This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0047
SOLVIT European Parliament resolution of 9 March 2010 on SOLVIT (2009/2138(INI))
SOLVIT Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (2009/2138(INI))
SOLVIT Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (2009/2138(INI))
ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 10–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 349/10 |
It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
SOLVIT
P7_TA(2010)0047
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (2009/2138(INI))
2010/C 349 E/02
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Soluzzjoni Effikaċi tal-Problemi fis-Suq Intern (“SOLVIT”) (1),
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-“SOLVIT” – in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (2),
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2002, li abbażi tagħhom il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Istati Membri favur it-tħaddim effettiv tas-sistema tas-SOLVIT u favur il-prinċipji tagħha,
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ Direttivi li jolqtu s-suq intern (3),
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2005 dwar pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-komunikazzjoni tal-Ewropa mill-Kummissjoni (4), inter alia, billi tissimplifika l-informazzjoni u n-netwerks ta’ assistenza appoġġjati mill-Kummissjoni,
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar pjan ta’ azzjoni rigward approċċ integrat għall-provvediment ta’ Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Uniku liċ-ċittadini u n-negozji (5),
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 19 (6),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Wieħed: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar (7),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar l-Evalwazzjoni tas-Suq Intern (8),
wara li kkunsidra r-rapport SOLVIT 2008 intitolat “L-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT fl-2008” (9),
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (10),
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompettittività - Suq Intern, Industrija u Riċerka) tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar “Kif intejbu l-funzjonament tas-Suq Intern” (11),
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar attivitajiet tal-Kummissjoni għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (12),
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar koperazzjoni amministrattiva fis-suq uniku (13),
wara li kkunsidra l-Artikolu 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0027/2010),
A. |
billi l-Kummissjoni, il-Parlament, l-Ombudsman Ewropew u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu iżjed sabiex jiddefinixxu u jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u sabiex jgħinu liċ-ċittadini jgawdu dawn id-drittijiet; billi dan jgħin ukoll biex is-suq intern jaħdem aħjar, |
B. |
billi ż-żieda fit-trasparenza hija kruċjali biex jintgħelbu l-ostakli għall-moviment transkonfinali u biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-moviment ħieles, |
C. |
billi jeħtieġ li jkun hemm titjib ċar min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet li s-suq intern joffri għaċ-ċittadini u n-negozji, |
D. |
billi s-suq intern għamel progress kbir iżda għad hemm ostakli li jxekklu l-funzjonament sħiħ u xieraq tiegħu, |
E. |
billi meta r-regoli tas-suq intern jiġu implimentati ħażin, għandu jkun hemm disponibbli rimedju mgħaġġel li ma jinvolvix neċessarjament azzjoni legali, |
F. |
billi n-netwerk SOLVIT, meta jkun operattiv b’mod sħiħ, se jkun jista’ jevita r-rikors eċċessiv għas-sistema ġudizzjarja, fejn ta’spiss il-proċeduri jkunu kumplessi, u l-mekkaniżmi li jiggarantixxu d-difiża tal-individwi spiss ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja, |
G. |
billi t-taħriġ u l-iskambji transkonfinali, inter alia, permezz tan-netwerks elettroniċi li ħolqot il-Kummissjoni, huma essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni aħjar tal-acquis Komunitarju dwar is-suq intern, |
H. |
billi ċ-ċittadini u n-negozji jiddependu minn infurzar effettiv tar-regoli tas-suq intern biex jgħinuhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tas-suq intern, |
I. |
billi l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, itejbu l-kapaċità ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tal-problemi sabiex jgħinu liċ-ċittadini jaffermaw id-drittijiet tagħhom, |
J. |
billi n-netwerk SOLVIT inħoloq mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fl-2002 bil-għan li jsolvi l-problemi li jinqalgħu liċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, |
K. |
billi s-SOLVIT huwa netwerk online li jsolvi l-problemi u li fih l-Istati Membri tal-UE (kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) jaħdmu flimkien biex isolvu l-problemi – mingħajr rikors għal proċeduri legali – li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, |
L. |
billi is-SOLVIT huwa meqjus bħala sistema relattivament ta’ suċċess li tipprovdi rimedju, mingħajr proċeduri formali, fi żmien medju ta’ 10 ġimgħat, u billi s-soluzzjoni tal-problemi tas-suq intern bis-SOLVIT tista’ tkun mudell ta’ prattika tajba għas-Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Uniku, |
M. |
billi, jekk dan jitqies meħtieġ minn Stat Membru individwali, speċjalment fid-dawl ta’ kwalunkwe kampanja pubbliċitarja imminenti, il-kapaċità tas-SOLVIT għandha titkabbar sabiex jiġu evitati problemi ta’ nuqqas ta’ persunal, |
N. |
billi s-SOLVIT, madankollu, la għandu jissostittwixxi l-ħidma legali tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-liġijiet, u lanqas ma għandu jkun skuża biex il-ħidma fl-Istati Membri tkun inqas ambizzjuża sabiex id-direttivi tal-UE jiġu trasposti fil-ħin u b’mod xieraq, |
O. |
billi ħafna ċittadini li jkollhom problema relatata mas-suq intern u li tkun taqa’ fl-ambitu tas-SOLVIT m’humiex konxji mis-SOLVIT, u għalhekk imorru għand l-Ombudsman Ewropew bil-problema tagħhom; |
Introduzzjoni
1. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2002 li tistabbbilixxi n-netwerk SOLVIT tal-amministrazzjonijiet nazzjonali bl-użu ta’ bażi tad-data interattiva, li kienet għodda ta’ suċċess li żiedet it-trasparenza u ħolqot pressjoni mill-pari ħalli jitħaffef il-proċess tas-soluzzjoni tal-problemi; |
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tas-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq iċ-ċittadini u n-negozji; |
Soluzzjoni effettikaċi tal-problemi fis-suq intern
3. |
Jenfasizza l-fatt li permezz tan-netwerk SOLVIT ta’ sikwit jinkixfu problemi relatati mal-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern; |
4. |
Jenfasizza li l-esperjenzi tas-SOLVIT għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika nazzjonali u tal-UE, u għandhom iwasslu għal bidliet strutturali jew regolatorji fejn ikun meħtieġ; |
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku, fit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u tas-Suq tal-Konsumatur, tinkludi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, kemm sabiex tiżdied it-trasparenza kif ukoll biex tiġi pprovduta għodda utli għall-persunal tas-SOLVIT; |
6. |
Jitlob li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, ir-Rapport SOLVIT, is-Servizz ta’ Informazzjoni għaċ-Ċittadini u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur jiġu ppubblikati darba fis-sena fl-istess żmien (bla ma tinbidel il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tagħhom) sabiex tiġi provduta stampa globali tal-iżvilupp tas-suq intern u biex jiġi kkoordinat aħjar ix-xogħol li diġà sar f’dawk l-oqsma filwaqt li tinżamm in-natura partikulari ta’ dawk l-istrumenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ rapport dettaljat dwar il-progress, il-kisbiet u n-nuqqasijiet tas-SOLVIT fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata biex issolvi l-problemi rikurrenti li jiġu identifikati permezz tan-netwerk SOLVIT; |
Problemi orizzontali identifikati f’livell nazzjonali
7. |
Jirrimarka li ċerti ċentri tas-SOLVIT m’għandhomx persunal biżżejjed, u li fl-2008 l-għadd ta’ każijiet solvuti naqas, filwaqt li l-għadd medju ta’ jiem meħtieġa biex jiġu solvuti żdied; jistieden liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT biex jimpjegaw persunal bi kwalifiki u esperjenza biżżejjed għall-pożizzjoni li jkunu se jokkupaw; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm iktar taħriġ għall-persunal impjegat mis-SOLVIT; ifaħħar il-ħidma mwettqa mis-SOLVIT, b’mod partikulari r-rata ta’ soluzzjoni tal-każijiet tiegħu, li baqgħet għolja (83 %) minkejja li fl-2008 l-ammont ta’ xogħol żdied (żieda ta’ 22 % għal total ta’ 1 000 każ) u minkejja l-fatt li wħud miċ-ċentri SOLVIT qed jiffaċċjaw problemi minħabba nuqqas ta’ persunal; |
8. |
Jinnota li bosta ċittadini u negozji żgħar m’humiex konxji biżżejjed mill-ħidma tas-SOLVIT u li n-negozji jew jużaw servizzi legali kummerċjali f’każijiet fejn ikunu jistgħu jużaw is-SOLVIT għall-benefiċċju tagħhom jew saħansitra jaċċettaw talbiet f’dan is-sens minn Stati Membri, minkejja li dawn it-talbiet m’humiex konformi mal-acquis tas-suq intern tal-Komunità;jilqa’ l-fatt li l-attivitajiet tas-SOLVIT wasslu għal frankar tal-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej li huwa stmat li ammonta għal EUR 32.6 miljun fl-2008; |
9. |
Jinnota li l-portafoll tal-ministeru li jilqa’ ċ-ċentru nazzjonali tas-SOLVIT f’pajjiż partikulari jista’ jkollu effett fuq il-perċezzjoni tat-tipta’ ħidma li tkun qed issir mis-SOLVIT f’dak il-pajjiż, u li l-livell ta’ soluzzjoni b’suċċess u tal-espedizzjoni tal-każijiet jiddependi fuq ir-rieda u l-ħila tal-Istati Membri li jikkoperaw mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT; |
10. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċentru tas-SOLVIT tagħhom ikollu appoġġ politiku qawwi ħalli jkun jista’ jikkonvinċi lill-awtoritajiet li jkunu saru l-ilmenti dwarhom biex jikkoperaw b’mod attiv fil-kuntest tal-proċedura tas-SOLVIT u fl-iskadenzi relevanti; |
11. |
Iqis li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-effiċjenza tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-SOLVIT; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom iniedu skambju iżjed intensiv u wiesa’ tal-aqwa prattiki; |
12. |
Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT, u għalhekk jirrakkomanda li ċ-ċentri tas-SOLVIT tal-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex ikun jista’ jsir l-iskambju tal-informazzjoni u biex jaqsmu bejniethom eżempji tal-aqwa prattiki u sistemi; |
Miżuri li għandhom jiġu previsti
13. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha tal-midja biex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jintlaħqu b’mod wiesa’, b’mod speċjali dwar kif jistgħu jaffermaw id-drittijiet tagħhom, u biex jallokaw riżorsi biżżejjed sabiex din il-promozzjoni ssir iżjed effettiva; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sistemi alternattivi ta’ soluzzjoni online tal-kunflitti fi ħdan in-netwerk SOLVIT, u jistieden ukoll lill-Membri tiegħu biex jippromwovu s-SOLVIT fil-kostitwenzi tagħhom; |
14. |
Jistieden lil kull Stat Membru biex jippromwovi s-SOLVIT bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ soluzzjoni tal-kunflitti, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali; |
15. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu s-SOLVIT fuq l-Internet; iħeġġeġ lill-Kummisjoni biex tagħmel disponibbli indirizz tal-internet wieħed għaċ-ċentri nazzjonali kollha tas-SOLVIT - www.solvit.eu - ħalli tħaffef l-aċċess taċ-ċittadini sa ma jasal biex jitnieda mill-ġdid il-portal “Your Europe”, li eventwalment għandu jgħaqqad flimkien is-Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Intern kollha, inkluż is-SOLVIT; |
16. |
Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu paġni tal-internet li jkunu konnessi mal-portal Ewropew tas-SOLVIT, u li jkun fihom ġabra ta’ każijiet li ssolvew b’suċċess u tal-aqwa prattiki fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kunflitti permezz ta’ dan il-mekkażimu; |
17. |
Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-effiċjenza taċ-ċentri tas-SOLVIT billi jipprovdu ħaddiema taċ-ċivil fid-dipartimenti rilevanti ħalli titħaffef is-soluzzjoni tal-każijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tas-SOLVIT (SOLVIT+), u billi jiżguraw aċċess xieraq għall-kompetenza legali fl-amministrazzjoni tagħhom stess taċ-ċentri tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-provvediment ta’ valutazzjonijiet legali informali liċ-ċentri tas-SOLVIT; |
18. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jaħtru uffiċjal ta’ kollaborazzjoni (liaison) tas-SOLVIT fis-servizzi pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern sabiex tiġi żgurata koperazzjoni aħjar; |
19. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni dwar is-SOLVIT fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, li għandhom ikunu maħsuba għal gruppi speċifiċi, bħall-SMEs, li bħalissa għadhom lura fl-għarfien tagħhom dwar is-SOLVIT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw u jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki ħalli l-promozzjoni tas-SOLVIT tkun effiċjenti kemm jista’ jkun; jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, parallelament mal-proċedura tiegħu stess, jirreferi lill-petizzjonanti għas-SOLVIT meta jqis li tista’ tinsab soluzzjoni aktar malajr permezz tas-SOLVIT; |
20. |
Jirrikonoxxi l-effettività tas-SOLVIT bħala netwerk ta’ kooperazzjoni li jagħmel ħiltu bil-għan li jsolvi b’mod informali problemi li jaffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji minħabba applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi; |
21. |
Jinnota li r-rapport annwali tal-2008 tas-SOLVIT juri li s-SOLVIT jiġbed lejh ammont kbir ta’ każijiet li ma jaqgħux taħt dan in-netwerk u li dan qed iwassal għal proċess aktar bil-mod tal-immaniġġjar tal-ilmenti fiċ-ċentri tas-SOLVIT; |
22. |
Jinnota li hemm diversi entitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkomunikaw il-problemi tagħhom, inklużi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, SOLVIT, il-Kummissjoni u l-Ombudsman Ewropew; |
23. |
Jitlob lis-SOLVIT biex jirreferi l-każijiet ta’ applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li għalih huma wisq kumplessi biex isolvihom, mhux biss lill-Kummissjoni iżda wkoll, fejn xieraq, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament; |
24. |
Ifakkar li l-petizzjonijiet huma trattati b’mod miftuħ u trasparenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati leġiżlattivi kompetenti, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri; |
25. |
Iqis li l-proċess tal-petizzjonijiet jista’ jagħti kontribut pożittiv għal tfassil aħjar tal-liġijiet; ifakkar mill-ġdid li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħa attiva u diretta tal-Parlament fl-iffurmar, ir-reviżjoni u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-UE se tiżdied ħafna; jinnota, barra minn hekk, li t-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat; |
26. |
Jinnota li m’hemmx entità unika responsabbli sabiex issegwi l-ilmenti taċ-ċittadini mill-bidu sal-aħħar minħabba li dawn jiġu sottomessi permezz ta’ diversi mezzi; jitlob għal aktar koordinazzoni fost l-entitajiet differenti involuti: dawk li jirċievu kif ukoll dawk li jittrattaw l-ilmenti taċ-ċittadini; |
27. |
Jitlob lis-SOLVIT biex jinkludi, fis-sit elettroniku tiegħu, link għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament kif ukoll għall-Kumitati kkonċernati tal-parlamenti nazzjonali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jibagħtu petizzjoni lill-Parlament bħala mezz li bih jiksbu rimedji li mhumiex ġudizzjarji kif ukoll soluzzjonijiet permezz tal-proċess politiku u leġiżlattiv; |
28. |
Jappoġġja, barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ sit elettroniku komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej maħsub biex jgħin liċ-ċittadini u jirriferihom b’mod dirett lill-istituzzjoni jew lill-entità kompetenti biex jittrattaw l-ilment tagħhom; |
29. |
Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew ħalli jieħdu inizzjattivi biex jagħmlu sforzi ħalli jqajmu kuxjenza dwar is-SOLVIT fost il-mambri tal-parlamenti nazzjonali pereżempju billi jippreżentaw il-kisbiet tas-SOLVIt fil-laqgħat tal-COSAC; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom iktar fil-promozzjoni tas-SOLVIT fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw seduta ta’ smiegħ maċ-ċentri tas-SOLVIT ħalli jiddeterminaw l-aqwa prattika u l-ostakli eżistenti fil-funzjonament taċ-ċentri bil-għan li l-amministrazzjoni u r-rutini tax-xogħol isiru iżjed effiċjenti; |
30. |
Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-persunal taċ-ċentri tas-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha disponibbli, inklużi arranġamenti ta’ finanzjament alternattiv, ħalli jibnu l-kapaċità amministrattiva fil-ministeri governattivi rispettivi b’mod proporzjonat għall-popolazzjoni tal-pajjiż u skont l-għadd ta’ każijiet li ġew ittrattati fl-imgħoddi; |
31. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw u janalizzaw flimkien il-kawżi tar-rati baxxi ta’ suċċess ta’ ċerti ċentri tas-SOLVIT, kif ukoll il-kawżi taż-żmien relattivament twil li jittieħed biex jiġu ttrattati l-każi, ħalli tiġi pprovduta informazzjoni siewja għat-tfassil ta’ strateġija aħjar għas-soluzzjoni tal-problemi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji fis-suq intern; |
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rapporti annwali dwar is-SOLVIT li jkun fihom ħafna iżjed tagħrif dettaljat u data statistika, li għandhom jippermettu wkoll li ssir valutazzjoni tal-effikaċja ta’ kull ċentru nazzjonali, minħabba li nkella jkun diffiċli li jsiru valutazzjonijiet fit-tul tax-xejriet u li jiġu proposti miżuri b’miri speċifiċi bil-għan li jsir titjib fis-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali; |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq portal tal-Internet uniku għaċ-ċentri kollha tas-SOLVIT b’indirizz li jkun jista’ jinstab b’mod kemm jista’ jkun faċli (www.solvit.eu); huwa tal-fehma, fl-istess waqt, li titjib notevoli fil-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT fuq l-Internet huwa essenzjali, u li għal dan il-għan, għandu jsir użu kemm mis-siti tan-netwerking soċjali u kemm mill-magni tat-tiftix; |
34. |
Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ każijiet li jinvolvu individwi u tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-intitolamenti soċjali jew ta’ residenza, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b’mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa’ l-kampanji ta’ informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijiet ta’ persuni li jgħixu barra pajjiżhom u l-konsulati tal-Istati Membri; |
35. |
Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ każijiet li jinvolvu l-imprendituri, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b’mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa’ l-kampanji ta’ informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijet Ewropej u nazzjonali tan-negozji, b’enfasi partikulari fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju; |
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex bħala kwistjoni ta’ prijorità tiffinalizza l-proġett tas-Servizzi ta’ Assistenza dwar is-Suq Uniku għas-simplifikazzjoni tal-informazzjoni, servizzi ta’ assistenza għall-għoti ta’ pariri u s-soluzzjoni ta’ problemi, u biex dawn isiru aktar aċċessibbli u iżjed effettivi; |
37. |
Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jikkopera iżjed mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT, u biex bla dewmien u burokrazija jgħaddi liċ-ċentru tas-SOLVIT kompetenti dawk l-ilmenti li jaslulu u li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tiegħu, meta l-ilmenti jkollhom x’jaqsmu mas-suq intern u jkunu jistgħu jaqgħu fl-ambitu tas-SOLVIT; Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proċedura mħaffa ta’ ksur tat-Trattat jekk ilment tas-SOLVIT li ma jkunx ġie solvut juri, a prima facie, ksur tal-liġi Komunitarja; |
*
* *
38. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) COM(2001)0702.
(2) ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.
(3) ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47.
(4) SEC(2005)0985.
(5) SEC(2008)1882.
(6) SEC(2009)1007.
(7) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 80.
(8) Testi Adottati, P6_TA(2008)0421.
(9) SEC(2009)0142.
(10) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
(11) Dokument tal-Kunsill 13024/09.
(12) SEC(2009)0881.
(13) SEC(2009)0882.