksubin sal-lum fil-kuntest tal-erba’ spazji komuni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tal-ġudikatura u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi intensifikata;

    3.

    Jilqa' l-iffirmar ta' protokoll dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata u d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Gaża mil-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergei Lavrov;

    4.

    Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-ewwel samit UE-Russja li sar mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona twettaq b’manjiera kostruttiva, u għamel progress parzjali;

    5.

    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv li r-Russja tissieħeb fid-WTO sabiex tkun tista’ tattira iktar investiment barrani u tiddiversifika l-ekonomija tagħha; huwa tal-fehma li l-istabbiliment mir-Russja ta' unjoni doganali mal-Bjelorussja u mal-Kazakistan jista' jqajjem aktar ostakli fi triq il-Federazzjoni Russa lejn is-sħubija fid-WTO; jenfasizza li r-rinunzja għal kull miżura ta’ protezzjoniżmu hija kundizzjoni għall-adeżjoni mad-WTO;

    6.

    Jilqa' r-ratifika riċenti min-naħa tar-Russja tal-Protokoll 14 għal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-emendi leġiżlattivi maħsuba biex jestendu mal-pajjiż kollu l-kawżi b'ġurija, imma jissuġġerixxi li dan il-format għandu jintuża wkoll għall-kawżi fuq akkużi ta' terroriżmu; jilqa' wkoll il-konferma tal-moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala żvilupp pożittiv ieħor, u jittama li dan ikun l-ewwel pass fit-triq tar-rieda espressa tar-Russja li ttejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; itenni s-sejħa tiegħu biex l-awtoritajiet Russi jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    7.

    Jilqa' l-fatt li l-ftehim dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata se jiffaċilita l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżijiet, imma jitlob li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ dwar is-sustanza u l-ambitu ta' dan il-ftehim, u jsejjaħ għal evalwazzjoni rapida tal-grad ta' reċiproċità fl-implimentazzjoni tiegħu; jitlob lill-Kunsill biex jagħmel użu sħiħ mill-Kumitat Speċjali 2002 IIA ESDP għal dan il-għan;

    8.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi rigward il-postijiet tal-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja, biex isostnu proġetti konkreti, biex jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument ta' Viċinat u Sħubija u mill-fondi INTERREG għall-kooperazzjoni transkonfinali kif ukoll biex jimplimentaw il-ftehim preċedenti dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja;

    9.

    Jilqa' l-iffirmar ta’ ftehim dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja, li jkopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jaħdmu mal-awtoritajiet mal-kumpaniji tal-enerġija Russi biex tiġi evitata kwalunkwe ripetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ f’dawn l-aħħar snin;

    10.

    Itenni li l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-enerġija jeħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu, li jeħtieġ li jiddaħħlu fil-ftehim ta’ qafas il-ġdid bejn l-UE u r-Russja sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta’ investiment reċiproku ġusti u trasparenti, aċċess ugwali u suq ibbażat fuq ir-regoli, filwaqt li jiġi eskluż l-użu tal-enerġija bħala għodda ta' politika barranija;

    11.

    Jinnota b'interess id-diskusjonijiet dwar i-tibdil fil-klima u l-forom possibbli ta' kooperazzjoni konkreta fuq miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u dwar l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp sostenibbli tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa għal kunsens dwar kif jista' jinġeib 'il quddiem il-proċess tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima bi tħejjija tal-konferenza ta' Cancun f'Diċembru 2010;

    12.

    Jenfasizza l-importanza tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) li wriet ir-rieda u l-kapaċità tal-UE li taġixxi b'determinazzjoni biex iġġib 'il quddiem il-paċi u l-istabbiltà, u tat kontribut għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat- 12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru 2008; itenni l-impenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja fil-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment u jistieden lill-partijiet kollha biex jaqdu l-impenji tagħhom bis-sħiħ; jinnota li l-EUMM għandha mandat fil-pajjiż kollu, u jitlob li mingħajr aktar dewmien tingħata aċċess bla xkiel – sal-lum miċħud – għall-Abħażja u l-Ossetja tan-Nofsinhar; jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu għat-taħditiet ta' Ġinevra u l-issuktar tal-kopresidenza f'dan il-forum mill-UE, in-NU u l-OSCE; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar id-deċiżjoni mħabbra mid-Direttorat għall-Fruniteri tal-FSB dwar il-bini ta' infrastruttura moderna fuq il-fruntiera, magħmula minn barrieri bejn l-Ossetja tan-Nofsinhar u l-Ġeorġja;

    13.

    Jenfasizza l-ħtieġa li r-Russja tiddaħħal fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tal-UE, u li niddiskutu mar-Russja bil-ħeffa dwar it-titjib tas-sikurezza marittima u dwar livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali fil-Baħar Baltiku sensittiv;

    14.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi (START) il-ġdid mill-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika fit- 8 ta' April 2010; jinnota b'sodisfazzjon il-progress li sar fid-djalogu li għadu għaddej bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluża t-tarka ta' difiża kontra l-missili;

    15.

    Itenni s-sejħa għal intensifikazzjoni tad-djalogu bejn ir-Russja u l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan il-proċess jinfetaħ għal kontribut mill-Parlament Ewropew u mid-Duma tal-Istat Russu, bl-involviment tad-direttorati ġenerali rispettivi u tal-ministeri responsabbli għall-ġustizzja, l-affarijiet interni u l-affarijiet barranin sew fi Brussell kif ukoll f'Moska; isejjaħ biex is-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu aktar involuti fis-samits biennali bejn l-UE u r-Russja;

    16.

    Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex itemmu l-impunità attwali u mifruxa għall-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, biex bħala prijorità jtemmu l-klima ta' terrur u ta' anarkija fit-Tramuntana tal-Kawkasu u jipproteġu u jiggarantixxu l-integrità fiżika tad-difensuri tad-drittjiet tal-bniedem skont l-istrumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem;

    17.

    Japprova l-impenn favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jenfasizza li dan id-djalogu għandu jkun konformi mal-proċess ta’ faċilitazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

    18.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu fuq inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu bil-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà fid-dinja u fil-viċinat komuni tagħna b’mod partikolari, u biex tintlaħaq soluzzjoni paċifika, skont id-dritt internazzjonali, għall-kunflitti fil-Moldova u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu;

    19.

    Jieħu nota tal-abbozz ta' Trattat dwar is-Sigurtà Ewropea propost mir-Russja fid- 29 ta' Novembru 2009, imma jinnota li din ip-proposta l-ġdida jeħtieġ li ma timminax l-obbligi attwali ta' sigurta tal-Istati Membri tal-UE, u jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jiżviluppa pożizzjoni komuni dwarha;

    20.

    Jinnota b'sodisfazzjon, qabel is-Samit tal-G20 f'Toronto, il-kunsens bejn l-UE u r-Russja dwar ir-riforma tas-sistema finanzjarja, u jistenna li s-samit jiddiskuti mezzi sabiex jitnaqqsu r-riskji sistemiċi u jilħaq ftehim fuq il-prinċipju li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kwalunkwe kriżi finanzjarja fil-ġejjieni;

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.


    (1)  ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2009)0064.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2009)0021.


    Top