Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0055

Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2010 dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/37


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

P7_TA(2010)0055

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

2010/C 349 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas- 17 ta' Diċembru 2009 (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja milħuqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas- 17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, fosthom il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-2996 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat- 22 ta' Frar 2010 u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Lady Ashton, dwar is-sitwazzjoni tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja tas- 16 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fid- 19 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis- 7 ta' Mejju 2009,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal- 1 ta' Frar 1995,

wara li kkunsidra l-prinċipji u l-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Att Finali ta' Ħelsinki tal- 1 ta' Awwissu 1975 (Taqsima 1.VII), id-Dokument tal-laqgħa ta' Kopenħagen dwar id-Dimensjoni Umana tad- 29 ta' Ġunju 1990 u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal- 21 ta' Novembru 1990,

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar il-Bjelorussja tal- 24 ta' Frar 2010 u l-missjoni tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għall-Bjelorussja bejn il- 25 u s- 27 ta' Frar 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil- 15 ta' Frar 2010, 40 attivist, il-biċċa l-kbira membri tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, ġew arrestati fil-Bjelorussja, fosthom Angelika Borys (President tal-UPB), Igor Bancer (Kelliem tal-UPB), Mieczysław Jaśkiewicz (Viċi President), Andrzej Poczobut (President tal-Bord Superviżorju tal-UPB) u Anatol Lebedzka, il-mexxej tal-Partit Ċivili Magħqud fil-Bjelorussja fl-oppożizzjoni, biex dawn ma jitħallewx jipparteċipaw fil-proċess dwar il-Kamra Pollakka f’Ivyanets; billi sal-20 ta' Frar l-attivisti kollha nħelsu,

B.

billi l-UPB taħt il-Presidenza ta' Angelika Borys, li ġiet eletta demokratikament darbtejn fl-2005 u fl-2009, mhijiex rikonoxxuta mill-awtoritajiet tal-istat u ilha tħabbat wiċċha ma' persekuzzjoni u fastidju regolari mill-2005 u billi l-membri tagħha qed jiġu akkużati ripetutament b’attivitajiet illegali u qed jaffaċċaw akkużi kriminali,

C.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi użaw il-forzi tal-pulizija kontra membri tal-UPB fi Hrodna fl-2005 u f'Ivyanets fl-2010,

D.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi ma ħallewx rappreżentanti tal-UPB, li ssejħu biex jidhru quddiem il-qorti bħala xhieda għas-Sinjura Teresa Sobol, President tal-fergħa lokali tal-UPB f'Ivyanets, jattendu għall-ġuri,

E.

billi d-diskriminazzjoni kontra l-Unjoni tal-Pollakki, l-ikbar NGO li topera fil-Bjelorussja, li hija mmexxija minn Abgelika Borys, hija sintomatika tat-trattament ġenerali tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja,

F.

billi l-“Polonica”, kumpanija bbażata fi Hrodna mmexxija minn Angelika Borys, l-uniku sors ta' finanzjament tal-UPB, ġiet immultata 71 miljun rubil minħabba li allegatament kisret regolamenti fiskali u issa tinsab f’periklu ta' falliment,

G.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi jqisu lil Stanislaw Siemaszko bħala l-mexxej leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki u ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjoni taħt it-tmexxija tiegħu, meqjusa illeġittima mill-komunità Pollakka,

H.

billi r-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej, fosthom is-Sur Jerzy Buzek, President tal-Parlament Ewropew, il-Barunissa Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u s-Sinjura Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni, kif ukoll il-Parlament Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-aħħar azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi kontra l-UPB u kkundannaw l-użu tal-pulizija kontra l-membri tagħha,

I.

billi dawn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi jmorru kontra l-istandards internazzjonali ta' protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali stabbiliti, inter alia, fil-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal- 1 ta' Frar 1995, filwaqt li l-Bjelorussja kompliet tintensifika l-azzjonijiet tagħha kontra l-membri ta' din l-organizzazzjoni,

J.

billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant, iffirmata b'mod konġunt mill-Bjelorussja, tiddikjara fil-paragrafu 1 li: “Il-parteċipanti tas-Samit ta' Praga jaqblu li s-Sħubija tal-Lvant għandha tkun imsejsa fuq l-impenn għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għall-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”,

K.

billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas- 17 ta' Novembru 2009, irrikonoxxa li kienu nfetħu possibilitajiet ġodda għal djalogu u koperazzjoni aktar profonda bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja, bil-għan li jitkattar il-progress ġenwin lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jirriafferma f'dan ir-rigward li kien lest isaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Bjelorussja, sakemm ikompli l-progress fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll li jgħin lill-pajjiż biex jintlaħqu dawn l-objettivi,

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-ksur riċenti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Bjelorussja kontra membri tas-soċjetà ċivili, speċjalment membri tal-Unjoni tal-Pollakki, u jiddikjara s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini li ma jistgħux igawdu d-drittijiet ċivili kollha tagħhom;

2.

Jikkundanna l-azzjoni legali u tal-pulizija kontra l-Unjoni tal-Pollakki u kwalunkwe tentattiv mill-awtoritajiet Bjelorussji biex jimponu tmexxija ġdida fuq il-komunità Pollakka; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Bjelorussi jillegalizzaw mill-ġdid l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja (UPB) immexxija minn Angelika Borys, kif ukoll li jiżguraw li l-proprjetajiet tagħhom jintroddulhom fi żmien xieraq;

3.

Itenni li jinsab interessat fi djalogu miftuħ u strutturat mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika fil-Bjelorussja twassal għal riżultati konkreti u tirrifletti r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

4.

Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex timxi skont l-impenji tal-OSKE u l-impenji internazzjonali tagħha f’termini ta' protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi tagħha; fl-istess ħin jistieden lill-awtoritajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-soċjetà ċivili, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u l-assemblea, is-sitwazzjoni tal-midja indipendenti, inkluż l-aċċess għall-internet, u r-reġistrazzjoni tal-NGOs, bil-għan li jitħejja u jitħalla jsir proċess elettorali ħieles u ġust għall-elezzjonijiet muniċipali fil- 25 ta' April 2010;

5.

Itenni t-talba tiegħu f'riżoluzzjonijiet riċenti, b'mod partikolari dawk tal- 15 ta' Jannar u tas- 17 ta' Diċembru 2009, għall-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u tal-libertà biex jitwaqqfu partiti politiċi bħad Demokrazija Kristjana Bjelorussa (BDC), il-libertà reliġjuża u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-attività ta' entitajiet tas-soċjetà ċivili, NGOs (bħal “Viasna”) u l-midja indipendenti fil-Bjelorussja;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jeħilsu lil attivisti politiċi bħal Andrei Bandarenko u priġunieri tal-kuxjenza bħal Ivan Mikhailau u Aristyom Dubski, biex jirtiraw miżuri restrittivi kontra d-difensuri tas-soċjetà ċivili bħal Tatiana Shaputsko, parteċipanta fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar is-Sħubija tal-Lvant, u biex joqogħdu lura milli jieħdu miżuri bil-għan li jikkontrollaw il-kontenut tas-siti Bjelorussi tal-World Wide Web;

7.

Jenfasizza li d-djalogu tal-UE mal-Bjelorussja jista' jkun ta' benefiċċju reċiproku u hu tal-fehma li l-Bjelorussja tista' tiġi megħjuna biex tikseb l-aħjar benefiċċji mis-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fl-użu l-aktar effikaċi ta' fondi allokati b'dan il-programm għall-infrastruttura, l-enerġija u proġetti soċjali, kif ukoll bl-applikazzjoni ta' strumenti u politiki oħrajn tal-UE, sakemm l-awtoritajiet Bjelorussi jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tibdil tassew fl-oqsma tal-libertajiet, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali;

8.

Ifakkar li l-Unjoni Ewropea diġà wriet li lesta timpenja ruħha b’mod konsiderevoli mal-Bjelorussja, u dan intwera wkoll bl-inklużjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant; ifakkar li s-suċċess ta' dan l-impenn jiddependi minn passi favur id-demokratizzazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, min-naħa tal-Gvern tal-Bjelorussja;

9.

Jiġbed l-attenzjoni li, jekk l-awtoritajiet Bjelorussi jaderixxu mal-kriterji marbuta mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali, il-Bjelorussja tibbenefika mill-punti li ġejjin:

il-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja (FSK),

l-utilizzazzjoni effikaċi tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħall-istrumenti tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI),

l-estensjoni tal-finanzjament tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għal proġetti fil-Bjelorussja li jinvolvu entitajiet tal-istat,

ir-restituzzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP+) lill-Bjelorussja,

il-kisba ta' parti oħra tas-self għall-istabilità mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI),

it-tkomplija tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Bjelorussja mad-WTO,

l-appoġġ għall-estensjoni tal-programm tal-OKŻE lill-Bjelorussja;

10.

Jagħti importanza kbira lil-liberalizzazzjoni tal-ħajja politika u ċivili fil-Bjelorussja u jenfasizza li jekk ikun hemm aktar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, dan jista' jwassal għal reviżjoni tal-pożizzjoni tal-UE mal-Bjelorussja, fosthom l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2009)0117.


Top