Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0206

    Is-Swieq tad-Derivati: Azzjonijiet futuri ta’ politika Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta’ Ġunju 2010 dwar swieq tad-derivati: azzjonijiet futuri ta’ politika (2010/2008(INI))

    ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 17–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 236/17


    It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
    Is-Swieq tad-Derivati: Azzjonijiet futuri ta’ politika

    P7_TA(2010)0206

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar swieq tad-derivati: azzjonijiet futuri ta’ politika (2010/2008(INI))

    2011/C 236 E/03

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “L-iżgurar ta’ swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi: Azzjonijiet futuri ta’ politika” (COM(2009)0563 u COM(2009)0332),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Superviżjoni finanzjarja Ewropea” (COM(2009)0252),

    wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499),

    wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni li jemendaw id-Direttivi dwar il-Kapital (2006/48/KE u 2006/49/KE),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (COM(2009)0211),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar fondi ta’ lqugħ u ekwità privata (1),

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-G20 f’Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009, li ddikjaraw li “l-kuntratti standardizzati tad-derivati OTC kollha għandhom ikunu nnegozjati f’borża jew pjattaformi tal-kummerċ elettroniċi”, u l-iżviluppi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fl-Ewropa, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ażja dwar id-derivati,

    wara li kkunsidra x-xogħol tal-Forum tar-Regolaturi tad-Derivati OTC biex jistabbilixxi standards tar-rappurtar tad-dejta konsistenti madwar id-dinja għar-repożitorji tal-kummerċ,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tas-CESR u tal-ERGEG lill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija (Ref.: CESR/08-739, E08-FIS-07-04),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li ikkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0187/2010),

    A.

    billi l-istrumenti derivati jista’ jkollhom rwol siewi biex jippermettu t-trasferiment tar-riskji finanzjarji f’ekonomija, hemm differenzi kbar bejniethom skont it-tip ta’ prodott u l-klassi tal-assi sotostanti rigward ir-riskji, l-arranġamenti operazzjonali u l-parteċipanti fis-suq, u billi n-nuqqas ta’ trasparenza u regolazzjoni fis-suq tad-derivati kellu rqol li kompla għarraq il-kriżi finanzjarja,

    B.

    billi l-impriżi, anki fil-ġejjieni, se jeħtiġilhom jibqgħu jkunu jistgħu jimmaniġġaw ir-riskji marbuta man-negozju tagħhom, bir-responsabbiltà tagħhom u bi prezzijiet li jinftiehmu, u billi, bil-kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta’ impriżi ta’ daqs żgir u medju rigward id-derivati bilaterali, l-impriżi għandhom ikunu responsabbli għar-riskju,

    C.

    billi l-volum ta’ derivati fil-kummerċ dinji f’dawn l-aħħar għaxar snin immoltiplika ruħu, u d-diżakkoppjament bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-prodotti finanzjarji mexa ħafna ’l quddiem,

    D.

    billi l-bażi għall-kooperazzjoni internazzjonali għandha tiġi stabbilita sabiex jiġu trattati d-derivati kkummerċjati internazzjonali biex jintlaħqu standards internazzjonali u arranġamenti tal-qsim tal-informazzjoni bejn CCPs bħala minimu,

    E.

    billi l-ammonti nozzjonali tat-tipi kollha tal-kuntratti OTC fl-aħħar ta’ Ġunju 2009 kienu USD 605 triljun, il-valuri tas-suq gross, li jipprovdu kejl tar-riskji tas-suq, kienu USD 25 triljun u esponimenti tal-kreditu gross, li jqisu l-ftehimiet bilaterali fuq bażi netta, kienu USD 3.7 triljun, u billi, f’kuntest ta’ “leverage” eċċessiv, ta’ sistema bankarja li mhijiex ikkapitalizzata biżżejjed u tat-telf li jirriżulta minn assi strutturati ta’ finanzjament, id-derivati OTC wasslu biex parteċipanti kbar fis-suq isiru reċiprokament dipendenti anki meta huma entitajiet regolati,

    F.

    billi ż-żieda enormi fil-volumi nnegozjati matul dawn l-aħħar snin wasslet għal trasferiment miżjud tar-riskju mingħajr investiment reali fl-istrument sottostanti, u b’hekk, għal leverage sostanzjali,

    G.

    billi xi derivati OTC saru dejjem aktar kumplessi u r-riskji ta’ kreditu tal-kontroparti ma kenux ivvalutati u pprezzati sewwa, u billi hemm dgħufijiet sinifikanti f’kif inhuma organizzati s-swieq tad-derivati u nuqqas ta’ trasparenza, li jinneċessita aktar standardizzar fil-kundizzjonijiet legali u l-finijiet ekonomiċi tal-istrumenti,

    H.

    billi r-regolament tal-istanzi ċentrali ta’ kklerjar tal-kontropartijiet (central counterparty clearing houses, CCPs) għandu jiżgura aċċess mhux diskriminatorju mill-postijiet tal-kummerċ biex jiżgura l-funzjonament ġust u effiċjenti tas-swieq,

    I.

    billi fit-tranżazzjonijiet OTC, l-identità tal-atturi/partijiet involuti u d-daqs tal-esponiment tagħhom mhumiex iċċarati,

    J.

    billi bosta swieq tad-derivati OTC, u partikolarment is-suq tal-credit default swaps, huma soġġetti għal livelli għolja ħafna ta’ konċentrazzjoni bi ftit impriżi ewlenin li jiddominaw is-suq,

    K.

    billi l-avvenimenti riċenti li jinvolvu credit default swaps sovrani użati mill-ispekolaturi finanzjarji wasslu għal livelli għolja u mhux ġustifikati ta’ bosta firxiet nazzjonali; billi dawk l-avvenimenti u prattiki enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar trasparenza tas-suq u regolazzjoni Ewropea mtejba fir-rigward tal-kummerċ fil-credit default swaps, b’mod partikolari dawk marbuta mad-djun sovrani,

    L.

    billi sabiex ir-repożitorji kummerċjali jkollhom rwol ċentrali ħalli jiżguraw it-trasparenza lis-superviżuri fis-swieq tad-derivati, is-superviżuri għandu jkollhom aċċess bla xkiel għad-dejta repożitorja rilevanti, u r-repożitorji għandhom jikkonsolidaw id-dejta tal-pożizzjonijiet u tal-kummerċ + fuq bażi globali skont il-klassijiet tal-assi,

    M.

    billi l-Parlament jilqa’ l-bidla paradigmatika min-naħa tal-Kummissjoni lejn aktar regolazzjoni tas-swieq tad-derivati OTC, bl-abbandun tal-fehma prvealenti li d-derivati m’għandhom bżonn l-ebda regolazzjoni ulterjuri, l-aktar minħabba li jużawhom l-esperti u l-ispeċjalisti; isejjaħ, għalhekk, għal leġiżlazzjoni futura biex tiżgura mhux biss it-trasparenza fis-swieq tad-derivati imma wkoll regolazzjoni tajba,

    N.

    billi l-Ewropa għandha tistabbilixxi strateġija ta’ kollateralizzazzjoni komprensiva għal swieq derivati li għandha tqis is-sitwazzjoni unika tal-utenti aħħarija tan-negozju b’kuntrast mal-parteċipanti ewlenin tas-suq u l-istituzzjonijiet finanzjarji prinċipali,

    O.

    billi l-parti l-kbira tad-derivati użati mill-istituzzjonijiet mhux finanzjarji jinvolvu riskju sistemiku limitat meta jitqiesu individwalment, u jservu biss bħala hedge għal tranżazzjonijiet reali, u billi istituzzjonijiet mhux finanzjarji huma impriżi li mhumiex koperti bil-MiFID (impriżi mhux tal-MiFID), bħal pereżempju kumpaniji tal-ajru, manifatturi tal-karozzi u kummerċjanti tal-kommoditajiet, li la ħolqu riskju sistemiku għas-swieq finanzjarji u lanqas intlaqtu ħażin mill-kriżi finanzjarja b’mod dirett,

    P.

    billi s-swieq tad-derivati reżistenti jitolbu politika ta’ kollateralizzazzjoni komprensiva li tinkludi arranġamenti tal-ikklerjar ċentrali kif ukoll bilaterali,

    Q.

    billi l-impriżi mhux finanzjarji żgħar u ta’ daqs medju li jużaw l-istrumenti derivati esklussivament bħala hedge tar-riskju tagħhom huma u jwettqu n-negozju prinċipali tagħhom għandhom igawdu minn eżenzjonijiet mill-ikklerjar u l-kollateralizzazzjoni rigward ir-rekwiżiti ta’ kapital, sakemm il-grad tal-użu ta’ċerti derivattivi ma joħloqx riskju sistemiku (soġġett għal rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tikkontrolla din l-eżenzjoni regolarment) u li l-volum u n-natura tat-tranżazzjonijiet ikunu proporzjonati, u adegwati, għar-riskji reali li jiffaċċaw l-utenti aħħarin; billi standards minimi jeħtieġ li jkunu garantiti wkoll rigward il-kuntratti mfassla apposta, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kollateralizzazzjoni tad-derivati u r-rekwiżiti tal-kapital,

    R.

    billi l-prodotti derivati OTC jeħtieġ li jkollhom regolazzjoni proporzjonata meta jintużaw minn utenti aħħarin mhux finanzjarji, imma billi, bħala minimu, id-dejta dettaljata tat-tranżazzjonijiet jeħtieġ li tingħata lir-repożitorji tal-kummerċ,

    S.

    billi l-credit default swaps (CDS), li huma prodotti tal-assigurazzjoni finanzjarja, huma attwalment ikkummerċjalizzati bla ebda regolazzjoni xierqa,

    T.

    billi l-pariri tas-CESR u tal-ERGEG lill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tat-Tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija (Ref.: CESR/08-739, E08-FIS-07-04), jirrakkomandaw il-ħolqien ta’ qafas ta’ integrita u ta’ trasparenza tas-suq imfassal apposta għas-swieq tal-elettriku u tal-gass,

    U.

    billi l-miżuri kollha mħabbra se jinvolvu kooperazzjoni mill-qrib u kumplessiva mal-pajjiżi tal-G20 u mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jipprevjenu l-possibilitajiet ta’ arbitraġġ regolatorju bejn il-pajjiżi kull fejn possibbli u biex iġibu’l quddiem l-iskambu tal-informazzjoni,

    V.

    billi r-riskju sistemiku assoċjat mal-istanzi tal-ikklerjar jesiġi standards regolatorji u superviżorji b’saħħithom u li r-regolaturi jkollhom aċċess bla xkiel u fil-ħin reali għall-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet,

    W.

    billi l-prezzijiet tal-prodotti derivati għandhom ikunu korrispondenti b’mod adegwat mar-riskju, u billi l-ispejjeż tal-infrastruttura futura tas-suq għandhom iġarrbuhom il-parteċipanti fis-suq,

    X.

    billi ż-żidiet drammatiċi l-aktar riċenti fir-rendimenti tal-bonds sovrani f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro għal livelli mhux sostenibbli kixfu l-inċentivi ekonomiċi problematiċi involuti fil-kuntratti tas-CDS ibbażati fuq id-dejn sovran, u wrew biċ-ċar il-ħtieġa għal tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja u tat-trasparenza tas-suq billi jintalab żvelar komplet lir-regolaturi u suprviżuri u bil-projbizzjoni ta’ kummerċ tas-CDS fuq id-dejn sovran,

    Y.

    billi t-tranżazzjonijiet kollha fil-prodotti derivati denominati fi kwalunkwe munita tal-UE, relatati ma’ entità sottostanti tal-UE u li fihom tkun parti istituzzjoni finanzjarja tal-UE, għandhom ikunu kklerjati, meta jkunu eliġibbli, u għandhom jiġu rrappurtati f’istanzi tal-ikklerjar u f’repożitorji li huma lokalizzati, awtorizzati u sorveljati fl-UE u i huma koperti b’liġijiet Ewropej u bil-protezzjoni tad-dejta; jinnota li r-regolazzjoni l-ġdida li ġejja għandha tistabbilixxi kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tas-CCPs u tar-repożitorji li jinsabu f’pajjiżi terzi għal dawk it-tranżazzjonijiet li ma jkunux ikklerjati jew rappurtati fl-UE,

    1.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal regolazzjoni aħjar tad-derivati, u b’mod partikolari d-derivati OTC, biex jitnaqqas l-impatt tar-riskji fis-swieq tad-derivati OTC fuq l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji kollha, u jappoġġa s-sejħiet biex ikun hemm standardizzar legali tal-kuntratti ta’ derivati Iinteralia permezz ta’ inċentivi regolatorji fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD) rigward ir-riskji operazzjonali), l-użu ta’ repożitorji kummerċjali u ħżin ċentrali tad-dejta, l-użu u t-tisħiħ tal-istanzi ċentrali tal-ikklerjar u l-użu ta’ postijiet organizzati tal-kummerċ;

    2.

    Jilqa’ x-xogħol riċenti tal-Forum tar-Regolaturi OTC (ORF) bħala rispons għas-sejħa mill-G20 għal aktar azzjoni biex jiżdiedu t-trasparenza u r-robustezza tas-swieq tad-derivati OTC;

    3.

    Jappella għal aktar trasparenza fit-tranżazzjonijiet ta’ qabel il-kummerċ għall-istrumenti kollha li jikkwalifikaw għall-użu estensiv ta’ postijiet tal-kummerċ organizzati kif ukoll għat-trasparenza ta’ wara l-kummerċ permezz tar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet kollha lir-repożitorji, għall-benefiċċju sew tar-regolaturi kif ukoll tal-investituri;

    4.

    Jappoġġa s-sejħa biex, għall-prodotti derivati eleġibbli kolha, jiddaħħal obbligatorjament ikklerjar indipendenti bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, bil-għan li tkun żgurata valutazzjoni aħjar tar-riskji ta’ kreditu tal-kontroparti, u jappoġġa l-mira li għadd kemm jista’ jkun kbir ta’ prodotti derivati eleġibbli jiġu kkummerċjati fi swieq organizzati; isejjaħ għall-għoti ta’ inċentivi li jinkoraġġixxu l-kummerċ ta’ prodotti derivati eliġibbli f’postijiet tal-kummerċ regolati mill-MiFID, jiġifieri fi swieq regolati u faċilitajiet tal-kummerċ multilaterali (MTFs); jinnota li kriterju wieħed għall-eliġibilità tal-ikklerjar għandu jkun il-likwidità;

    5.

    Jnsisti li, fil-ġejjeini, il-prezzijiet tad-derivati jirriflettu aħjar ir-riskju u li l-ispejjeż tal-infrastruttura tas-suq jerfgħuhom il-parteċipanti tas-suq u mhux dawk li jħallsu t-taxxi;

    6.

    Huwa tal-fehma li għall-hedging ta’ riskji partikolari jinħtieġu derivati negozjati individwalment u għaldaqstant jopponi l-istandardizzar obbligatorju tad-derivati kollha;

    7.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża approċċ differenzjat għall-bosta tipi ta’ prodotti derivati disponibbli; fil-qies tal-profili ta’ riskji differenti, il-punt safejn jintużaw għall-iskopijiet ta’ hedging leġittimu, u r-rwol tagħhom fil-kriżi finanzjarja;

    8.

    Jinnota li, f’dak li jirrigwarda r-regolazzjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-derivati li jintużaw bħala għodda tal-ġestjoni tar-riskju għall-hedging ta’ riskju reali sottostanti li l-utent ikun espost għalih u d-derivati li jintużaw esklussivament għall-ispekulazzjoni, u jemmen li l-għemil ta’ din id-distinzjoni jfixkluh in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ ċifri speċifiċi rigward it-tranżazzjonijiet OTC;

    9.

    Jappella lill-Kummissjoni biex issib modi kif tnaqqas il-volum ġenerali tad-derivati b’mod sinifikanti b’tali mod li l-volum ikun proporzjonat għat-titoli sottostanti biex tiġi evitata distorsjoni tas-sinjali tal-prezzijiet, jitnaqqas ir-riskju għall-integrità tas-suq u jonqsu r-riskji sistemiċi;

    10.

    Iqisu importanti li tingħata attenzjoni partikolari lid-derivati korporati li għalihom istituzzjoni finanzjarja hija kontroparti sabiex ma tali kuntratti jiġux abbużati, mhux bħala riskju korporattiv, iżda bħala strumenti tas-suq finanzjarju;

    11.

    Isejjaħ biex jissaħħu l-ġestjoni u t-trasparenza tar-riskji, bħala l-istrumenti prinċipali għal aktar ċertezza tas-suq finanzjarju, mingħajr ma titwarrab ir-responsabbiltà individwali għall-assunzjoni tar-riskju;

    12.

    Jinnota li l-iżgurar ta’ riskji speċifiċi għall-impriża jitlob derivati mfassla apposta li jkunu jistgħu jaqdu ta’ strumenti effikaċi għall-ġestjoni tar-riskji adattati għall-ħtiġijiet individwali;

    13.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-istandards tal-ġestjoni tar-riskji bilaterali bħala parti tal-leġiżlazzjoni li ġejja dwar l-ikklerjar ċentrali;

    14.

    Huwa tal-fehma li, permezz tal-ikklerjar, ta’ kollateral bl-aġġustament tar-rekwiżiti kapitali u permezz ta’ għodod regolatrji oħra, ir-rirkju tal-kontroparti jista’ jitnaqqas; jappoġġa lill-Kummissjoni fil-proposta tagħha li jkun hemm rekwiżiti ogħla tal-kapital għall-istituzzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ kuntratti derivati bilaterali li mhumiex eliġibbli għall-ikklerjar ċentrali, abbażi ta’ approċċ ta’ riskju proporzjonat, u fil-qies tal-effetti tal-bażi netta, il-kollaterali, il-marġni inizjali, ir-rikonċiljazzjonijiet kuljum tal-portafoll, l-iffissar kuljum tal-marġni, movimenti awtomatizzati tal-kollateral u tekniki oħra tal-ġestjoni tar-riskji tal-kontroparti bilaterali fit-tnaqqis tar-riskji tal-kontroparti;

    15.

    Jitlob li d-derivati li ma jissodisfawx il-prerekwiżiti tal-IFRS 39 u għaldaqstant ma ġewx ivvalutati minn awditur ikunu suġġetti għal ikklerjar ċentrali minn CCP jekk jaqbżu l-valur ta’ limitu li għandu jkun stabbilit mill-Kummissjoni; jitlob, barra minn hekk, għall-finijiet tal-iżgurar ta’ distinzjoni aktar ċara, li jsiru kontrolli li jinvolvu s-sottomissjoni ta’ valutazzjoni indipendenti ta’ kuntratti tad-derivati OTC minn awditur bil-għan li jiġi aċċertat jekk impriża mhux finanzjarja tkunx tista’ tibqa’ tinkkonkludi kuntratti bilaterali;

    16.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti rwol qawwi fl-awtorizzazzjoni ta’ istanzi tal-ikklerjar Ewropej lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u jqisu siewi li jkunu sorveljati minn din l-istess Awtorità minħabba li, inter alia, l-għarfien espert superviżorju jinġema’ f’korp wieħed u minħabba li li r-riskju assoċjat ma’ CCP jkun transkofinali;

    17.

    Jemmen li l-aċċess tas-CCPs għall-flus tal-Bank Ċentrali jikkontribwixxi b’mod effikaċi għas-sikurezza u l-integrità tal-ikklerjar;

    18.

    Jisħaq li s-CCPs m’għandhomx ikunu ffinanzjati kompletament mill-utenti, li s-sistemi tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji m’għandhomx ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u li jeħtieġ li jkun hemm provvediment għal arranġamenti regolatorji dwar l-ispejjeż tal-ikklerjar; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirzza dawn il-kwistjonijiet fil-proposta leġiżlattiva tagħha u biex tistabbilixxi regoli dwar il-governanza u s-sjieda għall-istanzi tal-ikklerjar, b’attenzjoni intr alia għall-indipendenza tad-diretturi, il-membri u s-superviżjoni mill-qrib min-naħa tar-regolaturi;

    19.

    Jinnota li standards tekniċi komuni relatati ma’ kwistjonijiet bħall-kalkolu tal-marġni u l-protokolli tal-iskambju ta’ informazzjoni se jkunu parti importanti biex jiżguraw li l-postijiet awtorizzati tal-kummerċ ikollhom aċċess ġust u nondiskriminatorju għas-CCPs; jinnota wkoll li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni mill-qrib lill-possibilità li jiżviluppaw differenzi teknoloġiċi, prattiki diskriminatroji u ostakli għall-fluss tax-xogħol li jkunu ta’ ħsara għall-kompetizzjoni;

    20.

    Jitlob biex ikun hemm regoli dwar l-operat tan-negozju u l-aċċess li jirregolaw is-CCPs biex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju mill-postijiet tal-kummerċ, u li prattiki diskriminatorji tal-ipprezzar ikunu fost il-kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati;

    21.

    Jappoġġa l-istabbiliment ta’ repożitorji għall-pożizzjonijiet derivati kollha, idealment ordnati skont il-klassijiet ta’ assi u regolati u ssorveljati taħt it-tmexxija tal-ESMA; isejjaħ għall-istabbiliment ta’ regoli proċedurali vinkolanti biex jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jiżguraw l-istess interpretazzjoni fl-Istati membri u, barra minn hekk, biex l-ESMA jkollha l-awtorità suprema għat-teħid tad-deċiżjonijiet f’każijiet ta’ tilwim; isejjaħ biex il-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkollhom aċċess fil-ħin reali għal dejta granulari f’repożitorji relatati mal-parteċipanti tas-suq ibbażati fil-ġurisdizzjoni tagħhom kif ukoll għal dejta li tirrelata ma’ riskju sistemiku potenzjali li jista’ jinġema’ fil-ġurisdizzjoni tagħhom, kif ukoll aċċess għad-dejta aggregata mir-repożitorji kollha inklużi dawk f’repożitorji bbażati f’pajjiżi terzi; jinnota li s-servizzi pprovduti mir-repożitorji għandhom ikunu pprezzati b’mod trasparenti fid-dawl tal-funzjoni kważi utilitarja tagħhom;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal standards għar-rappurtar għad-derivati kollha konsistenti mal-istandards li qed jitfasslu fil-livell internazzjonali, biex tiżgura li jingħaddu lir-repożitorji kummerjali ċentrali, CCPs, boroż u istituzzjonijiet finanzjarji, u biex id-dejta tkun aċċessibbli għall-ESMA u għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għall-BERS meta jkun meħtieġ;

    23.

    Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jiddefinixxu limiti għall-pożizzjonijiet ħalli jrażżnu varjazzjonijiet sproporzjonati fil-prezzijiet u bżieżaq spekulattivi;

    24.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura b’mod partikolari li l-valutazzjoni tad-derivati kollha li ma jiġux kummerċjati f’borża titwettaq b’mod indipendenti u trasparenti, filwaqt li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess;

    25.

    Iqis li jeħtieġ li d-dettalji tekniċi jkunu ċċarati sewwa, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-regolaturi nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards u d-distinzjoni bejn il-prodotti tas-swieq finanzjarju u dawk li mhumiex tas-swieq finanzjarji, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet tindirizza din il-kwistjoni; jitlob li l-Kummissjoni tikkopera minn kmieni mal-Kunsill u l-Parlament;

    26.

    Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-pjan tagħha li tistabbilixxi CCPs skont standards Ewropej maqbula, sorveljati mill-ESMA; u jesiġi li parteċipanti ewlenija tas-suq m’għandux ikollhom influwenza ta’ kontroll fuq il-governanza u fuq il-ġestjoni tar-riskju tas-CCPs imma għandhom ikunu inklużi fi-bord tal-ġestjoni tar-riskju; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandhom jiġu proposti mekkaniżmi li jagħmlu kontributi siewja għall-proċess tal-ġestjoni tar-riskju;

    27.

    Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkun hemm standards regolatorji biex jiġi żgurat li s-CCPs jibqgħu jifilħu għal numru ikbar ta’ riskji, inklużil-falliment ta’ diversi parteċipanti, bejgħ għal għarrieda tar-riżorsi finanzjarji u tnaqqis rapidu fil-liwidità tas-suq;

    28.

    Jemmen li d-definizzjoni tal-kategoriji tad-derivati, il-ħolqien tas-CCPs, ir-reġistru għat-trasparenza, il-ħlasijiet għall-kapital, it-twaqqif ta’ postijiet indipendenti tal-kummerċ jew l-użu ta’ Boroż eżistenti, l-eżenzjonijiet għall-SMEs u d-dettalji tekniċi kolha għandhom isiru b’koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, istituzzjonijiet internazzjonali u l-awtorità superviżorja Ewropea futura, l-ESMA;

    29.

    Jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm regoli ta’ kondotta ċari u standards obbligatorji meħtieġa għall-ħolqien tas-CCPs (involviment tal-utenti)u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u s-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju li jużaw; jappoġġa l-pjan tal-Kummissjoni li tippreżenta regolament għall-irregolar tal-istanzi tal-ikklerjar;

    30.

    Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tipprovdi eżenzjonijiet u rekwiżiti anqas ta’ kapital għal derivati bilaterali tal-SMEs jekk ikun qed isir hedging ta’ riskju sottostanti, jekk id-derivati ma jkunux sinifikanti fil-karta tal-bilanċ tal-SME u jekk il-pożizzjoni derivata ma toħloqx riskji sistemiċi;

    31.

    Isejjaħ biex, bħala prijorità, il-credit default swaps ikunu soġġetti għall-ikklerjar ċentrali u li kemm jista’ jkun aktar tipi ta’ derivati jkunu kklerjati ċentralment permezz ta’ CCPs; jemmen li, jekk ikun meħtieġ, tipi individwali ta’ derivati b’riskji kumulattivi għandhom ikunu awtorizzati biss b’ċerti kundizzjonijiet, jew, każ b’każ, għandhom saħansitra jkunu pprojbiti; huwa tal-fehma li, b’mod partikolari, għandhom ikunu rikjesti kapital u riservi suffiċjenti biex ikopru s-CDS f’każ ta’ avveniment tal-kreditu;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga b’urġenza u bir-reqqa l-livelli ta’ konċentrazzjoni fis-swieq tad-derivati OTC, u b’mod partikolari, fil-credit default swap, sabiex jiġi żgurat li m’hemm l-ebda riskju ta’ manipulazzjoni tas-swieq jew konflitt tal-interessi;

    33.

    Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposti leġiżlattivi adegwati għar-regolazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jinvolvu n-naked selling tad-derivati sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u t-trasparenza tal-prezzijiet. huwa tal-fehma li, fl-istennija ta’ dak, il-credit default swaps (CDSs) għandhom jiġu pproċessati permezz ta’ CCP Ewropea biex jittaffew ir-riskji tal-kontropartijiet,tiżdied it-trasparenza u jonqsu r-riskji ġenerali;

    34.

    Jesiġi li l-protezzjoni tas-CDS għandha tkun pagabbli biss bis-sottomissjoni u l-prova ta’ espożizzjoni sottostanti għall-bonds u għandha tkun limitata għall-ammont ta’ din l-espożizzjoni;

    35.

    Huwa tal-opinjoni li d-derivati finanzjarji kollha li jikkonċernaw il-finanzi pubbliċi fl-UE (inkluż id-dejn sovran tal-Istati Membri u l-karti tal-bilanċ tal-amministrazzjoni lokali) għandhom jiġu standardizzati u nnegozjati f’borża jew pjattaformi ta’ kummerċ regolati oħra għall-promozzjoni tat-trasparenza tas-swieq tad-derivati lill-pubbliku;

    36.

    Jitlob li jkun ipprojbit il-kummerċ ta’ CDSs bla krediti sottostanti li huma tranżazzjonijiet purament spekulattivi, li jinvolvi mħatra fuq telf ta’ kreditu, u b’hekk iwasslu għal żieda artifiċjali fil-prezzijiet tal-assigurazzjoni fuq it-telf ta’ kreditu u, b’konsegwenza ta’ dan, għal riskji sistemiċi akbar ġejjin minn telf ta’ kreditu reali; jitlob li jiġu mill-inqas iffissati perjodi itwal għaż-żamma fejn jiħol ix-short-selling ta’ titoli u derivati; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li jiġu stabbiliti limiti massimi għad-derivati, u speċjalment għas-CDSs, u biex taqbel fuqhom ma’ sħab internazzjonali;

    37.

    Iqis li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-użu ta’ limiti tal-pożizzjonijiet fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tas-swieq, b’mod partikolari fil-punt meta l-kuntratt ikun wasal biex jiskadi (“squeezes” u “corners”); jinnota li l-limiti tal-pożizzjoni għandhom jitqiesu bħala għodod regolatorji dinamiċi iktar milli bħala assoluti, u li għandhom jiġu applikati meta jkun meħtieġ mis-superviżuri nazzjonali skont il-linji gwida stabbiliti mill-ESMA;

    38.

    Jitlob li kwalunkwe pożizzjoni derivata, kemm jekk meħuda minn istituzzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarja, li taqbeż ċertu limitu li għandu jiġi speċifikat mill-ESMA, għandha tiġi kklerjata ċentralment minn CCP;

    39.

    Isejjaħ biex ir-regolazzjoni ppjanata tad-derivattivi tinkludi regoli relatati mal-projbizzjoni ta’ kummerċ purament spekulattiv fil-kommoditajiet u fil-prodotti agrikoli, u l-impożizzjoni ta’ limiti stretti fuq il-pożizzjonjiet speċjalment fir-rigward tal-impatt possibbli tagħhom fuq il-prezzijiet tal-kommoditajiet essenzjali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-alokazzjonijiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; jitlob biex l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw il-kompetenza biex jittrattaw b’mod effikaċi l-funzjonamenti ħżiena fis-swieq tad-derivati, pereżempju billi temporanjament jipprojbixxu n-naked short selling tas-CDSs jew billi jesiġu s-saldu konkret tad-derivati u billi jiffissaw limiti fuq il-pożizzjonijiet biex jevitaw konċentrazzjoni mhux mixtieqa tan-negozjanti fuq xi setturi tas-suq;

    40.

    Jitlob biex kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura dwar is-swieq tad-derivati ssegwi approċċ funzjonali li bih attivitajiet simili jkunu soġġetti għall-istess regoli jew għal regoli li jixtiebhu;

    41.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ regolazzjoni Ewropea għad-derivati; u jistieden lill-Kummissjoni biex kemm jista’ jkun tikkoordina l-azzjonijiet tagħha mas-sħab tal-Ewropea, sabiex tintlaħaq regolazzjoni kemm jista’ jkun konsistenti u kkoordinata internazzjonalment; jenfasizza l-importanza li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju minħabba koordinazzjoni mhux adegwata;

    42.

    Jitlob biex jiġu appoġġjati l-inizjattivi tal-industriji u biex il-valur tagħhom jiġi rikonoxxut ġaladarba, f’xi każijiet, jistgħu jkunu adegwati daqs azzjoni leġiżlattiva u jistgħu jissupplimentawha;

    43.

    Jitlob għal approċċ ta’ koeżjoni fi ħdan l-Ewropa biex tiġi sfruttata s-saħħa ta’ kull ċentru finanzjarju u biex tittieħed l-opportunità offruta minn din il-kriżi biex nagħmlu pass ‘il quddiem fl-integrazzjoni u l-iżvilupp ta’ suq finanzjarju Ewropew effiċjenti;

    44.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġiżlattivi għal istanzi tal-ikklerjar u repożitorji kummerċjali sa minn nofs l-2010 u li kemm jista’ jkun malajr tiddiskuti d-dettalji tekniċi mal-istituzzjonijiet kollha fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, b’mod partikolari mal-awtorità leġiżlattiva magħmula mill-Kunsill u l-Parlament, fi stadju bikri;

    45.

    Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar is-CDS;

    46.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi evalwata regolarment l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni futura, f’kooperazzjoni mal-parteċipanti kollha tas-suq, u li dawn it-testi regolatorji jiġu adattati fejn ikun meħtieġ;

    47.

    Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli;

    48.

    Jinnota li għall-kummerċ tal-kommoditajiet u tal-prodotti agrikoli, imma wkoll għaċ-ċertifikati tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jeħtieġ li jkun żgurat li s-suq jaħdem b’mod trasparenti u li l-ispekulazzjoni titrażżan; jitlob, f’dan il-kuntest, li tiġi eżaminata l-possibilità li jiġu stabbiliti limiti massimi marbuta mar-riskji għal prodotti individwali;

    49.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-BĊE.


    (1)  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 26.


    Top