This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0231
Gender aspects of the economic downturn and financial crisis European Parliament resolution of 17 June 2010 on gender aspects of the economic downturn and financial crisis (2009/2204(INI))
Aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja (2009/2204(INI))
Aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja (2009/2204(INI))
ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 79–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 236/79 |
Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja
P7_TA(2010)0231
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja (2009/2204(INI))
2011/C 236 E/12
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 bl-isem “Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja” COM(2008)0635,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2008 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008)0800),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa dwar Nirkupraw l-Irkupru Ewropew (COM(2009)0114),
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 dwar Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura “UE 2020” (COM(2009)0647),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta’ kura għat-tfal f'età ta’ qabel l-iskola” (COM(2008)0638),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Frar 2009 dwar “L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009” (COM(2009)0077),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-18 ta’ Diċembru 2009 dwar “L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2010” (COM(2009)0694),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2000 bl-isem ta’ “Lejn Strateġija Qafas Komunitarja dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru (2001-2005)” (COM(2000)0335) u r-rapporti annwali tal-Kumitat dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2000, 2001, 2002, 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008 (COM(2001)0179, COM(2002)0258, COM(2003)0098, COM(2004)0115, COM(2005)0044, COM(2006)0071, COM(2007)0049 u COM(2008)0010) rispettivament,
wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (1),
wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE (COM(2008)0636), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM(2008)0637), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidra l-istat tar-ratifiki tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru 197),
wara li kkunsidra l-qafas ta’ azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej fit-22 ta’ Marzu 2005,
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq in-nisa, id-Dokument 11891, tal-4 ta’ Mejju 2009,
wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2006,
wara li kkunsidra l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel u l-opinjoni tiegħu dwar id-disparità fil-pagi bejn il-ġeneri, adottata fit-22 ta’ Marzu 2007,
wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-immigrazzjoni tan-nisa: l-irwol u l-post tal-immigranti nisa fl-Unjoni Ewropea (2),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (3),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2008 (4),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa (5),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (6),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-8 ta’ Ottubru 2009 dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp (7),
wara li kkunsidra l-Istatistiċi tal-Eurostat f’Focus 53/2009, “Żieda qawwija ta’ qgħad fl-UE”,
wara li kkunsidra l-Istatistiċi tal-Eurostat f’Focus 97/2009, “Ir-Reċessjoni fl-UE-27: il-firxa u l-intensità tar-reċessjoni tvarja fost l-attivitajiet u l-pajjiżi”,
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0155/2010),
A. |
billi l-ekonomija dinjija qed tiffaċċja l-aktar reċessjoni qawwija mid-Dipressjoni l-Kbira, b'riperkussjonijiet soċjali madwar l-UE u lil hinn minnha; billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa qed ikollha impatt partikolarment negattiv fuq in-nisa – li huma iktar soġġetti għall-prekarjetà fl-impjieg, iktar esposti għat-tkeċċija u inqas koperti mis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali – sitwazzjoni li s’issa għadha ma ngħatatx l-attenzjoni li jixirqilha mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, |
B. |
billi l-ewwel mewġa tal-kriżi laqtet l-aktar lis-settur finanzjarju, kif ukoll l-industriji tal-kostruzzjoni u tal-karozzi li huma ddominati l-aktar mill-irġiel, u b’hekk ingħatat importanza akbar, madankollu t-tieni mewġa tal-kriżi laqtet, b'mod daqstant ieħor negattiv, lis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, tas-servizzi ġenerali u tat-turiżmu, li huma ddominati l-aktar min-nisa; għalhekk jeħtieġ li tiġi ndirizzata d-dimensjoni tal-ġeneru fl-impatt għal, u s-soluzzjoni tal-kriżi ekonomika u soċjali fil-pjanijiet ta’ rkupru nazzjonali u Ewropej, |
C. |
billi l-ekonomisti tradizzjonali nnutaw li l-kriżi tal-kreditu, li tat bidu għar-reċessjoni, kienet diżastru, litteralment, ikkaġunat mill-bniedem; billi r-reazzjonijiet fil-livelli tal-istat u internazzjonali – li ma kinux inklussivi biżżejjed fir-rigward tal-ġeneru – ukoll ġew deċiżi l-aktar mill-irġiel; billi hu importanti li n-nisa, li huma ġeneralment iktar ikkwalifikati mill-irġiel, jiġu inklużi bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni fl-isferi politiċi, ekonomiċi u finanzjarji kif ukoll fil-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali, |
D. |
billi, skont studji reċenti, 5 % biss tal-parteċipanti b'responsabilitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE huma nisa, u l-gvernaturi kollha tal-banek ċentrali tas-27 Stat Membru huma rġiel u li l-istudji dwar il-ġeneru wrew li n-nisa jimmaniġġjaw b'mod differenti billi jevitaw ir-riskju u jiffukaw aktar fuq perspettiva aktar fit-tul, |
E. |
billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija indikatur deċiżiv tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-preżenza ta’ maniġers nisa f'impriżi u f'universitajiet għadha dgħajfa u l-għadd ta’ politiċi jew riċerkaturi nisa qed jiżdied bil-mod ħafna biss, |
F. |
billi fl-2006 59 % ta’ gradwati għall-ewwel darba fl-universitajiet kienu nisa; billi l-perċentwali ta’ nisa li għandhom dottorat ta’ riċerka jonqos għal 43 %, u hija l-anqas fil-grad tal-professuri; billi 15 % biss tal-professuri ta’ grad A huma nisa, |
G. |
billi hemm aktar nisa milli rġiel fil-fakultajiet tal-kummerċ, ġestjoni u liġi, iżda huma f'minoranza f'karigi ta’ responsabilità fl-intrapriżi u fil-politika; billi hemm ftit nisa ggradwati fl-IT, fl-inġinerija u fil-fiżika, u għalhekk hemm rappreżentanza baxxa tan-nisa fis-settur privat, li hu kruċjali għall-irkupru ekonomiku, |
H. |
billi t-tnaqqis ekonomiku x'aktarx jaffettwa lin-nisa aktar mill-irġiel; billi hemm il-periklu li r-reċessjoni attwali ser iddewwem l-avvanzi jew saħansitra treġġa' lura l-progress, b'konsegwenzi aktar fit-tul għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, ta’ inklużjoni soċjali u d-demografija, |
I. |
billi l-miżuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneru tħassru jew ġew posposti u tnaqqis futur possibbli fil-baġits pubbliċi ser ikollu effett negattiv fuq l-impjiegi tan-nisa u fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza; billi l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2006/54/KE imsemmija aktar 'il fuq ser issir dejjem aktar importanti, |
J. |
billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha impatt pożittiv ewlieni fuq il-produttività ekonomika u t-tkabbir, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ssarraf f'sensiela ta’ benefiċċji soċjali u ekonomiċi, |
K. |
billi d-disparità fil-pagi bejn il-ġeneri madwar l-UE27 baqgħet għolja ħafna tul l-aħħar 35 sena mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 75/117/KEE (8), bi tkabbir ta’ medja ta’ 18 % fl-2010 fl-UE u sa 30 % f'xi Stati Membri; billi d-diskrepanza hi akbar fis-settur privat milli f'dak pubbliku, b'xhieda tal-inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol, li fil-prattika jaffettwaw l-aktar lin-nisa, |
L. |
billi r-reċessjoni ekonomika m'għandhiex tintuża biex tnaqqas il-progress fuq il-politiki ta’ rikonċiljazzjoni u biex tnaqqas il-baġits allokati għas-serivizzi ta’ kura u għall-arranġamenti tal-lif, li jaffettwaw partikolarment l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol, billi jaqbel li tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonn ta’ konċiljazzjoni bejn l-obbligi familjari u dawk professjonali fil-familji b'ġenitur wieħed u fil-familji b'ħafna membri, |
M. |
billi skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, in-nisa jqattgħu tliet darbiet aktar ħin mill-irġiel għall-kura tat-tfal, għat-trattament ta’ kwistjonijiet domestiċi u għall-kura tal-qraba dipendenti; billi t-tqassim tar-responsabilitajiet familjari u domestiċi bejn l-irġiel u n-nisa, mhux l-inqas bl-użu tal-liv għall-ġenituri u għall-paternità, jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-promozzjoni u l-ilħiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru; u billi bl-esklużjoni tal-lif tal-maternità u l-liv tal-ġenituri mill-kalkolu tal-ħinijiet globali ta’ xogħol huwa diskriminatorju u aktar sfavorevoli għan-nisa fis-suq tax-xogħol, |
N. |
billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 (9) taħt il-Presidenza Svediża talbu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex isaħħu d-dimensjoni tal-ġeneru fl-istrateġija UE 2020; billi l-karta ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni UE 2020 naqset milli tikkunsidra dan kollu, peress li tonqos milli tirreferi għall-integrazzjoni tal-ġeneru; billi, madankollu, hu importanti li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata fi struttura finanzjarja u ekonomika u ta’ politika ġdida u li jkun żgurat li l-pjanijiet ta’ rkupru u l-programmi ta’ aġġustament strutturali jwettqu valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru u jintegraqw perspettiva tal-ġeneru, |
O. |
billi jeħtieġ li jitkabbru l-isforzi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politika pubblika, |
P. |
billi partikolarment fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika, in-nies li diġà jinsabu f'riskju ta’ faqar, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, isiru aktar vulnerabbli, partikolarment il-ħaddiema migranti nisa u n-nisa li jappartienu għal grupp ta’ minoranza; billi l-isforzi u s-soluzzjonijiet globali biex jinqered il-faqar kif mifthiema mill-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona sa mill-2000 saru kwistjoni ta’ urġenza; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-protezzjoni ta’ dawk il-gruppi li qegħdin jiffaċċjaw għadd ta’ żvantaġġi, partikolarment ir-Roma, u għall-iżgurar tal-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà, |
Q. |
billi impjieg full-time ta’ kwalità bi drittijiet hu garanzija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll l-ispinta għall-indipendenza finanzjarja u psikoloġika; billi bl-indirizzar tal-aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità, hu kruċjali li jitfasslu u jiġu implimentati politiki, li jilħqu l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel rispettivament, inkluż l-aċċess għal servizzi ta’ kura għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni oħra dipendenti, li wieħed jiflaħ għalihom, ikunu aċċessibbli u ta’ kwalità, |
R. |
billi, barra milli jiżgura r-rispett tad-differenzi u tad-diversità kulturali, l-iżvilupp ta’ politiki li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ nisa li jappartjenu għal gruppi kulturali jew ta’ minoranza partikolari, inaqqas ukoll l-esklużjoni soċjali u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, li min-naħa tagħhom jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, |
S. |
billi l-vjolenza domestika, li l-aktar li taffettwa n-nisa, tikkostitwixxi problema mifruxa fil-pajjiżi kollha u f'kull klassi soċjali; billi l-istudji wrew li l-vjolenza kontra n-nisa tiżdied meta l-irġiel jesperjenzaw spustament u spussess minħabba l-kriżi ekonomika; billi l-enfasi ekonomika spiss twassal għal abbuż aktar frekwenti, aktar vjolenti u aktar perikoluż, bill l-vjolenza domestika tiswa lill-Unjoni madwar EUR 16-il miljun fis-sena, |
T. |
Billi l-impjieg hu fattur ewlieni għall-inklużjoni soċjali; billi għandhom isiru sforzi mmirati u b'firxa wiesgħa sabiex jiġi eliminat il-faqar fil-kuntest ta’ inugwaljanza dejjem akbar tad-dħul, ta’ faqar u ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, |
1. |
Jinnota li l-ugwaljanza fit-trattament bejn in-nisa u l-irġiel hi waħda mill-għanijiet tal-UE u għalhekk hi wieħed mill-prinċipji fundamentali f'kull reazzjoni politika għall-kriżi ekonomika u finanzjarja u fit-transizzjoni lejn verżjoni globali fit-tul għaż-żmien ta’ wara l-kriżi; |
2. |
Jenfasizza li s-sejbiet tal-Kummissjoni, li l-kriżi attwali qajmet tħassib dwar jekk il-kisbiet fl-ugwaljanza bejn il-ġeneru humiex fil-periklu u jekk l-effetti tar-reċessjoni jistgħux jaffettwaw b'mod partikolari lin-nisa; |
3. |
Jenfasizza l-bżonn li jkun evitat li l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, u kwistjonijiet ekonomiċi futuri, jipperikolaw dak li nkiseb s'issa fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru u biex jiġi evitat li r-reċessjoni tintuża, kif diġà ġara f'ċerti Stati Membri, bħala argument biex ikun hemm inqas miżuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneru; |
4. |
Jenfasizza li l-politiki għall-ugwaljanza bejn il-ġeneru għandhom jitqiesu bħala parti mis-soluzzjoni għat-tmiem tal-kriżi, għall-użu u l-isfruttar sħiħ tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Ewropej kollha u għat-tfassil ta’ ekonomija aktar kompetittiva fil-ġejjieni; |
5. |
Jinnota li l-integrazzjoni tan-nisa fil-post tax-xogħol fl-aħħar deċennji fissret mhux biss impatt aktar dirett tal-kriżi fuq in-nisa nfushom iżda wkoll fuq l-ambjenti domestiċi, fejn id-dħul ser jiġi effettwat b'mod sinifikanti mit-telf ta’ impjiegi tan-nisa; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-ispejjeż moħbija tal-kriżi, inkluż il-konsegwenzi differenti tal-ġeneru li spiss mhux rikonoxxuti; |
6. |
Jinnota li l-esperjenza tal-kriżijiet preċedenti turi li r-rata tal-impjieg tal-irġiel ġeneralment tirkupra aktar malajr milli dik tan-nisa; |
7. |
Jinnota li l-politiki makroekonomiċi huma marbutin l-aktar ma’ żieda fis-segregazzjoni tal-ġeneru fix-xogħol, mad-destabbilizzazzjoni tal-impjieg tan-nisa permezz ta’ sottokuntrattar, żidiet fid-diskrepanza fil-pagi bejn il-ġeneru, tnaqqis fl-aċċess tan-nisa għas-saħħa u l-edukazzjoni, inugwaljanza akbar fl-aċċess għall-kreditu, art u proprjetà, u żieda qawwija tal-feminizzazzjoni tal-faqar; |
8. |
Ifakkar li d-diskrepanzi fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu u jistgħu jaggravaw minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jadottaw miri ċari u jipproponu miżuri vinkolanti għall-ġlieda kontra d-diskrepanza fis-salarji; |
9. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali marbuta mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (Direttiva 75/117/KEE imsemmija aktar ‘il fuq) kif diġà mitlub mill-Parlament fl-2008; jilqa' l-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni għat-titjib tad-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet f'każ ta’ ksur tad-dritt għall-paga ugwali, sabiex jiġi żgurat li jkunu diswassivi u proporzjonali (pereżempju, sanzjonijiet aktar għoljin f'każijiet ta’ offiżi ripetuti); |
10. |
Jinnota li l-ispiża pubblika fil-qasam tas-saħħa hija r-responsabilità ta’ Stati Membri individwali u l-parlamenti nazzjonali u/jew l-awtoritajiet lokali tagħhom; |
11. |
Jiddispjaċih li ħafna nisa diġà tilfu jew huma mistennija li jitilfu l-impjiegi tagħhom, partikolarment dawk li jaħdmu fil-bejgħ bl-imnut, fis-servizzi u t-turiżmu kif ukoll in-nisa f'impjiegi part-time u f'impjiegi prekarji; jenfasizza l-fatt li fl-istess ħin, it-tnaqqis fil-provvista ta’ mikrokreditu hi mistennija li twassal għal tnaqqis fid-dħul fost il-ħaddiema nisa li jaħdmu għal rashom, partikolarment dawk li jaħdmu fis-setturi agrikoli u rurali; jenfasizza li l-qgħad fost in-nisa hu mistenni li jiżdied b'mod sproporzjonat hekk kif jitħabbar tnaqqis fil-baġit tas-settur pubbliku, perress li n-nisa huma impjegati b'mod sproporzjonat fis-servizzi edukattivi, tas-saħħa u soċjali; |
12. |
Jenfasizza l-effett pożittiv li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha fuq it-tkabbir ekonomiku; jindika f'dan ir-rigward li skont il-kalkoli f'ċerti studji, kieku r-rati ta’ impjieg, ta’ impjieg part-time u ta’ produttività tan-nisa kienu simili għal dawk tal-irġiel, il-PGD jiżdied bi 30 %; |
13. |
Jirrikonoxxi li ħafna nisa ġew imħeġġa mit-telf ta’ impjiegi reċenti biex jwaqqfu l-intrapriżi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq leġiżlazzjoni b'mira speċifika għall-SMEs biex tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi b'25 % sal-2012 u biex trawwem dan l-ispirtu ta’ intrapriża; |
14. |
Jilqa' l-istatistiċi tal-Eurostat li jiddistingwu skont il-ġeneru; madankollu, jemmen li għandha tingħata aktar attenzjoni għall-qgħad part-time (qasam li spiss hu eskluż mill-istatistiċi tal-qgħad); jinnota li l-qgħad għat-tul, pagi anqas u medja anqas ta’ siegħat tax-xogħol x'aktarx li se jħallu konsegwenzi qawwija speċjalment fuq id-dħul tan-nisa, il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u fil-perjodu twil fuq il-pensjonijiet tagħhom; |
15. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal studju fil-livell tal-Unjoni dwar ir-rabta bejn in-numru ta’ nisa kuq il-bord tal-kumpaniji u l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji, b'kunsiderazzjoni tal-istudju mwettaq minn Catalyst Inc. Fl-2007 li wera li l-kumpaniji bi tliet nisa' jew aktar fuq il-bord kellhom profitti ta’ 83 % aktar fuq l-ishma u ta’ 73 % ta’ proffitti aktar fuq il-bejgħ; |
16. |
Jenfasizza li l-gruppi ta’ nisa vulnerabbli ser isofru l-agħar effetti tal-kriżi: nisa b'diżabilità, nisa immigranti, nisa ġejjin minn minoranzi etniċi, nisa bi ftit kwalifiki, nisa li jinsabu f'sitwazzjoni ta’ qgħad għal żmien twil, nisa waħedhom u mingħajr mezzi, nisa li qed jieħdu ħsieb ta’ persuni dipendenti eċċ.; |
17. |
Jinnota li l-ħaddiema migranti ukoll huma effettwati mill-kriżi, u daqstant ieħor il-familji tagħhom f'pajjiżhom; jirreferi għall-fatt li l-livell ta’ migrazzjoni femminili flimkien mal-impatt fuq il-familji li jiddependu mill-pagi tagħhom għall-għajxien, spiss mhumiex dikjarati, b'konsegwenza li n-nisa jistgħu jsibu lilhom infushom f'pożizzjoni vulnerabbli aktar meta jirritornaw d-dar, imwarrba mill-komunitajiet u mill-familji tagħhom; |
18. |
Jenfasizza u jilqa' l-fatt li l-interventi u s-soluzzjonijiet jeħtieġu fehim tal-kuntest tal-kriżi u jirrikonoxxi li m'hemmx reazzjoni “waħda tajba għal kulħadd”; jenfasizza, fl-istess ħin, li r-reċessjoni tista' sservi ta’ opportunità unika biex il-politiki ekonomiċi u soċjali jsiru aktar konxji tal-ġeneru u biex jersqu lejn il-ħolqien ta’ soċjetà b'aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
19. |
Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-istereotipi fis-suriet u fl-istadji kollha tal-ħajja, peress li dawn jikkostitwixxu waħda mill-aktar kawżi persistenti tan-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li taffettwa l-għażliet tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjieg, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet domestiċi u familjari, il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza f'karigi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-għażliet tagħhom dwar is-suq tax-xogħol; |
20. |
Jinnota b'dispjaċir il-fatt li r-reazzjonijiet ta’ politika għall-kriżi, inkluż il-pakketti ta’ irkupru, naqsu milli jirrikonoxxu, janalizzaw u jirranġaw l-impatt tal-ġeneru fuq il-kriżi; jikkritika l-fatt li l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneri fl-istrateġija ta’ wara Lisbona hija bażikament ineżistenti; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'miri speċifiċi fil-linji gwida għall-impjiegi u l-makroekonomija u fl-Istrateġija UE 2020, u biex jintroduċu bbaġitjar tal-ġeneru fil-politiki kollha; |
21. |
Iqis li għalkemm l-impjieg tan-nisa fl-UE jinsab viċin li jilħaq il-mira ta’ 60 % fl-2010, jeħtieġ li titfassal mira aktar ambizzjuża ta’ 75 % sal-2020; jenfasizza wkoll li jeħtieġ titnaqqas d-diskrepanza; |
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki kollha tal-UE u biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġi żgurat li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun applikata korrettament u li jkunu jistgħu jiġu applikati miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva fejn meħtieġ; |
23. |
Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u speċjalment lill-Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali (CRIS) sabiex jiżguraw li l-pjanijiet għall-irkupru u l-programmi ta’ aġġustament strutturali jwettqu evalwazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri (valutazzjoni ex post f'każijiet fejn ma saritx ex-ante) u sabiex jinkludu perspettiva tal-ġeneri li tinkludi data u statistiki li jiddistingwu skont il-ġeneru; |
24. |
Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-regressjoni u t-tnaqqis finanzjarju ma jaffettwawx il-politiki u l-funzjonament tal-istrutturi mmirati għall-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha tas-settur governattiv u dak mhux governattiv; jiddispjaċih li dan it-tnaqqis finanzjarju diġà seħħ f'xi pajjiżi; |
25. |
Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw u jikkontrobattu l-effetti negattivi tat-tnaqqis fl-ispiża pubblika u fil-benefiċċji soċjali, speċjalment fil-kuntest tat-tnaqqis fl-ispiża pubblika fil-livell lokali, sabiex ikun żgurat li n-nisa ma jitħallewx b'piż ta’ kura sproporzjonat (tfal, l-anzjani u persuni dipendenti); |
26. |
Jinnota li n-nuqqas ta’ politiki u infrastrutturi ta’ kura wasslu għal żieda f'ħaddiema domestiċi migranti nisa, biex jimlew il-vojt fi djar privati li m'għandhomx aċċess għall-protezzjoni u l-benefiċċji soċjali marbuta max-xogħol,; jitlob lill-Istati Membri sabiex mingħajr dewmien jiġġieldu kontra l-impjieg illegali u biex jintegraw lill-ħaddiema migranti legali fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ kura tas-saħħa; |
27. |
Jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw servizzi ta’ kura għall-but tan-nies, aċċessibbli u ta’ kwalità, għat-tfal u dipendenti oħra, skont il-miri Ewropej, u biex jiggarantixxu li d-disponibilità ta’ dawk is-servizzi tkun kompatibbli mal-ħinijiet tax-xogħol full-time tan-nisa u tal-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament ta’ servizzi ta’ kwalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi direttiva dwar il-paternità, l-adozzjoni u l-liv minħabba t-tfal; |
28. |
Jinnota li l-vjolenza kontra in-nisa u l-irġiel tiżdied fi żminijiet ta’ taqlib ekonomiku; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jindirizza kull forma ta’ vjolenza ibbażata fuq il-ġeneru u jilqa' l-inizjattiva tal-Presidenza Spanjola għall-ħolqien ta’ Osservatorju għall-Vjolenza kontra n-Nisa; jilqa' wkoll l-inizjattiva ta’ grupp ta’ Stati Membri dwar l-istrument globali għall-protezzjoni tal-vittmi (Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni); |
29. |
Jistieden lill-Istati Membri biex, partikolarment permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, iqajmu kuxjenza kollettiva fir-rigward tal-fenomenu tal-vjolenza fuq in-nisa; ifakkar li l-edukazzjoni u l-miżuri għat-tkabbir tal-għarfien taż-żgħażagħ huma essenzjali biex jiġi miġġieled dan it-tip ta’ fenomenu; |
30. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jieħdu miżuri effettivi, partikolarment permezz ta’ leġiżlazzjoni, li jħeġġu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-postijiet ta’ responsabilità, inkluż fuq bordijiet tad-diretturi, u f'istituzzjonijiet, amministrazzjonijiet u organizzazzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, li għandhom iservu ta’ eżempju; għalhekk jitlob miri vinkolanti li jiżguraw r-rappreżentazzjoni ugwali bejn in-nisa u l-irġiel; |
31. |
Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżjjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji - fil-fatt in-nisa huma wieħed mill-gruppi li attwalment jinsabu esklużi mit-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji li huma effettwati b'mod negattiv mir-riskju finanzjarju; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'kull livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment fl-oqsma tal-ibbaġitjar u tal-arranġamenti ta’ governanza għas-sistemi finanzjarji Ewropej, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-bżonn għal-litteriżmu finanzjarju tat-tfajliet u n-nisa; |
32. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tan-Norveġja li jżid għal mill-anqas 40 % in-numru tan-nisa fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji b'reponsabilità pubblika limitata u għamilha possibbli li l-proporzjon ta’ nisa fuq il-bordijiet jiżdied għaċ-ċifra attwali ta’ 41 %; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jqisu l-inizjattiva tan-Norveġja bħala eżempju pożittiv u sabiex jimxu fl-istess direzzjoni għall-intrapriżi kkwotati fil-borża; |
33. |
Jilqa' l-ħtieġa għaż-żieda tan-numru tan-nisa fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji b'responsabilità pubblika limitata, iżda jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jieħdu azzjoni adegwata għall-bżonnijiet tagħhom; |
34. |
Jinnota li l-investiment fl-infrastruttura soċjali joffri opportunità għall-immodernizzar tal-Ewropa u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u din tista' titqies bħala strateġija parallela għall-investiment f'teknoloġiji ambjentali għall-immodernizzar tal-infrastruttura fiżika; għalhekk jikkunsidra li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun prijorità politika u għodda ewlenija; |
35. |
Jinnota li fid-dawl tal-Istrateġija UE 2020, l-“ekonomija ekoloġika” hi kruċjali; jenfasizza l-fatt li “impjiegi ekoloġiċi” għandhom il-potenzjal li jsiru parti ewlenija tat-tkabbir ġejjieni tas-suq tax-xogħol Ewropew, meta jitqies li llum aktar minn 20 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea jistgħu jitqiesu bħala “ekoloġiku” u evidenza reċenti uriet kif l-impjiegi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli waħidhom għandhom il-potenzjal li jirduppjaw għal 2.8 miljuni sal-2020; |
36. |
Jinnota li l-konverżjoni ekoloġika tal-ekonomija u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju sejrin joħolqu talba kbira għal ħaddiema b'ħiliet; jirreferi għall-fatt li l-ħaddiema nisa għandhom rappreżentanza baxxa ħafna fis-settur tas-sorsi rinnovabbli u speċjalment fl-impjiegi xjentifiċi u teknoloġikament intensivi; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema nisa jiġu inklużi iktar fi proġetti u fi programmi ta’ taħriġ dwar il-bidla ekoloġika jiġifieri fis-settur tas-sorsi rinnovabbli, u fl-impjiegi xjentifiċi u teknoloġikament intensivi; jitlob lill-Istati Membri biex iħeġġu l-preżenza tan-nisa fl-inizjattivi intraprenditorjali lokali f'dawn l-oqsma billi, permezz tat-tixrid ta’ informazzjoni u organizzazzjoni ta’ workshops ta’ taħriġ, jiffaċilitaw l-aċċess għall-Fondi Strutturali Ewropej eżistenti; |
37. |
Iħeġġeġ lil min jimpjega fl-Istati Membri biex joħolqu aktar opportunitajiet għall-ħaddiema nisa f'teknoloġiji ġodda għat-tisħiħ tas-settur teknoloġiku avvanzat skont il-miri tal-EU 2020; |
38. |
Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Fondi Strutturali Ewropej fil-livell nazzjonali biex jindirizzaw l-effetti tar-reċessjoni permezz ta’ inizjattivi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Ġenerali (10) u l-Artikolu 6 tar-Regolamenti dwar il-Fond Soċjali Ewropew (11) u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (12); |
39. |
Jitlob li r-Regolament FAEŻR ikun emendat sabiex jippermetti miżuri proattivi li għandhom jittieħdu b'appoġġ għan-nisa fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li kienu possibbli fil-perjodi preċedenti, iżda mhux fil-perjodu attwali, u li se jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali; |
40. |
Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw mekkaniżmi għall-governanza tal-ugwaljanza biex jinkludu għarfien espert dwar il-ġeneri fid-dipartimenti governattivi u f'aġenziji oħrajn li jimplimentaw miżuri skont il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u li jippromovu l-organizzazzjonijiet u n-netwerks tan-nisa; |
41. |
Iħeġġeġ lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru tal-kriżi ekonomika u finanzjarja; jikkunsidra li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha ssir bil-għajnuna ta’ indikaturi preċiżi li jikkunsidraw il-kuntest speċifiku tal-kriżi; jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, sabiex jipproponu reazzjonijiet għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza tal-ġeneri fil-ħidma kontinwa tagħhom; |
42. |
Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ programmi u inċentivi finanzjarji għat-tħeġġiġ u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa f'intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
43. |
Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu u jappoġġjaw il-kontribut li s-soċjetà ċivili tista' tagħmel għall-inidirizzar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, b'mod partikolari fid-dawl tas-Sena Ewropea għall-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; |
44. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lill-NGOs rilevanti. |
(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 118.
(3) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 56.
(4) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 35.
(5) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.
(6) Testi adottati, P6_TA(2009)0371.
(7) Testi adottati, P7_TA(2009)0029.
(8) Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta’ l-10 ta’ Frar 1975 dwar dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, 19.2.1975, p.19).
(9) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-Ġeneru: it-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi – kontribut għall-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 Laqgħa tal-Kunsill għall-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, fi Brussell, tat-30 ta’ Novembru 2009.
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(11) Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 210, 31.07.2006, p. 12).
(12) Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1).